Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2139(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0070/2015

Testi mressqa :

A8-0070/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0130

Testi adottati
PDF 463kWORD 125k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-aġenziji tal-UE
P8_TA(2015)0130A8-0070/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013: prestazzjoni, ġestjoni u kontroll finanzjarju (2014/2139(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2014)0607), u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2014)0285, SWD(2014)0286),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi tal-Qorti tal-Awdituri(1) dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0070/2015),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull entità, skont is-sens tal-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-osservazzjonijiet orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta’ kwittanza skont l-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament;

B.  billi kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta’ aġenziji matul dawn l-aħħar għaxar snin, minn tlieta fis-sena 2000 għal 32 fl-2013;

1.  Itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett tagħhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-awtonomija tal-aġenziji, b’mod partikolari tal-aġenziji regolatorji u dawk bil-funzjoni ta’ ġbir indipendenti ta’ informazzjoni; ifakkar li r-raġuni ewlenija għat-twaqqif tal-aġenziji kienet għall-għan li jitwettqu valutazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi indipendenti; jirrimarka li r-rwol tal-aġenziji deċentralizzati huwa li jgħinu lill-Kummissjoni timplimenta l-politiki tal-Unjoni f'isem l-Unjoni stess; jistieden lill-Kummissjoni u lin-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni (“in-Netwerk”) biex itejbu l-politiki ta’ komunikazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-aġenziji jikkomunikaw b’mod effettiv maċ-ċittadini, sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-produttività u l-kisbiet;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-aġenziji fl-appoġġ tal-politiki tal-Unjoni; jitlob li dan l-għarfien espert u din il-kapaċità jintużaw b'mod aktar wiesa' fl-istadji rilevanti tal-proċess ta' politika tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-kontribut tal-aġenziji fil-ħidma lejn l-ilħuq tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jagħraf li nħolqu għadd kbir ta' aġenziji fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, iżda jfakkar fl-importanza tal-missjonijiet li jwettqu u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini; jenfasizza li l-aġenziji l-ġodda kollha twaqqfu bħala rispons għal ħtieġa reali; jinnota li xi aġenziji fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma operattivi u li l-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom tiddependi wkoll minn fatturi esterni;

4.  Iqis li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli tgħin biex tiżgura li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali;

5.  Jinnota mis-sommarju tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-awditi annwali tagħha tal-2013 tal-Aġenziji Ewropej u korpi oħra (is-"Sommarju tal-Qorti") li l-baġit 2013 tal-aġenziji ammonta għal madwar EUR 2 biljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 25 % meta mqabbel mal-2012 u madwar 1,4 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota li din iż-żieda tirriżulta l-aktar mill-aġenziji stabbiliti reċentement u minn responsabbiltajiet ġodda għal xi aġenziji; josserva mis-sommarju tal-Qorti li l-aġenziji jimpjegaw madwar 6 500 uffiċjal permanenti u temporanji li jirrappreżentaw 14 % tat-total tal-uffiċjali tal-Unjoni awtorizzati taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, li madwar 2 900 kuntratt jew persunal issekondat qed jaħdmu għall-aġenziji;

6.  Ifakkar li r-riskju għar-reputazzjoni relatata mal-aġenziji huwa għoli għall-Unjoni, għaliex dawn għandhom influwenza sinifikanti fuq il-politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet u fuq l-implimentazzjoni tal-programmi f’oqsma ta’ importanza vitali għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

7.  Jinnota li l-prinċipju ta’ “valur għall-flus” jgħodd ukoll għal aġenziji u li dawn għandhom juru li l-prestazzjoni tagħhom hija effettiva, filwaqt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar ir-riżultati tal-attivitajiet tal-aġenziji; jitlob lin-Netwerk iżomm lill-awtorità ta’ kwittanza informata sew dwar l-użu u l-valur miżjud ta’ sett komuni ta’ prinċipji u manwali dwar sistemi u oqfsa ta' kejl tal-prestazzjoni u d-dokumenti ta’ programmar multiannwali u annwali, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, ir-rappurtar u għodod ta’ l-evalwazzjoni;

Approċċ komuni u pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

8.  Ifakkar li f’Lulju 2012, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati (l-"Approċċ Komuni"), ftehim politiku dwar il-ġestjoni futura u r-riforma tal-aġenziji; jieħu nota li l-Kummissjoni hija responsabbli għas-segwitu ta’ dan il-Ftehim;

9.  Jilqa’ l-"Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE" (il-"Pjan Direzzjonali") stabbilit f’Diċembru 2012 u jistieden lill-partijiet kollha involuti biex ikomplu jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tal-ideat espressi fih; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni stabbilixxiet fil-pjan direzzjonali tagħha pjan dettaljat ta’ kif isir is-segwitu għall-Approċċ Komuni u elenkat 90 kwistjoni li għalihom kienet meħtieġa azzjoni mill-atturi kollha involuti;

10.  Jirrikonoxxi r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni, l-aġenda tiegħu għall-2013 u lil hinn kif ukoll l-isforzi li saru b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-aġenziji deċentralizzati li rriżultaw fil-progress dimostrabbli; jilqa' f'dan ir-rigward il-kjarifika tal-modalitajiet u r-rwoli tal-funzjonijiet ta' kontroll intern u s-servizzi tal-awditjar intern tal-aġenziji fir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas rivedut(6) (FFR), kif ukoll fil-linji gwida għall-istrateġiji kontra l-frodi tal-aġenziji elaborati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi.

11.  Jirrikonoxxi, min-naħa tan-Netwerk, li l-aġenziji għamlu progress tajjeb f’termini ta’ implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-Approċċ Komuni; jirrikonoxxi barra minn hekk li, skont l-istħarriġ li n-Netwerk nieda fost l-aġenziji suġġetti għall-Pjan Direzzjonali, ir-rata ta' tlestija ta’ azzjonijiet tal-pjan direzzjonali relevanti għall-aġenziji hija ta’ 96 %;

12.  Jieħu nota li s-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw dispożizzjonijiet standard li jinkludu dispożizzjonijiet legali xierqa li jirriflettu l-prinċipji miftiehma fl-Approċċ Komuni, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra normalment parti mill-atti kostituttivi tal-aġenziji; jirrikonoxxi li dawn id-dispożizzjonijiet standard huma użati bħala punt ta’ referenza meta jinħolqu aġenziji ġodda jew meta l-atti kostituttivi eżistenti jiġu riveduti;

13.  Jinnota li fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tal-aġenziji, il-Kummissjoni elaborat linji gwida b’dispożizzjonijiet standard għal ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-aġenziji deċentralizzati u l-Istati Membri ospitanti; jinnota bi tħassib li 10 aġenziji għad m'għandhomx ftehim dwar il-kwartieri ġenerali; iħeġġeġ dawn l-aġenziji biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali b’mod effettiv u bħala prijorità sabiex tiżdied l-effiċjenza u jiġu ffrankati l-ispejjeż; jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nuqqas ta' ftehimiet tal-kwartieri ġenerali jista' jkollu implikazzjonijiet serji għall-persunal tal-aġenziji u jistieden lill-Istati Membri biex jikkonkludu l-ftehimiet qabel il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza li jmiss;

14.  Iqis li jeħtieġ li titwettaq valutazzjoni serja biex tevalwa l-possibbiltà li ssir fużjoni ta’ aġenziji li jwettqu kompiti simili, mhux biss biex tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi iżda wkoll biex tinħoloq massa kritika li tagħmel l-aġenziji verament effettivi;

15.  Jaċċerta ruħu li l-Kummissjoni tejbet is-servizz tagħha għall-aġenziji kemm fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi permezz tal-użu tal-informazzjoni u s-suġġerimenti pprovduti min-Netwerk; jinnota li fil-kuntest ta’ riżorsi finanzjarji u umani limitati, dan it-titjib wassal biex jitqiesu miżuri strutturali possibbli intiżi biex jirrazzjonalizzaw il-funzjonament tal-aġenziji; Jinnota li dawn il-miżuri diġà pproduċew riżultati bħal kondiviżjoni tas-servizzi bejn l-aġenziji u jinkoraġġixxi lill-aġenziji biex ikomplu dawn l-isforzi;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

16.  Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità hu wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabbiltà, flimkien mal-unità u l-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-aġenziji deċentralizzati xi kultant ma jikkonformawx bis-sħiħ ma’ dak il-prinċipju; jistieden lill-aġenziji sabiex jiġu minimizzati l-iżbalji f’dan ir-rigward;

17.  Jinnota mis-sommarju tal-Qorti li livell għoli ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati jibqa’ l-aktar kwistjoni frekwenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja u li din il-kwistjoni kienet tikkonċerna 24 aġenzija; jirrikonoxxi li l-livell għoli ta’ riporti jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità;

18.  Jieħu nota li f’seba’ każijiet, il-Qorti tal-Awdituri xorta nnotat livell għoli ta’ kanċellazzjonijiet ta’ riporti minn snin preċedenti; josserva li tali riporti jindikaw li l-approprjazzjonijiet riportati saru fuq il-bażi ta’ ħtiġijiet stmati b'mod eċċessiv jew ma kinux altrimenti ġustifikati; jistieden lill-aġenziji jagħmlu kulma jistgħu, u b'mod speċjali jimplimentaw proċessi mtejba ta' ppjanar baġitarju, ħalli fil-futur jipprevjenu riporti, b’mod partikolari b'konċentrazzjoni fuq dawk l-aġenziji, li kkanċellaw riporti minn snin preċedenti;

19.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni adottat il-FFR fit-30 ta' Settembru 2013 bil-għan li jiġu ssimplifikati r-regoli applikabbli għall-aġenziji;

20.  Jinnota li sabiex tiġi żgurata koerenza u komparabbiltà aħjar bejn id-dokumenti prodotti mill-aġenziji, il-Kummissjoni qed taħdem flimkien magħhom dwar il-linji gwida għad-dokument ta’ pprogrammar, li tikkonsisti f’komponent annwali u multiannwali, kif ukoll fuq mudell ta’ rapporti annwali tal-attività konsolidati (RAA) adattati għar-rekwiżiti stabbiliti mill-FFR;

21.  Jinnota li l-FFR jipprevedi RAA ikkonsolidat li jrid jintbagħat sal-1 ta' Lulju ta’ kull sena lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-awtorità ta’ kwittanza li jikkombina l-informazzjoni mir-RAA, rapporti ta’ awditjar interni u esterni kif ukoll rapporti finanzjarji skont ir-regolament finanzjarju ta’ qafas preċedenti; jinnota li r-rapporti ta’ kwittanza jibqgħu separati minħabba n-natura speċifika tagħhom u d-destinatarji tal-kontijiet proviżorji;

22.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li fil-każ tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Frontex, il-Qorti tal-Awdituri għad trid toħroġ opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tagħhom; huwa mħasseb li għad hemm għadd kbir (97) ta’ kummenti mill-Qorti tal-Awdituri li jaffettwaw 35 aġenzija; iħeġġeġ lin-Netwerk biex jara li l-aġenziji kkonċernati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jieħdu azzjoni fuq l-osservazzjonijiet tal-Qorti;

Il-kooperazzjoni fost l-aġenziji - servizzi komuni u ta’ sinerġiji

23.  Jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-postijiet ġeografiċi ta’ aġenziji, li ħafna minnhom jinsabu 'l bogħod minn istituzzjonijiet Ewropej oħra; huwa tal-opinjoni li għall-ħarsien tal-indipendenza tal-aġenziji, id-distanza ġeografika mhix meħtieġa, u lanqas ma hija fiha nnifisha salvagwardja kontra interferenzi mhux mixtieqa jew mingħand il-Kummissjoni jew l-Istati Membri, iżda fil-każijiet kollha li ġġib magħha spejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar, u tagħmilha aktar diffiċli li wieħed jibbenefika mis-sinerġiji, bħal aktar servizzi amministrattivi u finanzjarji ċentralizzati kondiviżi minnhom kollha jew minn għadd ta’ aġenziji;

24.  Jinnota li l-aġenziji kollha eżaminaw il-proċessi amministrattivi interni tagħhom skont ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti mill-awtorità ta’ kwittanza; jinnota, barra minn hekk, li numru ta’ aġenziji diġà għandhom valutazzjoni tal-proċessi regolari mwettqa skont Ċertifikazzjoni ISO (ISO 9001) kif ukoll awditi mwettqa mill-kwalità tagħhom u d-dipartimenti tal-awditjar interni; jirrikonoxxi l-fatt li xi aġenziji kkuntrattaw l-assistenza ta’ konsulenti biex iwettqu evalwazzjoni tal-proċessi amministrattivi interni tagħhom;

25.  Jilqa’ l-fatt li l-FFR jipprevedi l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni jew trasferiment ta’ servizzi fejn il-kosteffiċjenza tista’ tinkiseb; ifakkar li l-aġenziji diġà jfittxu sinerġiji, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkondividu s-servizzi għall-operazzjoni effiċjenti tagħhom u sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tagħhom; jirrikonoxxi l-evoluzzjoni ta’ kooperazzjoni tal-aġenziji bejniethom li se jintensifikaw aktar fis-snin li ġejjin u biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jwettqu l-objettivi tagħhom; jinnota li 82 % tal-aġenziji ffirmaw memorandum ta’ qbil ma’ aġenziji oħra; jistieden lill-aġenziji biex ikomplu jespandu l-kooperazzjoni tagħhom li diġà hija stabbilita sew u s-servizzi kondiviżi; jistieden lill-aġenziji sabiex ifittxu b’mod proattiv iżjed kollaborazzjoni bejniethom sabiex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja ta’ xogħolhom;

26.  Jirrikonoxxi mill-aġenziji li nħolqot għodda tal-komunikazzjoni onlajn li sservi bħala pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni, l-għarfien u tal-aħjar prattiki fost l-aġenziji, u inkluż database ta’ servizzi kondiviżi f’diversi oqsma u referenzi għal inizjattivi ġodda; jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji qed tiżdied kontinwament fl-oqsma speċjalizzati rispettivi tagħhom u li, fil-futur qarib, 65 % tal-aġenziji jistennew li jikkonkludu inizjattivi ġodda u jiffirmaw memoranda ta’ qbil ġodda ma’ aġenziji oħra;

Prestazzjoni

27.  Jilqa’ l-fatt li kien hemm qbil dwar sett komuni ta’ prinċipji għal ġestjoni effiċjenti u effettiva orjentata lejn ir-riżultati, kif ukoll linji gwida komuni dwar is-sistemi ta’ kejl tal-prestazzjoni, dokumenti ta' programmazzjoni multiannwali u annwali u r-rappurtar u l-għodod ta’ evalwazzjoni; jenfasizza li huwa importanti li n-Netwerk isir membru tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar il-Prestazzjoni il-ġdid biex jitħeġġeġ fehim komuni tal-kunċett ta’ prestazzjoni tajba u mtejba; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi evalwazzjoni tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-aġenziji qabel ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-2016;

28.  Huwa tal-opinjoni li t-tendenza li r-rapportar jiffoka aktar fuq l-effikaċja u r-riżultati milħuqa hija waħda pożittiva; jitlob li tissaħħaħ aktar is-sistema ta' rapportar f'dan ir-rigward sabiex titjieb ir-responsabbiltà demokratika tal-aġenziji;

Il-ġestjoni tar-riżorsi umani

29.  Jinnota li, f’Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni(7) li tistabbilixxi l-ipprogrammar ta’ riżorsi umani u finanzjarji għall-aġenziji deċentralizzati għall-perjodu 2014-2020, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-riżorsi mar-restrizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mill-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

30.  Jikkonstata min-Netwerk li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà implimentaw, minkejja li dan għamluh b'diffikultà kbira, it-tnaqqis mitlub fil-persunal ta’ 5 % fil-pjanijiet pluriennali dwar l-organigrammi ta’ politika tal-persunal rispettivi tagħhom jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta’ ridistribuzzjoni addizzjonali ta’ 5 % tal-persunal , biex b’hekk effettivament imponiet tnaqqis addizzjonali fl-organigrammi tal-aġenziji u marret lil hinn mill-mira miftiehma ta’ 5 %;

31.  Jirrikonoxxi min-Netwerk li xi aġenziji diġà qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji biex jaqdu l-mandati tagħhom bir-riżorsi limitati li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom; jinnota bi tħassib li l-aġenzija se jsibuha diffiċli li jipprovdu l-istess livell ta’ kwalità tax-xogħol jekk dan il-proċess ta’ tnaqqis addizzjonali tal-persunal ikompli, peress li l-Unjoni qed tafda f'idejhom għadd dejjem akbar ta’ kompiti u responsabbiltajiet; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-pjan tagħha rigward it-tnaqqis addizzjonali fil-persunal u li tadattah skont il-volum tax-xogħol u d-domanda għar-riżorsi ta' kull aġenzija;

32.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proċedura tal-baġit li l-persunal iffinanzjat minn ħlasijiet magħmula mill-industrija, u konsegwentement mhux iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, m'għandux jintlaqat mit-tnaqqis annwali ta' 1 % applikat mill-Unjoni; iqis li l-Kummissjoni għandha tittrattabħala każ separat dawk l-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-baġit tal-Unjoni, u tressaq qafas speċifiku għal dawk l-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-industrija, li għandu jkun proporzjonali għas-servizzi mogħtija mill-aġenzija kkonċernata;

33.  Hu tal-fehma li, b'mod ġenerali, għandu jsir titjib fil-proċeduri tar-reklutaġġ u, fost l-oħrajn, b'fokus fuq it-trasparenza tagħhom;

34.  Jinnota li n-Netwerk qabel li jistabbilixxi grupp ta’ investigaturi ta’ bejn l-aġenziji sabiex iwettqu investigazzjonijiet dixxiplinari; jirrikonoxxi li l-kandidati nnominati mill-aġenziji se jipparteċipaw f’azzjoni ta’ taħriġ speċifiku għal dan l-għan li jitwettaq mill-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni;

Kooperazzjoni tan-netwerk mal-Parlament

35.  Huwa sodisfatt bil-kooperazzjoni tan-Netwerk mal-kumitat Parlamentari responsabbli u jinnota d-disponibbiltà u l-ftuħ tad-diretturi tal-aġenziji kkuntattjati mill-kumitat fil-qafas tal-proċedura annwali ta’ kwittanza; jistieden lin-netwerk u l-aġenziji individwali biex ikomplu jespandu l-komunikazzjoni u koperazzjoni tagħhom mal-Parlament lil hinn mill-proċedura ta’ kwittanza;

Kunflitti ta’ interess u trasparenza

36.  Josserva li, wara l-azzjoni tal-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni ppubblikat il-"Linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-aġenziji deċentralizzati tal-UE" (il-"Linji gwida") f’Diċembru 2013; Jinnota li dawn il-Linji gwida jinkludu dispożizzjonijiet dwar pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interessi għall-membri tal-bord ta' tmexxija, id-diretturi eżekuttivi, l-esperti f’kumitati xjentifiċi jew korpi u persunal oħra bħal dawn; jinnota, barra minn hekk, li l-Linji gwida jipprovdu referenza ċara għall-politiki adottati mill-aġenziji; jinnota li għadd ta’ aġenziji ħarġu jew aġġornaw il-politiki tagħhom dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess biex jirriflettu l-Linji gwida;

37.  Jinnota li l-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti fuq l-aġenziji u jappella lill-Kummissjoni biex teżamina kif aktar ftehimiet vinkolanti mal-aġenziji jistgħu jiġu konklużi biex tkun promossa t-trasparenza u biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess;

38.  Jirrikonoxxi mill-aġenziji li l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi Ewropej hija tal-ogħla importanza; jinnota li l-aġenziji introduċew għadd ta’ miżuri u għodod konkreti sabiex jiġu indirizzati b’mod adegwat ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess attwali u perċepiti; jinnota li 88 % tal-aġenziji diġà adottaw politiki rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, filwaqt li t-12 % li jifdal huma fil-proċess li jagħmlu dan; jinnota li l-politiki ta’ 81 % tal-aġenziji jikkunsidraw l-esperti nazzjonali sekondati, u l-persunal estern u interim;

39.  Jinnota, madankollu, li għadd ta’ aġenziji għadhom jesperjenzaw diffikultajiet bl-implimentazzjoni ta’ politiki tal-indipendenza tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal tal-gruppi ta’ esperti u panils xjentifiċi u kumitati; jirrakkomanda lill-agenziji li jindirizzaw din il-kwistjoni flimkien mal-Kummissjoni, b’kont meħud ukoll tar-rakkomandazzjonijiet imqajma mill-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew (OI/6/2014/NF) li bdiet fit-12 ta’ Mejju 2014, deskritta f’ittra lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni;

40.  Jinnota li 61 % tal-aġenziji diġà ppubblikaw s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord ta’ tmexxija tagħhom, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti esterni u interni fuq il-websajt tagħhom; jirrikonoxxi li l-aġenziji li jifdal qablu li jippubblikaw l-istess informazzjoni fuq l-adozzjoni ta’ politika riveduta u jistenna li dawn l-aġenziji jadottaw politika riveduta u jippubblikaw din l-informazzjoni mingħajr dewmien bla bżonn;

41.  Jinnota li l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal estern u interim mhumiex speċifikament imsemmija fil-linji gwida u li, speċjalment fil-każ tal-hekk imsejħa esperti indipendenti, għad hemm lok għal interpretazzjoni, pereżempju, fil-każ ta’ akkademiċi li impenjaw irwieħhom ukoll għar-riċerka għal kumpaniji individwali jew il-komunità tan-negozju b’mod ġenerali; jistieden lin-Netwerk sabiex jiżgura approċċ armonizzat f’dan ir-rigward, li jipprevjeni wkoll kwalunkwe kunflitt ta’ interess indirett;

42.  Jirrikonoxxi li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) elabora linji gwida għal strateġiji kontra l-frodi tal-aġenziji u li qies il-kontribuzzjoni tal-aġenziji meta jkun qed jagħmel dan; jinnota li l-OLAF ta appoġġ lill-aġenziji biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-linji gwida;

43.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tagħti segwitu dwar ir-Rapport Speċjali tagħha Nru 15/2012 “Il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess f’Aġenziji magħżula tal-UE”;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni regolari tat-trasparenza u l-integrità tal-aġenziji u sabiex ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni jsiru pubblikament disponibbli;

Viżibbiltà

45.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ viżibbiltà u responsabbiltà demokratika tal-aġenziji, billi dawn ġeneralment ma tantx huma magħrufin maċ-ċittadini u huma vulnerabbli fir-rigward ta’ influwenzi esterni minn lobbyists speċjalizzati, b’mod partikolari minn dawk li jirrappreżentaw negozji kbar;

46.  Jirrikonoxxi li fl-2014, kważi l-aġenziji kollha inkludew fuq il-websajts tagħhom id-dikjarazzjoni li huma aġenziji tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-aġenziji li jifdal biex iżidu d-dikjarazzjoni bħala kwistjoni ta’ urġenza u jistieden lill-aġenziji jiżguraw li huma u l-ħidma tagħhom huma assoċjati mal-Unjoni;

47.  Jilqa' l-inizjattiva ta' ftit mill-aġenziji li jintroduċu l-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ftit mill-politiki tagħhom; jistieden lill-aġenziji biex ikomplu b’din il-prattika;

48.  Jinnota li, f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltà soċjali, il-kuntratti kollha ffirmati mill-aġenziji għas-servizzi esterni jorbtu lill-kuntratturi biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni lokali tat-taxxa u tax-xogħol; jirrikonoxxi li l-aġenziji impenjaw ruħhom ukoll għal aktar azzjonijiet li jippromwovu r-responsabbiltà soċjali, jew minħabba l-profil soċjali tal-missjonijiet speċifiċi tagħhom jew fir-rigward tal-komunitajiet lokali li fihom huma bbażati;

49.  Jinnota b’mod partikolari l-azzjonijiet li ġejjin:

   l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini qed tippubblika proporzjon ferm kbir tal-produzzjoni tagħha fuq il-websajt tagħha, sabiex ittejjeb l-informazzjoni pubblika u l-kuxjenza,
   iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali qed tappoġġa b’mod attiv il-muniċipalità ta’ Thessaloniki fl-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet biex jidentifika u jqabbel il-ħiliet fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll iqassam mill-ġdid it-tagħmir tal-IT deklassifikat tiegħu fl-iskejjel lokali u karitajiet abbażi ta’ proċess ta’ applikazzjoni u allokazzjoni trasparenti,
   il-programm innovattiv tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ dwar l-attivitajiet tal-midja soċjali matul is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali fl-2010 rebaħ premijiet internazzjonali u tali approċċ partiċipattiv kompla nxtered fost l-attivitajiet tiegħu;

50.  Jinnota li aġenzija waħda biss, iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), tippubblika l-RAA tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, filwaqt li tliet aġenziji jittraduċi sommarji tal-RAA tagħhom fi 23 lingwa uffiċjali, bil-Gaeliku li huwa l-eċċezzjoni;

51.  Jinnota li taħt it-tmexxija tas-CdT, in-Netwerk wettaq stħarriġ dwar approċċi tal-aġenziji għall-multilingwiżmu; jinnota li dan l-istħarriġ juri varjazzjonijiet kbar fl-approċċi attwali għall-multilingwiżmu u josserva li, peress li kull aġenzija għandha udjenzi fil-mira differenti, it-talbiet tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll il-baġits u l-iskali differenti, ma jistax ikun hemm politika ta' "qies wieħed għal kulħadd" fir-rigward tal-ilsna għall-aġenziji kollha;

52.  Jirrikonoxxi madankollu li l-aġenziji kollha qed jaħdmu favur l-applikazzjoni ta' prattika ta’ multilingwa fil-preżenza onlajn tagħhom u qed jimmiraw biex ikollhom tal-inqas sezzjoni jew dokument fil-websajt tagħhom li jipprovdi informazzjoni bażika dwar l-aġenzija fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jirrimarka li għalkemm approċċ multilingwi jeħtieġ impenn finanzjarju sinifikanti, hemm il-ħtieġa li l-aġenziji jieħdu azzjoni immedjata f’dan il-qasam;

53.  Jinnota li r-riżultati tal-ħidma tal-aġenziji huma disponibbli pubblikament permezz tal-inklużjoni tal-RAA tagħhom fuq il-websajts tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li partijiet tal-RAA jinkludu deskrizzjonijiet li jispjegaw f’termini aċċessibbli kif il-fondi tal-Unjoni huma użati fil-baġit tal-aġenziji; josserva li l-parti l-kbira tal-aġenziji jipproduċu rapporti relatati mal-impatt tal-kompiti speċifiċi tagħhom fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u li jispjegaw għaliex il-ħidma tagħhom hija importanti;

54.  Jinnota li ħafna aġenziji saħħew il-preżenza onlajn tagħhom, u għamlu sforzi sostanzjali biex iżidu l-viżibbiltà tagħhom and jilqa' l-approċċ proattiv f’dan ir-rigward; ikompli jistieden lill-aġenziji biex iżidu l-viżibbiltà tagħhom permezz ta' għodod oħrajn bħalma huma n-netwerks soċjali, il-jiem għall-pubbliku, il-preżenza fil-fieri u għodod simili oħrajn sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej ikunu infurmati tajjeb b’mod trasparenti dwar il-ħidma tal-aġenziji;

Kontrolli interni

55.  Josserva li 10 aġenziji kellhom b’kollox 17-il kumment relatat ma’ kwistjonijiet ta’ kontroll intern, li jirrappreżentaw progress meta mqabbel mal-2012, fejn 22 Aġenzija kellhom 34 kumment rigward l-istess kwistjonijiet; jinnota li f’erba’ każijiet dawk il-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern li ma ġewx adottati fi tmiem is-sena jew adottata imma implimentati parzjalment biss, jew għal liema azzjonijiet korrettivi kienu għadhom għaddejjin; jinnota li l-kummenti rigward il-ġestjoni tal-assi fissi u l-ġestjoni tal-għotjiet naqas meta mqabbel mal-2012;

56.  Jinnota li r-rwoli tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u l-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern tal-aġenziji (IACs) ġew iċċarati aktar mill-FFR billi ġie stabbilit il-post għall-koordinazzjoni msaħħa tal-ħidma, l-iskambju ta’ informazzjoni u s-sinerġiji globali bejniethom; jinnota li l-FFR jagħti lill-Aġenziji l-possibbiltà li jikkondividu l-IACs tagħhom u jistedinhom jagħmlu dan, fejn ikun possibbli;

57.  Jistieden b'mod ġenerali lill-Qorti tal-Awdituri biex tiffoka aktar fuq l-awditjar tal-ġestjoni finanzjarja soda tal-aġenziji, jiġifieri l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja li biha l-aġenziji użaw l-approprjazzjonijiet tagħhom biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom;

Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

58.  Itenni li l-korpi tal-Unjoni li għalihom ir-regoli finanzjarji stabbiliti fil-FFR ma japplikawx għandhom jistabbilixxu, għal raġunijiet ta’ konsistenza, regoli simili, fejn xieraq(8); jenfasizza li l-bilanċi favorevoli attwali għandhom jiġu ttrattati mill-aktar fis possibbli, u għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ riallokazzjoni tal-flus lejn il-baġit tal-Unjoni, u jirreferi l-kwistjoni quddiem il-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar il-Prestazzjoni għall-konsiderazzjoni;

Kummenti oħra

59.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi magħmula mill-aġenziji biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-kosteffettività tal-ambjent tax-xogħol u kemm dan huwa favur l-ambjent; iħeġġeġ lill-aġenziji biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet kosteffettivi u favur l-ambjent fir-rigward tax-xogħol u l-ġestjoni tal-bini u biex iżidu l-utilità ta’ soluzzjonijiet diġitali bħal konferenzi bl-użu ta’ vidjows sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħrajn;

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji suġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(6) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013.
(7) COM(2013)0519.
(8) Attwalment is-CPVO (L-Uffiċċju Komunitarju dwar il-Varjetà tal-Pjanti) f’Angers u l-UASI (Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern) f’Alicante.

Avviż legali