Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2109(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0069/2015

Testi mressqa :

A8-0069/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.30
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0139

Testi adottati
PDF 439kWORD 94k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
P8_TA(2015)0139A8-0069/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2109(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0069/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 123.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 123.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2109(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0069/2015),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 123.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 123.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2109(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0069/2015),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ("iċ-Ċentru") għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 58 315 000, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 % meta mqabbel ma' dak għall-2012;

B.  billi l-kontribuzzjoni komplessiva tal-Unjoni għall-baġit taċ-Ċentru għall-2013 kienet tammonta għal EUR 56 727 000, li ma nbidlitx meta mqabbla ma' dik għall-2012, jisħaq fuq il-fatt li dan l-ammont jirrappreżenta 0,039 % tal-baġit komplessiv tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.  Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward tat-tliet kummenti li saru fir-rapport ta' kwittanza tal-2012, il-Qorti tnejn minnhom bħala "Mhux applikabbli" u wieħed bħala "Għadha għaddejja"; jikkonstata li l-kwistjoni li għadha għaddejja għandha x'taqsam ma' verifiki ex ante li ma ġewx sostnuti minn biżżejjed dokumentazzjoni rigward l-eliġibilità u l-preċiżjoni tal-ispejjeż iddikjarati; jikkonstata bi tħassib li ċ-Ċentru adotta strateġija ta' verifika ex post b'dewmien ta' għaxar xhur; jistenna li ċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta' kwittanza eżatt malli titlesta l-kwistjoni li għadha għaddejja;

2.  Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li:

   (a) il-verżjoni riveduta tal-politika ta' indipendenza komprensiva taċ-Ċentru, li kellha tiġi adottata mill-Bord tal-Amministrazzjoni taċ-Ċentru fl-2014, ġiet maqsuma f'politika li tapplika għall-esperti esterni u politika li tapplika għall-membri tal-persunal; jikkonstata li dawn il-politiki se jkunu lesti biex jiġu adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni taċ-Ċentru fl-2015; jappella liċ-Ċentru biex jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni tal-politiki msemmija hawn fuq;
   (b) is-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni, il-Forum Konsultattiv u l-maniġment superjuri tiegħu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-websajt taċ-Ċentru;
   (c) l-informazzjoni dwar l-impatt tal-attivitajiet tiegħu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni hija pprovduta fuq il-websajt taċ-Ċentru, permezz tal-pubblikazzjoni ta' diversi tipi ta' dokumenti, inklużi stqarrijiet għall-istampa, bullettini, ir-riżultati tar-riċerka xjentifika u rapporti speċifiċi;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

3.  Jikkonstata bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li, għalkemm iċ-Ċentru tejjeb il-ġestjoni tiegħu tal-proċeduri ta' akkwist, għal proċedura partikolari mnedija fl-2013, kien hemm informazzjoni konfliġġenti bejn l-avviż tal-kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti li setgħu affettwaw il-proċess kompetittiv u l-eżitu tal-proċedura; jirrikonoxxi li, b'segwitu għall-awditu tal-Qorti, iċ-Ċentru ħa azzjoni korrettiva immedjata u l-kuntratt qafas ġie kkanċellat;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jikkonstata li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 92,96 % li hi relattivament baxxa u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 74,14 %; jikkonstata bi tħassib li l-kanċellazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet dehru fit-titoli kollha tal-baġit u jindika li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament naqset bi 2,12 % meta mqabbla ma' dik tas-sena ta' qabel;

5.  Jaċċerta miċ-Ċentru li kien irriżerva fondi mill-baġit 2013 għal aġġustamenti retroattivi tas-salarji tal-persunal; jirrikonoxxi li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-aħħar trimestru tas-sena li ċ-Ċentru ma setax juża dawn il-fondi għal finijiet oħrajn;

6.  Jikkonstata li fl-2013, iċ-Ċentru kellu eżitu tal-baġit pożittiv li, wara li ġie miżjud mal-eżitu negattiv tas-snin preċedenti, irriżulta biex l-eżitu kellu bilanċ komplessivament pożittiv; jinnota li, b'riżultat ta' dan, fl-2014 għandhom jitħallsu lura lill-Kummissjoni EUR 2 012 975 fir-rigward tal-baġit 2013;

Impenji u riporti

7.  Jikkonstata bi tħassib li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien wieħed relattivament għoli, b'EUR 1 714 484 (26 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 7 907 139 (44 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali); jirrikonoxxi li, għat-Titolu II, ir-riporti kienu prinċipalment relatati mal-akkwist ta' ħardwer u softwer informatiċi, u mal-evalwazzjoni esterna li qed issir liċ-Ċentru; jieħu nota li, għat-Titolu III, ir-riporti fil-biċċa l-kbira kellhom x'jaqsmu ma' proġetti pluriennali u ma' oġġetti informatiċi li għalihom l-attivitajiet ġew implimentati u l-pagamenti saru skont il-ħtiġijiet operattivi;

8.  Jiddispjaċih li l-Qorti identifikat dgħufijiet fir-rigward tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni baġitarji għal-laqgħat operattivi, prinċipalment peress li ġew sopravvalutati l-livelli ta' attendenza u l-ispejjeż tal-lukandi u t-titjiriet; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, għal-linja rispettiva tal-baġit, 29 % tal-approprjazzjonijiet tal-2013 u 59 % tar-riporti mill-2012 ġew ikkanċellati, apparti li 38 % mill-approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 għal-laqgħat operattivi ġew riportati għall-2014; jappella liċ-Ċentru biex jirrispetta l-prinċipju baġitarju tal-annwalità u jtejjeb il-ġestjoni finanzjarja tiegħu f'dan ir-rigward;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

9.  Jikkonstata li għas-sena 2013, la l-kampjuni ta' tranżazzjonijiet u lanqas ir-riżultati tal-awditi ma wasslu għal kummenti dwar il-proċeduri ta' akkwist taċ-Ċentru fir-rapport tal-Qorti;

10.  Jieħu nota tal-inizjattiva taċ-Ċentru biex isaħħaħ il-qasam tal-akkwist billi jistabbilixxi t-Taqsima għall-Akkwisti u t-Taqsima għas-Servizzi Legali u biex jirristruttura l-attivitajiet tiegħu fl-oqsma tal-akkwist u l-finanzi;

11.  Jikkonstata li r-rapport tal-Qorti għall-2013 ma kien fih l-ebda kumment fir-rigward tal-proċeduri ta' reklutaġġ taċ-Ċentru;

12.  Jieħu nota li, kif previst fit-tabella tal-persunal, 190 kariga minn 198 imtlew sa tmiem l-2013; jirrikonoxxi t-titjib fir-rata ta' impjieg meta mqabbla ma' dik tal-2012;

Kontrolli interni

13.  Jieħu nota miċ-Ċentru li l-pjan ta' verifika ex post tal-għotjiet għall-2012 għadda minn dewmien u ngħaqad mal-pjan ta' verifika tal-għotjiet għall-2013; jirrikonoxxi li l-pjan ta' verifika tal-għotjiet għall-2013 qed jiġi implimentat bl-għajnuna ta' kumpanija esterna ta' awditjar, imqabbda skont il-kuntratt qafas tal-Kummissjoni għall-forniment ta' servizzi ta' għajnuna teknika fl-oqsma tal-awditjar u l-kontrolli; jappella liċ-Ċentru biex jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-awditi magħżula li jkunu qed jitwettqu skont il-pjan għall-2013;

Awditjar intern

14.  Jikkonstata li, fl-2013, is-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq valutazzjoni sħiħa tar-riskju li rriżultat fil-Pjan ta' Awditjar Strateġiku Intern tiegħu għaċ-Ċentru, u li telenka s-suġġetti proposti għall-awditjar fil-perjodu 2014-2016; jirrikonoxxi li ma sar l-ebda xogħol ta' awditjar ulterjuri mill-IAS;

15.  Jikkonstata li l-IAS ta segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu permezz ta' rieżami dokumentarju; jirrikonoxxi miċ-Ċentru li, fil-31 ta' Diċembru 2013, la kien hemm rakkomandazzjonijiet kritiċi u lanqas importanti ħafna li kienu għadhom pendenti;

o
o   o

16.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130.

Avviż legali