Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2114(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0095/2015

Testi mressqa :

A8-0095/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.53
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0162

Testi adottati
PDF 439kWORD 94k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (GSA)
P8_TA(2015)0162A8-0095/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2114(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tal-GNSS għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 318.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 318.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2114(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tal-GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2015),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 318.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 318.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2114(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2015),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 80 449 967, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 23,76 % meta mqabbel mal-2012,

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013 ammontat għal EUR 13 973 518, li jirrappreżenta żieda ta' 9,69 % meta mqabbel mal-2012,

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward ta' kumment wieħed li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkat bħala "Għadha għaddejja" fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u l-kumment huwa issa mmarkat bħala "Ikkompletata"; jinnota barra minn hekk li fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdet azzjoni korrettiva waħda u dak il-kumment issa huwa mmarkat bħala ''Ikkompletata'' filwaqt li l-ieħor huwa mmarkat bħala ''Mhux applikabbli'';

2.  Jiddispjaċih ferm dwar il-fatt li l-Aġenzija ma weġbitx għall-kwestjonarju tal-awtorità ta' kwittanza rigward il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi; jistieden lill-Aġenzija tadotta politika ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi bħala kwistjoni urġenti u sabiex tiżviluppa u timplimenta politiki u proċeduri komprensivi u indipendenti sa tmiem Settembru 2015; iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar u dwar il-perjodu stabbilit għat-tlestija tagħha;

3.  Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija għadha ma ppubblikat ebda CV u ebda Dikjarazzjoni ta' Interessi tad-Direttur Eżekuttiv, tal-Bord tal-Amministrazzjoni jew ta' maniġment superjuri minkejja r-rakkomandazzjoni tal-awtorità ta' kwittanza tal-2014; jistieden lill-Aġenzija tirrimedja din is-sitwazzjoni b'urġenza sa tmiem Settembru 2015;

4.  Jinnota li l-Aġenzija naqset milli twieġeb b'mod sodisfaċenti l-mistoqsija tal-awtorità ta' kwittanza dwar soluzzjonijiet li jkunu kosteffikaċi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fuq il-post tax-xogħol tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar din il-kwistjoni;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

5.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija hija inkarigata li torganizza u tmexxi l-isfruttament tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS); jinnota li abbażi ta' ftehim ta' delega mal-Kummissjoni, l-Aġenzija ffirmat kuntratt fl-2013 għall-isfruttament ta' EGNOS għall- perijodu mill-2014 sal-2021 għal ammont ta' xi EUR 588 miljun; jinsab imħasseb li għalkemm il-Qorti mhijiex qed tiddubita mill-kompetittività tal-proċedura, kriterju ta' eliġibbiltà li ġie applikat fl-ewwel fażi tal-proċedura ta' akkwist, li jeskludi applikazzjonijiet minn konsorzji, ma kienx f'konformità mar-regoli dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

6.  Jikkonstata li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2012 irriżultaw f'rata ġenerali ta' approprjazzjonijiet impenjati qrib il-100 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 80,53 %;

Impenji u riporti

7.  Jinnota bi tħassib li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (Nefqa amministrattiva) kien wieħed għoli, u li kien jammonta għal EUR 1 800 000 jew 52 %; jirrikonoxxi li l-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal dan il-livell għoli huma l-kuntratti speċifiċi ffirmati fl-aħħar tas-sena li jammontaw għal EUR 900 000, u dan minħabba li baġit emendatorju ġie approvat tard, f'Settembru 2013; jinnota barra minn hekk li madwar EUR 400 000 huma marbuta ma' servizzi fornuti iżda mhux fatturati fl-2013;

8.  Jesprimi diżappunt dwar il-ġestjoni fqira li rriżultat minn rata għolja ta' riporti ta' approprjazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu nota ta' dan u tirrimedja l-istrateġija ta' ġestjoni li wasslet għal dawn l-iżbalji serji;

Trasferimenti

9.  Jikkonstata li skont ir-rapport ta' attività annwali tal-Aġenzija kif ukoll ir-rapport tal-Qorti, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2013 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji tal-Aġenzija;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

10.  Jinnota li għall-2013, la l-kampjuni ta' tranżazzjonijiet u lanqas riżultati oħra tal-awditjar ma wasslu għal kummenti fir-rapport tal-Qorti dwar il-proċeduri ta' akkwist tal-Aġenzija;

11.  Jirrikonoxxi l-introduzzjoni ta' limitu ta' 65% bħala riżultat meħtieġ li kandidat irid jikseb biex jista' jkun mistieden għal intervista; jistieden lill-Aġenzija tikkunsidra s-sitwazzjoni fejn kandidat jew kandidati jkunu ġabu l-istess ammont ta' punti u jitlob lill-Aġenzija tfassal politika ċara biex tiddikjara l-eliġibbiltà tal-kandidati u tispeċifika l-għadd minimu u massimu ta' kandidati li se jkunu mistiedna għal intervista bi qbil ma' kriterji oġġettivi u trasparenti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tadotta dawk ir-regoli interni sa tmiem Settembru 2015 u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tas-segwitu;

12.  Jesprimi tħassib dwar is-setgħat diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra li jġiegħlu kandidat li jkun għadda li jersaq għat-tieni intervista; jistieden lill-Aġenzija tippubblika l-kriterji użati mill-Awtorità tal-Ħatra, li għandhom ikunu ċari u komprensivi, biex jiġġustifikaw l-organizzazzjoni tat-tieni intervista u l-ħatra uffiċjali ta' kandidat fuq il-lista ta' riserva għall-kariga;

Awditjar intern

13.  Jirrikonoxxi li fl-2013, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditjar f'konformità mal-Ippjanar Strateġiku tal-Awditjar tiegħu għall-2013-2015; jinnota barra minn hekk li l-IAS wettaq valutazzjoni tar-riskju operattiv li wassal għal Pjan Strateġiku għall-Awditjar Intern tal-IAS għall-Aġenzija, li jelenka s-suġġetti proposti għall-awditjar għall-2014-2016;

14.  Josserva li tul l-analiżi tar-riskji, l-IAS identifika ċerti proċessi ta' riskju inerenti għoli li ma setgħux jitqiesu li jistgħu jiġu awditjati fl-ambitu tal-pjan ta' awditjar, billi l-kontrolli kienu evalwati bħala assenti jew insuffiċjenti;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-IAS wettaq rieżami dokumentarju ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu; jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2013 la kien hemm rakkomandazzjonijiet "Ferm importanti" u lanqas "Kritiċi" li għadhom pendenti;

16.  Jirrikonoxxi li fl-2013 l-IAS wettaq awditjar dwar Il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Aġenzija; jieħu nota tal-fatt li dan kopra l-oqsma ewlenin tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, b'enfasi fuq ir-reklutaġġ, il-valutazzjoni u l-iżvilupp tal-persunal, is-superviżjoni u l-kontroll kif ukoll l-ippjanar u l-allokazzjoni tar-riżorsi; jaċċerta ruħu mill-IAS li s-sistema ta' ġestjoni u kontroll li hemm fis-seħħ fl-Aġenzija tipprovdi biżżejjed assigurazzjoni fir-rigward tal-konformità mal-qafas ġuridiku applikabbli u l-proċeduri interni;

Kummenti oħra

17.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Aġenzija fir-rigward tal-viżibbiltà u jinkoraġġixxiha tkompli tapplika dawk il-prattiki tajba;

o
o   o

18.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0130.

Avviż legali