Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/0255(APP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2015

Testi mressqa :

A8-0055/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 12
CRE 28/04/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.64
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0173

Testi adottati
PDF 358kWORD 97k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
P8_TA(2015)0173A8-0055/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)05342013/0255(APP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 86, 218, 263, 265, 267, 268 u 340 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0055/2015),

A.  billi dejta miġbura u analizzata mill-Kummissjoni wasslet għall-identifikazzjoni ta' suspetti ta' frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għal medja ta' madwar EUR 500 miljun fis-sena, għalkemm hemm raġunijiet tajba sabiex jitwemmen li madwar EUR 3 biljun kull sena jistgħu ikunu f'riskju ta' frodi;

B.  billi r-rata ta' tressiq ta' akkuża huwa baxx - madwar 31 % fit-tmien snin bejn l-2006 u l-2013 – imqabbel man-numru ta' rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) lill-Istati Membri; billi wieħed mill-għanijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa li jnaqqas dan id-distakk;

C.  billi huwa possibbli li xi Stati Membri jkunu anqas effettivi fid-detezzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bi ħsara għall-kontribwenti tal-Istati Membri kollha li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Unjoni;

D.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014, il-Parlament talab lill-Kunsill għal involviment estensiv fix-xogħol leġiżlattiv permezz ta' fluss kostanti ta' informazzjoni u permezz ta' konsultazzjoni kontinwa;

E.  billi ġuriżdizzjonijiet, tradizzjonijiet legali, sistemi tal-infurzar tal-liġi u sistemi ġudizzjarji differenti fl-Istati Membri m'għandhomx itellfu jew jimminaw il-ġlieda kontra l-frodi u r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

F.  billi t-terroriżmu huwa ffinanzjat ukoll mill-kriminalità organizzata, u l-gruppi kriminali jiġbru fondi permezz ta' frodi;

G.  billi l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti l-estensjoni tas-setgħat tal-UPPE biex jinkludu reati serji b'dimensjoni transfruntiera; billi din il-possibilità tista' titqies mill-Kunsill ladarba l-UPPE jkun stabbilit u jkun qed jiffunzjona tajjeb;

1.  Jafferma mill-ġdid ir-rieda qawwija tiegħu biex jindirizza l-prijoritajiet għall-istabbiliment tal-UPPE u biex jidentifika l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikun jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu;

2.  Itenni l-kontenut tar-rapport interim preċedenti tiegħu adottat permezz ta' riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2014, u jfittex li jissupplimentah u jaġġornah wara l-aħħar żviluppi fid-dibattitu tal-Kunsill;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura trasparenza u leġittimità demokratika billi jżomm lill-Parlament infurmat b'mod sħiħ u konsultat regolarment; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkunsidra l-fehmiet tiegħu kif jixraq, bħala prekundizzjoni biex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni għall-adozzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE;

4.  Ifakkar li l-UPPE għandu jkollu kompetenza fuq reati relatati mal-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; ifakkar, filwaqt li jikkunsidra dan kollu, li r-reati kriminali relevanti għandhom ikunu stabbiliti fid-direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF); jitlob lill-Kunsill, filwaqt li jirrikonoxxi l-progress magħmul mill-koleġiżlaturi fin-negozjati għall-adozzjoni tad-Direttiva PIF, iġedded l-isforzi tiegħu biex ifittex qbil dwar din id-direttiva għall-istabbiliment tal-UPPE;

5.  Jemmen li approċċ innovattiv huwa meħtieġ għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq il-qorti ta' dawk li jiffrodaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ġlieda kontra l-frodi, ir-rata tal-irkupru u l-fiduċja tal-kontribwenti fl-istituzzjonijiet tal-UE;

6.  Iqis kruċjali li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' UPPE uniku, b'saħħtu u indipendenti li jkun kapaċi jinvestiga, jipprosegwixxi u jressaq il-qorti dawk li jwettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u jemmen li kwalunkwe soluzzjoni aktar dgħajfa tkun telf għall-baġit tal-Unjoni;

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew indipendenti

7.  Jenfasizza li l-istruttura tal-UPPE għandha tkun interament indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet tal-UE u mħarsa mill-influwenza u l-pressjoni politika; jitlob, għaldaqstant, ftuħ, oġġettività u trasparenza fil-proċeduri tal-għażla u l-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew, tad-deputati tiegħu/tagħha, tal-Prosekuturi Ewropej u tal-Prosekuturi Ewropej Delegati; jemmen li, sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta' interess, il-kariga tal-Prosekutur Ewropew għandha tkun fuq bażi full-time;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-involviment tiegħu fil-proċeduri ta' ħatra tal-Prosekuturi Ewropej u jissuġġerixxi kompetizzjoni miftuħa għall-kandidati li jkollhom il-kriterji meħtieġa ta' integrità, professjonalità, esperjenza u ħiliet; jemmen li l-Prosekuturi Ewropej għandhom jinħatru mill-Kunsill u l-Parlament bi ftehim abbażi ta' lista mqassra mfassla mill-Kummissjoni, wara valutazzjoni minn panel ta' esperti indipendenti magħżulin minn fost imħallfin, prosekuturi u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta; il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jinħatar skont l-istess proċedura wara smigħ mill-Parlament;

9.  Jemmen li l-membri tal-Kulleġġ għandhom jitkeċċew biss wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fuq talba tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Parlament u/jew tal-Kap Prosekutur Ewropew;

10.  Jenfasizza li l-Istati Membri jkollhom jinvolvu korpi ġudizzjarji nazzjonali awtonomi fil-proċeduri ta' nomina tal-Prosekuturi Ewropej Delegati skont il-prattiki u l-liġijiet nazzjonali;

11.  Jilqa' d-dispożizzjoni li tinsab fit-test tal-Kunsill rigward rapport annwali lill-Istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiggarantixxi valutazzjoni kontinwa tal-attivitajiet imwettqa mill-korp il-ġdid; jitlob lill-Kunsill jiżgura li r-rapport annwali jkun fih, fost l-oħrajn, dettalji dwar ir-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkooperaw mal-UPPE;

Diviżjoni ċara ta' ġuriżdizzjoni bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali

12.  Jemmen li regoli li jirregolaw id-diviżjoni ta' ġuriżdizzjoni bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu definiti b'mod ċar sabiex jevitaw kull inċertezza jew miżinterpretazzjoni fil-fażi operazzjonali: l-UPPE għandu jkollu ġuriżdizzjoni biex jinvestiga u jipprosegwixxi r-reati li jikkostitwixxu frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali; jemmen li l-UPPE għandu l-ewwel jiddeċiedi jekk ikollux kompetenza qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali stess jibdew l-investigazzjonijiet tagħhom, bl-għan li jiġu evitati investigazzjonijiet paralleli li jkunu ineffiċjenti;

13.  Jinsisti li awtoritajiet nazzjonali li jwettqu investigazzjonijiet ta' reati li jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE għandhom ikunu obbligati jinfurmaw lill-UPPE dwar investigazzjonijiet tali; itenni l-ħtieġa li l-UPPE jkollu d-dritt li jmexxi investigazzjonijiet tali, fejn jiddetermina li dan ikun xieraq, sabiex l-indipendenza u l-effettività ta' dan l-Uffiċċju jkunu żgurati;

14.  Itenni li s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jiġu estiżi għal reati oħra għajr dawk li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni biss meta, b'mod kumulattiv:

   (a) il-kondotta partikolari tikkostitwixxi fl-istess waqt kemm reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll reati oħrajn; u
   (b) ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu predominanti u l-oħrajn ikunu sempliċement anċillari; kif ukoll
   (c) ir-reati l-oħrajn ma jkunux jistgħu jitressqu l-qorti u ma jkunux jistgħu jiġu penalizzati jekk ma jkunux tħarrku u tressqu għall-ġudizzju tal-qorti flimkien mar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Jemmen, ukoll, li f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-UPPE u l-awtoritajiet prosekutorji nazzjonali dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza, l-UPPE għandu jiddeċiedi, f'livell ċentrali, min għandu jinvestiga u jipprosegwixxi; jemmen, barra minn hekk, li d-determinazzjoni ta' kompetenza, skont dawn il-kriterji, għandha dejjem tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju;

Struttura effiċjenti għall-ġestjoni effettiva tal-każijiet

15.  Jinnota b'dispjaċir li l-għażla ta' struttura kolleġġjali qiegħda titqies mill-Istati Membri, minflok dik ġerarkika inizjalment proposta mill-Kummissjoni; f'dan ir-rigward, jemmen li d-deċiżjoni għall-prosekuzzjoni, l-għażla tal-ġuriżdizzjoni kompetenti, id-deċiżjoni ta' riallokazzjoni jew ta' twaqqigħ ta' każ u d-deċiżjoni dwar tranżazzjonijiet għandhom jittieħdu kollha f'livell ċentrali mill-Kmamar;

16.  Jissottolinja l-fatt li l-Kmamar għandu jkollhom rwol ewlieni fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet u ma jillimitawx l-attivitajiet tagħhom għal sempliċi funzjonijiet ta' koordinazzjoni, imma għandhom jissorveljaw ix-xogħol tal-Prosekuturi Ewropej Delegati fil-qasam;

17.  Huwa mħasseb dwar il-konnessjoni awtomatika bejn il-Prosekutur Ewropew fl-Uffiċċju Ċentrali u każ imressaq fl-Istat Membru tiegħu/tagħha, peress li dan jista' jagħti lok għal nuqqasijiet evidenti fejn tidħol l-indipendenza tal-prosekuturi u d-distribuzzjoni uniformi tal-każijiet;

18.  Jitlob, għaldaqstant, għall-organizzazzjoni razzjonali tal-volum tax-xogħol tal-Uffiċju fuq livell ċentrali; jinnota, f'dan ir-rigward, li s-sistema tal-allokazzjoni tal-każijiet fost il-Kmamar għandha ssegwi kriterji predeterminati u oġġettivi; jissuġġerixxi wkoll li fi stadju aktar avvanzat speċjalizzazzjoni speċifika tal-Kmamar tista' tkun prevista;

19.  Huwa konvint li l-għarfien, l-esperjenza u l-kompetenza meħtieġa tas-sistemi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi se jkunu garantiti wkoll mill-persunal tal-UPPE fl-Uffiċċju Ċentrali;

Miżuri investigattivi u ammissibilità tal-provi

20.  Jistieden lil-leġiżlatur jiżgura proċeduri simplifikati biex l-UPPE jikseb l-awtorizzazzjoni għal miżuri investigattivi f'każijiet transfruntiera, skont il-liġi tal-Istati Membri fejn il-miżura inkwistjoni tiġi eżegwita; ifakkar li l-koleġiżlaturi qablu dwar kriterji biex l-Istati Membri jitolbu miżuri investigattivi bbażati fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fid-Direttiva 2014/41/UE rigward l-Ordni tal-Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali; jemmen li l-istess kriterji għandhom japplikaw rigward miżuri investigattivi li għandhom jiġu awtorizzati mill-UPPE partikolarment rigward raġunijiet għal ċaħda;

21.  Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura l-ammissibilità tal-provi miġbura mill-UPPE b'rispett sħiħ għal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali relevanti madwar l-Unjoni, peress li dan hu kruċjali għall-effettività tal-prosekuzzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 6 tat-TUE, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

22.  Itenni l-ħtieġa li l-UPPE ifittex il-provi relevanti kollha, kemm jekk jakkużaw kif ukoll jekk jiskużaw; jinsisti, barra minn hekk, li huwa meħtieġ li persuni suspettati jew akkużati f'kull investigazzjoni mwettqa mill-UPPE jingħataw ċerti drittijiet dwar il-provi, b'mod partikolari:

   (a) Il-persuna suspettata jew akkużata għandu jkollha d-dritt tippreżenta provi għall-kunsiderazzjoni tal-UPPE;
   (b) Il-persuna suspettata jew akkużata għandu jkollha d-dritt li titlob li l-UPPE jiġbor il-provi kollha ta' rilevanza għall-investigazzjonijiet, fosthom il-ħatra ta' esperti u s-smigħ tax-xhieda;

23.  Jemmen, li minħabba li jista' jkun hemm ġuriżdizzjonijiet multipli għal reati transfruntiera li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej u awtoritajiet nazzjonali ta' prosekuzzjoni jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' ne bis in idem fir-rigward ta' prosekuzzjonijiet li jinvolvu reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE;

Aċċess għal rieżami ġudizzjarju

24.  Jafferma li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju għandu jkun dejjem rispettat b'riferenza għall-attività tal-UPPE u jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li l-UPPE jopera effettivament; jemmen, għaldaqstant, li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-UPPE għandha tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju quddiem il-qorti kompetenti; jenfasizza li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kmamar, bħall-għażla ta' ġuriżdizzjoni għall-prosekuzzjoni, it-twaqqigħ jew ir-riallokazzjoni ta' każ jew tranżazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Unjoni;

25.  Jemmen li għall-iskopijiet tar-rieżami ġudizzjarju tal-miżuri investigattivi kollha u ta' miżuri proċedurali oħrajn adottati fil-funzjoni prosekutorja tiegħu, l-UPPE għandu jkun meqjus awtorità nazzjonali quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri;

Protezzjoni legali koerenti ta' persuni suspettati jew akkużati

26.  Ifakkar li l-Uffiċċju l-ġdid għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati li huma minquxa fl-Artikolu 6 tat-TUE, fl-Artikolu 16 tat-TFUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u f'dawk il-miżuri leġiżlattivi li diġà ġew adottati fil-livell tal-Unjoni dwar drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u dwar il-protezzjoni tad-dejta personali;

27.  Jafferma li d-direttiva futura dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali għandha tapplika bl-istess mod għall-persuni suspettati jew akkużati kollha li jkunu qed jiġu investigati jew ikunu qed jiġu mħarrka mill-UPPE; jistieden lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta' direttiva tal-UE, sabiex jiżguraw aċċess effettiv għall-għajnuna legali f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rilevanti;

28.  Jenfasizza li l-persuni suspettati jew akkużati kollha li jkunu qed jiġu investigati jew ikunu qed jiġu mħarrka mill-UPPE għandhom id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-ipproċessar ta' dejta personali mwettaq mill-UPPE jeħtieġ li jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001; jenfasizza li kwalunkwe dispożizzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tad-dejta li tinsab f'regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-UPPE tista' biss tikkomplementa u telabora aktar id-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 45/2001, u biss sa fejn huwa meħtieġ;

29.  Jafferma mill-ġdid ir-rieda qawwija tiegħu biex jistabbilixxi l-UPPE u biex jirriforma l-Eurojust, kif ġie previst mill-Kummissjoni fiż-żewġ proposti tagħha; jitlob li l-Kummissjoni taġġusta mill-ġdid l-istimi tal-impatt baġitarju tal-istruttura kolleġġjali; jitlob li jiġu ċċarati r-relazzjonijiet bejn il-Eurojust, l-UPPE u l-OLAF sabiex ikun hemm distinzjoni bejn ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw il-possibilità ta' approċċ integrat aktar b'saħħtu ta' dawn l-aġenziji sabiex l-investigazzjonijiet isiru aktar effettivi;

o
o   o

30.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex isegwi dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jenfasizza l-fatt li l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq huma essenzjali biex il-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Regolament tal-Kunsill;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0234.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.

Avviż legali