Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2014(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0152/2015

Testi mressqa :

A8-0152/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0192

Testi adottati
PDF 256kWORD 69k
It-Tlieta, 19 ta' Mejju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux
P8_TA(2015)0192A8-0152/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux (2015/2014(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux, ppreżentata fit-23 ta' Diċembru 2014 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż fuq talba tal-Kap Prosekutur fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi, u mħabbra fis-seduta plenarja fil-15 ta' Jannar 2015,

–  wara li sema' lil Jérôme Lavrilleux skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2015),

A.  billi l-Kap Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jérôme Lavrilleux, Membru tal-Parlament Ewropew, b'konnessjoni ma' investigazzjoni ġudizzjarja pendenti dwar akkużi ta' falsifikazzjoni, użu ta' dokumenti ffalsifikati, ksur ta' fiduċja, tentattiv ta' frodi u kompliċità f'dawn ir-reati u l-ħabi tagħhom, finanzjament illegali ta' kampanja elettorali u ħabi ta' dak ir-reat u kompliċità fih; u billi l-imħallfin Franċiżi jixtiequ, f'dan il-kuntest, jieħdu miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà kontra Jérôme Lavrilleux;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-Parlament ta' pajjiżhom;

C.  billi l-Artikolu 26, paragrafi 2 u 3, tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat għal reat serju jew offiża maġġuri oħra, u lanqas m'għandu jkun soġġett għal xi miżura oħra li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Bureau tal-Kamra li tagħha huwa membru; li din l-awtorizzazzjoni mhijiex meħtieġa fil-każ ta' reat serju jew offiża maġġuri oħra mwettqa in flagrante delicto jew meta l-kundanna tkun saret definittiva; u li l-Assemblea tista' titlob is-sospensjoni ta' detenzjoni, ta' miżuri oħra li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà jew ta' proċedimenti kontra wieħed mill-Membri tiegħu;

D.  billi Jérôme Lavrilleux huwa suspettat li ħa sehem f'sistema ta' fatturi foloz għall-infiq f'kampanja elettorali;

E.  billi t-tneħħija tal-immunità ta’ Jérôme Lavrilleux għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura;

F.  billi l-akkużi allegati mhumiex marbuta mal-kariga ta' Jérôme Lavrilleux bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jirriżultaw mill-kariga preċedenti tiegħu bħala viċi direttur tal-kampanja elettorali fl-aħħar elezzjoni presidenzjali fi Franza;

G.  billi l-prosekuzzjoni ma tikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Jérôme Lavrilleux bħala Membru tal-Parlament Ewropew fit-twettiq ta' dmirijietu fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri, presunzjoni serja u preċiża biżżejjed li l-proċedimenti nfetħu bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jérôme Lavrilleux;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex minnufih jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Jérôme Lavrilleux.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali