Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 12 ta' Frar 2015 - StrasburguVerżjoni finali
Il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika
 L-Arabja Sawdija: il-każ tas-Sur Raif Badawi
 Oqbra tal-massa tal-persuni neqsin ta' Ashia, villaġġ fir-reġjun ta' Ornithi, filparti okkupata ta' Ċipru
 Twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili
 Il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

Il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika
PDF 237kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika (2015/2561(RSP))
P8_TA(2015)0036RC-B8-0144/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-Burundi, partikolarment il-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2014 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU fil-Burundi (BNUB),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRDs) u dwar il-Libertajiet ta' Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 bl-impenn lejn intensifikazzjoni tal-ħidma dwar l-HRDs,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-25 ta' April 2013 tal-Kummissjoni Konsultattiva Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CNCDH),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi tal-10 ta'  Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-20 ta' Jannar 2015, l-awtoritajiet tal-Burundi arrestaw u żammew lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bob Rugurika, direttur tar-Radio Publique Africaine (RPA), wara li rrifjuts li jiżvela s-sorsi tiegħu jiem wara li l-istazzjoni tar-radju tiegħu xandar għadd ta' rapporti investigattivi dwar il-qtil f'Settembru 2014 ta' tliet sorijiet anzjani Taljani, Lucia Pulici, Olga Raschietti u Bernadetta Boggian, f' Kamenge, belt fit-Tramuntana ta' Bujumbura;

B.  billi xxandru wkoll allegazzjonijiet tal-involviment fil-qtil ta' uffiċjali għoljin tal-intelligence, li ngħataw id-dritt li jikkummentaw qabel ix-xandiriet;

C.  billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda provi li jiġġustifikaw l-arrest tas-Sur Rugurika fuq bażi ta' "ksur tas-solidarjetà pubblika, ksur tal-kunfidenzjalità ta' inkjesta, kenn lil persuna kriminali u kompliċità fi qtil"; billi l-arrest jagħmel parti minn metodu tal-gvern ta' attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, immirat lejn il-ġurnalisti, l-attivisti u membri tal-partiti politiċi; billi dawn l-attakki żdiedu fit-triq lejn l-elezzjonijiet li għandhom iseħħu fil-Burundi f'Mejju u Ġunju 2015;

D.  billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Burundi rratifikathom it-tnejn li huma, jiddikjaraw biċ-ċar li arresti qabel il-proċessi għandhom ikunu bbażati fuq akkużi kredibbli u b'bażi legali; billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda prova tal-bżonn ta' arrest tas-Sur Rugurika;

E.  billi din mhijiex l-ewwel darba li l-gvern tal-Burundi jipprova jwaqqaf lill-midja u lill-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem milli jippubblikaw informazzjoni sensittiva u jirrappurtaw dwar allegazzjonijiet ta' abbużi min-naħa tal-gvern; billi, minkejja l-fastidju persistenti, il-ġurnalisti baqgħu jiddokumentaw u jirrappurtaw dwar suġġetti kontroversjali, u fosthom Pierre Claver Mbonimpa, difensur minn ta' quddiem tad-drittijiet tal-bniedem li ġie arrestat f'Mejju 2014 għal rimarki li huwa għamel fuq l-RPA, u nħeles iktar tard, għalkemm l-akkużi kontrih ma twaqqgħux;

F.  billi f'Ġunju 2013, il-Burundi adotta liġi dwar l-istampa li tillimita l-libertajiet tal-midja, is-suġġetti li dwarhom jistgħu jirrappurtaw il-ġurnalisti, u potenzjalment, li tikkriminalizza r-rappurtar dwar suġġetti bħall-ordni pubbliku u s-sikurezza; billi l-unjin tal-ġurnalisti tal-Burundi ressqet il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Afrika tal-Lvant;

G.  billi l-adozzjoni ta' għadd ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet tal-2015, inkluża l-liġi dwar il-midja f'April 2013, komplew saħħew il-fastidju u t-theddid li ilhom ibatu minnhom il-ġurnalisti mill-2010, flimkien ma' personalitajiet kritiċi oħrajn li jiddenunzjaw il-qtil politiku, il-korruzzjoni u l-ġestjoni ħażina tal-pajjiż;

H.  billi l-Burundi hu klassifikat il-142 minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Korrispondenti mingħajr fruntieri 2014;

I.  billi r-Rapporteur Speċjali dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afrika, Reine Alapini-Gansou, ikkundannat dan l-arrest u talbet għall-ħelsien immedjat ta' Bob Rugurika, u fakkret fir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet tal-Burundi li joħorġu mid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar il-Libertà tal-Espressjoni fl-Afrika u mid-Dikjarazzjonijiet ta' Kigali u ta' Grand Bay;

J.  billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa garantit mill-Kostituzzjoni tal-Burundi u mit-trattati internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Burundi, u huwa wkoll parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll huwa kundizzjoni essenzjali għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2015 u biex ir-riżultati ta' dawn l-elezzjonijiet jiġu aċċettati mill-parteċipanti kollha;

K.  billi proċess elettorali ħieles, ġust, trasparenti u paċifiku fl-2015 jippermetti li l-pajjiż, li għadu jinsab f'sitwazzjoni ta' wara l-kunflitt, joħroġ mill-iżblokk politiku maħluq mill-proċess elettorali tal-2010;

L.  billi, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Settembru 2014, u b'mod partikolari r-riferiment li fiha għall-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-rappreżentanti tal-UE insistew dwar il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni inklużiva fil-proċess elettorali mill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, bi qbil mal-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta;

M.  billi l-Gvern tal-Burundi ikkonferma l-impenn tiegħu li jaġixxi biex jiżgura li n-negozjati mal-forzi politiċi kollha fil-pajjiż iseħħu fir-rispett taż-żewġ dokumenti msemmija hawn fuq, u tenna t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu materjal u appoġġ finanzjarju għall-proċess elettorali attwali u jibagħtu osservaturi tal-missjoni fil-Burundi qabel, matul u wara l-elezzjonijiet;

N.  billi reċentament l-UE allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp   2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjet à ċivili;

O.  billi bħalissa l-Burundi qed jaffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddida mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tagħha f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà instabbli;

1.  Jikkundanna l-arrest inġustifikat ta' Bob Rugurika u jitlob għall-ħelsien immedjat u inkundizzjonali tiegħu; jitlob lill-awtoritajiet biex fl-istess waqt ikomplu jinvestigaw il-qtil traġiku ta' tliet sorijiet Taljani u jġibu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; jitlob ukoll biex tinfetaħ inkjesta indipendenti b'rabta mal-qtil tat-tliet sorijiet;

2.  Jiddenunzja l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, u l-introduzzjoni ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali tal-2015, b'mod partikolari dawk li joħolqu dannu lill-oppożizzjoni, lill-midja u lis-soċjetà ċivili permezz ta' restrizzjonijiet għal-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni u l-libertà li jiġu organizzati laqgħat;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Burundi jiżguraw bilanċ adegwat u ġust bejn il-libertà tal-midja, inkluża l-libertà li l-ġurnalisti jinvestigaw u jirrappurtaw dwar delitti, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrità tal-investigazzjonijiet kriminali;

4.  Jitlob lill-Gvern tal-Burundi biex jippermetti dibattitu politiku ġenwin u miftuħ fit-triq lejn l-elezzjonijiet tal-2015, u jirrispetta l-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta nnegozjati taħt l-awspiċi tan-NU u ffirmati mill-mexxejja politiċi tal-Burundi; ifakkar li l-Kostituzzjoni tal-Burundi tgħid hekk: 'Il-President tar-Repubblika huwa elett għal terminu ta' ħames snin li jista' jiġġedded darba. Ħadd ma jista' jservi iktar minn żewġ mandati bħala president';

5.  Jitlob lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta l-kalendarju elettorali, u jinkludi l-partiti tal-oppożizzjoni fil-monitoraġġ tal-elezzjonijiet, inkluż fil-fażi ta' reġistrazzjoni parzjali tal-votanti ġodda, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u l-partiti politiċi fil-laqgħa ta' evalwazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti tad-29 u t-30 ta' Jannar 2015;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-interferenza mill-gvern fil-ġestjoni interna tal-partiti politiċi, in-nuqqas ta' libertà biex dawk il-partiti jwettqu l-kampanji tagħhom, u t-tendenza biex dejjem iktar il-ġudikatura teskludi lil mexxejja politiċi mill-proċess elettorali;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jieħu miżuri biex jikkontrolla s-sezzjoni taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD, u ma jħallix il-membri tagħha jintimidaw u jattakaw lil dawk li jqisu bħala avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-akkużi jitressqu quddiem il-qrati; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD qed jarma u jħarreġ is-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;

8.  Jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Kwistjonijiet Elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale) u l-pjan direzzjonali tan-NU dwar l-elezzjonijiet li kien iffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet tal-BNUB immirati biex jipprevjenu vjolenza politika ulterjuri fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2015 u li jgħinu jirrestawraw is-sigurtà fit-tul u l-paċi;

9.  Iħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proċess elettorali, inkluż il-korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u s-servizzi ta' sigurtà, biex jirrispettaw l-impenji fil-Ftehim ta' Arusha, billi jfakkar li dan il-ftehim temm il-gwerra ċivili u huwa l-bażi li fuqha hija mibnija l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

10.  Jenfasizza r-rwol minn ta' quddiem li għandu jkollha l-UE fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni pre-elettorali sabiex jiġi evitat li wieħed imur kontra l-impenji meħuda, li jista' jkollu effett gravi mhux biss fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni iżda wkoll fuq il-paċi u s-sigurtà fil-Burundi u madwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

11.  Itenni li l-Burundi huwa marbut mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mill-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni; jappella lill-Gvern tal-Burundi biex jippermetti li jsir dibattitu politiku ġenwin u miftuħ qabel l-elezzjonijiet tal-2015 mingħajr il-biża ta' intimidazzjoni, billi ma jinterferixxix fl-amministrazzjoni interna tal-partiti fl-oppożizzjoni, billi ma jpoġġix restrizzjonijiet fuq il-kampanji li jaffettwaw lill-partiti kollha, speċjalment f'żoni rurali, u billi ma jabbużax mill-ġudikatura biex jeskludi rivali politiċi;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom lejn politika tal-UE fir-rigward tal-Burundi li tkun ċara u bbażata fuq prinċipji u li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou b il-ħsieb ta' sospensjoni possibbli mill-Ftehim u biex jittieħdu l-miżuri xierqa waqt li jkunu qed iseħħu dawk il-konsultazzjonijiet;

13.  Jitlob lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jagħmel użu mid-djalogu politiku intensifikat previst mill-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou mal-Gvern tal-Burundi sabiex jiġi indirizzat b'mod konkret l-għeluq tal-ispazju politiku fil-Burundi u biex jiġu stabbiliti limiti ċari u konkreti għall-kejl tal-iżvilupp u strateġija biex jingħatalhom rispons;

14.  Jitlob lill-Gvern tal-Burundi, lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jagħmel mill-aħjar li jistgħu biex jappoġġaw il-Kummissjoni għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni (PRC) b'mod demokratiku u trasparenti, sabiex jiġu ffaċċjati delitti tal-passat u wieħed jimxi 'l quddiem fit-tħejjija għall-ġejjieni;

15.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirrilaxxjaw il-fondi meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja f'din il-parti tad-dinja, u biex jaħdmu b'kollaborazzjoni mal-korpi tan-NU, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ta' malnutrizzjoni kronika;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni talloka l-fondi tagħha għall-perjodu 2014-2020 bħala kwistjoni prijoritarja lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu b'mod dirett mal-persuni, u biex toħloq pressjoni fuq il-Gvern tal-Burundi biex jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-Istat;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0023.


L-Arabja Sawdija: il-każ tas-Sur Raif Badawi
PDF 238kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, l-Arabja Sawdija (2015/2550(RSP))
P8_TA(2015)0037RC-B8-0143/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, dik tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2015 tal-Kelliema tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, fejn jappella lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu l-piena ta' Raif Badawi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, ratifikata mill-Arabja Sawdija fl-2009, li l-Artikolu 32(1) tagħha jiggarantixxi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni; u l-Artikolu 8 jipprojbixxi t-tortura fiżika jew psikoloġika jew it-trattament krudil, degradanti, umiljanti jew inuman,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Raif Badawi, li huwa blogger u attivist tad-drittijiet tal-bniedem, ġie akkużat b'apostasija u ngħata s-sentenza mill-Qorti Kriminali ta' Ġeddah f'Mejju 2014 ta' 10 snin ħabs, 1 000 daqqa ta' frosta u multa ta' SAR 1 miljun (EUR 228 000) wara li ħoloq il-websajt “Free Saudi Liberals Network" għad-dibattitu soċjali, politiku u reliġjuż li tqieset bħala insult lill-Iżlam; billi s-sentenza tipprojbixxi wkoll lis-Sur Badawi milli juża kwalunkwe mezz tal-midja u milli jivvjaġġa barra l-pajjiż għal 10 snin wara li jinħeles mill-ħabs;

B.  billi fid-9 ta' Jannar 2015, is-Sur Badawi rċieva l-ewwel sett ta' 50 daqqa ta' frosta tiegħu quddiem il-moskea al-Ġafali f’Ġeddah, li rriżulta f’feriti li tant kienu profondi li meta ttieħed fi klinika tal-ħabs għal eżami mediku, instab mit-tobba li ma kienx se jkun jiflaħ għal sett ieħor ta' daqqiet ta' frosta;

C.  billi l-verdetti ġudizzjarji li jimponu piena tal-ġisem, inkluż is-swat bil-frosta, huma strettament ipprojbiti skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-Arabja Sawdija rratifikat;

D.  billi fis-6 ta' Lulju 2014, l-avukat ta' Raif Badawi, id-difenzur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Waleed Abu al-Khair, ingħata s-sentenza mill-Qorti Kriminali Speċjalizzata ta' 15-il sena ħabs, li warajhom jiġu 15-il sena ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, wara li stabbilixxa l-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem “Monitor of Human Rights in Saudi Arabia”;

E.  billi l-każ tas-Sur Badawi huwa wieħed minn ħafna każijiet li fihom intużaw sentenzi ħorox u molestja kontra attivisti Sawdijin tad-drittijiet tal-bniedem u difensuri Sawdijin oħra tar-riformi ppersegwitati talli esprimew il-fehmiet tagħhom, li għadd minnhom ġew ikkundannati, taħt proċeduri li ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, kif ġie konfermat mill-ex-Kummissarju Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Lulju 2014;

F.  billi l-Arabja Sawdija għandha komunità enerġetika sew ta' attivisti online u l-ogħla għadd ta' utenti ta' Twitter fil-Lvant Nofsani; billi, madankollu, l-internet huwa ċċensurat b’mod qawwi, fejn eluf ta' websajts jiġu bblukkati u l-bloggijiet u l-websajts il-ġodda jeħtieġu liċenzja mill-Ministeru tal-Informazzjoni; billi l-Arabja Sawdija tinsab fuq il-lista tal-“Għedewwa tal-Internet” tar-Reporters Without Borders (Reporters Mingħajr Fruntieri) minħabba ċ-ċensura tal-midja Sawdija u tal-internet u l-ikkastigar ta' dawk li jikkritikaw lill-gvern jew lir-reliġjon;

G.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma kundizzjonijiet preliminari kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter;

H.  billi minkejja l-introduzzjoni ta' xi riformi b’kawtela matul ir-renju tal-mejjet Re Abdullah, is-sistema politika u soċjali Sawdija għadha waħda profondament mhux demokratika, tagħmel lin-nisa u lill-Misilmin Xiti ċittadini tat-tieni klassi, tiddiskrimina serjament kontra l-forza tax-xogħol barranija kbira tal-pajjiż u severament trażżan il-vuċijiet tad-dissidenza;

I.  billi l-għadd u l-pass tal-eżekuzzjonijiet hija kwistjoni ta' inkwiet serju; billi aktar minn 87 ruħ ingħataw il-mewt fl-2014, fil-parti l-kbira tagħhom permezz ta' qtugħ ir-ras quddiem il-pubbliku; billi tal-inqas 21 ruħ ingħataw il-mewt mill-bidu tal-2015 ’il hawn; billi ġew irrappurtati 423 eżekuzzjoni bejn l-2007 u l-2012; billi l-piena tal-mewt tista' tiġi imposta għal firxa wiesgħa ta' offiżi;

J.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa attur politiku, ekonomiku, kulturali u reliġjuż influwenti fil-Lvant Nofsani u fid-dinja Iżlamika, u fundatur u membru ewlieni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u tal-Grupp G-20;

K.  billi f’Novembru 2013 l-Arabja Sawdija ġiet eletta bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal perjodu ta' tliet snin;

L.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u l-Arabja Sawdija jippreskrivu pieni kważi identiċi għal għadd kbir ta' reati, inkluża l-piena tal-mewt għad-dagħa, il-qtil, atti ta' omosesswalità, is-serq jew it-tradiment, il-mewt permezz tat-tħaġġir għall-adulterju u l-qtugħ tal-idejn u tas-saqajn għall-brigantaġġ;

M.  billi l-Arabja Sawdija taqdi rwol ewlieni fil-finanzjament, fit-tixrid u l-promozzjoni madwar id-dinja kollha ta' interpretazzjoni partikolarment estremista tal-Iżlam; billi l-viżjoni l-aktar settarja tal-Iżlam ispirat organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huma l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u l-al-Qaeda;

N.  billi l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jallegaw li huma sħab tal-Istati Membri, partikolarment fil-ġlieda dinjija kontra t-terrur; billi liġi ġdid ta' kontra t-terroriżmu adottata f’Jannar 2014 tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu li l-espressjonijiet kollha ta' dissidenza jew assoċjazzjonijiet indipendenti jiġu interpretati bħala reati terrroristiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-swat bil-frosta ta' Raif Badawi bħala att krudil u xokkanti mill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu għalkollox kwalunkwe swat bil-frosta ulterjuri ta' Raif Badawi u jeħilsuh immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, peress li hu meqjus bħala priġunier tal-kuxjenza, miżmum u mogħti sentenza għall-unika raġuni li eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżguraw li l-kundanna u s-sentenza tiegħu, inkluża l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar tiegħu, jiġu annullati;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżguraw li Raif Badawi jiġi mħares mit-tortura u minn trattament ħażin ieħor, u li jingħata kwalunkwe attenzjoni medika li jista' jkollu bżonn, kif ukoll aċċess immedjat u regolari għall-familja tiegħu u għall-avukati li jagħżel hu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu b’mod mingħajr kundizzjonijiet lill-avukat ta' Raif Badawi, u lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra kollha li huma miżmuma u mogħti sentenza sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

4.  Jikkundanna bil-qawwa s-suriet kollha ta' pieni tal-ġisem bħala trattament inaċċettabbli u degradanti kuntrarji għad-dinjità tal-bniedem u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu tas-swat bil-frosta min-naħa tal-istat, filwaqt li jappella bil-qawwa għall-abolizzjoni stretta ta' dan is-swat bil-frosta; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura, hekk kif inhi mnaqqxa b’mod l-aktar notevoli fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-Arabja Sawdija ffirmat u rratifikat; jistieden lill-Arabja Sawdija tiffirma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

5.  Jenfasizza l-proċess ta' riforma ġudizzjarja li daħlet għalih l-Arabja Sawdija bil-ħsieb li ssaħħaħ il-possibilità ta' protezzjoni mtejba tad-drittijiet individwali, iżda għadu mħasseb serjament minħabba s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, li għadha ssib postha fost il-pajjiżi l-aktar repressivi fid-dinja; iqis il-każ ta' Raif Badawi bħala simbolu tal-attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u tad-dissidenza paċifika fil-pajjiż, u b’mod aktar wiesa’ huwa simbolu tal-politiki karatteristiċi tar-Renju ta' intolleranza u interpretazzjoni estremista tal-liġi Iżlamika;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jabolixxu l-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li ġiet stabbilita fl-2008 biex tipproċessa l-każijiet tat-terroriżmu iżda kulma jmur aktar bdiet tħarrek lil dissidenti paċifiċi fuq akkużi li apparentement kienu politikament immotivati u fi proċedimenti li jiksru d-dritt fundamentali għal proċess ġust;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jippermettu l-istampa u l-midja indipendenti u jiżguraw il-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tal-attivisti u tad-dimostranti meta jagħmlu dimostrazzjoni paċifika; jenfasizza li d-difiża paċifika tad-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-għemil ta' rimarki kritiċi permezz tal-użu tal-midja soċjali huma espressjonijiet ta' dritt indispensabbli;

8.  Ifakkar lit-tmexxija tal-Arabja Sawdija fl-impenn tagħha li “tiddefendi l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem” meta applikat b’suċċess għas-sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

9.  Jemmen li l-Arabja Sawdija tkun sieħba aktar kredibbli u effettiva fil-ġlieda lill-organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huwa l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) u l-al-Qaeda kieku ma kenitx twettaq prattiki anakronistiċi u estremisti, bħalma huma l-qtugħ ir-ras fil-pubbliku, it-tħaġġir u suriet oħra ta' tortura, simili għal dawk imwettqa mill-IS;

10.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jagħtu l-appoġġ tagħhom, b’mod attiv u kreattiv, lill-gruppi tas-soċjetà ċivili u lill-individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, inkluż permezz tal-arranġament ta' żjajjar fil-ħabsijiet, il-monitoraġġ tal-proċessi u dikjarazzjonijiet pubbliċi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lid-Delegazzjoni tiegħu għar-Relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija biex tqajjem il-kwistjoni ta' Raif Badawi u l-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra matul iż-żjara tagħha li se ssir fil-futur qrib fl-Arabja Sawdija u tirrapporta lura lis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem;

12.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom mal-Arabja Sawdija, b’tali mod li jippermettilha ssegwi l-interessi ekonomiċi, enerġetiċi u ta' sigurtà tagħha, filwaqt li ma jdgħajjifx il-kredibilità tal-impenji ewlenin tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affari jiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Majestà Tiegħu ir-Re Salman bin Abdulaziz, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0207.


Oqbra tal-massa tal-persuni neqsin ta' Ashia, villaġġ fir-reġjun ta' Ornithi, filparti okkupata ta' Ċipru
PDF 308kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-fosos komuni tal-persuni nieqsa minn Ashia fil-villaġġ ta' Ornithi fil-parti okkupata ta' Ċipru (2015/2551(RSP))
P8_TA(2015)0038RC-B8-0150/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar persuni nieqsa f'Ċipru(1),

–  wara li kkunsidra r-rapporti rilevanti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti(3) u l-inizjattivi internazzjonali għall-investigazzjoni ta' x'sar mill-persuni nieqsa f'Ċipru(4),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tal-10 ta' Mejju 2001(5) u tal-10 ta' Jannar 2008(6) dwar persuni nieqsa f'Ċipru, u d-deċiżjoni tal-Awla Manja tat-12 ta' Mejju 2014 fil-kawża Ċipru v. it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar persuni nieqsa f'Ċipru(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0139/2008),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru,

–  wara li kkunsidra d-Dritt Internazzjonali Umanitarju, sew dak tal-konvenzjonijiet kif ukoll dak tal-konswetudni, dwar il-persuni nieqsa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-14 ta' Awwissu 1974 il-villaġġ ta' Ashia ġie bbumbardjat mill-forza tal-ajru Torka; billi fil-21 ta' Awwissu 1974 l-armata Torka wettqet evakwazzjonijiet furzati tal-massa; billi l-espulsjoni finali tal-abitanti kollha tal-villaġġ seħħet fit-28 ta' Awwissu 1974;

B.  billi b'kollox 106 individwi mill-villaġġ ta' Ashia, ta' etajiet minn 11-il sena sa 84 sena, għebu fl-1974;

C.  billi, fir-Rebbiegħa tal-2009, il-Kumitat għall-Persuni Neqsin f’Ċipru (CMP) wettaq tfittxija fl-inħawi ta' Ornithi, villaġġ li jinsab 4 km lejn il-Punent tar-raħal ta’ Ashia; billi reġgħu nfetħu erba’ siti ta’ dfin, li tnejn minnhom kienu bjar tal-ilma u siti ta’ fosos komuni; billi ġie kkonfermat li l-fdalijiet, identifikati b'analiżi tad-DNA, huma ta' individwi mil-lista ta' 71 persuna ċivili li għebu minn Ashia fil-21 ta' Awwissu 1974, kif intqal hawn fuq;

D.  billi l-evidenza tagħti x'wieħed jifhem li ż-żewġ fosos komuni kienu diġà reġgħu nfetħu qabel għall-eżumazzjoni; billi l-fdalijiet tneħħew intenzjonalment u ġew trasferiti f'postijiet oħra mhux magħrufa;

E.  billi għadha għaddejja l-agonija u t-tbatija kbira tal-familji tal-persuni nieqsa, li ilhom deċennji ma jafux x'sar minn qrabathom maħbubin, u billi jeħtieġ isir kull sforz biex l-investigazzjonijiet tas-CMP jinġiebu 'l quddiem;

F.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sostniet li, fir-rigward tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi u qrabathom, kien hemm: vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 2 (id-dritt għall-ħajja) tal-Konvenzjoni rigward in-nuqqas, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, li jwettqu investigazzjoni effikaċi dwar il-lok u d-destin tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi li kienu għebu f'ċirkostanzi ta' periklu għal ħajjithom; vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 5 (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà) rigward in-nuqqas, min-naħa tat-Turkija, li twettaq investigazzjoni effikaċi dwar il-lok u d-destin tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi li dwarhom kien hemm pretiża raġonevoli li kienu miżmuma fid-detenzjoni Torka fil-mument meta għebu; u vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 3 (il-projbizzjoni ta' trattament inuman u degradanti) inkwantu s-silenzju tal-awtoritajiet Torok quddiem il-preokkupazzjonijiet reali tal-qraba laħaq livell ta' severità li seta' jiġi kkaratterizzat biss bħala trattament inuman;

G.  billi dawk il-każijiet fejn biss fdalijiet skeletali parzjali jistgħu jingħaddu għad-dfin ma jistgħux jitqiesu magħluqa sakemm ma jkunux instabu l-fdalijiet kollha identifikabbli tal-persuni nieqsa;

H.  billi l-Qorti Ewropewa tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li t-Turkija, bħala l-qawwa ta' okkupazzjoni de facto fit-Tramuntana ta' Ċipru, għandha r-responsabbiltà li tinvestiga l-lok u d-destin tal-persuni nieqsa, u li tiffaċilita l-ħidma tas-CMP;

I.  billi l-problema tal-persuni nieqsa hija waħda umanitarja li toħroġ mid-dritt tal-qraba tal-persuni nieqsa li jkunu jafu x'sar minn dawn tal-aħħar;

J.  billi l-ġrajjiet koroh tal-persuni nieqsa f'Ċipru bdew fl-1964, b'għadd limitat ta' persuni nieqsa miż-żewġ komunitajiet, u laħqu l-eqqel tagħhom b'aktar minn 2 000 persuna nieqsa wara l-invażjoni militari Torka fl-1974, li minħabba fiha l-gżira għadha maqsuma;

K.  billi ilhom nieqsa għal bosta deċennji 2 001 Ċiprijott, li minnhom 1 508 huma Ċiprijotti Griegi u 493 huma Ċiprijotti Torok;

1.  Jikkundanna l-ispustament tal-fdalijiet li seħħ f'Ornithi, u azzjonijiet simili, bħala nuqqas kbir ta' rispett għall-persuni nieqsa u vjolazzjoni goffa tad-dritt tal-familji tagħhom li fl-aħħar isiru jafu tassew f'liema kundizzjonijiet il-maħbubin tagħhom sabu mewthom; jesprimi s-simpatija tiegħu mal-familji tal-persuni nieqsa kollha li għadhom jgħixu fl-inċertezza;

2.  Jissottolinja li l-ispustament tal-fdalijiet u atti simili jistgħu jirrappreżentaw tfixkil u kumplikazzjoni maġġuri għall-proċess iebes u diffiċli tal-investigazzjoni ta' x'sar mill-persuni nieqsa kollha f'Ċipru;

3.  Jenfasizza l-urġenza tal-kwistjoni għall-familji tal-persuni nieqsa, 41 sena wara l-għibien ta' dawn tal-aħħar, u jissottolinja li ftit li xejn fadal żmien biex jinstabu, hekk kif ix-xhieda u l-qraba qed jiġu neqsin; jitlob verifika immedjata u kompluta ta' x'sar mill-persuni nieqsa;

4.  Ifaħħar il-ħidma tas-CMP u jenfasizza l-importanza li dan jintensifika l-attivitajiet tiegħu, minħabba li nofs il-persuni nieqsa għadhom ma nstabux u aktar minn żewġ terzi għad iridu jiġu identifikati;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma tas-CMP tiddependi fuq is-sostenn sħiħ u l-kooperazzjoni kompluta mill-partijiet kollha involuti, u jilqa' b'sodisfazzjoni, f'dan ir-rigward, il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-UE u jitlob li dan il-finanzjament jitkompla;

6.  Jinnota li s-CMP għamel appell urġenti biex kull min għandu informazzjoni dwar siti ta' dfin possibbli jikkuntattja lill-investigaturi tas-CMP; jitlob li t-Turkija u l-gvern tagħha jtemmu immedjatament it-tneħħija tal-fdalijiet mill-fosos komuni u jottemperaw ruħhom mad-dritt internazzjonali, mad-dritt internazzjonali umanitarju u mad-deċiżjonijiet tal-QEDB, u jiffaċilitaw għal dak il-għan l-isforżi tal-Kumitat tripartitiku għall-Persuni Nieqsa billi jagħtuh aċċess sħiħ għall-arkivji militari u għaż-żoni militari għal finjiet ta' eżumazzjoni; jitlob li t-Turkija timplimenta bis-sħiħ l-obbligu tagħha, wara d-deċiżjoni tal-QEDB, li tikkumpensa lill-familji tal-persuni nieqsa;

7.  Jitlob li t-Turkija tippermetti, bla dewmien intenzjonali, l-aċċess għaż-żoni li ġew definiti bħala żoni militari, u hemm informazzjoni li fihom hemm siti ta' dfin ta' persuni nieqsa; jissottolinja li l-forzi militari Torok għandhom jipprovdu u jikkondividu mapep militari qodma u jagħtu access sħiħ għall-arkivji tagħhom biex jiffaċilitaw it-tiftix għal siti ta' dfin li għadhom ma nkixfux;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għibien Furzat, bħala prijorità, u jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jappoġġjaw il-ħidma tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għibien Furzat, stabbilit skont din il-Konvenzjoni;

9.  Ifakkar lill-partijiet kollha kkonċernati u 'l dawk kollha li għandhom, jew li huma fil-qagħda li jkollhom, xi informazzjoni jew evidenza li toħroġ minn għarfien personali, arkivji, rapporti mill-kamp tal-battalja jew rekords ta' postijiet ta' detenzjoni, biex jgħadduha lis-CMP bla aktar dewmien;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, u jfakkar fl-obbligu inkondizzjonat li kull Stat, skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jottempera ruħu mad-deċiżjonijiet finali li fihom ikun parti.

(1) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 243.
(2) Partikolarment l-aħħar wieħed dwar l-operazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ċipru (S/2008/353), Kapitolu IV.
(3) Partikolarment ir-riżoluzzjoni 1818 (2008) tat-13 ta' Ġunju 2008.
(4) Il-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru: http://www.cmp-cyprus.org
(5) Il-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru: http://www.cmp-cyprus.org
(6) Varnava et al v. it-Turkija, Nri 16064/90, 16065/90, 16066/90, 16068/90, 16069/90, 16070/90, 16071/90, 16072/90 u 16073/90; appell pendenti.
(7) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 13.


Twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili
PDF 222kWORD 59k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, is-setgħat, is-saħħa numerika u l-mandat tiegħu (2015/2566(RSO))
P8_TA(2015)0039B8-0169/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvestiga l-prattika tal-għoti ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat fl-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-obbligu li għandhom l-Istati Membri kollha, skont ir-regoli tat-tassazzjoni tal-UE, li jikkomunikaw lil Stati Membri oħra, permezz ta' skambju spontanju, l-informazzjoni dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, b'mod partikolari jekk jista' jkun hemm xi telf ta' taxxi fi Stat Membru ieħor jew jekk iffrankar tat-taxxa jista' jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi ħdan gruppi ta' intrapriżi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili biex jeżamina l-prattika fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u t-tassazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili mogħtija mill-Istati Membri, jekk tali prattika tidher li hija l-att ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni;

2.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jingħata s-setgħat li ġejjin:

   (a) li janalizza u jeżamina l-prattika fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili mogħtija mill-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn;
   (b) li janalizza u jivvaluta l-prattika tal-Kummissjoni li żżomm taħt rieżami kostanti, skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, is-sistemi kollha tal-għajnuna li jeżistu fl-Istati Membri, li tipproponi lill-Istati Membri miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern, li tikkontrolla jekk għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz tar-riżorsi ta' Stat tkunx kompatibbli mas-suq intern u mhix użata ħażin, li tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jabolixxi jew jimmodifika tali għajnuna f’terminu ta’ żmien, u li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk l-Istat ikkonċernat ma jirrispettax id-deċiżjoni, liema prattika allegatament irriżultat f'għadd kbir ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa li huma inkompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat;
   (c) li janalizza u jeżamina r-rispett min-naħa tal-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn tal-obbligi stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funjonament tal-Unjoni Ewropea(1) , rigward l-obbligu tal-kooperazzjoni u tal-għoti tad-dokumenti kollha meħtieġa ;
   (d) li janalizza u jeżamina r-rispett tal-obbligi mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums ta' l-assigurazzjoni(2) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE(3), rigward il-komunikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri,lil Stati Membri oħra mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn, permezz ta' skambju spontanju, ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;
   (e) li janalizza u jivvaluta l-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni xierqa tad-Direttivi 77/799/KEE u 2011/16/UE rigward il-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri lil Stati Membri oħra permezz ta' skambju spontanju, ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;
   (f) li janalizza u jivvaluta r-rispett min-naħa tal-Istati Membri tal-prinċipji tal-kooperazzjoni lealistabbiliti fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħalma huma t-twettiq tal-obbligi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u li joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed f' periklu l-kisbatal-objettivi tal-Unjoni, minħabba l-allegata skala kbira ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa ffaċilitat mill-Istati Membri, u l-konsegwenzi sinifikanti li dan x'aktarx kellu fuq il-finanzi pubbliċi tal-UE u fi ħdanha;
   (g) li janalizza u jivvaluta d-dimensjoni ta' pajjiżi terzi fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa li jsir mill-kumpaniji stabbiliti jew inkorporati fl-Istati Membri, kif ukoll l-iskambju tal-informazzjoni ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;
   (h) jagħmel kwalunkwe proposta li jidhirlu li hija meħtieġa f'din il-kwistjoni;

3.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkun magħmul minn 45 membru.

4.  Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 6 xhur, li jibdew mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

5.  Iqis li huwa xieraq li l-kumitat speċjali jippreżenta rapport imfassal minn żewġ ko-rapporteurs.

(1) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
(2) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(3) ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.


Il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS
PDF 270kWORD 105k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))
P8_TA(2015)0040RC-B8-0136/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da'esh threat" ("Elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh"),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria" ("Ir-reġim tat-terrur: Il-ħajja taħt l-ISIS fis-Sirja"), tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-4 ta' Frar 2015 dwar ir-rapporti perjodiċi kombinati (mit-tieni sar-raba' rapport) tal-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani u Iraqin,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar tali ftehim(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi vjolenti li għadha għaddejja fis-Sirja bħala konsegwenza u tal-vjolenza min-naħa tar-reġim ta' Assad u tal-vjolenza terroristika irriżultat f'diżastru umanitarju ta' kobor bla preċedent fl-istorja, b'aktar minn 200 000 ruħ maqtula, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili, aktar minn 7,6 miljun ruħ spostati internament, u 'l fuq minn 12,2 miljun Sirjan fi bżonn iddisprat ta' assistenza fis-Sirja; billi 211 500 ruħ għadhom assedjati – 185 000 ruħ mill-forzi tal-Gvern u 26 500 ruħ mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 3,8 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom, prinċipalment lejn il-Libanu (1 160 468 rifuġjat), it-Turkija (1 623 839), il-Ġordan (621 773) u l-Eġittu/l-Afrika ta' Fuq (160 772);

B.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq ikkawżata mill-kunflitt li għaddej bħalissa u mill-vjolenza u r-repressjoni min-naħa tal-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh qed tkompli sejra għall-agħar, u billi aktar minn 5,2 miljun ruħ għandhom bżonn ta' assistenza umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spostati internament; billi hemm 3,6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-ISIL/Daesh – 2,2 miljun minnhom fi bżonn urġenti ta' għajnuna – u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi l-Iraq qed jilqa' wkoll aktar minn 233 000 rifuġjat Sirjan;

C.  billi bosta rifuġjati u persuni spostati internament mhumiex irreġistrati, u b'hekk il-popolazzjonijiet mhux reġistrati huma mċaħħdin mill-għajnuna umanitarja u mill-miżuri ta' protezzjoni bażiċi li tant għandhom bżonn;

D.  billi, bl-użu ta' vjolenza brutali u indiskriminata, l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh ħakmet partijiet mill-Majjistral tal-Iraq, inkluża Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż, u billi mbagħad wettqet eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini Iraqin, imponiet interpretazzjoni riġida tax-Xarija, qerdet postijiet ta' qima u santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti, Jeżidi, Kurdi u Nsara u kkommettiet atroċitajiet barbari kontra l-popolazzjoni ċivili, b'impatt partikolari fuq in-nisa u t-tfal;

E.  billi ex membri Ba'athisti tal-persunal militari tal-armata tal-Iraq ingħaqdu mal-ISIL/Daesh, u billi l-armata stess hija infestata minn korruzzjoni u interferenza politika rampanti, fatt li jostakola r-risposta effikaċi min-naħa tal-armata għall-ISIL/Daesh;

F.  billi l-ISIL/Daesh stabbilixxa hekk imsejħa "qrati tax-Xarija" fit-territorju taħt il-kontroll tiegħu, li imponew pieni barbari, krudili u inumani fil-konfront tal-irġiel, in-nisa u t-tfal; billi l-ISIL/Daesh ippubblika kodiċi penali li jelenka d-delitti punibbli b'amputazzjoni, tħaġġir jew kruċifissjoni; billi dawk li jiġu kkastigati huma akkużati li kisru l-interpretazzjonijiet estremisti tal-grupp dwar il-liġi Iżlamika tax-Xarija, jew li huma suspettati bi żlealtà;

G.  billi l-ISIL/Daesh nieda kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja, u kkommetta delitti tal-gwerra u ksur faħxi tad-dritt umanitarju internazzjonali, fosthom qtil sommarju fuq skala kbira u serq ta' persuni, fil-konfront ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata, is-serq ta' persuni, l-istupru, it-traffikar u s-sekwestru ta' nisa, l-iskjavitù ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal għal attentati suwiċida, abbużi sesswali u fiżiċi u tortura; billi l-minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Insara, Kurdi, Jeżidi, Turkmeni, Xabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, sfaw fil-mira tal-ISIL/Daesh;

H.  billi rapport maħruġ mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-4 ta' Frar 2015 isostni li l-militanti tal-ISIL/Daesh qegħdin ibigħu t-tfal misruqa bħala skjavi sesswali u joqtlu oħrajn, inkluż billi jsallbuhom u jidfnuhom ħajjin; billi l-biċċa l-kbira tat-tfal rifuġjati u spostati ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni;

I.  billi numri kbar ta' nisa nqatlu jew insterqu mill-ISIL/Daesh fis-Sirja u l-Iraq; billi ġie rrapportat li dawk in-nisa u bniet li nħatfu ġew sottoposti għal stupru jew abbuż sesswali, imġiegħla jiżżewġu ġellieda, jew mibjugħa biex isiru skjavi sesswali; billi xi nisa nbiegħu bħala skjavi għal mhux aktar minn USD 25; billi n-nisa Jeżidi fl-Iraq huma partikolarment fil-mira; billi huwa ċar li hemm nuqqas ta' servizzi integrati fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u fil-qasam tal-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru;

J.  billi nisa edukati u professjonisti, u b'mod partikolari nisa li kkontestaw bħala kandidati f'elezzjonijiet għal kariga pubblika, jidhru li huma f'riskju; billi rapporti jindikaw li tal-anqas tliet avukati nisa ngħataw il-mewt u erba' tobba nqatlu reċentement fiċ-ċentru ta' Mosul; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) huwa mistenni jippreżenta rapport li jiddokumenta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-ISIL/Daesh fl-Iraq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Marzu 2015; billi l-apostati sfaw fil-mira u ġew sottoposti għal vjolenza inumana;

K.  billi l-persuni LGBT qed isofru vjolenza u qtil imwettqa mill-ISIL/Daesh, atti li qed jibqgħu għaddejjin b'impunità totali; billi s-sitwazzjoni tal-persuni LGBT fir-reġjun hija partikolarment vulnerabbli, minħabba l-appoġġ limitat mill-familja u mill-komunità u l-protezzjoni limitata mill-gvern, u billi s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati jew f'ċerti soċjetajiet ospitanti;

L.  billi l-għajnuna psikoloġika speċifika tant meħtieġa għall-vittmi tal-kunflitt, fosthom il-vittmi ta' stupri, mhijiex disponibbli;

M.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati huma mġiegħla jsofru kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi, skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija ta' aktar minn 50 %; billi minkejja l-isforzi kbar tal-gvernijiet ikkonċernati, żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters inadegwati; billi fil-pajjiżi ospitanti żdiedu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati;

N.  billi l-Lvant Nofsani nħakem minn xitwa qalila u l-UNHCR intensifika l-livell tal-assistenza tiegħu għax-xitwa billi nieda pjan għax-xitwa ta' USD 206 miljun biex jgħin lil miljuni ta' nies vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iz-zero u għal borra u riħ qawwijin; billi madwar 740 000 Iraqi spustat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata, u l-UNHRC qed jieħu passi biex jagħti għajnuna għax-xitwa lil 600 000 mill-persuni spostati fl-Iraq;

O.  billi meta t-temperaturi jogħlew, jiżdied ir-riskju ta' epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji terribbli u aċċess limitat għal ilma tax-xorb sikur, partikolarment f'insedjamenti kollettivi u informali;

P.  billi l-UNICEF qiegħed jagħti assistenza għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mill-1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) f'Jannar 2015 nedew kampanja ta' għoti ta' assistenza fi flus għax-xitwa bil-għan li jagħtu JOD 14 lill-41 000 tifel u tifla rifuġjati vulnerabbli tal-kampijiet ta' Za'atari u Azraq sabiex il-familji tagħhom ikunu jistgħu jixtrulhom ħwejjeġ tax-xitwa;

Q.  billi fl-1 ta' Diċembru 2014 id-WFP kien imġiegħel jissospendi temporanjament skema ta' għajnuna alimentari ta' importanza kruċjali għal aktar minn 1,7 miljun rifuġjat Sirjan minħabba kriżi internazzjonali tal-finanzjament; billi d-WFP ġabar USD 88 miljun wara appell ta' urġenza u kien kapaċi jagħti assistenza alimentari lir-rifuġjati tal-Libanu, tal-Ġordan, tal-Eġittu u tat-Turkija; billi d-WFP jistma li 2,8 miljun ruħ fl-Iraq attwalment jeħtieġu assistenza alimentari; billi d-WFP waħdu kellu bżonn urġenti ta' USD 214,5 miljun għall-operazzjonijiet tiegħu fis-Sirja u fir-reġjun, li minnhom USD 112,6 miljun kienu meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta' assistenza alimentari għall-erba' xhur li jmiss;

R.  billi l-partijiet involuti fil-kunflitt użaw il-kastig kollettiv bħala arma tal-gwerra u serqu prodotti li ġejjin mill-għajnuna u bigħuhom illegalment, u b'hekk kisru l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

S.  billi, skont il-Kummissjoni, madwar 276 000 rifuġjat ippruvaw jidħlu fl-UE illegalment, u l-maġġoranza tagħhom qasmet il-Mediterran fi vjaġġi perikolużi; billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kważi 2 % tar-rifuġjati għerqu matul il-vjaġġ; billi l-organizzazzjonijiet kriminali qegħdin iġorru r-rifuġjati fuq "dgħajjes fantażma" li jbaħħru sparati bla kontroll lejn l-UE bil-pilota awtomatiku; billi fid-9 ta' Diċembru 2014 f'Ġinevra saret Konferenza dwar ir-Risistemazzjoni li matulha l-gvernijiet intrabtu li jieħdu 100 000 rifuġjat Sirjan; billi skont il-UNHCR il-kontributi għadhom mhumiex se jkunu suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni fir-reġjun;

T.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 3,3 biljun għall-assistenza għas-sokkors u l-irkupru favur is-Sirjani f'pajjiżhom u favur ir-rifuġjati u l-pajjiżi ospitanti; billi fl-2014 biss l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu t-tieni l-akbar donatur umanitarju lill-Iraq, b'għotja ta' EUR 163 miljun; billi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat fuq talba tal-Gvern tal-Iraq; billi l-UE nefqet aktar minn dak li pprevediet biex taffronta l-esiġenzi umanitarji, u billi l-fondi mwiegħda minn bosta pajjiżi li mhumiex membri tal-UE mhux dejjem ġew trasferiti fir-realtà;

U.  billi, minkejja d-diversi appelli, il-komunità internazzjonali mhux qed jirnexxilha tissodisfa l-bżonnijiet tas-Sirjani u tal-Iraqini u tal-pajjiżi li jagħtu kenn lir-rifuġjati; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU qegħdin ibatu minn nuqqas ta' finanzjament, inkwantu waslu biss 39 % taż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li l-għoti ta' għajnuna ta' sokkors għadu prijorità kruċjali iżda għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fir-reġjun biex iċ-ċivili u r-rifuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li jeħtieġu; billi l-aġenziji tan-NU li joperaw programmi umanitarji għandhom jiggarantixxu risposta aktar integrata u aktar kosteffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet kollha kkonċernati;

V.  billi l-komunità internazzjonali għandha tagħti risposta proporzjonata għall-isforzi militari, bl-iskop li ttaffi t-tbatija taċ-ċivili maqbudin fil-kunflitt; billi l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ser ikunu meħtieġa bħala element ta' miżuri ta' wara l-kunflitt u bħala pass lejn il-bini ta' governanza inklużiva, rappreżentattiva u demokratika;

W.  billi xi Stati Membri qed joffru tagħmir u għajnuna ta' taħriġ lill-forzi leġittimi tal-Iraq u lill-Peshmergas Kurdi; billi xi Stati Membri qegħdin jipparteċipaw b'mod dirett fl-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh;

1.  Jikkundanna bis-saħħa l-ksur tal-waħx, sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kommessi mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-qtil ta' ostaġġi, kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża jew etnika, u l-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jiddeplora t-twaqqif tal-hekk imsejħa "qrati tax-Xarija" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh; itenni l-kundanna assoluta tiegħu fil-konfront tat-tortura; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra, u jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha; jikkundanna bis-saħħa l-abbużi kommessi mill-ISIL/Daesh fuq it-tfal;

2.  Jesprimi tħassib dejjem jikber dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u fl-Iraq u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, mhux l-anqas fil-kuntest tal-ġlieda tal-ISIL/Daesh;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-gwerra li għaddejja bħalissa fis-Sirja u t-theddida reċenti maħluqa mill-ISIL/Daesh jikkostitwixxu periklu gravi għall-persuni fl-Iraq u fis-Sirja, u għal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; jistieden lill-UE tadotta u timplimenta strateġija reġjonali komprensiva biex tirbaħ lill-ISIL/Daesh u tikkontribwixxi fl-isforzi komuni intiżi biex itaffu l-kriżi umanitarja u jtemmu l-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq; ifakkar li tinħtieġ risposta koerenti bil-għan li jiġu kkoordinati l-aspetti kollha tal-intervent u appoġġati l-pajjiżi ospitanti, fosthom b'assistenza tas-sigurtà, umanitarja, tal-iżvilupp u makroekonomika; ifaħħar ir-rwol tal-pajjiżi ġirien billi aċċettaw lir-rifuġjati; jenfasizza li l-UE teħtieġ strateġija li tikkomplementa l-attivitajiet tan-NU u tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh u li għandha l-għan li tinvolvi lis-sħab reġjonali sabiex jindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, il-forniment tal-armi u l-fluss ta' ġellieda barranin transnazzjonali;

4.  Jenfasizza li diversi gruppi ta' minoranzi etniċi u reliġjużi ilhom jgħixu fil-paċi għal għexieren ta' snin fil-Lvant Nofsani;

5.  Jappoġġa l-kampanja globali kontra l-ISIL/Daesh, u jilqa' l-impenn tas-sħab fil-koalizzjoni biex jikkollaboraw bi strateġija komuni, multidimensjonali u fit-tul biex jegħlbu l-ISIL/Daesh; jappoġġa d-determinazzjoni qawwija tar-Re tal-Ġordan biex jiġġieled l-ISIL/Daesh; jilqa' t-telfa tal-ISIL/Daesh fil-belt Sirjana ta' Kobani; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza maħsuba biex tippermetti lill-pajjiżi tar-reġjun jikkumbattu l-estremiżmu vjolenti, flimkien mal-istrumenti intiżi għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, għandhom ikunu parti minn din l-istrateġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe kampanja militari intiża għal-liberazzjoni tat-territorji taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh għandha tosserva rigorożament id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġu evitati aktar imwiet u ma tissaħħaħx l-aġenda estremista, u sabiex jiġu evitati mewġiet ġodda ta' rifuġjati u persuni spostati internament;

6.  Jikkundanna l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata min-naħa tal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati, fatturi li jippermettu lill-ISIL/Daesh jiġġeneraw introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha josservaw ir-Riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw kull kummerċ, dirett jew indirett, mal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati;

7.  Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni taċ-ċivili fi ħdan strateġija reġjonali komprensiva, u l-bżonn li jinżammu separati l-isforzi umanitarji, militari u antiterroristiċi; jenfasizza l-interkonnessjoni bejn il-kunflitt u t-tbatija umanitarja u r-radikalizzazzjoni;

8.  Huwa tal-fehma li biex jiġi miġġieled it-terroriżmu ġewwa l-UE huwa kruċjali li tingħeleb it-theddida terroristika estremista li qed taqbad sew fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u lil hinn minnu, peress li l-avvanz tagħha fil-fatt jistimula r-radikalizzazzjoni mrawma internament;

9.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu mal-ISIL/Daesh fil-ġlieda tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-kumbattenti jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għal kooperazzjoni fl-UE u fuq livell internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

10.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Daesh threat", b'mod partikolari l-pakkett tagħha ta' EUR 1 biljun bħala "għajnuna biex jerġa' jkun hemm il-paċi u s-sigurtà li tkissru mit-terroriżmu u l-vjolenza għal wisq żmien", skont il-VP/RGħ;

11.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi aktar għajnuna umanitarja u assistenza lill-persuni milquta mill-kriżi fl-Iraq u s-Sirja; jistieden lill-UE tikkunsidra li tlaqqa' konferenza ta' donaturi; jilqa' l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna finanzjarja, u l-wegħdiet tagħhom għall-futur; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet u l-impenji tagħhom malajr; jappella għal żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-programmi umanitarji tan-NU u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

12.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-iskala bla preċedent tal-kriżi, jeħtieġ tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi li tittaffa t-tbatija li qed iġarrbu miljuni ta' Sirjani u Iraqini fil-bżonn ta' prodotti u servizzi bażiċi; jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, inkluż bil-qsim tal-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha, f'konformità mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din it-tema;

13.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw li ċ-ċivili jiġu protetti, ikollhom aċċess bla xkiel għal faċilitajiet mediċi u għajnuna umanitarja, u jkunu jistgħu jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur u dinjituż;

14.  Huwa konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarji immedjati jeħtieġ ikunu parti integrali ta' strateġiji fit-tul bl-għan li tittaffa t-tbatija umana li qed joħloq il-kunflitt u jsostnu d-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati, il-persuni spustati internament u r-rifuġjati, inklużi n-nisa, bil-għan li jkunu żgurati tmexxija u parteċipazzjoni msaħħa, bl-għan li jingħataw is-setgħa ta' azzjoni li jagħżlu soluzzjonijiet dejjiema li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa u tfal li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw minnufih azzjonijiet speċifiċi biex jaffrontaw is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Iraq u fis-Sirja u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ furzat tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, li qegħdin jintbagħtu l-ħabs, jiġu stuprati, jiġu abbużati sesswalment u jinbiegħu mill-membri tal-ISIL/Daesh;

16.  Iħeġġeġ attenzjoni mġedda fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, imfassla fuq il-bżonnijiet speċifiċi ġġenerati mill-kunflitt li għaddej;

17.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fir-rigward tal-Iraq u s-Sirja;

18.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li joperaw fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-aġenziji tan-NU, iżidu l-forniment ta' servizzi mediċi u ta' counselling, inklużi t-trattament u l-appoġġ psikoloġiċi, għal persuni spustati li ħarbu l-avvanzi tal-ISIL/Daesh, b'attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, jiġifieri s-superstiti tal-vjolenza sesswali u t-tfal; jitlob li tkun magħmula disponibbli assistenza finanzjarja u li jinħolqu programmi li jindirizzaw b'mod komprensiv il-ħtiġijiet mediċi/psikoloġiċi u soċjali tas-superstiti ta' vjolenza sesswali u sessista fl-ambitu tal-kunflitt li għaddej;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE tindirizza l-kwistjoni tal-vjaġġi – bosta drabi fatali – minn naħa għal oħra tal-Mediterran u timplimenta strateġija kkoordinata maħsuba biex issalva l-ħajjiet u biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri l-aktar milquta mill-wasla ta' migranti irregolari u persuni li jfittxu asil fi xtuthom;

20.  Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod sever, tad-delitti mwettqa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu, fosthom l-użu ta' armi kimiċi u inċendjarji kontra l-popolazzjoni ċivili, id-detenzjoni arbitrarja tal-massa u l-istrateġija ta' assedju tiegħu li jħalli lill-popolazzjoni bil-ġuħ sakemm din iċċedi;

21.  Jundika li r-rispons inadegwat għall-instabbiltà fis-Sirja ppermetta lill-ISIL/Daesh jżidu fis-setgħa; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-involviment li dejjem qed jikber ta' gruppi Iżlamisti estremisti u ġellieda barranin transnazzjonali fil-kunflitt fis-Sirja; jisħaq fuq il fatt li soluzzjoni dejjiema teħtieġ transizzjoni politika permezz ta' proċess politiku inklużiv, immexxi mis-Sirjani u msejjes fuq l-istqarrija ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jistieden lill-UE tieħu l-inizjattiva għal sforzi diplomatiċi għal dan il-għan; jilqa' u jappoġġa l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, u l-isforzi tiegħu biex jieqaf il-ġlied qalil fiċ-ċentri urbani, inkluża Aleppo;

22.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu fl-isforzi biex titrażżan it-tensjoni fl-Iraq u fis-Sirja;

23.  Jistieden lill-mexxejja Iraqin il-ġodda jsarrfu f'realtà l-impenn tagħhom għal gvern inklużiv – gvern li jirrappreżenta l-interessi leġittimi u jvinċi l-esiġenzi umanitarji traġiċi tal-Iraqin kollha; jistieden lill-awtoritajiet Iraqini u lill-komunità internazzjonali jipprevjenu l-vendikazzjonijiet kontra l-popolazzjoni ċivili Sunnita meta jkunu ġew liberati ż-żoni li bħalissa jinsabu fil-kontroll tal-ISIL/Daesh; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u jsir żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

24.  Jilqa' l-isforzi tal-uffiċċju tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni f'Erbil, il-belt kapitali tar-Reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq, biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun; jenfasizza li hemm bżonn tiżdied u titjieb il-koordinazzjoni bejn l-ECHO u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), sabiex il-popolazzjonijiet fil-bżonn jinqdew bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effikaċi;

25.  Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, rigward il-ftuħ ta' uffiċċju tal-UE f'Erbil u jitlob li dan il-ftuħ isir sabiex jitjiebu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fuq il-post, fosthom permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp; jappella għat-tisħiħ tal-uffiċċju tal-UE f'Gaziantep, it-Turkija;

26.  Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIL/Daesh u gruppi terroristiċi assoċjati, u biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa;

27.  Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabbiltà tad-delitti li twettqu minn kull naħa matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward, bħala pereżempju permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

28.  Jitlob miżuri ta' responsabbiltà ndaqs għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u aċċess għas-sostenn legali lill-vittmi kollha tal-ksur onnipreżenti; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza fundamentali li tiġi garantita l-protezzjoni taċ-ċivili li jinsabu maqbuda mill-vjolenza u ma jistgħux jaslu f'postijiet sikuri jew ma jistgħux jaċċedu għall-assistenza umanitarja li ssalva l-ħajjiet;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

Avviż legali