Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/0059(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0141/2015

Testi mressqa :

A8-0141/2015

Dibattiti :

PV 19/05/2015 - 3
CRE 19/05/2015 - 3
PV 15/03/2017 - 14
CRE 15/03/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2015 - 10.7
CRE 20/05/2015 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 16/03/2017 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0204
P8_TA(2017)0090

Testi adottati
PDF 565kWORD 228k
L-Erbgħa, 20 ta' Mejju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni ta' importaturi ta' ċerti minerali jew metalli li joriġinaw f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli ***I
P8_TA(2015)0204A8-0141/2015

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-20 ta' Mejju 2015 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli (COM(2014)0111 – C7-0092/2014 – 2014/0059(COD))(1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 1
(1)  Riżorsi minerali naturali f'żoni affettwati minn kunflitti jew f'żoni ta' riskju għoli − għalkemm għandhom potenzjal għoli għall-iżvilupp jistgħu jkunu kawża ta' tilwim fejn id-dħul tagħhom jalimenta t-tifqigħa jew il-kontinwazzjoni ta' kunflitt vjolenti, u jdgħajjfu l-isforzi nazzjonali lejn l-iżvilupp, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt. F'dawn l-oqsma, il-ksur tar-rabta ta' bejn il-kunflitt u l-isfruttament illegali tal-minerali huwa kruċjali għall-paċi u l-istabbiltà.
(1)  Riżorsi minerali naturali f'żoni affettwati minn kunflitti jew f'żoni ta' riskju għoli − għalkemm għandhom potenzjal għoli għall-iżvilupp jistgħu jkunu kawża ta' tilwim fejn id-dħul tagħhom jalimenta t-tifqigħa jew il-kontinwazzjoni ta' kunflitt vjolenti, u jdgħajfu l-isforzi lejn l-iżvilupp, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt. F'dawn iż-żoni, il-ksur tar-rabta ta' bejn il-kunflitt u l-isfruttament illegali tal-minerali huwa element kruċjali sabiex jiġu garantiti l-paċi, l-iżvilupp u l-istabbiltà.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 1 a (ġdida)
(1a)  L-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma komuni fi ħdan l-industrija estrattiva u jistgħu jinkludu tħaddim tat-tfal, vjolenza sesswali, għajbien sfurzat, ir-risistemazzjoni sfurzata u l-qerda ta' siti sinifikanti fuq livell ritwali jew kulturali.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 2
(2)  Il-kwistjoni tikkonċerna r-reġjuni għonja fir-riżorsi fejn l-isfida ppreżentata mix-xewqa li jitnaqqas il-finanzjament ta' gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà ġiet indirizzata minn gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali flimkien mal-operaturi kummerċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
(2)  Il-kwistjoni tikkonċerna żoni għonja fir-riżorsi fejn l-isfida ppreżentata mix-xewqa li jiġi evitat il-finanzjament ta' gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà ġiet indirizzata minn gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali flimkien mal-operaturi kummerċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa li huma fuq quddiem sabiex jiġbdu l-attenzjoni dwar il-kundizzjonijet ta' sfruttament imposti minn dawn il-gruppi, kif ukoll dwar l-istupru u l-vjolenza użati biex jiġu kkontrollati popolazzjonijiet lokali.
(Din l-emenda li tirriżulta fil-bdil tal-kelma "reġjuni" għal "żoni" tapplika matul it-test kollu).
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 5 a (ġdida)
(5a)  Dan ir-Regolament huwa wieħed mill-mezzi biex jiġi eliminat il-finanzjament lill-gruppi armati permezz tal-kontroll fuq il-kummerċ fil-minerali minn reġjuni ta' kunflitt; dan ma jbiddilx il-fatt li l-azzjonijiet tal-politika barranija u tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea għandhom jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni lokali u l-fatt li l-fruntieri huma porużi, u fuq il-forniment ta' taħriġ lill-popolazzjonijiet lokali u lir-rappreżentati tagħhom sabiex jinxteħet dawl fuq l-abbużi.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 7
(7)  Fis-7 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li titlob lill-Unjoni sabiex tagħmel leġiżlazzjoni fuq il-mudell tal-liġi tal-'minerali ta' kunflitt' tal-Istati Uniti aliasit-Taqsima 1502 tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act; U l-Kummissjoni ħabbret fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal- 2011 u 2012il-ħsieb tagħha biex tesplora modi kif tista' tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, inklużi aspetti ta' diliġenza dovuta. F'din il-komunikazzjoni tal-aħħar u b'konformità mal-impenn li għamlet fil-Kunsill Ministerjali tal-OECD ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni ppromwoviet aktar appoġġ għal u l-użu tal-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, u tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta - anki barra s-sħubija tal-OECD.
(7)  Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010, tat-8 ta' Marzu 2011, tal-5 ta' Lulju 2011 u tas-26 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew talab lill-Unjoni sabiex tagħmel leġiżlazzjoni fuq il-mudell tal-liġi tal-'minerali ta' kunflitt' tal-Istati Uniti magħrufa bħala t-Taqsima 1502 tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act; u l-Kummissjoni ħabbret fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-2011 u 2012 il-ħsieb tagħha biex tesplora modi kif tista' tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, inklużi aspetti ta' diliġenza dovuta. F'din il-komunikazzjoni tal-aħħar u b'konformità mal-impenn li għamlet fil-Kunsill Ministerjali tal-OECD ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni ppromwoviet aktar appoġġ għal u l-użu tal-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, u tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta - anki barra s-sħubija tal-OECD.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 8
(8)  Ċittadini tal-Unjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili qajmu l-kuxjenza fir-rigward ta' kumpaniji li joperaw fil-ġurisdizzjoni tal-Unjoni talli ma jitqisux responsabbli għall-konnessjoni potenzjali tagħhom mal-estrazzjoni illegali u l-kummerċ ta' minerali minn reġjuni ta' kunflitt. Il-konsegwenza ta' dan hija li dawn il-minerali, potenzjalment preżenti fi prodotti tal-konsumatur, jgħaqqdu l-konsumaturi mal-kunflitti barra l-Unjoni. Għal dan l-għan, iċ-ċittadini talbu notevolment permezz ta' petizzjonijiet, li l-leġiżlazzjoni tiġi proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jżommu lill-kumpaniji responsabbli skont il-linji gwida kif stabbilit min-NU u l-OECD.
(8)  Ċittadini tal-Unjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili qajmu l-kuxjenza fir-rigward ta' kumpaniji li joperaw fil-ġurisdizzjoni tal-Unjoni talli ma jitqisux responsabbli għall-konnessjoni potenzjali tagħhom mal-estrazzjoni illegali u l-kummerċ ta' minerali minn reġjuni ta' kunflitt. Il-konsegwenza ta' dan hija li dawn il-minerali, potenzjalment preżenti fi prodotti tal-konsumatur, jgħaqqdu l-konsumaturi mal-kunflitti barra l-Unjoni. B'hekk, il-konsumaturi huma mgħaqqda indirettament ma' kunflitti li għandhom impatti severi fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa, peress li l-gruppi armati ħafna drabi jużaw l-istupru tal-massa bħala strateġija maħsuba sabiex jintimidaw u jikkontrollaw lill-popolazzjonijiet lokali sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom. Għal dan l-għan, iċ-ċittadini talbu notevolment permezz ta' petizzjonijiet, li l-leġiżlazzjoni tiġi proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jżommu lill-kumpaniji responsabbli skont il-linji gwida kif stabbilit min-NU u l-OECD.
Emendi 71, 91 u 112
Proposta għal regolament
Premessa 9 a (ġdida)
(9a)  Ir-Regolament jirrifletti l-ħtieġa ta' diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista kollha mis-sit ta' provenjenza sal-prodott finali, billi l-kumpaniji kollha li jqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq Ewropew ir-riżorsi koperti — inklużi prodotti li jkun fihom dawk ir-riżorsi — ikunu obbligati jwettqu d-diliġenza dovuta fuq il-katina tal-provvista tagħhom u jirrapportaw pubblikament dwarha. Bi qbil man-natura tad-diliġenza dovuta, l-obbligi individwali tad-diliġenza dovuta li huma previsti f'dan ir-Regolament għandhom jirriflettu n-natura progressiva u flessibbli tal-proċessi ta' diliġenza dovuta, u l-ħtieġa ta' obbligi li jkunu mfassla apposta għaċ-ċirkustanzi individwali tal-intrapriżi. L-obbligi għandhom ikunu mfassla skont id-daqs, is-saħħa u l-pożizzjoni ta' kumpanija fil-katina tal-provvista tagħha.
Emenda 57
Proposta għal regolament
Premessa 11 a (ġdida)
(11a)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a tirrikjedi li l-kumpaniji b'aktar minn 500 impjegat jiżvelaw informazzjoni dwar għadd ta' politiki inklużi dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem, dawk kontra l-korruzzjoni u dawk dwar id-diliġenza dovuta fil-katina ta' provvista. Dik id-Direttiva tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida b'mod li tiffaċilita l-iżvelar ta' din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li f'dawk il-linji gwida tinkludi indikaturi tal-prestazzjoni fir-rigward tal-akkwist ta' minerali u metalli bi provenjenza responsabbli.
__________________
1a Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 11 b (ġdida)
(11b)  Ħafna mis-sistemi eżistenti tad-diligenza dovuta fil-katina tal-provvista jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Diġà jeżistu skemi tal-industrija bil-għan li jiksru r-rabta bejn il-kunflitt u l-provenjenza tal-landa, tantalu, tungstenu u deheb. Dawn l-iskemi jużaw awditi mwettqa minn partijiet terzi indipendenti biex jiċċertifikaw biss lil dawk il-funderiji u r-raffineriji li jkollhom fis-seħħ sistemi li jiżguraw li l-metalli u l-minerali li jakkwistaw għall-proċessi ta' produzzjoni tagħhom ikollhom provenjenza responsabbli. Dan l-iskemi tal-industrija jistgħu jiġu rikonoxxuti fis-sistema tal-Unjoni. Madankollu, il-kriterji u l-proċeduri għar-rikonoxximent ta' dawn l-iskemi bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li jiġu ċċarati biex jippermettu r-rispett għal standards għolja u jiġi evitat l-awditjar doppju.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Premessa 12
(12)  Il-kumpaniji tal-Unjoni esprimew l-interess tagħhom permezz ta' konsultazzjoni pubblika fil-provenjenza responsabbli ta' minerali u rrappurtaw dwar skemi attwali tal-industrija, imfassla biex ikomplu l-għanijiet tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, it-talbiet tal-klijenti, jew is-sigurtà tal-provvisti tagħhom. Madankollu, il-kumpaniji tal-Unjoni rrappurtaw ukoll ħafna diffikultajiet biex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista minħabba l-katini tal-provvista globali twal u kumplessi li jinvolvu għadd għoli ta' operaturi li spiss m'humiex konxji biżżejjed jew m'humiex ikkonċernati etikament. L-ispiża tal-provenjenza responsabbli u tal-impatt potenzjali tagħha fuq il-kompetittività l-aktar fuq l-SMEs għandha tiġi sorveljata mill-Kummissjoni.
(12)  Il-kumpaniji tal-Unjoni esprimew l-interess tagħhom permezz ta' konsultazzjoni pubblika biex jakkwistaw minerali bi provenjenza responsabbli u rrappurtaw dwar skemi attwali tal-industrija, imfassla biex ikomplu l-għanijiet tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, it-talbiet tal-klijenti, jew is-sigurtà tal-provvisti tagħhom. Madankollu, il-kumpaniji tal-Unjoni rrappurtaw ukoll ħafna diffikultajiet u sfidi prattiċi biex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista minħabba katini tal-provvista globali twal u kumplessi li jinvolvu għadd kbir ta' operaturi li spiss mhumiex konxji biżżejjed jew m'humiex ikkonċernati etikament. L-ispiża biex jiġu akkwistati minerali bi provenjenza responsabbli, ta' awditjar minn partijiet terzi, tal-konsegwenzi amministrattivi u tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-kompetittività l-aktar fuq l-SMEs għandha tiġi sorveljata mill-qrib u rappurtata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lil mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'assistenza teknika u finanzjarja u għandha tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni sabiex timplimenta dan ir-Regolament. L-SMEs stabbiliti fl-Unjoni li jimportaw minerali u metalli u li jistabbilixxu sistemi ta' diligenza dovuta għandhom jirċievu għajnuna finanzjarja permezz tal-programm tal-Kummissjoni COSME.
Emenda 12
Proposta għal regolament
Premessa 12 a (ġdida)
(12a)  Kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni li joperaw downstream fil-katina tal-provvista li jistabbilixxu volantarjament sistema biex jakkwistaw minerali u metali bi provenjenza responsabbli għandhom ikunu ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz ta' tikketta. Il-Kummissjoni għandha tistrieħ fuq il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta sabiex tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti ta' ċertifikazzjoni u, għal dak il-għan, tista' tikkonsulta lis-Segretarjat tal-OECD. Il-kundizzjonijiet għall-għoti taċ-"Ċertifikazzjoni Ewropea ta' responsabbiltà" għandhom ikunu strinġenti daqs dawk meħtieġa mis-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-OECD. Kumpaniji li jibbenefikaw miċ-"Ċertifikazzjoni Ewropew ta' responsabbiltà" huma mħeġġa juru dan il-fatt fuq is-sit web tagħhom u jinkluduh fl-informazzjoni li jfornu lill-konsumaturi Ewropej.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Premessa 13
(13)  Il-funderiji u r-raffineriji huma kwistjoni importanti fil-katini tal-provvista globali tal-minerali peress li jinsabu tipikament fl-aħħar stadju li fih tista' tiġi assigurata b'mod effettiv id-diliġenza dovuta bil-ġbir, id-divulgar u l-verifika tal-informazzjoni dwar l-oriġini tal-minerali u tal-katina ta' kustodja. Wara dan l-istadju ta' trasformazzjoni huwa ta' spiss ikkunsidrat li mhux fattibbli biex jiġu traċċati l-oriġini tal-minerali. Lista tal-Unjoni ta' funderiji u raffineriji responsabbli tista' għalhekk tipprovdi trasparenza u ċertezza għal kumpaniji downstream fir-rigward tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista.
(13)  Il-funderiji u r-raffineriji huma punt importanti fil-katini tal-provvista globali tal-minerali peress li jinsabu tipikament fl-aħħar stadju li fih tista' tiġi assigurata b'mod effettiv id-diliġenza dovuta bil-ġbir, id-divulgar u l-verifika tal-informazzjoni dwar l-oriġini tal-minerali u tal-katina ta' kustodja. Wara dan l-istadju ta' trasformazzjoni huwa ta' spiss ikkunsidrat li mhux fattibbli li jiġu traċċati l-oriġini tal-minerali. Dan japplika wkoll għall-metalli riċiklati, li jkunu għaddew minn fażijiet saħansitra aktar avvanzati fil-proċess tat-trasformazzjoni. Lista tal-Unjoni ta' funderiji u raffineriji responsabbli tista' għalhekk tipprovdi trasparenza u ċertezza għal kumpaniji downstream fir-rigward tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, impriżi upstream bħal funderiji u raffineriji għandhom jgħaddu minn awditu minn partijiet terzi indipendenti dwar il-prattiki ta' diligenza dovuta tal-katina tal-provvista tagħhom, bil-għan li jiddaħħlu fil-lista ta' funderiji u raffineriji responsabbli.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Premessa 13 a (ġdida)
(13a)  Funderiji u raffineriji li jipproċessaw u jimportaw minerali u konċentrati tagħhom għandhom l-obbligu li japplikaw is-sistema tal-Unjoni tad-diligenza dovuta fil-katina tal-provvista.
Emenda 16
Proposta għal regolament
Premessa 13 b (ġdida)
(13b)  Il-minerali u l-metalli kollha fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jintużaw f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fih. Huwa essenzjali li l-importaturi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Emenda 18
Proposta għal regolament
Premessa 15 a (ġdida)
(15a)  Sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament, għandu jiġi previst perjodu tranżitorju ta' sentejn biex jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi sistema ta' awditjar minn partijiet terzi u lill-importaturi responsabbli biex isiru familjari mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.
Emenda 19
Proposta għal regolament
Premessa 15 b (ġdida)
(15b)  Il-Kummissjoni għandha regolarment teżamina mill-ġdid l-assistenza finanzjarja u l-impenji politiċi tagħha fir-rigward ta' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli fejn il-landa, it-tantalu, it-tungstenu u d-deheb huma estratti, speċjalment fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, sabiex tiżgura l-koerenza fil-politika, u tinċentiva u ssaħħaħ ir-rispett għal governanza tajba, l-istat tad-dritt u fuq kollox estrazzjoni etika.
Emenda 20
Proposta għal regolament
Premessa 16
(16)  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-iskema. Mhux aktar minn tliet snin wara li jkun daħal fis-seħħ, u kull sitt snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tħaddim u l-effettività ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-promozzjoni ta' provenjenza responsabbli ta' minerali fl-ambitu tagħha f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli. Ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adegwati, li jistgħu jinkludu miżuri obbligatorji,
(16)  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti tal-iskema. Sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid it-tħaddim u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament u l-aħħar impatt tal-iskema fil-post fir-rigward tal-promozzjoni ta' prattiki biex jiġu akkwistati minerali bi provenjenza responsabbli fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adegwati, li jistgħu jinkludu aktar miżuri obbligatorji,
Emenda 21
Proposta għal regolament
Premessa 16 a (ġdida)
(16a)  Fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom tal-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà impenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament li jwasslu għal approċċ integrat tal-UE dwar il-prattiki biex tiġi akkwistata materja prima bi provenjenza responsabbli flimkien ma' dan ir-Regolament, bil-għan li mhux biss jintlaħaq livell għoli ta' parteċipazzjoni minn kumpaniji fis-sistema tal-Unjoni prevista f'dan ir-Regolament iżda wkoll li jiġi żgurat li jittieħed approċċ globali, koerenti u komprensiv għall-promozzjoni ta' prattiki biex tinstab materja prima bi provenjenza responsabbli minn żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli.
Emenda 60
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1
1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-katina ta’ provvista sabiex irażżan l-opportunitajiet għall-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà12 għal kummerċ fil-landa, tantalu u tungstenu, minerali tagħhom, u deheb. Huwa mfassal biex jipprovdi trasparenza u ċertezza fejn jidħlu l-prattiki tal-provvista ta’ importaturi, funderiji u raffineriji bi provenjenza f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta’ riskju għoli.
1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-katina ta’ provvista sabiex irażżan l-opportunitajiet għall-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà12 għal kummerċ fil-landa, tantalu u tungstenu, minerali tagħhom, u deheb. Huwa mfassal biex jipprovdi trasparenza u ċertezza fejn jidħlu l-prattiki tal-provvista ta’ importaturi, funderiji u raffineriji bi provenjenza f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta’ riskju għoli.
__________________
__________________
12 “Gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà” kif definiti fl-Anness II tal-OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply Chains of Minerals from Conflict-Affected and High-Risk Areas: It-tieni edizzjoni Pubblikazzjoni tal-OECD (OECD (2013), http://dx.doi.org/10.1787/9789264185050-en.
12 “Gruppi armati u forzi tas-sigurtà” kif definiti fl-Anness II tal-OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply Chains of Minerals from Conflict-Affected and High-Risk Areas: It-tieni edizzjoni Pubblikazzjoni tal-OECD (OECD (2013), http://dx.doi.org/10.1787/9789264185050-en.
Emenda 154
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 2
2.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni li jagħżlu li jkunu awtodikjarati bħala importaturi responsabbli ta' minerali jew metalli li fihom jew li jikkonsistu minn landa, tungstenu, tantalu u deheb, kif stipulat fl-Anness I.
2.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tal-importaturi kollha tal-Unjoni li l-provvisti tagħhom tal-minerali u l-metalli li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta. Din il-gwida hija intiża biex tiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà fir-rigward tal-prattiki ta' provvista tal-importaturi meta jieħdu provvisti minn żoni affettwati minn kunflitti jew f'żoni ta' riskju għoli, sabiex jiġu mminimizzati jew prevenuti kunflitti vjolenti u abbużi mid-drittijiet tal-bniedem billi jitnaqqsu l-opportunitajiet għal gruppi armati u forzi tas-sigurtà, kif definiti fl-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta, biex jinnegozjaw f'dawk il-minerali u l-metalli.
Emenda 23
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 2 a (ġdid)
2a.  Metalli li huma raġonevolment preżunti li huma riċiklati huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Emendi 76, 97, 117 u 135
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 2 b (ġdid)
2b.  Sabiex jipprevjeni distorsjonijiet mhux intenzjonati fis-suq, dan ir-Regolament għandu jiddistingwi bejn ir-rwol tal-impriżi li jinsabu upstream tal-katina tal-provvista u dawk li jinsabu downstream. L-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta jeħtieġ ikun imfassal speċifikament għall-attivitajiet tal-impriża konċernata, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-provvista.
Emendi 77, 98, 118 u 136
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 2 c (ġdid)
2c.  Il-Kummissjoni, b'ħidma bl-iskemi tal-industrija u skont il-Gwida tal-OECD tista' tipprovdi linji gwida ulterjuri dwar l-obbligi li għandhom jissodisfaw l-impriżi, skont il-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex tiżgura li s-sistema tinvolvi proċedura flessibbli li tqis il-pożizzjoni tal-SMEs.
Emenda 155
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 2 d (ġdid)
2d.  Skont dan ir-Regolament u f'konformità mal-Gwida dwar id-Diliġenza Dovuta tal-OECD, l-impriżi downstream għandhom jieħdu kull miżura raġonevoli biex jidentifikaw u jittrattaw ir-riskji fil-katina ta' provvista tagħhom tal-minerali u l-metalli koperti b'dan ir-Regolament. F'dan il-kuntest, huma għandhom l-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar il-prattiki ta' diliġenza dovuta li huma jużaw għal katina ta' provvista responsabbli.
Emenda 26
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt b a (ġdid)
(ba)  "metalli riċiklati" tfisser prodotti riġenerati, li kienu intenzjonati għall-utent finali jew li ġa għaddew minn konsumatur, jew fdal ta' metalli pproċessati maħluq waqt il-fabbrikazzjoni ta' prodott. 'metalli riċiklati' tinkludi materjali żejda, skaduti, difettużi, u ruttam tal-metall li jkun fihom metalli raffinati jew ipproċessati li jkunu jistgħu jiġu riċiklati fil-produzzjoni ta' landa, tantalu, tungstenu, u/jew deheb; minerali ipproċessati parzjalment, mhux ipproċessati jew li jkunu prodott sekondarju minn metall ieħor mhux maħdum mhumiex metalli riċiklati;
Emenda 24
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt e
(e)  "żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli" tfisser żoni fi stat ta' kunflitt armat, żoni fraġli wara l-kunflitt kif ukoll żoni b'governanza u sigurtà dgħajfa jew ineżistenti, bħalma huma stati falluti, u l-ksur mifrux u sistematiku tal-liġi internazzjonali, inkluż abbużi mid-drittijiet tal-bniedem;
(e)  "żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli" tfisser żoni fi stat ta' kunflitt armat, bi preżenza ta' vjolenza mifruxa, kollass tal-infrastruttura ċivili, żoni fraġli wara l-kunflitt kif ukoll żoni b'governanza u sigurtà dgħajfa jew ineżistenti, bħalma huma stati falluti, ikkaratterizzati minn ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit skont id-dritt internazzjonali;
Emenda 25
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt g
(g)  "importatur" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara l-minerali jew il-metalli fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera skont it-tifsira tal-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92;
(g)  "importatur" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tagħmel dikjarazzjoni għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera ta' minerali u metalli fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament f'ismu stess jew f'isem il-persuna li għan-nom tagħha ssir id-dikjarazzjoni; rappreżentant li jagħmel id-dikjarazzjoni filwaqt li jaġixxi f'isem u għan-nom ta' persuna oħra jew rappreżentant li jaġixxi f'ismu u għan-nom ta' persuna oħra huma wkoll meqjusa bħala importaturi għall-fini ta' dan ir-Regolament;
__________________
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
Emenda 100
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt h
(h)  “importatur responsabbli” tfisser kull importatur li jagħżel li jkun awtoċertifikat skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament;
imħassar
Emenda 138
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt i
(i)  "awtoċertifikazzjoni" tfisser l-att ta' dikjarazzjoni tal-osservanza għall-obbligi dwar sistemi ta’ ġestjoni, il-ġestjoni tar-riskju u l-verifika u d-divulgar ta' partijiet terzi kif stabbilit f’dan ir-Regolament;
imħassar
(Din l-emenda tapplika matul it-test kollu)
Emenda 29
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt q a (ġdid)
(qa)  "skema tal-industrija" tfisser tgħaqqid ta' proċeduri, għodod u mekkaniżmi għall-eżerċizzju voluntarju tad-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista, żviluppati u sorveljati minn assoċjazzjonijiet rilevanti tal-industrija, inkluż valutazzjoni tal-konformità ta' partijiet terzi;
Emenda 30
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt q b (ġdid)
(qb)  "gruppi armati u forzi tas-sigurtà" tfisser il-gruppi msemmija fl-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;;
Emenda 31
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – punt a
(a)  jadotta u jikkomunika b'mod ċar lill-fornituri u lill-pubbliku l-katina tal-provvista tiegħu għall-minerali u metalli li potenzjalment joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u żoni b'riskju għoli;
(a)  jadotta u jikkomunika b'mod ċar u sistematiku lill-fornituri u lill-pubbliku l-katina tal-provvista tiegħu għall-minerali u metalli li potenzjalment joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u żoni b'riskju għoli;
Emendi 85, 126 u 145
Proposta għal Regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1 a (ġdid)
Fejn kwalunkwe impriża tista' tikkonkludi b'mod raġonevoli li r-riżorsi huma ġejjin biss minn sorsi riċiklati jew ta' skart, hija għandha, b'rigward xieraq għall-kunfidenzjalità tan-negozju u tħassib kompetittiv ieħor:
(a)  tiddivulga publikament id-determinazzjoni tagħha; u
(b)  tiddeskrivi f'dettal raġonevoli l-miżuri tad-diliġenza dovuta li hija eżerċitat biex wasslet għal dik id-determinazzjoni.
Emenda 67
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid)
Importaturi responsabbli ċertifikati ta' metalli mdewba jew raffinati jkunu eżentati mit-twettiq ta' verifiki indipendenti min-naħa ta' partijiet terzi skont l-Artikolu 3(1a) ta' dan ir-Regolament jekk jissottomettu evidenza sostantiva li l-funderiji u r-raffineriji kollha fil-katina tal-provvista tagħhom huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Emenda 40
Proposta għal regolament
Artikolu 7 a (ġdid)
Artikolu 7a
Lista ta' importaturi responsabbli
1.  Abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni tadotta u tagħmel disponibbli pubblikament, deċiżjoni li fiha telenka l-ismijiet u l-indirizzi ta' importaturi ta' minerali u metalli responsabbli fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2.  Il-Kummissjoni tadotta l-lista skont il-mudell stabbilit fl-Anness Ia u l-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 13(2).
3.  Il-Kummissjoni taġġorna u tippubblika, anki fuq l-internet, l-informazzjoni inkluża fil-lista b'mod puntwali. Il-Kummissjoni tneħħi mil-lista l-ismijiet tal-importaturi li, f'każ ta' azzjoni ta' rimedju inadegwata mill-importaturi responsabbli, ma jkunux għadhom rikonoxxuti bħala importaturi responsabbli mill-Istati Membri skont l- Artikolu 14(3).
Emenda 43
Proposta għal regolament
Artikolu 7 b (ġdid)
Artikolu 7b
Obbligi ta' diliġenza dovuta applikabbli għall-funderiji u raffineriji
1.  Funderiji u raffineriji stabbiliti fl-Unjoni li jipproċessaw u jimportaw minerali u konċentrati tagħhom għandhom l-obbligu li japplikaw is-sistema tal-Unjoni tad-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista jew sistema ta' diliġenza dovuta rikonoxxuta bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni.
2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema Ewropea tad-diliġenza dovuta mill-funderiji u raffineriji. Jekk ikun hemm nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi, l-awtoritajiet jinnotifikaw il-fatt lill-funderija jew raffinerija, u jitolbuha tieħu miżuri korrettivi sabiex tkun konformi mas-sistema Ewropea tad-diliġenza dovuta. F'każ ta' nuqqas persistenti ta' konformità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jimponu penali għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Dawn il-penali jieqfu meta l-funderija jew ir-raffinerija tottempora mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Emenda 44
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 1
1.  Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni tadotta u tagħmel disponibbli pubblikament deċiżjoni li fiha telenka l-ismijiet u l-indirizzi ta' funderiji u raffineriji responsabbli ta' minerali fl-ambitu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
1.  Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni tadotta u tagħmel disponibbli pubblikament deċiżjoni li fiha telenka l-ismijiet u l-indirizzi ta' funderiji u raffineriji responsabbli.
Emenda 45
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 2
2.  Il-Kummissjoni tidentifika fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 dawk il-funderiji u raffineriji responsabbli li qed jissorsjaw għall-anqas b'mod parzjali minn żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli.
2.  Il-Kummissjoni tidentifika fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 dawk il-funderiji u raffineriji responsabbli li jakkwistaw il-metalli u l-minerali li jużaw fil-proċessi ta' produzzjoni tagħhom għall-anqas b'mod parzjali minn żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli. Din il-lista titfassal billi tieħu inkunsiderazzjoni skemi ekwivalenti tal-industrija, governattivi, jew oħrajn ta' diliġenza dovuta li jkopru l-minerali u l-metalli fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Emenda 46
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni tadotta l-lista skont il-mudell fl-Anness II u l-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 13(2). Is-segretarjat tal-OECD jiġi kkonsultat.
3.  Il-Kummissjoni tadotta l-lista billi tuża l-mudell fl-Anness II u skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(2). Is-segretarjat tal-OECD jiġi kkonsultat.
Emenda 47
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 4
4.  Il-Kummissjoni taġġorna l-informazzjoni inkluża fil-lista fil-ħin. Il-Kummissjoni tneħħi mil-lista l-ismijiet tal-funderiji u r-raffineriji li ma għadhomx rikonoxxuti bħala importaturi responsabbli mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(3), jew l-ismijiet tal-funderiji u r-raffineriji fil-katina ta' provvista tal-importaturi responsabbli li mhumiex rikonoxxuti aktar.
4.  Il-Kummissjoni taġġorna u tippubblika, anki fuq l-internet, l-informazzjoni inkluża fil-lista fil-ħin. Il-Kummissjoni tneħħi mil-lista l-ismijiet tal-funderiji u r-raffineriji li ma jkunux għadhom rikonoxxuti bħala importaturi responsabbli mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(3), jew l-ismijiet tal-funderiji u r-raffineriji fil-katina tal-provvista tal-importaturi responsabbli li ma jkunux għadhom rikonoxxuti.
Emenda 48
Proposta għal regolament
Artikolu 9 – paragrafu 2
2.  Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika, inkluż fuq l-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti skont il-mudell fl-Anness III u l-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 13. Il-Kummissjoni taġġorna l-lista regolarment.
2.  Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika, inkluż fuq l-internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti billi tuża l-mudell fl-Anness III u skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(2). Il-Kummissjoni taġġorna l-lista regolarment.
Emenda 151
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 1
1.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kontrolli ex post xierqa sabiex jiżguraw jekk l-importaturi responsabbli awtoċertifikati ta’ minerali u metalli fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7.
1.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kontrolli ex post xierqa sabiex jiżguraw jekk l-importaturi responsabbli ta’ minerali u metalli fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7.
Emenda 49
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 2
2.  Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jitwettqu b'approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta awtorità kompetenti jkollha f'idejha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta' tħassib sostanzjali minn partijiet terzi, dwar il-konformità ta' operatur responsabbli ma' dan ir-Regolament.
2.  Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jitwettqu b'approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, jitwettqu kontrolli wkoll meta awtorità kompetenti jkollha f'idejha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta' tħassib sostanzjali minn partijiet terzi, dwar il-konformità ta' operatur responsabbli ma' dan ir-Regolament.
Emenda 51
Proposta għal regolament
Artikolu 12 a (ġdid)
Artikolu 12a
Sabiex tinħoloq ċarezza u ċertezza għal konsistenza bejn l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs, il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-OECD, tipprepara linji gwida mhux vinkolanti f'forma ta' manwal għall-kumpaniji, fejn tispjega l-aħjar mod kif jiġu applikati l-kriterji għal dawk l-oqsma li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan il-manwal ikun ibbażat fuq id-definizzjoni ta' żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta' riskju għoli skont l-Artikolu 2(e) ta' dan ir-Regolament u jieħu inkunsiderazzjoni l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta f'dan il-qasam.
Emenda 52
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Meta l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, din il-proċedura tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-mexxej tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta titlob dan maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.
imħassar
Emenda 53
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – paragrafu 2 a (ġdid)
(2a)  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Emenda 55
Proposta għal regolament
Artikolu 15 a (ġdid)
Artikolu 15a
Miżuri ta' akkumpanjament
1.  Il-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva, kif xieraq, fi ħdan il-perjodu tranżitorju li tistabbilixxi miżuri ta' akkumpanjament sabiex tissaħħaħ l-effikaċja ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli. Lejn Approċċ integrat tal-UE" (JOIN (2014)0008).
Miżuri ta' akkumpanjament li jiżguraw approċċ integrat tal-UE għad-dmir li, għall-proċessi ta' produzzjoni, jiġu akkwistati metalli u minerali bi provenjenza responsabbli jipprevedu:
(a)  appoġġ lill-intrapriżi li jkollhom prattiki biex il-metalli u l-minerali li jakkwistaw għall-proċessi ta' produzzjoni tagħhom ikollhom provenjenza responsabbli fil-forma ta' inċentivi, assistenza teknika u gwida għall-intrapriżi, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex tkun iffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;
(b)  djalogi ta' politika li għaddejjin ma' pajjiżi terzi u partijiet interessati oħra, inkluża l-possibbiltà ta' armonizzazzjoni ma' sistemi ta' ċertifikazzjoni nazzjonali u reġjonali u kooperazzjoni ma' inizjattivi pubbliċi privati;
(c)  kooperazzjoni għall-iżvilupp kontinwa u mmirata ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni ta' minerali mhux ta' kunflitt u għajnuna sabiex l-intrapriżi lokali jitqiegħdu f'pożizzjoni aħjar biex jottemporaw ruħhom ma' dan ir-Regolament;
(d)  kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għat-tnedija ta' inizjattivi komplementari fil-qasam ta' tagħrif għall-konsumatur, l-investitur u l-klijent u aktar inċentivi għal imġiba responsabbli tal-kumpaniji u għal klawsoli ta' prestazzjoni f'kuntratti ta' akkwist iffirmati mill-awtoritajiet nazzjonali skont it-termini tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a.
2.  Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali dwar il-prestazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament implimentati skont il-paragrafu 1 u dwar l-impatt u l-effikaċja tagħhom.
Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
Emenda 56
Proposta għal regolament
Artikolu 16 – paragrafu 1 a (ġdid)
Dan ir-Regolament japplika minn …*
___________________________
*Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament
Emenda 59
Proposta għal regolament
Anness II – Kolonna C a (ġdida)
Kolonna Ca: Tip ta' mineral

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0141/2015).

Avviż legali