Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0469/2015

Dibattiti :

PV 21/05/2015 - 5.2
CRE 21/05/2015 - 5.2

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0211

Testi adottati
PDF 272kWORD 81k
Il-Ħamis, 21 ta' Mejju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qagħda ta’ rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja
P8_TA(2015)0211RC-B8-0469/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar il-qagħda ta’ rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja (2015/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar/Burma u r-Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012(1), it-13 ta' Settembru 2012(2), it-22 ta' Novembru 2012(3) u t-13 ta' Ġunju 2013(4), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-aċċess tal-Mjanmar/Burma għall-preferenzi fit-tariffi ġeneralizzati(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati mill-Burma fit-Tajlandja(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) tas-6 ta' Mejju 2015 dwar l-oqbra tal-massa Rohingya fit-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, partikolarment il-paragrafi 13, 15, 16 u 18 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-appell tal-UNHCR tal-15 ta' Mejju 2015 lill-gvernijiet reġjonali biex iwettqu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, li fih hija wissiet dwar "diżastru umanitarju potenzjali",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fi kriżi dejjem ikbar madwar ir-reġjun kollu, huwa stmat li eluf ta' Rohingya u rifuġjati oħra għadhom bil-Baħar Andaman u fil-Fliegu ta' Malacca, xi wħud abbandunati mit-traffikanti tagħhom bi ftit li xejn ilma u ikel, u qed jintefgħu lura l-baħar meta d-dgħajjes tagħhom jidħlu fl-ilmijiet territorjali;

B.  billi fl-1 u l-4 ta' Mejju 2015, il-pulizija militari skopriet il-kadavri ta' mill-inqas 30 Musulman etniku Rohingya f'kamp ta' traffikar tal-bnedmin issuspettat fid-distrett ta' Sadao tal-Provinċja ta' Songkhla, qrib il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Mależja; billi kamp ieħor b'mill-inqas 5 oqbra oħrajn instab xi ftit jiem wara;

C.  billi r-Rohingya għadhom qed ibatu minn persekuzzjoni u diskriminazzjoni, u għadhom qed jiġu deprivati b'mod arbitrarju miċ-ċittadinanza tagħhom tal-Myanmar/Burma, u għalhekk jinsabu mingħajr stat; billi fl-1 ta’ April 2015, il-Gvern tal-Myanmar/Burma rtira l-karti tal-identità temporanji tagħhom, u b'hekk iċċaħħdu mid-drittijiet tal-vot; billi l-impunità għadha għaddejja f'każijiet ta' delitti u atroċitajiet kontrihom;

D.  billi r-Rohingya telqu mill-Myanmar/Burma f’numri kbar minħabba li tfaqqigħ ta’ vjolenza fl-2012 ħalla l-viċinati meqruda u mijiet ta’ nies mejta; billi ħafna minn dawk li ħarbu waqgħu f’idejn gruppi tat-traffikar li joperaw fi ħdan il-Bajja ta’ Bengal;

E.  billi skont ir-rapport perjodiku tal-UNHCR tat-8 ta' Mejju 2015, madwar 25 000 ruħ Rohingya u mill-Bangladexx telgħu fuq dgħajjes ta' traffikanti bejn Jannar u Mejju 2015; billi dan jammonta għal kważi d-doppju tal-persuni li għamlu dan tul l-istess perjodu fl-2014;

F.  billi bosta eluf ta’ Rohingya ħarbu bil-baħar biex jeħilsu mill-persekuzzjoni, u billi mijiet tilfu ħajjithom f’dgħajjes li għerqu jew minħabba li ġew mitfugħa lura fil-baħar;

G.  billi mir-repressjoni, it-traffikanti tal-bnedmin bdew jieħdu rotot tal-baħar; billi hemm għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' migranti li jitħallew fil-baħar mit-traffikanti tagħhom;

H.  billi eluf ta' persuni Rohingya u migranti oħra għadhom qed jiġu ttraffikati minn ġot-Tajlandja u minn pajjiżi oħra tar-reġjun mit-traffikanti tal-bnedmin, f'xi każijiet bl-inklużjoni ta' awtoritajiet lokali korrotti Tajlandiżi, u jiġu miżmuma f'kundizzjonijiet inumani f'kampijiet fil-ġungla fin-Nofsinhar tat-Tajlandja, fejn jiġu ttorturati, imġewħa u msawta sal-mewt biex jinkiseb ħlas għalihom mill-familji tagħhom, jew jinbiegħu fi skjavitù;

I.  billi l-UNHCR talbet rispons konġunt wara s-sejba tal-oqbra tal-massa ta' Rohingya fit-Tajlandja, u ħeġġet lill-pajjiżi fir-reġjun biex isaħħu l-kooperazzjoni kontra t-traffikar u l-miżuri tagħhom kontra t-traffikar filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi;

J.  billi l-kwistjoni tar-Rohingya ma ġietx diskussa matul is-26 Samit reċenti tal-ASEAN, li sar mis-26 sat-28 ta' April 2015 fil-Mależja;

K.  billi mill-2010 sal-2015, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) ipprovda madwar EUR 57.3 miljun f'għajnuna umanitarja lill-persuni vulnerabbli fl-Istat ta' Rakhine; billi fl-2015, l-ECHO qed jiffinanzja proġetti madwar l-Istat ta’ Rakhine biex jindirizzaw uħud mill-aktar bżonnijiet urġenti fost ir-Rohingya fil-bliet żgħar fit-Tramuntana, inklużi l-ikel u n-nutrizzjoni, servizzi tas-saħħa bażiċi kif ukoll il-provvista ta’ oġġetti domestiċi bażiċi oħra, u l-appoġġ tal-popolazzjoni spostata mill-2012;

L.  billi l-ECHO alloka EUR 325 000 lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) sa mill-2013 biex din tipprovdi ikel, oġġetti tad-dar bażiċi, kura tas-saħħa u protezzjoni lil madwar 3 000 Rohingya irġiel, nisa u tfal miżmuma fit-Tajlandja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya u l-kriżi umanitarja li qed isseħħ bħalissa fl-ibħra u fl-ilmijiet territorjali bejn il-Myanmar, il-Bangladexx, it-Tajlandja u l-Indoneżja, u jinsab ixxukkjat bis-sejbiet wara l-eżumazzjonijiet reċenti ta’ għexieren ta’ kadavri minn oqbra tal-massa qrib il-kampijiet tat-traffikar tal-bniedem fin-Nofsinhar tat-Tajlandja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jwettqu investigazzjonijiet kriminali immedjati, sħaħ u kredibbli ta’ oqbra tal-massa tal-Musulmani Rohingya, u jekk ikun meħtieġ b'assistenza tan-NU, jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jilqa' r-rikonoxximent min-naħa tal-Gvern Tajlandiż tal-problema tat-traffikar tal-bnedmin fit-Tajlandja u fir-reġjun, u tal-kompliċità ta' ċerti awtoritajiet korrotti fit-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Gvern tat-Tajlandja u l-uffiċjali tiegħu jtemmu kull kompliċità ma’ klikek kriminali tat-traffikar tal-persuni Rohingya u migranti oħra fit-Tajlandja;

4.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex isaħħu l-kooperazzjoni kontra t-traffikar u dwar miżuri kontra t-traffikar filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi; jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollha f’dan ir-rigward l-ASEAN; iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' stati fir-reġjun biex jieħdu sehem fil-laqgħa reġjonali li jmiss dwar is-sitwazzjoni b'rabta mal-migranti, li se ssir fit-Tajlandja fid-29 ta' Mejju 2015 f'Bangkok; jilqa' t-tfassil tal-Konvenzjoni tal-ASEAN kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal (ACTIP), li għandha tiġi appoġġata mill-mexxejja tal-ASEAN matul l-2015;

5.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u jipprovdu lil persuni Rohingya li qed ifittxu asil mill-inqas bi protezzjoni temporanja, filwaqt li jappoġġaw lill-Gvern Burmiż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet ekwitabbli u fit-tul għall-kawżi sottostanti;

6.  Jitlob ukoll lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jibdel il-politiki tiegħu u jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tintemm il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni tal-minoranza Rohingya; itenni t-talbiet tiegħu għal emenda jew revoka tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya jkollhom aċċess indaqs għaċ-ċittadinanza tal-Myanmar/Burma;

7.  Jilqa' d-dikjarazzjoni li waslet tard ħafna tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit tal-oppożizzjoni ta' Aung San Suu Kyi, il-Liga Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), fejn intqal li l-Gvern tal-Myanmar/Burma għandu jagħti ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

8.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-Indoneżja, tal-Mależja u tat-Tajlandja jqiegħdu bħala prijorità ewlenija tagħhom is-salvataġġ ta' migranti u rifuġjati abbandunati f'dgħajjes fil-Bajja ta' Bengal u fil-Baħar Andaman, u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Mależja u l-Indoneżja tal-20 ta' Mejju 2015 li se jagħtu rifuġju temporanju lill-migranti li jinsabu fl-ibħra;

9.  Jilqa' l-għajnuna pprovduta mill-Unjoin Ewropea u minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR lir-Rohingya fil-Myanmar/Burma u fit-Tajlandja, u l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-persuni spustati internament fl-Istat ta' Arakan/Rakhine, lil Rohingya mingħajr dokumenti u lil popolazzjonijiet ospitanti vulnerabbli fil-Bangladexx, u lil migranti Rohingya u mill-Bangladexx li bħalissa huma miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni tal-migranti (irġiel) jew ċentri ta' welfare soċjali (nisa u tfal) fit-Tajlandja;

10.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jindirizza din il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tiegħu mal-Myanmar/Burma u ma’ pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Myanmar/Burma, lill-Gvern u l-Parlament tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ stati oħra fir-reġjun.

(1) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 145.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0464.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0286.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0228.
(6) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 144.

Avviż legali