Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2220(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0054/2015

Testi mressqa :

A8-0054/2015

Dibattiti :

PV 19/05/2015 - 9
CRE 19/05/2015 - 9

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.4
CRE 21/05/2015 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0213

Testi adottati
PDF 415kWORD 152k
Il-Ħamis, 21 ta' Mejju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
P8_TA(2015)0213A8-0054/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni) (2014/2220(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (12094/14), b’mod partikolari l-partijiet dwar il-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 24 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-4 ta’ April 2014 u s-7 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, Ewropa sikura f'dinja aħjar, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha, Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta’ Novembru 2013 u tat-18 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress tas-7 ta’ Lulju 2014 mir-RGħ/VP u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-RGħ/VP u l-Kummissjoni, L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni, u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2013, kif ukoll il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża adottat fit-18 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar is-sigurtà marittima tal-UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE ta’ Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża adottat fit-18 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2013 “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” (COM(2013)0542) u tal-pjan direzzjonali ta' implimentazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2014 (COM(2014)0387),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni, b’mod partikolari dawk tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni(3) u dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea(4)u tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar id-dimensjoni marittima tal-politika ta’ sigurtà u ta' difiża komuni(5) u dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012, Ċibersigurtà u Difiża(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(9) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tas-SEAE tal-2013 tas-17 ta’ December 2013(10),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0054/2015),

Il-kuntest ġenerali tas-sigurtà

1.  Iqis li l-ambjent ta’ sigurtà tal-UE u tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba l-għadd kbir ta’ sfidi għas-sigurtà fit-tul u emerġenti ġodda; iqis li l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina, il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq, bl-iżvilupp tal-organizzazzjoni terroristika ISIS, il-kriżi Libjana u t-theddida terroristika fl-Afrika (b’mod partikolari fis-Saħel, il-Libja u l-Qarn tal-Afrika) huma theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni; iqis ukoll li l-orjentament Amerikan ġdid fir-rigward tal-Asja-Paċifiku u l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-baġits u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri lkoll jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jerfgħu responsabbiltà ikbar għas-sigurtà u d-difiża tagħhom stess; jinsisti li l-UE se tkun kapaċi tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà msemmija hawn fuq biss jekk l-istrutturi u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien fi sforz komuni u verament koordinat fil-kuntest tal-PESK/PSDK;

2.  Iqis li l-livell attwali ta’ instabilità fil-fruntieri tal-UE u fil-viċinat immedjat tagħha kien bla prċedent minn tmiem is-snin disgħin 'l hawn, meta ġew stabbiliti l-PESD/PSDK; jinsab imħasseb dwar kemm l-Unjoni se tkun kapaċi jkollha rwol deċiżiv biex tiffaċċja kull waħda minn dawn it-theddidiet u li spiss qed ikollha tibbaża fuq l-inizjattivi ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq alleanzi ad hoc fejn ir-rwol tagħha jkun biss marġinali jew ta’ riżerva;

3.  Iqis li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, bħala kwistjoni ta’ urġenza kbira, jadattaw għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà, b’mod partikolari billi jagħmlu użu effettiv ta’ għodod eżistenti tal-PSDK, inkluż billi jorbtuhom aħjar mal-istrumenti tal-affarijiet barranin tal-UE, l-għajnuna umanitarja, u l-politika tal-iżvilupp, jikkoordinaw l-azzjonijiet nazzjonali u jiġbru flimkien ir-riżorsi aktar mill-qrib u, fejn xieraq, billi jintroduċu b’mod prammatiku u flessibbli arranġamenti ġodda biex tiġi espressa s-solidarjetà Ewropea; jenfasizza li l-konfini bejn is-sigurtà esterna u interna qed isiru dejjem aktar imċajpra; jappella għalhekk għal aktar koerenza bejn l-istrumenti esterni u interni, u għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-Istati Membri, speċjalment fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberdifiża u l-migrazzjoni, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ;

4.  Jenfasizza li s-saħħa tal-Unjoni u r-rilevanza jinsabu fil-kapaċità tagħha li timmobilizza r-riżorsi u tinkludi simultanjament firxa wiesgħa ta’ strumenti diplomatiċi, ta’ sigurtà, ta’ difiża, ekonomiċi, kummerċjali, tal-iżvilupp u umanitarji, u dan b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jinsisti fuq il-fatt li l-istrumenti militari u ċivili tal-PSDK jagħmlu parti integrali minn dan l-approċċ komprensiv;

Mill-Kunsill ta’ Diċembru 2013 sa Ġunju 2015: il-PSDK hija verament prijorità?

5.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013 li jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u titqawwa l-industrija Ewropea tad-difiża;

6.  Iqis ta’ dispjaċir, speċjalment fir-rigward taż-żieda fl-instabilitajiet esterni, il-fatt li l-injezzjoni ta’ stimolu politiku fl-2013 ma wasslitx għal kooperazzjoni msaħħa u l-implimentazzjoni sostanzjali u rapida ta’ miżuri prattiċi, proporzjonati mal-livelli ddikjarati ta’ ambizzjoni; iqis li fil-preżent l-Unjoni bilkemm għandha r-riżorsi meħtieġa, operazzjonalment, industrijalment jew f’termini ta’ kapaċitajiet, sabiex tikkontribwixxi b’mod deċiżiv lejn il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet internazzjonali, u sabiex tafferma l-awtonomija strateġika tagħha stess u l-interessi strateġiċi, f’konformità mal-valuri u n-normi minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona; jistieden lill-Istati Membri jkomplu b'miżuri konkreti bħala kwistjoni ta’ urġenza;

7.  Jilqa’ l-ħatra tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini; ifaħħar l-ewwel dikjarazzjonijiet tagħha u d-deċiżjoni tagħha li tippresiedi l-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża, deċiżjoni li turi l-interess tagħha fil-PSDK; jittama li l-pożizzjonijiet li ħadet iwasslu sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-PSDK; jistieden lill-VP/RGħ twettaq rwol ewlieni fil-ħidma lejn l-implimentazzjoni ulterjuri tal-PSDK u l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tat-task force tad-difiża fil-livell tal-Kummissarji, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ, sabiex tiggarantixxi gwida politika u superviżjoni;

8.  Jistenna li sa ma tasal il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015, li għal darb'oħra se tiffoka fuq il-kwistjonijiet tad-difiża, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE se jkunu fil-qagħda li jadottaw miżuri speċifiċi konformi mal-impenji li ttieħdu f’Diċembru 2013; jinsab sodisfatt bil-konferma mill-kapijiet tal-istat li l-Kunsill tad-Difiża ser isir fil-25-26 ta’ Ġunju 2015, u jistedinhom jevalwaw b’mod kritiku l-profil baxx ta’ implimentazzjoni u jżidu l-pressjoni fuq il-burokraziji tad-difiża biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-ogħla livell politiku f’Diċembru 2013; jenfasizza li l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015 għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri li ma kkooperawx jinvestu f'aktar riżorsi għad-difiża, u li din għandha tiffoka l-isforzi tagħha anke f'dawk l-oqsma ta' ġestjoni ta’ kriżijiet li fihom l-UE tista’ verament iżżid fil-valur;

9.  Iqis li fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża għandhom jittieħdu deċiżjonijiet li se jwasslu għal titjib fil-kapaċità tal-Unjoni u l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda difiża territorjali, b’kumplimentarjetà totali man-NATO, u f’dak li jirrigwarda l-kapaċità li jirreaġixxu għal sfidi ta’ sigurtà interna, u jiġu żviluppati l-kapaċitajiet utilizzabbli neċessarji sabiex jiżguraw kontribut sinifikanti min-naħa tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet, tissaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Bażi Industrijali u tad-Difiża Ewropea u tinbeda l-elaborazzjoni ta’ kunċett komprensiv ta’ sigurtà li se jintegra d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

10.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-aħħar operazzjonijiet ċivili u militari taħt il-PSDK komplew jiġu ppersegwitati minn nuqqasijiet strutturali, li issa ilhom evidenti għal diversi snin, jiġifieri l-ineffiċjenza fir-rigward ta’ reazzjonijiet immedjati għal azzjonijiet ċivili u militari, proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet twal u xejn flessibbli, il-ħtieġa għal solidarjetà akbar fost l-Istati Membri f’missjonijiet ta’ finanzjament, mandati ta’ missjonijiet li mhumiex adattati għall-ambjent operazzjonali, restrizzjonijiet baġitarji, il-problema ta’ “ġenerazzjoni tal-forza”, u l-inerzja loġistika u finanzjarja;

11.  Iqis li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK hija kruċjali jekk wieħed jixtieq jiżgura l-futur ta’ din il-politika; jiddispjaċih li d-diskussjoni mnedija fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013 dwar dan is-suġġett s’issa għadha ma wasslitx għal proposti speċifiċi; jappella sabiex il-mekkaniżmu Athena jintuża b’mod sistematiku għall-finanzjament tal-ispejjeż operazzjonali u tal-applikazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, l-infrastruttura tal-akkomodazzjoni għall-forzi, l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ punti tad-dħul għat-truppi fiż-żoni tal-operazzjonijiet u stokkijiet ta’ sigurtà ta’ ikel u fjuwil fejn meħtieġ; jitlob barra minn hekk li l-istess mekkaniżmu jintuża biex jamministra l-finanzjament riċevut minn Stati Membri fuq bażi bilaterali, u minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-finanzjament ta’ operazzjoni partikolari u, f’każijiet debitament ġustifikati, jappoġġjaw il-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi f’operazzjonijiet u missjonijiet tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet;

12.  Iħeġġeġ biex isiru iktar sforzi biex jitħaffef l-għoti tal-finanzjament għal missjonijiet ċivili u biex ikunu ssemplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tintroduċi, permezz ta’ atti delegati u skont l-Artikolu 210 tar-Regolament Finanzjarju, regoli speċifiċi tal-akkwist għal miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet taħt il-PSDK sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment rapidu u flessibbli tal-operazzjonijiet;

13.  Jitlob l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ prefinanzjament biex jgħin lill-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw f’missjoni tal-PSDK ikopru l-ispejjeż għal dan, biex b’hekk isir aktar faċli għalihom jiddeċiedu jekk inidux missjoni;

14.  Jenfasizza li l-kontribut tal-UE għas-sigurtà internazzjonali, il-ġestjoni tal-kriżijiet, u ż-żamma tal-paċi, permezz tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, huwa komponent importanti tal-approċċ komprensiv tal-Unjoni; jinnota li ħafna mill-missjonijiet ċivili u militari mnedija mill-UE mill-2009 'l hawn kienu mmirati sabiex isaħħu l-profil tar-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżijiet minflok biex jieħdu miżuri strateġiċi abbażi ta' analiżi u ppjanar bir-reqqa; jemmen li dawn il-missjonijiet, u li hawn ta' min jenfasizza u jfaħħar il-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tal-persunal f'dan il-qasam, għandhom iservu ta' għodod ta' politika ġenwini u effettivi li jintużaw b’mod responsabbli u li jiffurmaw parti minn strateġija ġenerali ta’ azzjoni, speċjalment fil-viċinat tal-UE; jappoġġja r-rieżami li għaddej tal-istrutturi għall-ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan is-SEAE; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel l-istrutturi eżistenti aktar effiċjenti sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod aktar rapidu u xieraq għall-kriżijiet emerġenti, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-għadd ta' strutturi paralleli;

15.  Iqis li aspett importanti ta’ missjonijiet ta’ suċċess huwa li jkun hemm membri tal-persunal adegwati u kwalifikati f’termini ta’ taħriġ, ħiliet u tmexxija;

16.  Jistaqsi, pereżempju, dwar ir-rilevanza li tiġi applikata u miżmuma missjoni fuq il-fruntieri tal-Libja (EUBAM Libya), f’ambjent istituzzjonali u ta' sigurtà li qatt ma ppermettielha taqdi l-objettivi bażiċi identifikati; jitlob li ssir valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-Libja, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti inkwetanti, sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sigurtà b'mod adegwat, inkluż b’rabta mal-isforzi li għaddejjin kontra t-terroriżmu f’Mali u r-reġjun tas-Saħel;

17.  Iqis li għandha titwettaq evalwazzjoni tal-effiċjenza tas-17-il missjoni li għaddejja tal-UE barra minn xtutha;

18.  Jiddispjaċih ukoll, fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaża, li d-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Punt ta' Qsim f’Rafah (EUBAM Rafah) s'issa għadhom ma tawx il-frott; jitlob ir-riattivazzjoni tal-missjoni, kif ukoll rieżami tal-mandat, il-persunal u r-riżorsi tagħha sabiex ikun jista’ jkollha rwol fil-monitoraġġ tal-fruntieri bejn l-Istrixxa ta' Gaża u l-Eġittu u l-Iżrael;

19.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn komprensiv tal-UE fil-Qarn tal-Afrika, inkluż permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta u EUCAP Nestor; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-attività ta’ EUCAP NESTOR isseħħ f’ambjent operattiv u istituzzjonalment kumpless, bil-preżenza ta’ għadd ta’ atturi internazzjonali, inkluża l-UE; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE, f’dan ir-rigward, jirrazzjonalizzaw l-objettivi tal-missjoni;

20.  Jittama li ż-żewġ missjonijiet ċivili mnedija din is-sena - il-missjoni tal-Kunsill għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) u l-missjoni biex jiġu appoġġjati l-forzi tas-sigurtà interna f’Mali (EUCAP Sahel Mali) jissodisfaw b'mod effettiv il-mandati tagħhom u jiffukaw fuq objettivi identifikati b’mod ċar, li jistgħu jitkejlu u fuq perjodu twil;

21.  Jinnota li ilha teżisti faċilità ta' ħżin minn Ġunju 2013 'l hawn li tippermetti l-applikazzjoni rapida tar-riżorsi meħtieġa għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jemmen li din il-faċilità għandha tintuża b’mod effettiv u għandha tkun għas-servizz tal-kapijiet tal-missjoni kkonċernati biex tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati minnhom, flok ma tkun topera abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni; jitlob li jitħejjew rapporti ta’ attività annwali għal din il-faċilità ta' ħżin, sabiex ikun jista' jiġi vvalutat tajjeb il-valur miżjud li din toffri biex titħaffef l-applikazzjoni ta’ missjonijiet ċivili;

22.  Jilqa’ r-riċerka li qed titwettaq bil-ħsieb li jitwaqqaf ċentru ta’ servizzi kondiviżi biex jinġabru r-riżorsi għal missjonijiet ċivili tal-PSDK u tiġi prevista l-applikazzjoni aktar effiċjenti tal-missjonijiet; jitlob l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ servizzi kondiviżi; jemmen li l-aktar soluzzjoni effikaċi tkun li jkun hemm struttura istituzzjonali waħda fi ħdan is-SEAE li tiċċentralizza u tirrazzjonalizza s-servizzi għall-missjonijiet ċivili (riżorsi umani, tal-IT, il-loġistika, eċċ.) li bħalissa huma mferrxa fil-missjonijiet individwali;

23.  Jinnota li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK qed ikunu dejjem iktar missjonijiet iffukati fuq it-taħriġ tal-forzi armati (EUTM Mali u l-EUTM Somalia); ifaħħar id-deċiżjoni li jitwettqu operazzjonijiet bħal dawn iżda jinsisti li l-mandat ta’ kull missjoni għandu jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi ta’ kull sitwazzjoni individwali; iqis li l-unitajiet li jiffurmaw għandhom ikunu totalment operattivi, jiġifieri, b’kapaċità offensiva; jiddispjaċih li llum rarament jiġu previsti missjonijiet b’mandat eżekuttiv; iqis li, minħabba t-theddidiet persistenti fil-viċinat tal-UE, l-Unjoni ma tistax tippermetti li tiffoka esklużivament fuq strumenti mmirati lejn iż-żmien ta’ wara l-kriżi jew biex jappoġġjaw xenarju ta’ ħruġ minn kriżi, iżda pjuttost għandha tkun kapaċi tintervjeni fl-ispettru kollu tal-ġestjoni ta’ kriżijiet, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

24.  Jinsab diżappuntat minħabba l-problemi persistenti ta’ ġenerazzjoni tal-forza ffaċċjati fit-tnedija tal-missjonijiet militari; jinnota li, ħlief għall-EUTM Mali, li tinvolvi l-kontribut effettiv ta’ 23 Stat Membru, l-operazzjonijiet militari kollha li għaddejjin tal-UE ma jinvolvux aktar minn sitt Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu iktar forzi għall-operazzjonijiet, meta jkunu disponibbli l-kapaċitajiet nazzjonali meħtieġa; jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm approċċ komuni u kooperattiv fl-indirizzar tal-problemi ta’ ġenerazzjoni tal-forzi; jilqa’ l-kontribuzzjonijiet li saru minn pajjiżi terzi li jirriflettu l-vitalità ta’ sħubijiet li jinħolqu taħt il-PSDK; jistieden lill-Istati Membri juru rieda akbar fir-rigward tal-operazzjonijiet militari tal-UE u jikkontribwixxu b’mod xieraq għar-riżorsi u l-kapaċitajiet li għandhom f’idejhom għal tali involviment;

25.  Iqis, minħabba l-fatt li l-missjonijiet tal-Unjoni, kemm dawk ċivili (EUCAP) u kemm dawk militari (EUTM), qed jiffukaw fuq it-taħriġ, li għandha tiġi introdotta politika strutturali orjentata sabiex tali missjonijiet ikunu akkumpanjati fuq perjodu ta' żmien twil minn mandati u objettivi effiċjenti, adegwati f’termini ta’ kif għandhom ikunu ttrattati s-sitwazzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, u dan permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja u materjali; jemmen li din il-politika l-ġdida li se tkun parti mill-isforzi ta' kooperazzjoni u żvilupp tal-Unjoni, se tippermetti li titkompla l-ħidma li għaddejja fil-qasam tal-inizjattivi ''Train and Equip'' u ''E2I'', immirati biex isaħħu l-kapaċità fit-tul tal-pajjiżi terzi (tagħmir, armi, infrastruttura u pagi) sabiex il-forzi armati tagħhom ikunu kompletament operazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tesplora sorsi innovattivi ta’ finanzjament;

26.  Jilqa’ l-intenzjoni mfissra mill-Kunsill ta’ Novembru 2013 li titjieb il-modularità u l-flessibilità tal-gruppi tattiċi tal-UE sabiex dawn jiġu skjerati għal kompiti tal-ġestjoni tal-kriżi ta' kull tip; jinnota madankollu, li l-unika progress li sar sa issa f'dan ir-rigward kien il-pass ferm limitat propost li t-trasport strateġiku tal-gruppi tattiċi tal-UE lejn iż-żoni tal-operazzjonijiet ikun kopert mill-mekkaniżmu Athena; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ attitudni kostruttiva fost l-Istati Membri serviet bħala xkiel politiku u operattiv għall-iskjerament ta' gruppi tattiċi;

27.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-messaġġ pożittiv maħruġ mill-aħħar laqgħa informali tal-Kunsill dwar id-difiża b'rabta mal-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 44 TUE; jiddispjaċih madankollu, li n-nuqqas ta' qbil dwar is-suġġett għadu ma ppermettiex li jsir progress dwar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44; jemmen li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 44 għandha tippermetti lill-Unjoni ttejjeb b’mod kunsiderevoli l-flessibbiltà u l-veloċità ta' azzjonijietha u għaldaqstant l-abbiltà tagħha li tittratta t-theddid li hemm madwarha; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li mhumiex interessati jipparteċipaw jew li m’għandhomx il-mezzi biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-PSDK, jaġixxu b’mod kostruttiv billi jippermettu lill-oħrajn jieħdu azzjoni jekk ikunu jixtiequ;

28.  Jitlob barra minn hekk lill-VP/RGħ tesplora l-potenzjal ta’ artikoli rilevanti oħrajn fit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-fond ta’ tnedija (l-Artikolu 41 TUE), il-kooperazzjoni msaħħa permanenti (l-Artikolu 46 TUE), il-klawsola ta’ solidarjetà (l- Artikolu 222 TFUE) u l-klawsola ta’ difiża reċiproka (l-Artikolu 42 TUE);

29.  Jitlob li tiġi kkunsidrata serjament il-possibbiltà tal-użu, b'arranġamenti li jiżguraw il-modularità neċessarja, ta' strutturi ta' kwartieri ġenerali multilaterali li huma stabbiliti u li taw prova tal-effikaċja tagħhom fil-qasam, bħall-Eurocorps ta' Strasburgu;

30.  Jesprimi s-sorpriża tiegħu li għad m’hemm l-ebda strateġija komuni tal-UE biex tindirizza sfidi ġodda għas-sigurtà tal-UE; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kunsill u l-impenn min-naħa tal-VP/RGħ biex jinbeda proċess ta’ riflessjoni strateġika dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-politika estera u ta’ sigurtà; ifakkar li dan il-proċess huwa mmirat sabiex jiżviluppa l-istrateġija Ewropea l-ġdida ta’ sigurtà komuni biex jiddetermina x-xenarji ġeostrateġiċi ġodda, it-theddid u l-isfidi globali li tfaċċaw, u li jiddefinixxi l-azzjonijiet li l-UE tista’ tieħu b’rispons għalihom, partikolarment fil-qafas tal-PESK u tal-PSDK; jistieden barra minn hekk lill-VP/RGħ tagħti bidu għal proċess wiesa’ biex tiżviluppa white paper aktar ambizzjuża dwar is-sigurtà u d-difiża Ewropea sabiex tissemplifika l-ambizzjonijiet strateġiċi tal-UE u l-proċessi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet; jistenna l-komunikazzjoni li jmiss mill-VP/RGħ maħsuba biex tivvaluta l-impatt tal-bidliet fuq l-ambjent globali u tidentifika l-isfidi li jirriżultaw u l-opportunitajiet għall-UE;

31.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni fit-18 ta’ Novembru 2014 ta’ Qafas ta’ Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża, li jistabbilixxi ħames prijoritajiet għaċ-ċiberdifiża fil-kuntest tal-PSDK u jiċċara r-rwol ta’ atturi differenti; jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan tal-qafas li jappoġġja l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża nazzjonali u jsaħħaħ il-protezzjoni tan-netwerks ta’ komunikazzjoni użati għal strumenti tal-PSDK; jenfasizza l-importanza li jinkiseb livell komuni ta’ ċibersigurtà fost l-Istati Membri sabiex isir progress adegwat fir-rigward tal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħna fir-rigward ta’ attakki ċibernetiċi u ċ-ċiberterroriżmu, u jittama li dan il-pjan ta’ azzjoni se jimmarka l-bidu ta’ bidla lejn integrazzjoni aktar sistematika taċ-ċiberdifiża fl-istrateġiji ta’ sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, u għarfien tal-importanza ta’ kwistjonijiet ta’ ċiberdifiża fost l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob barra minn hekk strateġija koerenti Ewropea biex tiġi żgurata infrastruttura (diġitali) kritika kontra l-attakki ċibernetiċi, filwaqt li jiġu protetti u promossi d-drittijiet u l-libertajiet diġitali taċ-ċittadini; ifakkar fil-ħtieġa għal aktar ċarezza u qafas ġuridiku xieraq, minħabba d-diffikultà li jiġu attribwiti l-attakki ċibernetiċi, u l-ħtieġa għal rispons proporzjonat u meħtieġ fil-kuntesti kollha;

32.  Jindika t-theddid imminenti fil-qasam ċibernetiku u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun reżiljenti u pronta sabiex tirrispondi għal kriżijiet ċibernetiċi, anke fil-kuntest tal-PSDK, u b’hekk jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex b’mod sinifikanti jintensifikaw mingħajr dewmien l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża tagħhom; jenfasizza li hemm bżonn ta’ investiment fir-rigward ta’ kapital uman b’ħiliet speċjalizzati u r-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji u komplementarjetajiet fl-oqsma ċivili u militari u taċ-ċibersigurtà u d-difiża fl-UE; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni man-NATO fiċ-ċiberdifiża;

33.  Jinsisti dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari man-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE; jilqa’ d-dikjarazzjoni tas-summit tan-NATO f’Wales f’Settembru 2014, li matulu ttenna l-appoġġ għall-iżvilupp tal-PSDK; jitlob li jittieħdu passi biex jissaħħu ż-żewġ organizzazzjonijiet;

Kapaċitajiet

34.  Iqis li l-baġits ta’ difiża nazzjonali tnaqqsu minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u li t-tnaqqis seħħ mingħajr koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u b’hekk ipperikola l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u l-kapaċità tal-Istati Membri tagħha li jilħqu l-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-forzi armati tagħhom, b’konsegwenzi detrimentali għar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-potenzjal tagħha bħala fornitur tas-sigurtà globali; jenfasizza l-importanza ta’ ppjanar bil-quddiem dwar l-investiment strateġiku fix-xiri u r-rinnovazzjoni ta’ tagħmir fost l-Istati Membri;

35.  Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha interess vitali f’ambjent marittimu sikur, miftuħ u nadif li jippermetti l-passaġġ liberu ta’ oġġetti u persuni, u użu paċifiku, ġuridiku, ġust u sostenibbli tal-ġid tal-oċeani; jemmen li l-qafas istituzzjonali tal-UE, kemm ċivili u kemm militari, għandu għaldaqstant jiġi żviluppat aktar għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Marittima; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-assi strateġiċi, l-infrastruttura kritika u l-kapaċitajiet huma taħt il-kontroll tal-Istati Membri u li r-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni hija ta’ importanza kbira għas-sigurtà Ewropea;

36.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill fit-18 ta’ Novembru 2014 ta’ qafas politiku għall-kooperazzjoni sistematika u fit-tul fil-qasam tad-difiża, li jibbaża fuq il-konverġenza tal-proċessi tal-ippjanar tal-kapaċità u l-iskambju tal-informazzjoni; jindika għal dan l-għan, li l-Istati Membri għandhom ikomplu jimplimentaw il-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ tagħmir, sabiex jantiċipaw b’mod aktar effettiv il-lakuni futuri fil-kapaċità u tiġi sistematizzata l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jistieden lill-VP/RGħ tagħti prova tal-miżuri speċifiċi li ser jittieħdu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-Istati Membri fir-rigward taż-żieda mhux koordinata fil-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni ta’ struttura permanenti (PESCO) bħala mezz għal koordinazzjoni aħjar u biex jużaw il-finanzjament tal-UE għal kooperazzjoni fi żmien ta’ paċi; jistieden lill-VP/RGħ tipprovdi pjanijiet realistiċi għat-tnedija b’suċċess ta' PESCO;

37.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill f’Novembru 2014 tal-pjan tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet (CDP) tal-EDA, li jiddetermina s-16-il prijorità tal-iżvilupp tal-kapaċità; jilqa’ wkoll il-ħidma tal-EDA permezz tal-bażi ta' data kollaborattiva (Codaba) li tidentifika l-ambitu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, biex b'hekk titwitta t-triq għal forom differenti ta’ kooperazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw dawn l-għodod fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tagħhom; jitlob li tiġi evitata strettament id-duplikazzjoni ta’ inizjattivi li diġà għaddejjin band’oħra u li tingħata iktar attenzjoni lill-identifikazzjoni ta’ modi li bihom jista’ jiżdied valur reali;

38.  Jinsab sorpriż li fil-livell tal-UE għadhom ma jeżistux skemi ta’ inċentivi tat-taxxa għall-kooperazzjoni u l-akkomunament; jinnota s-sejħa tal-Kunsill f’Diċembru 2013 li jiġu studjati arranġamenti bħal dawn u jiddispjaċih li wara sena, id-diskussjonijiet ma wasslu għall-ebda miżura konkreta f’dan il-qasam; jinnota li l-gvern Belġjan diġà jagħti eżenzjonijiet tal-VAT b’mod ad hoc, f’fażijiet preparatorji ta’ ċerti proġetti tal-EDA (bħal pereżempju għall-komunikazzjonijiet satellitari); jemmen li tali eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod sistematiku u estiżi għall-infrastruttura u programmi speċifiċi relatati mal-kapaċità, imnebbħa mill-mekkaniżmu eżistenti tan-NATO jew il-mekkaniżmu eżistenti tal-UE għal infrastruttura ta’ riċerka ċivili; jappella għall-iżvilupp ta’ kwalunkwe inċentiv ieħor li jista' jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati Ewropej;

39.  Jilqa’ l-eżistenża ta' mudelli ta’ kooperazzjoni bħall-Kmand Ewropew għat-Trasport bl-Ajru (EATC) u japprova l-fatt li din is-sistema qed tkompli tespandi biex tinkludi Stati Membri ġodda; jiddispjaċih li għalkemm dan il-mudell ilu jeżisti għal ħafna snin, għadu ma ġiex adattat għal tipi oħra ta’ kapaċitajiet ta’ difiża; jappella sabiex il-mudell tal-EATC jiġi applikat f’oqsma oħra ta’ appoġġ operazzjonali biex jiġu solvuti n-nuqqasijiet serji fil-kapaċità;

40.  Jinnota li ftit sar progress fil-proġetti ta’ akkomunament u qsim; jilqa’ l-progress li sar fil-qasam tar-riforniment tal-karburant fl-arja, bl-akkwist ta’ flotta ta’ ajruplani MRTT; jiddispjaċih li sal-lum numru limitat ħafna ta’ Stati Membri biss ipparteċipaw f’dan il-proġett u jistieden lil dawk l-Istati Membri li m'għandhomx kapaċitajiet f’dan il-qasam jinvolvu ruħhom; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom isegwu l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ proġetti, filwaqt li jiffukaw fuq is-16-il qasam ta’ kapaċità li identifikaw mal-EDA u l-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS) permezz tal-PSDK;

41.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill li jiżviluppa proġetti ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE inklużi, fost l-oħrajn, sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) u l-komunikazzjonijiet satellitari governattivi; jinnota li jinħtieġ qafas regolatorju għall-integrazzjoni inizjali sal-2016 tal-RPAS fis-sistema tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ċivili u militari, kif ukoll il-bżonn ta’ konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tispjega l-mod kif il-fondi ta' Orizzont 2020 għar-riċerka ċivili-militari jistgħu jintużaw għall-introduzzjoni tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru Ewropew;

42.  Jilqa’ l-progress li sar fis-servizzi satellitari fl-UE (Galileo, Copernicus, EGNOS); jemmen li dawn is-servizzi spazjali, b’mod partikolari Copernicus, għandhom jiġu operazzjonalizzati biex jintlaħqu l-bżonnijiet li jkollhom il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għal immaġnijiet bis-satellita b’riżoluzzjoni għolja; jilqa’ t-tnedija tal-proġett Ariane 6; jiddispjaċih li, għal raġunijiet tekniċi u kummerċjali, l-Unjoni għadha tixtri lanċaturi Russi, minkejja l-għan tagħha li tikseb ċertu livell ta’ awtonomija strateġika, u jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jsir progress fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li għandhom użu kemm ċivili u kemm militari u li se jissalvagwardjaw l-indipendenza tagħna;

43.  Jitlob lill-Unjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta’ nfiq għad-difiża ta’ 2 % tal-PDG u sehem minimu ta’ 20 % tal-baġit tad-difiża għal ħtiġijiet ewlenin ta’ tagħmir, inkluż għar-riċerka u l-iżvilupp;

L-industrija tad-difiża

44.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tad-difiża, li huma speċifiċi ħafna fil-preżent għal raġunijiet varji, fosthom: li d-domanda hija kważi esklużivament għax-xiri pubbliku, in-numru limitat ta’ kumpaniji fis-suq, il-perjodu sinifikanti ta’ żvilupp tal-prodotti u taż-żamma fis-servizz tagħhom u n-natura strateġika ta’ ċerti teknoloġiji;

45.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2013, “Lejn settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti”, kif ukoll il-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2014 dwar l-implimentazzjoni tagħha u l-proposti ppreżentati minnha, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni mtejba tad-direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE dwar is-suq intern, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri stabbiliti fil-qafas tal-Artikolu 346 TFUE;

46.  Jemmen li l-miżuri kollha inkwistjoni jiddependu fuq id-definizzjoni komuni minn qabel tal-ambitu tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, sabiex ikunu jistgħu jimmiraw il-kumpaniji benefiċjarji potenzjali jew l-attivitajiet strateġiċi, b'kont meħud tad-differenzi fil-kapaċitajiet bejn l-industriji tad-difiża tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li din id-definizzjoni tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq għadd ta’ kriterji, bħalma huma l-iżvilupp fi ħdan l-UE tat-tagħmir u t-teknoloġija, il-kontroll tal-proprjetà min-naħa tal-kumpaniji u d-drittijiet ta’ użu tat-tagħmir u t-teknoloġija li jiżviluppaw, u l-assigurazzjoni f’każ ta’ sjieda barranija li proprjetarji barranin ma jkollhomx drittijiet eċċessivi tal-vot, li jistgħu jipperikolaw il-kontroll tal-kumpaniji fuq l-attivitajiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti r-riżorsi ta’ difiża kritiċi tal-UE (jiġifieri kapaċitajiet industrijali ewlenin u teknoloġiji kritiċi);

47.  Ifakkar li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki tal-UE dwar l-industrija, l-ispazju u r-riċerka jestendu għall-ambitu tad-difiża; jinnota li l-programmi tal-Unjoni f’oqsma oħra bħas-sigurtà interna u fil-fruntieri, il-ġestjoni tad-diżastri u l-iżvilupp joffru prospett sinifikanti li jsir żvilupp konġunt tal-kapaċitajiet li huma rilevanti għal dawk il-politiki u għat-twettiq tal-missjonijiet tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, l-EDA u l-Istati Membri fl-oqsma tas-suq komuni, l-industrija, l-ispazju, ir-riċerka u l-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni toħloq rabta permanenti bejn korpi u aġenziji tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà interna (Frontex, Europol, ENISA) u sigurtà esterna u tad-difiża (l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, is-SEAE);

48.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal implimentazzjoni aħjar tad-direttivi 2009/81/KE (l-akkwist fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà) u 2009/43/KE (trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan is-suq intern); iqis li jinħtieġ li jiġi determinat ukoll x'jgħodd bħala tagħmir u teknoloġija ta’ valur strateġiku għoli u li la huwa kopert mid-Direttiva 2009/81/KE (tagħmir għal interessi essenzjali ta’ sigurtà) u lanqas mid-Direttiva 2004/18/KE (tagħmir li l-użu tiegħu huwa relatat, iżda mhux speċifiku għall-qasam tad-difiża); jemmen li l-kumpaniji tal-UE li joperaw f’dan is-settur jeħtieġu arranġamenti ġuridiċi u finanzjarji speċifiċi li jippermettulhom ikunu kompetittivi, u b’hekk jissalvagwardjaw l-awtonomija strateġika tal-UE;

49.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill li jimplimenta arranġamenti Ewropej għas-sigurtà tal-provvista, li skonthom l-Istati Membri jassistu lil xulxin b'mod reċiproku u jindirizzaw malajr il-ħtiġijiet li jkollhom fil-qasam tad-difiża; qed jistenna l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-għażliet rilevanti tal-implimentazzjoni għal dawn l-arranġamenti u l-green paper li mistennija tiġi ppubblikata fuq il-kontroll ta' investimenti barranin f’kumpaniji tad-difiża strateġiċi; jilqa’ l-adozzjoni ta’ arranġament qafas imsaħħaħ tal-EDA għas-sigurtà tal-provvista bejn l-Istati Membri bħala mekkaniżmu volontarju importanti u legalment mhux vinkolanti għall-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ reċiproku u l-għajnuna fis-sigurtà tal-provvista; jistieden lill-EDA u lill-Kummissjoni jiżviluppaw b’mod konġunt mezzi u inizjattivi addizzjonali li jippromwovu l-provvista tas-sigurtà fl-UE kollha u jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-arranġament qafas il-ġdid;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u timmobilizza b'mod ċar il-mezzi u l-istrumenti finanzjarji tal-UE li għandhom l-għan jassistu t-twaqqif ta’ Suq għall-Industrija ta’ Difiża Komuni Ewropea;

51.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-bidliet fil-listi tal-kontroll tal-esportazzjoni tar-reġim Wassenaar għal dak li jirrigwarda t-teknoloġiji ta' sorveljanza u intrużjoni li għadhom kif ġew implimentati wkoll fil-livell tal-UE; jenfasizza madankollu, li jeħtieġ isir aktar sabiex jiġu evitati l-produzzjoni u l-esportazzjoni bla kontroll ta’ teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex jattakkaw l-infrastruttura kritika tal-UE u jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista’ jkun proposta għar-reviżjoni tar-regolament dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju;

52.  Jemmen li l-ebda gvern ma jista’ jniedi waħdu programmi ta’ riċerka u teknoloġija (R&T) fuq skala ġenwinament kbira; ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-impenn mill-Istati Membri biex tintlaħaq il-mira kollettiva ta’ 2 % tan-nefqa tagħna għad-difiża fuq il-finanzjament tar-riċerka; jistieden lill-VP/RGħ u l-kap tal-EDA jipprovdu data dwar is-sitwazzjoni attwali f’dan ir-rigward; jilqa’ għalhekk il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u ta’ difiża; jenfasizza b'rabta ma' dan, il-fatt li l-programm ta' riċerka dwar is-sigurtà Orizzont 2020 joffri possibilitajiet kunsiderevoli għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-missjoni ta' riċerka li tipprovdi assistenza għall-politiki esterni tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ użu doppju, sabiex titjieb l-interoperabbiltà bejn il-protezzjoni ċivili u l-forzi militari, kif iddikjarat fil-programm speċifiku li jistabbilixxi Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu attivitajiet ta’ riċerka korrispondenti fil-programmi ta’ ħidma annwali; jilqa’ wkoll it-tnedija tal-''azzjonijiet preparatorji'' u jittama li fil-qasam tal-PSDK il-pass li jmiss se jkun il-finanzjament, fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, ta’ suġġett ta’ riċerka rilevanti; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ proġett pilota dwar ir-riċerka fil-qasam tal-PSDK, li għandu jsir b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-EDA, kif propost mill-Parlament fil-baġit tal-2015 fir-rigward tal-aġenzija li timplimenta l-objettivi tal-Unjoni u l-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Parlament b’valutazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 185 TFUE, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea;

53.  Jappella fl-istess waqt li jkun hemm l-ogħla viġilanza possibbli, kemm jekk fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ governanza u drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kemm b'rabta mal-kofinanzjament u regoli ta’ parteċipazzjoni għal azzjoni ta' tħejjija għad-difiża; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex jevitaw eċċessi burokratiċi u jkun żgurat li l-programmi inklużi jilħqu l-bżonnijiet strateġiċi tal-PSDK u tal-Istati Membri;

54.  Ifakkar fin-natura ferm sensittiva u strateġika tar-riċerka favur id-difiża, kemm għall-kompetittività industrijali u kemm għall-awtonomija strateġika tal-UE, u jitlob l-adozzjoni ta’ politika xierqa għall-proprjetà intellettwali b’rabta mas-sigurtà u d-difiża sabiex jiġu protetti r-riżultati tar-riċerka; jistenna l-proposti mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-industriji tad-difiża, dwar dan il-punt;

55.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-introduzzjoni ta’ standards u proċeduri ta’ ċertifikazzjoni komuni għat-tagħmir tad-difiża; jistenna l-pjan direzzjonali tal-EDA u tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ standards industrijali fil-qasam tad-difiża, kif ukoll l-għażliet tal-EDA u l-EASA biex itejbu r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjoni militari fl-UE; iqis li hu ta’ dispjaċir li l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni qed isibuha bi tqila jagħtu siġilli ta’ standardizzazzjoni għal prodotti tad-difiża;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President fil-Kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

(1) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(2) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0513.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0514.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0380.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0381.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0457.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0286.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0278.
(10) http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf

Avviż legali