Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0159/2015

Testi mressqa :

A8-0159/2015

Dibattiti :

PV 19/05/2015 - 9
CRE 19/05/2015 - 9

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0215

Testi adottati
PDF 422kWORD 129k
Il-Ħamis, 21 ta' Mejju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta’ difiża fl-Ewropa
P8_TA(2015)0215A8-0159/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta’ difiża fl-Ewropa (2015/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2013 bit-titolu ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’ (COM(2013)0542), u l-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni relatat tal-24 ta’ Ġunju 2014 (COM(2014)0387),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Politika għal Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża, adottat mill-Kunsill fit-18 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Qafas dwar is-Sigurtà tal-Provvista bejn Stati Membri li jissottoskrivu, adottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) f’Novembru 2013, u l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Prijoritizzazzjoni assoċjat, adottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA f’Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea(3) u tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0159/2015),

A.  billi leġiżlazzjoni ġdida dwar is-suq Ewropew tad-difiża ġiet introdotta taħt il-Pakkett tad-Difiża tal-2009 u t-28 Stat Membru kollha ttrasponew ir-regoli l-ġodda fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom; billi l-qofol ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida huwa l-introduzzjoni ta’ qafas regolatorju bbażat fuq it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni, li jindirizza l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża;

B.  billi l-Istati Membri qablu dwar il-ħtieġa li jiżviluppaw suq Ewropew tat-tagħmir u s-servizzi tad-difiża; billi l-Kunsill Ewropew saħansitra talab għat-twaqqif ta’ reġim tas-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha; billi kapaċitajiet xierqa u l-provvista ta’ tagħmir kif ukoll l-awtonomija strateġika tal-UE huma ta’ importanza kruċjali għas-sigurtà tal-Unjoni u dik tal-viċinat tagħha;

C.  billi s-suċċess tal-missjonijiet ta’ żamma tal-paċi u ta’ sigurtà taħt il-PSDK jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq il-ħila tagħhom li jirreaġixxu minnufih u b’mod immedjat, u aspett ewlieni, għaldaqstant, hija l-ħtieġa li jinkiseb suq ġenwin tad-difiża Ewropea biex jelimina d-duplikazzjoni u jnaqqas il-burokrazija żejda;

D.  billi n-nuqqas ta’ konsolidazzjoni, kosteffiċjenza u trasparenza fis-swieq Ewropej tad-difiża jfisser li d-dipendenzi esterni fis-settur Ewropew tad-difiża jistgħu jiżdiedu ulterjorment fi żmien ta’ theddid dirett u multiplu mingħajr preċedent għas-sigurtà Ewropea minn tmiem il-Gwerra Bierda ‘l hawn;

E.  billi investimenti fir-riċerka u t-teknoloġija fis-setturi tad-difiża tal-Istati Membri kollha, kif ukoll investimenti komuni fir-riċerka u t-teknoloġija fis-settur tad-difiża skont il-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropea, naqsu b’rata allarmanti matul l-aħħar snin;

Żviluppi fis-swieq tad-difiża jqiegħdu l-awtonomija Ewropea fil-periklu

1.  Jibqa’ mħasseb serjament dwar it-tnaqqis mifrux u fil-biċċa l-kbira mhux koordinat fil-baġit tad-difiża fil-maġġoranza tal-Istati Membri; jenfasizza li t-tnaqqis tal-baġits għad-difiża qed idgħajjef il-potenzjal tad-difiża tal-Istati Membri u tal-UE, u qed iħalli dubju dwar il-livelli ta’ tħejjija għall-iżgurar tas-sigurtà nazzjonali u Ewropea; huwa tal-fehma li dan it-tnaqqis mhux koordinat, flimkien ma’ problemi strutturali u prattiki inġusti u mhux trasparenti, iqiegħed lill-Unjoni fil-periklu billi ċċedi assi u ħiliet strateġiċi u billi titlef l-opportunitajiet li l-koordinazzjoni tal-politiki għad-difiża u l-ippuljar u l-kondiviżjoni tal-assi għad-difiża jistgħu joħolqu fir-rigward tat-twettiq tal-prosperità u l-paċi tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-sigurtà tal-provvista tagħha u d-difiża taċ-ċittadini u l-interessi tagħha;

2.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-intensifikazzjoni tal-konflitti armati, kriżijiet ta’ intensità baxxa, gwerra ibrida u gwerra miġġielda f’isem ħaddieħor, falliment tal-istat, instabilità u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fil-viċinat immedjat tal-UE u t-theddida tat-terroriżmu fi ħdan l-UE u 'l barra minnha; jemmen li t-theddid attwali għas-sigurtà huwa komuni għall-UE kollha kemm hi u għandu jiġi indirizzat b’mod unit u koordinat, bl-ippuljar u l-kondiviżjoni tar-riżorsi ċivili u militari; jemmen bis-sħiħ, f’dan ir-rigward, li huwa importanti ħafna li ma jinħlewx riżorsi u li huwa essenzjali li jsir użu aħjar tal-flus tal-kontribwenti kif ukoll li jsir progress fl-istabbiliment ta’ suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża u fl-iżvilupp ta’ Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), b’ħila li jinħolqu sinerġiji permezz ta’ koordinazzjoni transkonfinali miżjuda u l-forniment tal-ħiliet meħtieġa għall-PSDK; jemmen ukoll li dan se jkun kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-azzjoni Ewropea fi ħdan il-qafas tal-operazzjonijiet tan-NATO biex jiżgura s-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa u l-viċinat tagħha;

3.  Huwa mħasseb, għaldaqstant, dwar l-implimentazzjoni bil-mod u inkonsistenti mill-Istati Membri tad-direttivi tal-Pakkett tad-Difiża tal-2009 u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri speċifiċi biex tiżgura li d-direttivi jkunu implimentati korrettament, permezz ta’ monitoraġġ tat-traspożizzjonijiet nazzjonali, bl-għan li jkunu evitati distorsjonijiet tas-suq; jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida hija proċess twil, iżda jwissi li l-applikazzjoni żbaljata u mifruxa tissogra li toħloq standards ta’ prattika ħżiena, u b’hekk tipperikola l-kisba tal-objettivi stabbiliti fid-direttivi u, għaldaqstant, tikkomprometti l-istabbiliment ta’ suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża u ddgħajjef l-iżvilupp ta’ EDTIB; jissottolinja li l-Pakkett tad-Difiża għandu wkoll jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ inċentivi għall-kooperazzjoni tad-difiża fl-Ewropa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-EDA biex jikkooperaw mill-qrib f’dan ir-rigward; ifakkar b’dispjaċir li l-akkwist konġunt fis-settur tad-difiża staġna, u matul dawn l-aħħar snin anki naqas;

4.  Iwissi dwar ir-riskji ta’ dipendenzi esterni fis-settur Ewropew tad-difiża fi żmien fejn l-ambjent tas-sigurtà huwa dejjem aktar kumpless u impenjattiv; iwissi, b’mod partikolari, dwar it-tlaqqigħ tal-baġits tad-difiża mhux koordinati tal-Istati Membri, mal-frammentazzjoni persistenti tas-suq minkejja regoli ġodda tas-suq intern, id-dipendenza dejjem akbar tal-industrija tad-difiża fuq l-esportazzjonijiet barra l-UE u ż-żieda tal-investiment barrani fis-settur Ewropew tad-difiża f’xi pajjiżi, li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ trasparenza u għaċ-ċessjoni tal-kontroll ta’ industriji, assi u teknoloġiji tad-difiża nazzjonali u Ewropea;

5.  Iqis li attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-impatt ta’ ċerti proġetti fuq l-awtonomija u l-indipendenza tal-UE, bħall-kooperazzjoni mar-Russja f’oqsma sensittivi bħal illanċjar ta’ satelliti permezz ta’ rokits tat-tip Soyuz u trasport bl-ajru strateġiku; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu rieżami ta’ prijorità tal-industriji militari/ta’ difiża tagħhom u li jipprovdu inċentivi għall-iżvilupp tagħhom safejn permissibbli skont id-dritt tal-UE;

6.  Jenfasizza li strateġija ta’ difiża Ewropea industrijali ferm kompetittiva, moderna u integrata, hija essenzjali biex tiżgura l-ħiliet ta’ difiża tal-Ewropa u biex ikollha impatt pożittiv indirett fuq setturi ekonomiċi relatati oħrajn; jindika li kooperazzjoni msaħħa ta’ riżorsi ekonomiċi u ta’ kapital uman hija essenzjali sabiex isir progress f’riċerka b’użu doppju li tnaqqas id-dipendenza esterna tagħna u tiggarantixxi l-provvisti u l-materja prima tagħna għall-industrija, speċjalment dawk ta’ natura kritika;

7.  Jinnota li waqt li l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013 naqas milli jipprovdi reazzjoni xierqa għal din is-sitwazzjoni, madankollu huwa ddeskriva għadd ta’ linji ta’ azzjoni għat-titjib tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u impenja ruħu li jeżamina mill-ġdid il-progress f’Ġunju 2015; jiddispjaċih li minkejja d-deterjorament ulterjuri tal-ambjent tas-sigurtà kemm internament kif ukoll lejn il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE li qed jikkomprometti is-sigurtà tagħha, ma sar l-ebda progress reali fl-indirizzar tal-isfidi u t-theddid attwali tas-sigurtà;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew ifassal it-tagħlimiet meħtieġa u jieħu miżuri konkreti biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq tad-difiża Ewropew; jistieden lill-Kunsill Ewropew jipprovdi linji ta’ gwida speċifiċi għall-politiki tad-difiża u għas-suq tad-difiża Ewropew, waqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kompetittività, u tiġi garantita d-disponibilità tal-ħiliet tad-difiża meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà Ewropea u jissodisfaw l-objettivi tal-PSDK;

Tnaqqis tad-domanda Ewropea minħabba t-tnaqqis fil-baġit: il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni

9.  Jemmen li s-snin ta’ baġits nazzjonali tad-difiża mhux koordinati fl-Ewropa iridu jiġu paċuti b’żieda fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, inkluż permezz tal-artikolazzjoni ta’ politiki dwar il-baġit għad-difiża u l-koordinazzjoni ta’ għażliet strateġiċi li jikkonċernaw l-akkwist ta’ tagħmir militari u b’użu duwali, f’konformità mal-istandards tal-akkwist pubbliku trasparenti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ppjanar bil-quddiem dwar l-investiment strateġiku fix-xiri u r-rinnovazzjoni ta’ tagħmir fost l-Istati Membri; itenni s-sejħa tiegħu għall-konsolidazzjoni tad-domanda madwar l-UE biex tiġi promossa u appoġġjata EDTIB kompetittiva u indipendenti; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ EDTIB effiċjenti u trasparenti huwa element ewlieni għall-ħila tal-Ewropa li tipproteġi liċ-ċittadini, l-interessi u l-valuri tagħha, f’konformità mal-objettivi tat-Trattat u biex tissodisfa r-responsabilitajiet tagħha bħala dik li tipprovdi s-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali li tiddefinixxi l-ħiliet ewlenin li fuqhom l-EDTIB tista’ tinbena;

10.  Ifakkar li t-28 Stat Membru tal-UE għadhom it-tieni fid-dinja kemm fl-infiq għad-difiża kif ukoll fl-esportazzjoni tal-armi; jemmen li dan il-fatt juri li l-Istati Membri tal-UE u l-Unjoni għad għandhom rwol ewlieni fil-bejgħ tal-armi fuq livell dinji u fl-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża; iqis nefqa totali annwali għad-difiża ta' EUR 190 biljun bħala ammont enormi tal-flus tal-kontribwenti; ifakkar ukoll li studji reċenti numerużi wrew li l-problema ewlenija tinsab fil-fatt li f'ħafna mit-28 Stat Membru tal-UE, il-baġits għad-difiża qed jintefqu b'mod ineffiċjenti ħafna, li jwassal għal dewmien fit-tul, spejjeż ogħla u f'ħafna każijiet f'sitwazzjoni fejn ħelikopters, ajruplani ġett tal-ġlied u teknoloġiji oħra ma jkunux operattivi minkejja li jkunu ġodda fjamanti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ristrutturazzjoni profonda tar-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet tad-difiża nazzjonali u l-industriji tad-difiża u li jiġu introdotti kriterji kwalitattivi stretti għat-twettiq ta’ proġetti ta’ akkwist pubbliku;

11.  Huwa tal-fehma li l-limitazzjonijiet baġitarji attwali fl-Istati Membri tal-UE għandhom jirrapreżentaw opportunità għal kooperazzjoni akbar u aħjar fil-qasam tal-akkwist ta’ apparat għad-difiża, sabiex jiżguraw valur aħjar għall-flus tal-kontribwenti u jiżguraw ħiliet militari xierqa madwar l-UE u sistema ta’ provvista ta’ sigurtà sostenibbli; iqis li l-Istati Membri għandhom għażla bejn li jikkooperaw b’mod effettiv biex jindirizzaw l-isfidi komuni jew li jitilfu ħiliet strateġiċi u ma jħarsux iċ-ċittadini u l-interessi nazzjonali u Ewropej;

12.  Ifakkar fil-ħtieġa għal konverġenza akbar bejn il-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali u jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża; jiddispjaċih, madankollu, għan-natura mhux vinkolanti tiegħu u l-fatt li ma introduċiex proċess ċar u strutturat; jissottolinja li dan id-dokument għandu jintlaqa’ mill-Kunsill Ewropew sabiex isir xprun ewlieni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu l-appoġġ tal-EDA fir-rieżami tad-difiża nazzjonali tagħhom u biex jikkondividu l-informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-prijoritajiet ta’ investiment nazzjonali fi ħdan il-Kumitat Militari tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jniedu kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) bħala mezz għal koordinazzjoni aħjar u għall-użu ta’ finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni fi żmien ta’ paċi; jistieden lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP-RGħ) tressaq pjanijiet realistiċi għat-tnedija tal-PESCO;

13.  Jitlob li kooperazzjoni kif ukoll inizjattivi ta’ ppuljar u kondiviżjoni jingħataw prijorità u li jinħolqu inċentivi għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq 'il quddiem proposta li tiċċara kif inċentivi fiskali li ma jikkawżawx distorsjoni tas-suq ikunu jistgħu jaqdu dawn l-objettivi; jinnota d-deċiżjoni tal-Belġju li tikkonċedi eżenzjoni mill-VAT lill-proġetti ad hoc tal-EDA u jqis li din l-eżenzjoni għandha tkun applikata b’mod ġenerali għall-attivitajiet kollaborattivi kollha tal-EDA; jilqa’ l-ħidma tal-EDA dwar mekkaniżmu ta’ akkwist pubbliku ppuljat u jistenna li jkun fih miżuri biex jinċentiva l-akkwist kooperattiv u l-appoġġ għal tagħmir ta’ difiża;

14.  Ifakkar li taħt l-Orizzont 2020, il-COSME u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-industriji tad-difiża, u b’mod partikolari l-SMEs, jistgħu japplikaw għal finanzjament tal-UE għal proġetti b’użu duwali u proġetti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, jaħtfu b’mod xieraq l-opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropew għal proġetti relatati mad-difiża;

15.  Jindika li, dan l-aħħar, l-UE kellha titqabad dejjem aktar ma’ theddid u sfidi fiċ-ċiberspazju li jinvolvu theddida serja għas-sigurtà tal-Istati Membri individwali u għall-UE kollha kemm hi; jemmen li tali theddid għandu jiġi valutat kif jixraq, u li għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE bl-għan li tipprovdi miżuri tekniċi u miżuri oħra ta’ sigurtà fl-Istati Membri;

16.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jindirizza fil-laqgħa tiegħu ta’ Ġunju 2015 il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni tal-akkwist pubbliku u tal-proċess ta’ għotja tal-kuntratti marbuta maċ-ċibersigurtà, u jiżgura koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri sabiex l-Unjoni tingħata l-ħila li tindirizza fil-pront theddid bħat-terroriżmu ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Kunsill sabiex ifasslu pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta’ drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza;

Dipendenzi esterni dejjem akbar: il-ħtieġa ta’ strateġija komuni

18.  Iwissi li l-kumpaniji tad-difiża Ewropej qegħdin dejjem aktar jikkumpensaw għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom fl-Ewropa permezz ta’ esportazzjonijiet barra mill-UE; jesprimi tħassib dwar l-iżvantaġġi potenzjali ta’ dan l-approċċ, bħat-trasferiment ta’ teknoloġiji sensittivi u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lill-kompetituri futuri tagħhom u li l-produzzjoni tinġarr 'il barra mill-UE, li għaldaqstant jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa; jemmen li l-esponiment tal-UE għar-riskju li l-EDTIB tkun dipendenti fuq konsumaturi f’setgħat terzi b’interessi strateġiċi differenti jikkostitwixxi żball strateġiku serju;

19.  Ifakkar li l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi tiddefinixxi fehim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali tal-esportazzjoni; jemmen li applikazzjoni aktar koerenti tat-tmien kriterji tagħha hija meħtieġa sabiex ikun żgurat mhux biss li l-objettivi ġenerali ta’ politika barranija u ta’ sigurtà jkollhom prijorità fuq il-gwadann ekonomiku fuq terminu qasir, imma wkoll li l-industriji Ewropej ikollhom kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni u jirrapportaw b’mod sħiħ, fil-kuntest tar-rapporti ta’ kull sena, dwar l-istat tal-esportazzjonijiet tat-tagħmir tad-difiża tagħhom lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex jikkunsidraw modi kif titjieb il-konformità mal-obbligu ta’ rapportar u tiżdied it-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku tal-qafas għall-kontroll tal-esportazzjonijiet; ifakkar li l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni hija fundamentali għat-twettiq tal-prinċipji u l-valuri tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali kif ukoll ir-responsabilitajiet tagħha fis-sigurtà lokali, reġjonali u globali;

21.  Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu duwali, u jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu żgurati modalitajiet ta’ kontroll li ma jtellfux il-fluss liberu ta’ prodotti u ta’ teknoloġija fi ħdan is-suq intern u l-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq b’mod urġenti proposta leġiżlattiva ġdida biex taġġorna r-reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni b’użu duwali bil-għan li tittejjeb il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tiegħu filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; jenfasizza li din il-proposta trid tqis in-natura mutabbli tal-isfidi tas-sigurtà u r-rapidità tal-iżviluppi teknoloġiċi, b’mod speċjali fejn għandu x’jaqsam ma’ softwer u tagħmir ta’ sorveljanza u intrużjoni u n-negozju f’vulnerabilitajiet tas-softwer;

22.  Jinnota li, filwaqt li l-importanza dejjem akbar ta’ teknoloġiji b’użu duwali toffri benefiċċji f’termini ta’ sinerġiji bejn is-settur tad-difiża u l-produzzjoni kummerċjali, din tagħmilha wkoll dipendenti fuq il-ktajjen tal-provvista ċivili, li ħafna drabi jibbażaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-Ewropa; jitlob informazzjoni mill-Kummissjoni u l-EDA dwar ir-riskji possibbli ta’ internazzjonalizzazzjoni dejjem akbar u l-effetti possibbli li bidliet fis-sjieda fis-settur tad-difiża jista’ jkollhom fuq is-sigurtà tal-provvista u wkoll ir-riskji akbar għas-sigurtà Ewropea u nazzjonali, inkluż għall-infrastruttura diġitali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament fi żmien xieraq dwar l-istatus tal-Green Paper dwar il-kontroll tad-difiża u tal-assi tas-sigurtà sensittivi u industrijali li kienet ħabbret għall-aħħar tal-2014, u jitlob informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mħabbra;

23.  Jilqa’ l-ħidma tal-EDA u tal-Kummissjoni dwar ir-reġim tas-Sigurtà tal-Provvista fl-UE kollha (SoS), skont il-mandat tal-Kunsill Ewropew, u jistenna bi ħġaru l-pjan direzzjonali li jinkludi passi speċifiċi li għandu jiġi preżentat għall-approvazzjoni tal-kapijiet tal-istat u tal-gvern f’Ġunju 2015; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-EDA jispjegaw fid-dettall safejn il-proposta tal-Parlament dwar “reġim komprensiv u ambizzjuż dwar is-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha (...), abbażi ta’ sistema ta’ garanziji reċiproċi u analiżi tar-riskji u tal-ħtiġijiet, u possibbilment bl-użu tal-bażi ġuridika ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti”(5) ġiet inkluża fix-xogħol preparatorju; jemmen li l-metodoloġiji tal-imgħoddi użati mill-Kummissjoni, bħall-immappjar u l-monitoraġġ, ma kinux suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ffukar fuq approċċi ġodda lejn kif tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ tagħmir militari għall-forzi armati tat-28 Stat Membru;

24.  Iqis l-assigurazzjonijiet reċiproċi tal-SoS bejn l-Istati Membri bħala element fundamentali fil-bini ta’ suq Ewropew tad-difiża integrat; jilqa’ l-arranġament ta’ qafas aġġornat tal-EDA dwar l-SoS bħala strument li jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà, iżda jiddispjaċih li ma joħloq ebda obbligi ġuridiċi; huwa tal-fehma li r-reġim SoS madwar l-UE kollha jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva dwar it-trasferimenti fi ħdan l-UE sabiex jitneħħew l-ostakli għall-moviment tal-prodotti tad-difiża fl-UE;

L-użu tar-regoli tas-suq intern sal-potenzjal massimu tagħhom

25.  Jenfasizza li l-Pakkett tad-Difiża mniedi mill-Kummissjoni għandu l-għan li jappoġġja l-kompetittività tas-settur Ewropew tad-difiża u li wieħed mill-objettivi tiegħu hu li jillimita l-problemi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tad-difiża, minn ċerti attitudnijiet protezzjonisti fl-għoti ta’ kuntratti tad-difiża u min-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn ir-reġimi ta’ kontroll differenti tal-Istati Membri dwar it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża;

26.  Jenfasizza li suq uniku tad-difiża jiżgura trasparenza sħiħa u jipprevjeni sforz doppju, li jirriżulta f’distorsjoni tas-suq; jindika li s-suċċess tal-missjonijiet ta’ paċi u sigurtà tal-PSDK jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċitajiet ta’ reazzjoni rapida u li integrazzjoni akbar hija ta’ importanza fundamentali fl-integrazzjoni tal-proċessi u t-tnaqqis tal-ispejjeż;

27.  Jindika li t-tlestija ta’ suq Ewropew tad-difiża teħtieġ bażi industrijali ferm kompetittiva mmexxija mill-innovazzjoni u t-teknoloġija li tista’ tiġġenera sinerġiji permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib, u li l-avvanzi fir-riċerka b’użu duwali huma ta’ importanza fundamentali fil-garanzija tal-indipendenza tagħna u fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari ta’ prodotti kruċjali;

28.  Jindika li, biex jissaħħu l-innovazzjoni teknoloġika u d-difiża Ewropej u jkun hemm iffrankar sostanzjali, jeħtieġ li l-Ewropa tibni ekonomiji ta’ skala u jkollha suq komuni tal-UE għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, ukoll bil-ħsieb li titrawwem industrija Ewropea tad-difiża moderna, integrata u kompetittiva; jenfasizza li r-regoli tas-suq intern għandhom jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom biex jiġġieldu l-frammentazzjoni kontinwa tas-settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà, li jwassal għad-duplikazzjoni tal-programmi ta’ tagħmir tad-difiża u nuqqas ta’ trasparenza rigward ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tad-difiża u l-industrija tad-difiża, permezz ta’ aktar kooperazzjoni transkonfinali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu r-regoli nazzjonali li ma jikkonformawx mad-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE u li qegħdin jostakolaw is-suq intern għall-akkwist fil-qasam tad-difiża, u biex jimplimentaw u jinfurzaw b’mod korrett id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà ta’ natura sensittiva u d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi speċifiċi biex tiżgura li d-Direttivi jiġu applikati b’mod xieraq u tivverifika u timmonitorja l-proċeduri ta’ traspożizzjoni nazzjonali sabiex tiżgura li ma jirriżultawx f’distorsjoni tas-suq;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jsir l-aqwa użu possibbli tar-riżorsi, tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu akkwisti konġunti permezz ta’ korpi ta’ akkwist ċentrali bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif previst fid-Direttiva 2009/81/KE;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-swieq Ewropej tad-difiża għall-ġlieda kontra l-prattiki protezzjonisti mill-Istati Membri permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali u aċċess aħjar għall-ktajjen tal-provvista tal-industrija tad-difiża u t-teħid ta’ passi biex tintemm is-sitwazzjoni fejn xi Stati Membri jaġixxu biss bħala fornituri u oħrajn jaġixxu biss bħala xerrejja għat-teknoloġija tad-difiża; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-użu tal-esklużjonijiet f’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE irid ikun ġustifikat kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-effetti tas-seba’ settijiet ta’ Noti ta’ Gwida (dwar, rispettivament, Kamp ta’ Applikazzjoni, Esklużjonijiet, R&Ż, Sigurtà tal-Provvista, Sigurtà tal-Informazzjoni, Sottokuntrattar, Tpaċijiet) li diġà ġew ippubblikati u jinnota li l-Kummissjoni qed tippjana li toħroġ tnejn oħra fl-2015; jemmen li dawn in-noti jikkostitwixxu l-opportunità perfetta biex il-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu mal-Istati Membri dwar suġġetti li qatt ma ġew indirizzati b’mod strutturat u miftuħ, u jitlob informazzjoni dwar l-eżitu ta’ tali djalogu mal-Istati Membri;

31.  Jinnota li, fil-formulazzjoni attwali tiegħu u fil-prattika, l-Artikolu 346 tat-TFUE xorta joffri lill-Istati Membri ammont kbir ta’ marġini ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwardja r-rikors għall-applikazzjoni tiegħu u b’hekk jidderogaw milli japplikaw il-liġijiet tal-UE dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża f’kuntratti tad-difiża; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex b’mod effettiv u korrett japplikaw l-Artikolu 346 tat-TFUE b’mod li jkun konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli tal-UE, fid-Direttivi tas-Suq Intern u fir-regoli tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża; ifakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri taħt l-Artikolu 346 għandhom ikunu limitati għal każijiet ta’ eċċezzjoni u definiti b’mod ċar, u ma għandhomx jinqabżu l-limiti ta’ tali każijiet; iwissi li l-użu skorrett ta’ derogi mir-regoli tas-Suq Uniku jdgħajjef b’mod attiv il-kompetizzjoni tal-UE, jillimita t-trasparenza, jiffaċilita l-korruzzjoni u b’hekk jagħmel ħsara lill-istabbiliment ta’ suq tad-difiża tal-UE, u huwa ta’ ħsara għal EDTIB li tiffunzjona u għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari kredibbli;

32.  Jinnota li, fit-terminu twil, l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tat-tpaċijiet se tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, tkompli tissorvelja li l-Istati Membri jeliminaw b’mod gradwali t-tpaċijiet mhux ġustifikati kif meħtieġ abbażi tal-Artikolu 346 tat-Trattat; iqis dan bħala indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u t-trasparenza tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-fornituri kollha, b’mod partikolari l-SMEs;

33.  Ifakkar li l-ftehimiet qafas, is-sottokuntrattar u t-tqassim f’lottijiet għandhom ikunu mezz kif ktajjen ta’ provvista stabbiliti jinfetħu għall-benefiċċju tal-SMEs; jirrimarka, madankollu, li l-prinċipji ta’ trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u ta’ responsabilità konġunta għandhom jiġu garantiti; jistieden lill-Istati Membri, lill-EDA u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien, kif ukoll ma’ kuntratturi prinċipali, sabiex ikun żgurat li l-SMEs ikunu kompletament familjari mad-diversi stadji fil-katina tal-valur, peress li dan se jgħinhom jikkonsolidaw u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u biex jiġġieldu l-iżvilupp ġeografikament żbilanċjat tal-bażi teknoloġika u tad-difiża Ewropea;

34.  Jinnota li l-adozzjoni, min-naħa tal-industrija, tal-istrumenti ewlenin tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tad-Difiża, b’mod speċifiku l-liċenzji ġenerali u ċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji tad-difiża, għadha limitata ħafna, u li hemm lakuni fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jiżguraw miżuri ta’ kontroll xierqa għall-prevenzjoni ta’ ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ trasferiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu effettiv ta’ dawn l-istrumenti fil-prattika u għaldaqstant jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp ta’ ħidma mal-Istati Membri dwar l-armonizzazzjoni tad-Direttiva tat-Trasferimenti Intra-UE;

35.  Jirrikonoxxi l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni tal-2014 intitolat ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’ u l-impenn meħud mill-Kummissjoni f’dan id-dokument sabiex tinvestiga kif l-impatt negattiv tat-tpaċijiet meħtieġa minn pajjiżi terzi jistgħu jittaffew u dwar l-impatt tat-tpaċijiet fuq is-suq intern u l-industrija Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni f’waqtha tal-pjan direzzjonali u tat-teħid ta’ miżuri addizzjonali kif meħtieġ; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida prattika għall-SMEs li jużaw il-fondi Ewropej fi proġetti b’użu duwali;

36.  Ifakkar li l-Istati Membri, b’mod urġenti, jeħtieġ li jtejbu t-trasparenza tal-prattiki relatati mal-akkwist pubbliku fis-settur tad-difiża fil-konfront tal-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE; jissottolinja li l-proċeduri speċifiċi ta’ akkwist pubbliku bħall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni preċedenti ta’ avviż ta’ kuntratt għandhom ikunu limitati għal każijiet eċċezzjonali u ġustifikati biss minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mad-difiża u s-sigurtà, b’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ xieraq biex tippermetti rappurtar komprensiv, fir-rigward taż-żewġ direttivi, lill-Parlament u lill-Kunsill fl-2016, kif skedat;

37.  Ifakkar fl-importanza ta’ kontrolli regolari fuq it-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti, inkluż kontrolli fuq kontabilità xierqa;

38.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn sħab strateġiċi hija essenzjali għas-sigurtà tal-provvista Ewropea u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża meta jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali;

Rieżami tal-pakkett dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill dwar id-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE fl-2016, tevalwa bir-reqqa jekk u safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ġew infurzati b’mod korrett u jekk l-objettivi tagħhom intlaħqux, u biex toħroġ bi proposti leġiżlattivi skont il-ħtieġa jekk is-sejbiet tar-rapport jippuntaw lejn din id-direzzjoni;

40.  Jenfasizza li għandhom jiġu introdotti obbligi speċjali ta’ rappurtar ulterjuri għall-Istati Membri, flimkien ma’ provvediment għal salvagwardji xierqa tal-kunfidenzjalità;

41.  Ifakkar li l-iskop tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE, kif stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, adottati fl-2014, huwa l-iżgurar tat-trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u l-konformità mad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol; jirrimarka li d-direttivi l-ġodda joffru opportunitajiet għal proċeduri aktar simplifikati, bħall-użu tal-akkwist pubbliku elettroniku, l-aggregazzjoni tad-domanda u l-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li jistgħu jitfasslu skont l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża u s-sigurtà;

42.  Jitlob, bil-ħsieb li tinbena industrija Ewropea innovattiva u kompetittiva u li jsir l-aħjar użu possibbli mill-baġits tas-sigurtà u tad-difiża, li l-proċedura l-ġdida ta’ ‘sħubija għall-innovazzjoni’ tiġi introdotta fl-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, biex tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jistabbilixxu din il-proċedura għall-iżvilupp u l-akkwisti sussegwenti ta’ prodotti ġodda u innovattivi, servizzi jew xogħlijiet, biex tipprovdi l-inċentivi meħtieġa tas-suq u tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi mingħajr esklużjoni mis-suq;

43.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-protezzjoni massima u s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili għandu jitqies waqt il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għat-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

(1) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(2) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0514.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 9.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0514.

Avviż legali