Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0532/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0227

Testi adottati
PDF 298kWORD 88k
L-Erbgħa, 10 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Ungerija
P8_TA(2015)0227RC-B8-0532/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni premess u mir-raba' sas-seba' premessi tiegħu,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'rabta mat-tneħħija tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija, li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April 2015, dwar l-effetti possibbli, inkluż fuq id-drittijiet u l-istatus ta' pajjiż bħala membru tal-Unjoni Ewropea, f'każ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija prekundizzjoni għal sħubija mal-UE, bl-UE ssostni pożizzjoni b'saħħitha u bbażata fuq prinċipji kontra l-piena tal-mewt, li t-tneħħija tagħha hija objettiv ewlieni tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, b'rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

E.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġew inkorporati kompletament fil-kostituzzjoni tal-Ungerija; billi l-iżviluppi reċenti fl-Ungerija wasslu madankollu għal tħassib fuq is-sitwazzjoni tal-pajjiż;

F.  billi wara l-avvenimenti reċenti fl-Ungerija, il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán għamel dikjarazzjoni fit-28 ta' April 2015 dwar il-ħtieġa li jkun hemm dibattitu pubbliku dwar il-piena tal-mewt; billi fit-30 ta' April 2015 il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ddikjara li Viktor Orbán kien żgurah li l-Gvern Ungeriż ma kellu l-ebda pjan jieħu passi biex jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt, u li kien se jħares u jirrispetta t-trattati Ewropej u l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha; billi Viktor Orbán tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015, iżda matul intervista fuq ir-radju nazzjonali żied li d-deċiżjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt għandha tkun unikament kompetenza tal-Istati Membri, u b'hekk tbiegħed mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE;

G.  billi f'Mejju 2015 il-Gvern Ungeriż nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni, wara li fl-imgħoddi kien wettaq għadd ta' konsultazzjonijiet simili fuq kwistjonijiet oħra; billi l-konsultazzjoni pubblika tista' sservi ta' strument importanti u ta' valur biex il-gvernijiet jiżviluppaw politiki li jgawdu bażi soda ta' appoġġ fost il-pubbliku; billi l-kwistjonijiet ġew ikkritikati għan-natura suġġestiva u retorika tagħhom, billi jistabbilixxu rabta diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;

H.  billi matul l-iskambju ta' fehmiet fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-maġġoranza tal-gruppi politiċi kienu tal-fehma li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt u l-mistoqsijiet li saru fil-konsultazzjoni pubblika kienu inaċċettabbli;

I.  billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Kunsill ma kienx ddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

J.  billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandhomx l-għan li jiġi individwat Stat Membru jew gvern partikolari iżda li jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati, li jiżguraw l-applikazzjoni u l-konformità mat-Trattati u l-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru;

1.  Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jafferma mill-ġdid bl-aktar mod riżolut, li t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija punt importanti fl-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa;

2.  Ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskatta l-proċedura tal-"Artikolu 7";

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jagħtu lok għal dibattitu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid potenzjali tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, biex b'hekk jiġi istituzzjonalizzat u alimentat kunċett li jikser il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jinnota għalhekk id-dikjarazzjoni li saret minn Viktor Orbán li ma jerġax idaħħal il-piena tal-mewt fl-Ungerija, u jissottolinja r-responsabbiltà ta' prim ministru, bħala kap ta' gvern, li jippromwovi l-valuri tal-UE u jagħti eżempju;

4.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom id-dritt sovran li jniedu konsultazzjonijiet nazzjonali; ifakkar madankollu li l-konsultazzjonijiet għandhom jirriflettu r-rieda tal-gvernijiet li jeżerċitaw governanza responsabbli intiża biex tiżgura soluzzjonijiet politiċi demokratiċi u r-rispett għall-valuri fundamentali Ewropej;

5.  Jikkundanna l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni u l-kampanja relatata fuq billboards madwar il-pajjiż kollu mnedija mill-Gvern Ungeriż, u jenfasizza li l-kontenut tal-konsultazzjoni partikolari mnedija fl-Ungerija, kif ukoll il-lingwaġġ li ntuża dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu huma ferm qarrieqa, żbilanċjati u mimlija preġudizzji, hekk kif jistabbilixxu rabta diretta u preġudikata bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà; jindika li t-tweġibiet għall-kwestjonarju onlajn għandhom jiġu kkomplementati minn data personali, li b'hekk tiżvela l-opinjonijiet politiċi ta' dak li jkun bi ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jappella għalhekk sabiex din il-konsultazzjoni tiġi rtirata;

6.  Jiddispjaċih li l-konsultazzjoni pubblika titfa' l-ħtija fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-politiki tagħhom mingħajr ma tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dawn l-oqsma; ifakkar li l-Istati Membri huma involuti kompletament fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjoni li għaddejja dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li taffettwa ugwalment il-politiki interni, esterni u tal-iżvilupp li jridu jiġu implimentati fl-UE;

8.  Jemmen li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

9.  Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija, u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2014; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

10.  Jinnota li dawn l-iżviluppi reċenti wasslu għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija matul is-sena li għaddiet, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaddem l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk biex tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, billi tevalwa ksur potenzjali sistemiku serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt kombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala għodda għall-konformità mal-Karta u t-Trattati u l-infurzar tagħhom kif iffirmata mill-Istati Membri kollha, li tibbaża fuq indikaturi komuni u oġġettivi, u biex twettaq valutazzjoni annwali imparzjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali, bl-involviment ta' evalwazzjoni mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma' mekkaniżmi xierqa vinkolanti u korrettivi sabiex jimtlew il-lakuni eżistenti u jkun hemm rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-elaborazzjoni ta' din il-proposta fil-forma ta' rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja li għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0315.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

Avviż legali