Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0182/2015

Testi mressqa :

A8-0182/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 16
CRE 06/07/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.13
CRE 07/07/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0250

Testi adottati
PDF 475kWORD 147k
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati
P8_TA(2015)0250A8-0182/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE (2014/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet rispettivi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896), dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (COM(2011)0895), u dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (COM(2011)0897),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni bit-titolu "Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati" (COM(2009)0615), "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263), "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612), "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)0173) u "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020(4), tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(5), u tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati u l-liġi Komunitarja dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tal-EIM għall-Kummissjoni intitolat "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 5 tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491), il-Prinċipji tal-UN Women fil-qasam tal-Emanċipazzjoni tan-Nisa varati f'Marzu 2010, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009, u l-paragrafu 46 tad-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Mejju 2012 bit-titolu "Principles for Public Governance of Public-Private Partnerships"(Prinċipji għal Governanza Pubblika tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati)(7), il-Konvenzjoni tal-1997 tal-OECD dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, aġġornati f'Mejju 2011(8),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Guidebook on Promoting Good Governance in Public-Private Partnerships (Manwal dwar il-Promozzjoni tal-Governanza Tajba fis-Sħubijiet Pubbliċi-Privati) tal-2008 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Legislative Guide on Privately Financed Infrastructure Projects"(Gwida Leġiżlattiva dwar il-Proġetti ta' Infrastruttura Finanzjati mis-Settur Privat) tal-2001(10)tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Dritt Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL), u d-dokumenti ppreżentati matul il-Kollokwiju Internazzjonali dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-UNCITRAL li ttella' fi Vjenna fit-2-3 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-CAF tal-2010 bit-titolu "Infraestructura pública y participación privada: conceptos y experiencias en América y España" (Infrastruttura Pubblika u Parteċipazzjoni Privata: Kunċetti u Esperjenzi fl-Amerika u fi Spanja),

–  wara li kkunsidral-"Public-Private Partnerships Reference Guide: Version 2.0"(Gwida ta' Riferiment għas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati: Verżjoni 2.0) ta' Lulju 2014 prodott mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), mill-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IDB), mill-Grupp tal-Bank Dinji u mill-Public-Private Infrastructure Advisory Facility (Faċilità Pubblika-Privata ta' Konsulenza dwar l-Infrastrutturi) (PPIAF)(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0182/2015),

A.  billi s-soċjetajiet u l-istrutturi ekonomiċi tal-pajjiżi, u d-dinamiżmu tagħhom, jibbenefikaw minn kuntesti li jippermettu interazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat kif ukoll kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati bis-saħħa ta', ngħidu aħna, inizjattivi u impriżi konġunti;

B.  billi, minkejja li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma strument fit-tul użat fil-politiki governattivi fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali, la teżisti definizzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali u lanqas qafas ta' regolamentazzjoni komprensiv għalihom; billi, fil-prattika, bi sħubijiet pubbliċi-privati dak li jkun jifhem spettru wiesa' u varjat ta' relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi (gvernijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali jew taħlita tagħhom) u atturi privati (kumpaniji jew entitajiet mingħajr skop ta' lukru) u s-soltu jimplikaw il-forniment min-naħa tas-settur privat tal-infrastrutturi jew l-assi normalment fornuti mill-gvernijiet;

C.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma importanti inkwantu mutur għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi kemm fis-suq uniku kif ukoll 'il barra minnu, u jiżvolġu rwol strateġiku fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, b'mod partikolari tal-infrastruttura enerġetika, tal-ilma, stradali u diġitali; billi l-kumpaniji tal-UE huma mgħammra sew biex jikkompetu għal tali arranġamenti u biex iwettqu l-operat tagħhom;

D.  billi l-arranġamenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jieħdu diversi forom, u l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku tistabbilixxi standards proċedurali għoljin; billi din il-leġiżlazzjoni ġiet riveduta u kkonsolidata fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku, fid-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet, u fil-qafas tal-linji gwida dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati;

E.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-forniment ta' infrastruttura, beni u servizzi bażiċi huma teknikament kumplessi;

F.  billi l-kriżi ekonomika globali ilha mill-2007 tolqot b'mod gravi lill-pajjiżi kollha, kemm dawk maturi, dawk emerġenti kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw u ħalliet impatt fuq il-politiki baġitarji u fuq l-aċċess kemm tal-entitajiet istituzzjonali kif ukoll ta' dawk privati, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għall-fondi neċessarji biex isiru l-proġetti, b'effetti fuq l-iżvilupp tal-infrastrutturi u proġetti b'intensità għolja ta' kapital u l-forniment tas-servizzi bażiċi;

G.  billi, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji pubbliċi aggravati mill-kriżi ekonomika u tad-dejn pubbliku, numru dejjem akbar ta' gvernijiet qegħdin jadottaw soluzzjonijiet innovattivi bħas-sħubijiet pubbliċi-privati li, jekk jiġu implimentati sewwa, jistgħu jgħinu biex ikun hemm titjib fl-ispejjeż, fl-effikaċja, fl-effiċjenza u fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jiġi żgurat il-forniment puntwali tal-infrastrutturi pubbliċi, bl-involviment adegwat tal-atturi pubbliċi u privati;

H.  billi l-impatt pożittiv tal-sħubijiet pubbliċi-privati jirriżulta minn twettiq imtejjeb ta' proġetti, proporzjon tajjeb tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, il-possibilità għal finanzjament fit-tul tal-ispejjeż, l-istimolu previst għall-innovazzjoni u r-riċerka u ambjent ta' ġestjoni aktar flessibbli u kkwalifikat;

I.  billi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investimenti mhijiex fini fiha nnifisha iżda strument li għandu joħloq il-ġid u jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni dinjija, u billi, f'dan il-kuntest, hemm opportunità li jiġu żviluppati politiki innovattivi – flimkien ma' strumenti ġodda, bħall-istrumenti finanzjarji li tfasslu reċentement u xibka ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles utli għall-gvernijiet tal-pajjiżi terzi intiżi li jiggarantixxu l-forniment ta' infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali – filwaqt li tkun prevista aktar parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, jew titwitta t-triq għaliha, fil-proġetti ta' investimenti barranin li jlaqqgħu lill-kumpaniji privati mal-entitajiet pubbliċi;

J.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati minn ċiklu tal-ħajja twil li kultant jestendi minn 10 sa 30 sena, u billi ċ-ċiklu tal-ħajja tas-sħubijiet pubbliċi-privati għandu jkun sinifikanti u konsistenti mal-objettivi mfittxija f'termini ta' xogħol, beni u servizzi li għandhom jiġu fornuti, mingħajr distorsjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni jew ħolqien ta' spejjeż ogħla u piż żejjed għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-kontribwenti;

K.  billi l-politika kummerċjali tal-UE ma għandha la tinkoraġġixxi u lanqas tiskoraġġixxi d-deċiżjoni sovrana dwar ir-rikors jew le għal sħubija pubblika-privata, iżda, ladarba tittieħed id-deċiżjoni, l-UE għandha obbligu li tiżgura li l-impriżi l-kbar, ta' daqs medju u ż-żgħar kif ukoll l-impriżi mikro jkollhom l-aħjar aċċess possibbli għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi sħab, b'hekk jinġieb valur miżjud għall-komunità lokali, konformement mal-prinċipji ta' ftuħ, parteċipazzjoni, obbligu ta' rendikont, effikaċja u koerenza fil-politiki;

L.  billi l-fatt li s-settur privat x'aktarx jissottovaluta l-infrastrutturi soċjali u l-kopertura li joffri, il-kostijiet konsiderevoli assoċjati mal-forniment tal-infrastrutturi, il-pożizzjoni ta' ċerti setturi inkwantu monopolji naturali jew l-importanza strateġika tagħhom ifissru li, f'bosta każijiet, il-kompetizzjoni miftuħa u l-privatizzazzjoni mhumiex l-għażla politika l-aktar adatta meta jeħtieġ li jipprevali l-interess pubbliku;

M.  billi l-iskop tas-sħubijiet pubbliċi-privati huwa għaldaqstant dak li jgħaqqad bl-aħjar mod iż-żewġ sferi – il-forniment tas-servizzi u tal-infrastrutturi ta' interess ġenerali, iżda permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa tas-settur privat pjuttost milli permezz tal-proċessi ta' privatizzazzjoni;

N.  billi ħafna pajjiżi emerġenti u dawk li qegħdin jiżviluppaw quddiemhom għandhom skwilibriju bejn id-dinamiżmu tal-impriżi privati u n-nuqqas ta' infrastrutturi pubbliċi affidabbli; billi tali skwilibriji (li huma lampanti fl-Indja jew fil-Brażil) imminaw it-tkabbir potenzjali, peress li limitaw il-kapaċitajiet tal-esportazzjoni/importazzjoni jew fixklu l-linji tal-produzzjoni minħabba l-assenza ta' biżżejjed infrastrutturi portwarji, nuqqasijiet tat-trasport intern (ferroviji, merkanzija jew awtostradi) jew impjanti tal-ġenerazzjoni u grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku li ma jaħdmux sewwa; billi dawn l-iskwilibriji għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-benesseri tal-bniedem (minħabba l-iskarsezza tad-dranaġġ u tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-ilma); billi s-sħubijiet pubbliċi-privati jippermettu soluzzjonijiet integrati li bis-saħħa tagħhom sieħeb jew konsorzju jforni l-"bini" (servizzi ta' kostruzzjoni, inġinerija u arkitettura), il-"finanzjament" (injezzjoni ta' fondi privati, almenu għall-prefinanzjament ta' proġett) u l-"isfruttament" (servizzi ta' manutenzjoni, sorveljanza u ġestjoni);

O.  billi anke l-organizzazzjonijiet intergovernattivi rrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jiddedikaw għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati permezz ta' sħubijiet li joperaw fil-qasam tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni: il-Bank Dinji, il-banek ta' rikostruzzjoni reġjonali, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) u oħrajn, irrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jattwaw l-azzjonijiet; billi, fir-rigward tal-orjentament ġeografiku, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Malasja, Singapore, l-Emirati Għarab Magħquda u pajjiżi oħrajn tal-Asja u tal-Amerka Latina (in primis iċ-Ċilì) ilkoll għandhom esperjenza bis-sħubijiet pubbliċi-privati; billi l-pajjiżi tal-OECD (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja) ukoll għandhom leġiżlazzjoni rilevanti; billi r-Renju Unit għandu l-aktar programm żviluppat fir-rigward tas-sħubijiet pubbliċi-privati (bl-Inizjattiva ta' Finanzjament Privat tirrappreżenta madwar 20 % tal-investiment pubbliku); billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fis-suq tal-infrastrutturi tas-sħubijiet pubbliċi-privati, inkwantu tikkonċentra aktar minn 45 % tal-valur nominali tas-sħubijiet pubbliċi-privati;

P.  billi sar rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati fil-kuntest tal-Fondi Strutturali, tat-tkabbir, tan-netwerks trans-Ewropej, tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, tal-istrateġija Ewropa 2020, tar-R&Ż (fabbriki għall-futur, bini enerġetikament effiċjenti, l-inizjattiva għall-karozzi ekoloġiċi, industrija bi proċessi sostenibbli, il-fotonika, ir-robotika, kompjuters bi prestazzjonijiet għoljin u n-netwerks 5G), tat-tagħlim elettroniku, tal-proġetti ta' riċerka mal-universitajiet u ta' programmi oħrajn fil-qasam tas-saħħa (bħall-inizjattiva tal-mediċini innovattivi); billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsulenza dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (European PPP Expertise Centre) wettqu proġetti fl-UE, fil-viċinat tagħha u lil hinn; billi l-UE kkontribwiet ukoll bis-saħħa tal-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli; billi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biħsiebu jsostni għadd ta' sħubijiet pubbliċi-privati fl-UE, li fihom jistgħu jieħdu sehem il-kumpaniji tas-sħab kummerċjali;

Q.  billi l-UE s'issa żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha miftuħin beraħ għall-kompetizzjoni internazzjonali u stabbiliet regoli li jimmiraw li jiggarantixxu kompetizzjoni awtentika u ġusta fis-suq uniku u li jippermettu lill-investituri internazzjonali jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità; billi fi ħdan l-UE ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni abbażi tas-sjieda jew tal-kontroll barranin, u billi l-kumpaniji li ġejjin minn barra jistgħu joħolqu bażi lokali biex jieħdu sehem fis-sħubijiet pubbliċi-privati;

R.  billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE fihom dispożizzjonijiet li jwittu t-triq għall-kumpaniji biex jitfgħu l-offerti għas-sħubijiet pubbliċi-privati permezz tal-aċċess għas-suq u l-prestabbiliment; billi t-trattament u l-possibilitajiet miftuħa fir-rigward tal-Korea, tal-Kolombja/Perù, tal-Amerka Ċentrali, ta' Singapore u tal-Kanada (kif ukoll tal-Vjetnam u tal-Ġappun) huma definiti b'mod differenti u speċifiku; billi jeħtieġ li jkun hemm approċċ relattivament flessibbli fir-rigward tan-negozjati mas-sħab differenti; billi, madankollu, l-għan għandu jibqa' jkun dak li tingħata għajnuna għat-trawwim ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, sostenibilità ambjentali, demokrazija u governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' standards ta' protezzjoni rikonoxxuti fuq livell internazzjonali kif ukoll il-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi; billi, fil-livell multilaterali, il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) jistabbilixxu wkoll għadd ta' impenji, kif ukoll strumenti plurilaterali oħrajn bħall-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA); billi l-klima fl-UE qiegħda għalhekk issir dejjem iktar kompetittiva;

Kuntest

1.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu stimolati l-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, il-kompetittività u l-produttività fl-UE u fil-pajjiżi terzi permezz ta' politiki innovattivi u strumenti ġodda maħsuba biex jinkoraġġixxu l-attività tal-atturi ekonomiċi biex it-tkabbir sostenibbli jerġa' jiġi fuq saqajh anki bis-saħħa ta' investimenti barra mis-suq uniku; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu – fost bosta għażliet oħrajn – għajn potenzjali ta' tkabbir għall-kumpaniji tal-UE u, kontemporanjament, utli għall-pajjiżi terzi sħabna, billi tali sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jfornu infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali;

2.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom joffru valur miżjud għoli liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, jiżguraw servizzi u/jew beni ta' kwalità u jipprovdu vantaġġi kompetittivi u ekonomiċi konkreti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, filwaqt li jevitaw li joħolqu piż addizzjonali jew telf għas-settur pubbliku;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi definizzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati li tkun tista' takkwista rikonoxximent internazzjonali bħala relazzjoni fit-tul bejn l-entitajiet pubbliċi u l-investituri privati orjentata lejn il-forniment ta' servizzi u infrastrutturi pubbliċi ta' kwalità għolja u aċċessibbli abbażi ta' pattijiet u kundizzjonijiet stabbiliti b'mod ċar fil-kuntratti, li r-rispett tagħhom jista' jkun faċilment valutat bis-saħħa ta' indikaturi li jiggarantixxu li tali rispett jiġi premjat b'rimunerazzjoni ġusta u xierqa;

4.  Josserva li kemm l-SMEs kif ukoll il-kumpaniji l-kbar ilkoll jistgħu offru kompetenzi, esperjenza u prattiki tajba uniċi tas-settur privat, kif anki netwerks li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi mhux membri tal-UE u li jgħinu b'mod effikaċi biex il-politiki fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli jħallu l-frott; iqis li l-SMEs jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom bl-aħjar mod jekk joħolqu netwerks u joperaw fuq livell globali kif ukoll jidħlu fi swieq barra mill-Ewropa, fost oħrajn permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi u tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' konsorzji u forom oħrajn ta' kooperazzjoni bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs bil-għan li jkun aġevolat l-aċċess ta' dawn tal-aħħar għall-proġetti ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

5.  Jenfasizza li l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi-privati jrid jieħu kont, b'mod partikolari, tal-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE li jikkompetu fis-swieq internazzjonali fil-kuntest ta' sħubija pubblika-privata kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret, ġust u reċiproku, notevolment fis-settur tas-servizzi pubbliċi, kif stabbilit fid-Direttiva 2014/25/UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti;

Sfidi

6.  Iqis bħala deplorevoli li, sal-lum, l-UE żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha konsiderevolment miftuħin għall-kompetizzjoni internazzjonali, mentri l-kumpaniji tal-UE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jkun fihom strumenti biex il-kumpaniji tagħna, speċjalment l-SMEs, jikkompetu barra f'kundizzjonijiet indaqs mal-kumpaniji nazzjonali barranin; jesiġi wkoll regolamentazzjoni ċara tal-informazzjoni dwar l-appalti u l-kriterji ta' aġġudikazzjoni kif ukoll aċċess faċli għaliha, u t-tneħħija tal-ostakli kummerċjali diskriminatorji u inġustifikati fil-qasam tal-akkwist tal-gvern, tas-servizzi jew tal-investimenti (bħad-diskriminazzjoni fiskali, l-ostakli regolatorji għall-istabbiliment ta' fergħat jew sussidjarji u restrizzjonijiet tal-aċċess għall-finanzjamenti); jistieden lill-pajjiżi sħabna japplikaw il-prinċipji ta' gvern miftuħ bil-għan li tkun garantita t-trasparenza u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, u jirrikorru għall-prattika ta' sħubijiet pubbliċi-privati b'kawtela, filwaqt li jqisu mhux biss l-analiżijiet tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u l-fattibilità tal-proġetti, iżda wkoll il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-awtoritajiet pubbliċi biex jissorveljaw il-forniment tas-servizzi jew tal-infrastrutturi konformement mal-interess pubbliku ġenerali;

7.  Jikkonstata li l-isfidi marbuta mas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu mvinċija bis-saħħa tal-prinċipji tal-governanza tajba, bħat-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli, u dawn l-aspetti huma fundamentali f'dan ir-rigward: l-għoti, l-eżekuzzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti mill-fażijiet inizjali; it-tiswir u d-definizzjoni tat-trasferiment tar-riskju (partikolarment l-evalwazzjoni tal-kosteffikaċja f'terminu medju u twil); il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi; il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-amministrazzjoni responsabbli biex tippjana u twettaq superviżjoni b'mod adegwat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti; u t-tisħiħ taċ-ċertezza tad-dritt, fi ħdan qafas li jiggarantixxi l-eżerċizzju min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi tal-poteri leġittimi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri (li huma partijiet essenzjali f'dan ir-rigward) jippromwovu dawn il-prinċipji u l-prattiki tajba relatati lil hinn mill-fruntieri tagħna;

8.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati mill-valur għoli u mill-kumplessità teknika tagħhom, u mill-impenn fit-tul tal-partijiet; jinnota li, konsegwentement, jeħtieġu livelli xierqa kemm ta' flessibilità kif ukoll ta' salvagwardji proċedurali biex jiżguraw trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali;

9.  Ifakkar li hemm numru ta' riskji inerenti fil-proġetti infrastrutturali (b'mod partikolari dawk relatati mal-bini, l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet u n-netwerks tal-enerġija) u li l-gvern, permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati, jittrasferixxi parti mir-riskju lill-kuntrattur privat sabiex it-tnejn li huma jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji iżda wkoll jaqsmu r-riskji u r-responsabilitajiet ta' tali proġetti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-qsim adegwat tar-riskju huwa essenzjali sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ta' proġett u jiġu żgurati l-implimentazzjoni b'suċċess u l-fattibilità tiegħu;

10.  Ifakkar li l-forniment ta' servizzi ta' kwalità għolja, aċċessibbli u kosteffikaċi għall-pubbliku, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġu żgurati implimentazzjoni ta' suċċess u l-fattibilità tas-sħubijiet pubbliċi-privati; ifakkar li l-għażla kumplessa tal-mudelli u tal-kuntratti tħalli impatt fuq l-evoluzzjoni ta' proġett; iwissi li, f'ċerti fażijiet, ir-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati sar sempliċement biex jinkiseb l-objettiv ta' konformità formali mal-objettivi tad-defiċit pubbliku; jenfasizza l-bżonn ta' qafas istituzzjonali adegwat li jgħaqqad l-impenn politiku, il-governanza tajba u l-leġiżlazzjoni adegwata sottostanti biex ikun garantit il-fatt li s-sħubijiet pubbliċi-privati joffru kwalità aħjar u kopertura wiesgħa tas-servizzi liċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' evalwazzjoni adegwata tal-profil u tal-esperjenzi tal-passat tal-kumpaniji involuti biex jiddeterminaw il-kwalità tas-servizzi fornuti u jekk ġabux ruħhom b'mod responsabbli fl-attivitajiet tagħhom;

Involviment tas-settur privat fl-iżvilupp

11.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, tal-investiment u tal-iżvilupp huma interkonnessi u li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-prinċipju tal-politika ta' koerenza għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-politiki tal-investiment tal-UE huma orjentati lejn għażliet finanzjarji li jinkludu valutazzjoni reali tal-impatt soċjali;

12.  Jisħaq fuq il-potenzjal krexxenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati, bħala għażla fost oħrajn, għat-trawwim tas-soluzzjonijiet innovattivi u għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti privati fit-tul u r-riżorsi nazzjonali għall-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp, fid-dawl tal-fatt li jinħtieġu investimenti enormi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – f'termini ta' infrastrutturi, provvista tal-ilma u enerġija – li s-settur pubbliku mhuwiex se jkun kapaċi jforni waħdu, u l-maġġoranza tagħhom se jisiltu qligħ mill-involviment tas-settur privat; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu wkoll jiġġeneraw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli ta' negozju, u jibnu mekkaniżmi li jesiġu rendikont mis-settur privat; jiġbed l-attenzjoni iżda għall-fatt li jeżistu każijiet li fihom il-parteċipazzjoni tas-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati f'ċerti pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma tatx ir-riżultati mistennija; josserva li, b'konsegwenza ta' dan, hemm bżonn kontribut ta' assistenza teknika bil-għan li jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali li fihom huma żviluppati s-sħubijiet pubbliċi-privati, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità ta' evalwazzjoni, ippjanar, superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' ċerti proġetti b'mod korrett, u joffri lis-sħab pubbliċi l-għażla li jitolbu indennizz mill-kumpaniji privati f'każ ta' nonkonformità mal-kuntratt;

13.  Josserva li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma prijorità fl-aġenda tal-iżvilupp u kulma jmur qegħdin ikunu aktar promossi bħala mezzi biex jagħlqu d-distakk fil-finanzjament tal-infrastrutturi fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qegħdin jiżviluppaw;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tal-finanzjamenti mħallta fis-snin li ġejjin, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tal-finanzjamenti mħallta u tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabilità;

15.  Jistieden lill-korpi tal-UE jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi, partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jaħdmu fir-rispett tal-prinċipju tal-koerenza politika, konformement mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, bil-għan li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-investimenti sostenibbli u tqis l-objettivi ta' żvilupp billi tagħti prijorità b'mod partikolari lill-iżvilupp fit-tul tal-ekonomiji nazzjonali u tippromwovi l-proġetti inċentrati pereżempju fuq il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart jew l-użu tal-enerġiji rinnovabbli;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, is-sħubijiet pubbliċi-privati jirrappreżentaw mod effikaċi kif jintefqu l-fondi Ewropej filwaqt li jiġu sostnuti l-prijoritajiet tal-UE u l-koerenza ma' politiki oħrajn; jappella għal aktar involviment u investiment min-naħa tal-Kummissjoni fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tal-iżvilupp, u biex isir rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati bħala mutur li jippermetti l-estensjoni tal-baġit limitat tal-Unjoni ddedikat għall-iżvilupp;

17.   Jissottolinja l-fatt li l-investimenti u l-finanzi privati x'aktarx huma l-mutur ewlieni għat-tkabbir sostenibbli, li fis-snin li ġejjin huwa mbassar li jkun madwar 5 % fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jirrikonoxxi li finanzjamenti privati bħal dawn jistgħu jgħinu biex jappoġġaw ekonomiji u kumpaniji lokali u jipprovdu impjiegi dinjitużi, u għalhekk iwasslu għall-qerda tal-faqar, kemm-il darba li l-investiment dirett barrani jkun regolat kif xieraq u marbut ma' titjib konkret fl-ekonomiji tal-pajjiżi sħab, eż. permezz ta' trasferimenti ta' teknoloġija u opportunitajiet ta' taħriġ għall-forza tax-xogħol lokali; jikkunsidra, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati peress li r-riskju sproporzjonat tal-investiment ma jinċentivax biżżejjed lill-investimenti privati; jenfasizza li s-sħubijiet pubbliċi-privati futuri fi ħdan l-aġenda tal-iżvilupp ta' wara l-2015 għandhom ikollhom l-objettiv li jnaqqsu l-faqar u objettivi oħrajn għal żvilupp sostenibbli u għandhom jiġu allinjati mal-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab;

18.  Jikkonstata li s-sħubijiet pubbliċi-privati li jkunu strutturati sewwa u implimentati b'mod effikaċi jista' jkollhom ħafna benefiċċji, fosthom l-innovazzjoni, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u aċċertament tal-kwalità u skrutinju; jikkonstata wkoll li s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ li jiġu analizzati abbażi tal-kapaċità tagħhom li jagħtu riżultati ta' żvilupp, u li hemm bżonn ta' tqassim ġust tal-piż tar-riskju bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li s'issa s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma l-aktar ikkonċentrati fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet, mentri l-involviment privat fl-infrastruttura soċjali għadu rari; jinkoraġġixxi għalhekk lil dawk is-sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom il-ksib ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju tagħhom;

19.  Jappella biex tingħata aktar assistenza teknika – inkluż it-taħriġ ta' persunal lokali u l-kondiviżjoni tat-teknoloġija – lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab sabiex jagħtu spinta lill-kapaċità tagħhom li jaffermaw s-sjieda ta' sħubijiet pubbliċi-privati u jassumu sehemhom tar-responsabilità għall-ġestjoni tal-proġetti ta' sħubijiet pubblika-privata,fost l-oħrajn billi jingħataw l-għajnuna ħalli jistabbilixxu sistemi bankarji u amministrazzjonijiet tat-taxxa kapaċi jagħtu governanza finanzjarja għall-fondi pubbliċi u privati kif ukoll il-ġestjoni tagħhom; jirrimarka li, f'xi każijiet, l-esperjenza tal-passat turi li l-kuntratti ta' sħubijiet pubbliċi-privati li mhumiex innegozjati sew jistgħu jżidu l-pożizzjoni ta' dejn tal-Istat, u jappella biex ikun stabbilit qafas regolatorju dwar il-finanzjament responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw assistenza teknika u pariri dwar kif jippreparaw u jimplimentaw l-istandards tal-UE fis-swieq tagħhom;

20.  Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, anki fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja;

21.  Jenfasizza li l-aġenziji għall-iżvilupp għandhom jiżguraw li l-finanzjament għall-iżvilupp pubbliku jintuża biex jappoġġa n-netwerks ekonomiċi lokali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ma jiġix devjat biex jippromwovi kumpaniji privati u kumpaniji multinazzjonali mill-pajjiżi donaturi; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità ta' impriżi nazzjonali mikro, żgħar u ta' daqs medju;

22.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha; jappella biex id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' sħubijiet pubbliċi-privati, eż. bl-użu ta' data diżaggregata skont is-sessi u analiżijiet għal investimenti mmirati u billi fil-kuntratti jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal benefiċċji għan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest, għal żieda fl-appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

Strumenti potenzjali intiżi li jippermettu lill-kumpaniji tal-UE jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE

23.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb impenji sostanzjali marbuta mal-aċċess għas-swieq fuq livell internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u fin-negozjati bilaterali li għaddejjin mal-pajjiżi terzi, f'approċċ pożittiv u reċiproku li jippermetti l-kompetizzjoni internazzjonali, bil-għan li jitranġaw l-asimmetriji bejn l-UE u s-sħab kummerċjali l-oħrajn fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex telimina l-ostakli amministrattivi, proċedurali u tekniċi li jimpedixxu lill-kumpaniji tal-UE milli jieħdu sehem fi sħubijiet pubbliċi-privati barranin;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, hija u tinnegozja l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ma' pajjiżi oħra, tappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati f'dawn il-pajjiżi u tappoġġa l-mobilità professjonali taċ-ċittadini tal-UE f'dawn l-Istati, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità mal-kumpaniji nazzjonali u kumpaniji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha u tislet konklużjonijiet mill-każijiet li rnexxew, mill-mudelli u mill-prattiki tajba, bil-għan li tfassal linji gwida, u tikkunsidra li toħloq ċentri ta' dokumentazzjoni jew osservatorji virtwali biex tiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi u netwerks faċli biex jintużaw biex tippromwovi djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati u tforni sostenn tekniku fir-rigward tal-qafas ġuridiku u tal-isfidi mistennija; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti tal-ftehimijiet ta' kummerċ ħieles u dwar l-implimentazzjoni tagħhom fuq l-aċċess għal sħubijiet pubbliċi-privati barranin min-naħa tal-kumpaniji tal-UE; jemmen li tali studju jista' jagħti tagħrif dwar l-impatti konkreti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-qasam tas-sħubijiet pubbliċi-privati u, fl-aħħar mill-aħħar, jippermetti l-identifikazzjoni tal-ostakli li għadhom ma ġewx indirizzati;

26.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' regoli tal-kontabilità ċari u komprensivi fuq livell internazzjonali biex jitnaqqsu l-inċertezzi assoċjati mas-sħubijiet pubbliċi-privati, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu promossi politiki baġitarji sodi u s-sostenibilità tal-proġetti;

27.   Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korpi appoġġati mill-UE bħall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u Medji (EASME) u n-Netwerk Enterprise Europe (EEN) ikunu jistgħu wkoll ikollhom aċċess u jaqsmu informazzjoni mal-SMEs dwar il-mod kif jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati fi Stati barra mill-UE u l-mod kif jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju fi sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi;

28.  Jissottolinja l-fatt li biex jinġibdu fondi transfruntieri mis-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati, huwa importantissmu li jingħataw biżżejjed garanziji li tali investimenti fit-tul se jibbenefikaw minn kuntest ċar, stabbli u sigur b'governanza tajba, ċertezza tad-dritt, trasparenza, trattament indaqs, nondiskriminazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkollaboraw għal dan il-għan fil-fora internazzjonali kompetenti kif ukoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ħalli jiggarantixxu l-eżistenza ta' qafas ġuridiku neċessarju f'dan il-kuntest u li jkun trasparenti, demokratiku, inklużiv, effikaċi u kosteffiċjenti;

Sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE: impjiegi u opportunitajiet ta' tkabbir ġodda għall-kumpaniji tal-UE

29.  Huwa konvint li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fi sħubijiet pubbliċi-privati internazzjonali fuq skala kbira taf issarraf f'benefiċċji sostanzjali f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, produttività, kompetittività, kapaċitajiet teknoloġiċi u żvilupp tal-innovazzjoni fl-UE; ifakkar li l-istudju tal-Kummissjoni tal-2010 bit-titolu "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej) jenfasizza r-rabta pożittiva bejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni f'termini ta' prodotti, servizzi u proċessi;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma f'dan il-qasam trid tqis, partikolarment, l-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE involuti fil-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali bħala partijiet ta' sħubijiet pubbliċi-privati, u fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret u ġust; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti; jemmen li l-SMEs għandhom jiġu inkoraġġiti jieħdu sehem bħala sottokuntratturi jew bħala parti minn konsorzji li jitfgħu offerta biex jiġu aġġudikati l-kuntratti;

31.  Ifakkar fis-suċċessi li saru fl-UE bis-saħħa tar-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati, fl-iżvilupp tal-infrastrutturi kif ukoll fl-oqsma avvanzati tat-teknoloġija, ir-riċerka, it-tagħlim elettroniku u setturi oħrajn b'valur miżjud għoli, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tidentifika dawk il-proġetti li pproduċew l-aqwa riżultati fl-UE u tippromwovi l-parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment tal-SMEs, f'tali inizjattivi barra l-UE;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment.

(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(2) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(3) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(4) ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 87.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0050.
(6) ĠU C 313E, 20.12.2006, p. 447.
(7) http://www.oecd.org/governance/budgeting/PPP-Recommendation.pdf.
(8) http://www.oecd.org/daf/anti-bribery/ConvCombatBribery_ENG.pdf.
(9) www.unece.org/fileadmin/DAM/ceci/publications/ppp.pdf.
(10) http://www.uncitral.org/pdf/english/texts/procurem/pfip/guide/pfip-e.pdf.
(11) http://api.ning.com/files/Iumatxx-0jz3owSB05xZDkmWIE7GTVYA3cXwt4K4s3Uy0NtPPRgPWYO1lLrWaTUqybQeTXIeuSYUxbPFWlysuyNI5rL6b2Ms/PPPReferenceGuidev02Web.pdf.

Avviż legali