Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/0121(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0158/2015

Testi mressqa :

A8-0158/2015

Dibattiti :

PV 07/07/2015 - 10
CRE 07/07/2015 - 10
PV 13/03/2017 - 12
CRE 13/03/2017 - 12

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.6
CRE 08/07/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 14/03/2017 - 6.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0257
P8_TA(2017)0067

Testi adottati
PDF 874kWORD 258k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva ***I
P8_TA(2015)0257A8-0158/2015
Test
 Test konsolidat

Emendi adottati fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva (COM(2014)0213 – C7-0147/2014 – 2014/0121(COD))(1)
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

[Emenda 1, sakemm mhux indikat mod ieħor]

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0158/2015).
(2) Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


DIRETTIVA (UE) 2015/...
TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti , u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva u d-Direttiva 2004/109/KE

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti marbuta ma' ishma ta' votazzjoni fir-rigward tal-laqgħat ġenerali ta' kumpaniji li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru.

(2)  Minkejja li ma jkunux is-sidien tal-korporazzjonijiet, li huma entitajiet ġuridiċi separati lil hinn mill-kontroll sħiħ tagħhom, l-azzjonisti jiżvolġu rwol rilevanti fil-governanza ta' dawk il-korporazzjonijiet. Il-kriżi finanzjarja wriet li f'ħafna każijiet, l-azzjonisti appoġġaw it-teħid eċċessiv ta' riskji fuq żmien qasir mill-maniġers. Barra minn hekk, ▌il-livell attwali ta' "monitoraġġ" u involviment fil-kumpaniji li fihom isir investiment mill-investituri istituzzjonali u mill-maniġers tal-assi ta' spiss ma jkunx adegwat u jkun wisq iffokat fuq reditti fuq żmien qasir, u dan iwassal għal governanza korporattiva u prestazzjoni subottimali tal-kumpaniji kkwotati.

(2a)  Involviment ikbar min-naħa tal-azzjonisti fil-governanza korporattiva tal-kumpaniji huwa waħda mill-lievi li jistgħu jikkontribwixxu għal titjib fil-prestazzjoni finanzjarja u dik mhux finanzjarja ta' dawn il-kumpaniji. Madankollu, peress li d-drittijiet tal-azzjonisti mhumiex l-uniku fattur fuq żmien twil li hemm bżonn jiġi kkunsidrat fil-governanza korporattiva , għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat involviment ikbar mill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-impjegati, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili.

(3)  Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva, il-Kummissjoni ħabbret għadd ta' azzjonijiet fil-qasam tal-governanza korporattiva, b'mod partikolari sabiex tħeġġeġ l-involviment fit-tul tal-azzjonisti u biex ittejjeb it-trasparenza bejn il-kumpaniji u l-investituri.

(4)  Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment bejn il-kumpaniji elenkati u l-azzjonisti, il-kumpaniji elenkati għandu jkollhom id-dritt li jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jikkomunikaw direttament magħhom. Għalhekk, sabiex jittejbu t-trasparenza u d-djalogu, din id-Direttiva għandha tipprevedi qafas li jiżgura li l-azzjonisti jistgħu jiġu identifikati. [Em. 29]

(5)  L-eżerċitar effettiv tad-drittijiet tagħhom mill-azzjonisti jiddependi ħafna fuq l-effiċjenza tal-katina tal-intermedjarji li jżommu l-kontijiet tat-titoli għall-azzjonisti, speċjalment f'kuntest transkonfinali. Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb it-trażmissjoni ta' informazzjoni mill-intermedjarji tul il-katina ta' parteċipazzjoni fil-kapital biex jiġi ffaċiltat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

(6)  Fid-dawl tar-rwol importanti tal-intermedjarji, għandhom ikunu obbligati jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonisti ▌meta l-azzjonisti jkunu jixtiequ jeżerċitaw dawn id-drittijiet huma stess jew meta jkunu jixtiequ jinnominaw lil persuna terza biex tagħmel dan. Meta l-azzjonisti ma jkunux iridu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess u jkunu nnominaw lill-intermedjarju bħala terza persuna, dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jeżerċita dawn id-drittijiet fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonisti u għall-benefiċċju tagħhom.

(7)  Sabiex jiġi promoss l-investiment fil-kapital madwar l-Unjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet relatati mal-ishma, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi grad għoli ta' trasparenza fir-rigward ta' kemm jiswew is-servizzi fornuti mill-intermedjarji. Saiex tipprevjeni d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet tal-parteċipazzjoni f'ishma transkonfinali meta mqabbla ma' parteċipazzjoni f'ishma purament domestiċi, kwalunkwe differenza fil-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transkonfinali tad-drittijiet għandha tiġi ġġustifikata kif dovut u għandha tirrifletti l-varjazzjoni fl-ispejjeż reali mġarrba għall-forniment tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarji. L-intermedjarji f'pajjiżi terzi li jkunu waqqfu fergħa fl-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni ta' informazzjoni, il-faċilitazzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u t-trasparenza tal-ispejjeż biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar l-ishma miżmuma permezz ta' intermedjarji ta' dan it-tip;

(8)  L-involviment effettiv u sostenibbli tal-azzjonisti huwa element rilevanti tal-mudell ta' governanza korporattiva tal-kumpaniji kkwotati, li jiddependi fuq is-sistema ta' kontrolli u bilanċi bejn l-organi u l-partijiet interessati differenti. L-involviment xieraq tal-partijiet interessati, b'mod partikolari tal-impjegati, għandu jiġi kkunsidrat bħala element tal-ogħla importanza fl-iżvilupp ta' qafas Ewropew ibbilanċjat fir-rigward tal-governanza korporattiva.

(9)  Investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi ta' spiss ikunu azzjonisti importanti tal-kumpaniji kkwotati fl-Unjoni u għalhekk jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti fil-governanza korporattiva ta' dawn il-kumpaniji, iżda wkoll b'mod aktar ġenerali fir-rigward tal-istrateġija u l-prestazzjoni fuq żmien twil ta' dawn il-kumpaniji. Madankollu, l-esperjenza tal-aħħar snin uriet li ħafna drabi l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jinvolvux ruħhom b'mod xieraq mal-kumpaniji li fihom ikollhom ishma u ▌s-swieq kapitali spiss jagħmlu pressjoni fuq il-kumpaniji biex jagħtu riżultati fuq żmien qasir, li jipperikola l-prestazzjoni finanzjarja u dik mhux finanzjarja tal-kumpaniji fuq żmien twil u jwassal, fost diversi konsegwenzi negattivi oħra, għal livell subottimali ta' investimenti, pereżempju fir-riċerka u l-iżvilupp għad-detriment tal-prestazzjoni fuq żmien twil ▌tal-kumpaniji ▌.

(10)  Ħafna drabi, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jkunux trasparenti dwar l-istrateġiji ta' investiment u l-politika ta' involviment tagħhom ▌, l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħhom. L-iżvelar pubbliku ta' din l-informazzjoni kieku jkollu impatt pożittiv fuq l-għarfien tal-investituri, jippermetti li l-benefiċjarji aħħarin bħall-pensjonanti futuri jottimizzaw id-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom, jiffaċilita d-djalogu bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, itejjeb l-involviment tal-azzjonisti u jsaħħaħ ir-responsabiltà tal-kumpaniji fir-rigward tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili.

(11)  Għalhekk, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti, li tiddetermina, fost l-oħrajn, kif jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta' investiment tagħhom, kif jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, inklużi r-riskji ambjentali u soċjali, imexxu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu u mal-partijiet interessati tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot. Politika dwar l-involviment ta' dan it-tip għandha tinkludi politiki biex jiġu ġestiti l-kunflitti ta' interessi reali jew potenzjali, bħall-provvista ta' servizzi finanzjarji mill-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew il-kumpaniji affiljati magħhom, lill-entità li fiha jsir investiment Din il-politika, l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati ta' dawn għandhom jiġu żvelati pubblikament u jintbagħtu lill-klijenti tal-investituri istituzzjonali kull sena. Meta l-investituri istituzzjonali jew il-maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta' involviment u/jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha huma għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

(12)  Kull sena l-investituri istituzzjonali għandhom jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija ta' investiment tagħhom ▌hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif tikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-assi tagħhom fuq żmien medju sa żmien twil. Meta jagħmlu użu minn maniġers tal-assi, jew permezz ta' mandati diskrezzjonali li jinvolvu l-ġestjoni tal-assi fuq bażi individwali jew permezz ta' fondi raggruppati, għandhom jiżvelaw pubblikament l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward ta' għadd ta' kwistjonijiet, bħal jekk jinċentivawx lill-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta' investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali, jekk jinċentivawx lill-maniġer tal-assi biex jieħu deċiżjonijiet ta' investiment abbażi ta' prestazzjoni tal-kumpanija fuq żmien medju sa żmien twil u biex jinvolvi ruħu mal-kumpaniji, kif jivvalutaw il-prestazzjoni tal-maniġers tal-assi, l-istruttura tal-korrispettiv għas-servizzi ta' ġestjoni tal-assi u l-fatturat tal-portafoll fil-mira. Dan kieku jikkontribwixxi għal allinjament xieraq tal-interessi bejn il-benefiċjarji finali tal-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-kumpaniji li fihom isir investiment u potenzjalment għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' investiment fuq żmien itwal u relazzjonijiet fuq żmien itwal mal-kumpaniji li fihom isir investiment li jinvolvu l-involviment tal-azzjonisti.

(13)  Il-maniġers tal-assi għandhom ikunu rikjesti jiżvelaw pubblikament kif ▌ l-istrateġija ta' investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha huma konformi mal-arranġament tal-ġestjoni tal-assi u kif l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta' investiment jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq żmien medju sa żmien twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali. Barra minn hekk, il-maniġer tal-assi għandhom jiżvelaw pubblikament il-fatturat tal-portafoll, jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta' investiment abbażi ta' ġudizzji dwar il-prestazzjoni fuq żmien medju sa żmien twil tal-kumpanija li fiha jsir investiment, ▌u jekk huma jużawx konsulenti bi prokura għall-finijiet tal-attivitajiet ta' involviment tiegħu. Għandha tiġi żvelata informazzjoni ulterjuri mill-maniġers tal-assi direttament lill-investituri istituzzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar l-ispejjeż tal-fatturat tal-portafoll, dwar il-kunflitti ta' interess li jkunu rriżultaw u dwar kif ġew indirizzati. Din l-informazzjoni tippermetti lil investituri istituzzjonali sabiex jimmonitorjaw aħjar il-maniġer tal-assi u tipprovdi inċentivi għal allinjament xieraq tal-interessi u għall-involviment tal-azzjonisti.

(14)  Sabiex itejbu l-informazzjoni fil-katina ta' investiment fil-kapital, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiżguraw sa fejn jistgħu li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom rigward il-votazzjoni jkunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għalihom u li ma jkunux affettwati minn xi kunflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta' negozju. Il-konsulenti bi prokura għandhom jadottaw u jsegwu kodiċi ta' kondotta. Devjazzjonijiet mill-kodiċi għandhom jiġu ddikjarati u spjegati, flimkien ma' kwalunkwe soluzzjoni alternattiva li tkun ġiet adottata. Il-konsulenti bi prokura għandhom jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta tagħhom kull sena. Għandhom jiżvelaw ċerta informazzjoni importanti relatata mat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom rigward il-votazzjoni u kwalunkwe kunflitt ta' interessi reali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta' negozju li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet rigward il-votazzjoni.

(15)  Peress li r-remunerazzjoni hija waħda mill-istrumenti fundamentali għall-kumpaniji biex jallinjaw l-interessi tagħhom ma' dawk tad-diretturi tagħhom u fid-dawl tar-rwol kruċjali tad-diretturi fil-kumpaniji, huwa importanti li l-politika ta' remunerazzjoni tal-kumpaniji tiġi stabbilita b'mod xieraq mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) u waqt li jitqiesu d-differenzi fl-istrutturi tal-bordijiet applikati mill-kumpaniji fl-Istati Membri differenti. Il-prestazzjoni tad-diretturi għandha tiġi vvalutata kemm permezz ta' kriterji dwar il-prestazzjoni finanzjarja u kemm permezz ta' kriterji dwar il-prestazzjoni mhux finanzjarja, inklużi fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza.

(15a)  Il-politika ta' remunerazzjoni għad-diretturi tal-kumpaniji għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir fuq żmien twil tal-kumpanija sabiex tiġi tikkorrispondi għal prattika aktar effettiva ta' governanza korporattiva u ma tkunx marbuta għal kollox jew fil-biċċa l-kbira mal-objettivi ta' investiment fuq żmien qasir.

(16)  Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti jkollhom vuċi effettiva dwar il-politika ta’ remunerazzjoni, għandhom jingħataw id-dritt li jivvutaw dwar il-politika ta’ remunerazzjoni, abbażi ta’ ħarsa ġenerali ċara, li tinftiehem u komprensiva tal-politika ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija, li għandha tkun allinjata mal-istrateġija kummerċjali, l-għanijiet, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija u għandhom jinkorporaw miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. Il-kumpaniji għandhom iħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont politika ta’ remunerazzjoni li tkun saret votazzjoni dwarha mill-azzjonisti. Il-politika ta’ remunerazzjoni li tkun saret votazzjoni dwarha għandha tiġi żvelata pubblikament mingħajr dewmien. [Em. 30]

(17)  Biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tkun konformi mal-politika approvata, l-azzjonisti għandhom jingħataw id-dritt li jivvutaw b'mod konsultattiv fuq ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà tad-diretturi, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun ċar u jinftiehem u għandu jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni li ngħatat lil diretturi individwali fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn l-azzjonisti jivvotaw kontra r-rapport ta' remunerazzjoni, il-kumpanija għandha, fejn ikun meħtieġ, tidħol fi djalogu mal-azzjonisti sabiex tidentifika r-raġunijiet għar-rifjut. Il-kumpanija għandha tispjega fir-rapport ta' remunerazzjoni li jmiss kif il-vot tal-azzjonisti jkun ġie kkunsidrat. [Em. 31]

(17a)  Iż-żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta' kumpaniji kbar, u b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti li jkunu għamlu, it-taxxi fuq il-profitti li ħallsu u s-sussidji li rċievew, hija essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja u jiġi ffaċilitat l-involviment tal-azzjonisti u ċ-ċittadini l-oħra tal-UE fil-kumpaniji. Ir-rapportar obbligatorju f'dan il-qasam jista' għalhekk jitqies bħala element importanti tal-responsabbiltà korporattiva tal-kumpaniji fir-rigward tal-azzjonisti u s-soċjetà.

(18)  Sabiex il-partijiet interessati, l-azzjonisti u s-soċjetà ċivili jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-governanza korporattiva, ir-rapport ta' remunerazzjoni għandu jkun parti mid-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva li l-kumpaniji kkwotati għandhom jippubblikaw skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013(4).

(18a)  Jeħtieġ issir distinzjoni bejn il-proċeduri li permezz tagħhom tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tad-diretturi u s-sistemi li bihom jiġu ddeterminati l-pagi tal-impjegati. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar sħiħ tad-drittijiet fundamentali garantit mill-Artikolu 153(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti u x-xogħol, u d-drittijiet, fejn japplika, tal-imsieħba soċjali li jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi skont il-liġi u l-użanzi nazzjonali.

(18b)  Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ukoll, fejn applikabbli, ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(19)  Tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-kumpaniji ▌, peress li jistgħu jagħtu lill-parti relatata l-opportunità għal valur xieraq li jappartjeni lill-kumpanija. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-interessi tal-kumpaniji. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati ▌jkunu approvati mill-azzjonisti jew mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpaniji, skont proċeduri li ma jħallux parti relatata tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi tal-azzjonisti li mhumiex partijiet relatati, inklużi l-azzjonisti minoritarji. Għal tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati ▌l-kumpaniji għandhom iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet mhux aktar tard minn meta tiġi konkluża t-tranżazzjoni, u jakkumpanjaw it-tħabbira b'rapport ▌li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq u li jikkonferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji. L-Istati Membri għandhom jitħallew jeskludu tranżazzjonijiet annotati bejn il-kumpaniji u impriżi konġunti u membru jew membri tal-grupp tagħha, sakemm dawk il-membri tal-grupp jew l-impriżi konġunti jkunu proprjetà sħiħa tal-kumpanija u sakemm ebda parti relatata oħra tal-kumpanija ma jkollha interess fil-membri jew fl-impriżi konġunti, kif ukoll tranżazzjonijiet annotati fil-perkors normali tan-negozju u konklużi fuq it-termini normali tas-suq.

(20)  Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995(5) huwa meħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. L-informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar l-azzjonisti għandha tkun limitata għall-isem u d-dettalji ta' kuntatt, inkluż l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u, jekk ikun rilevanti, l-indirizz tal-posta elettronika tal-azzjonisti korrispondenti u l-għadd ta' ishma u d-drittijiet tal-vot li jkollhom dawn l-azzjonisti. Din l-informazzjoni għandha tkun preċiża u għandha tinżamm aġġornata, u l-intermedjarji kif ukoll il-kumpaniji għandhom jippermettu r-rettifika jew it-tħassir tad-dejta kollha li tkun inkorretta jew li ma tkunx sħiħa. Din l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-azzjonisti ma għandhiex tintuża għal xi għan ieħor għajr il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti, tal-involviment tal-azzjonisti u tad-djalogu bejn il-kumpanija u l-azzjonist.

(21)  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni, dwar il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u dwar ir-rapporti ta' remunerazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tad-definizzjoni tar-rekwiżiti rigward it-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni bejn il-kumpanija u l-azzjonisti, il-faċilitazzjoni mill-intermedjarju tal-eżerċitar tad-drittijiet min-naħa tal-azzjonisti u l-preżentazzjoni standardizzata tar-rapport ta' remunerazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u t-tfassil ta' atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22)  Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jew il-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva jiġu applikati fil-prattika, kull ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti għandu jkun soġġett għal penali. Għal dak il-għan, il-penali għandhom ikunu dissważivi u proporzjonati biżżejjed.

(23)  Peress li minħabba n-natura internazzjonali tas-suq tal-ekwità tal-Unjoni, l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u azzjoni mill-Istati Membri weħidhom x’aktarx li twassal għal settijiet differenti ta’ regoli, li jistgħu jimminaw jew joħolqu ostakli ġodda għat-tħaddim tas-suq intern, l-għanijiet jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-għanijiet jintlaħqu."

(24)  F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni(6), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2007/36/KE

Id-Direttiva 2007/36/KE hija emendata kif ġej:

(1)  L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:"

"Tistabbilixxi wkoll rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi ffaċilitat l-involviment tal-azzjonisti fit-tul, inklużi l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti. Barra minn hekk, toħloq trasparenza dwar il-politiki ta' involviment tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi u dwar l-attivitajiet tal-konsulenti bi prokura u tistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tar-remunerazzjoni tad-diretturi u tranżazzjonijiet ta' partijiet relatati."

"

(aa)  Wara l-paragrafu 3 jiżdied il-paragrafu li ġej:"

“3a. L-impriżi msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom fl-ebda każ jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu Ib.”

"

(b)  Wara l-paragrafu 3a jiżdied il-paragrafu ▌li ġej:"

3b. Il-Kapitolu Ib japplika għal investituri istituzzjonali u għal maniġers tal-assi sakemm dawn jinvestu, direttament jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, f’isem l-investituri istituzzjonali, f’ishma. Japplika wkoll għall-konsulenti bi prokura.

"

(ba)  Wara l-paragrafu 3b jiżdied il-paragrafu li ġej: "

"3c. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE li tirregola tipi speċifiċi ta' kumpaniji jew entitajiet ikkwotati. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE għandhom jieħdu preċedenza fuq din id-Direttiva sa fejn ir-rekwiżiti previsti f'din id-Direttiva jikkontradixxu r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE. Fejn id-Direttiva tipprevedi regoli aktar speċifiċi jew iżżid rekwiżiti meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b'mod konġunt mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva".

"

(2)  Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti minn (d) sa (jc) li ġejjin:"

“(d) "intermedjarju" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni Ewropea u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;

   (da) "kumpanija kbira" tfisser kumpanija li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE;
   (db) "grupp kbir" tfisser grupp li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE;
   (e) "intermedjarju f’pajjiż terz" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha barra mill-Unjoni u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;
   (f) "investitur istituzzjonali" tfisser impriża li twettaq attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3)(a), (b) u (c), u attivitajiet ta’ riassigurazzjoni li jkopru obbligi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux eskluża skont l-Artikoli 3, 4, 9, 10, 11 jew 12 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) u istituzzjoni li tipprovdi għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) skont l-Artikolu 2 tagħha, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva fl-intier tagħha jew parzjalment għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;
   (g) "maniġer tal-assi" tfisser ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) li tipprovdi servizzi tal-ġestjoni tal-portafolli lill-investituri istituzzjonali, AIFM (maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv) kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva jew kumpanija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11); jew kumpanija ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-amministrazzjoni tagħha;
   (h) "involviment tal-azzjonisti" tfisser il-monitoraġġ minn azzjonist waħdu jew flimkien ma’ azzjonisti oħrajn, tal-kumpaniji dwar kwistjonijiet rilevanti inklużi l-istrateġija, il-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja, ir-riskji, l-istruttura kapitali, ir-riżorsi umani, l-impatt soċjali u ambjentali u l-governanza korporattiva, li jkollhom djalogu mal-kumpaniji u l-partijiet interessati tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet u li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot u drittijiet oħra marbuta mal-ishma;
   (i) "konsulent bi prokura" tfisser persuna ġuridika li tipprovdi, fuq bażi professjonali, rakkomandazzjonijiet lill-azzjonisti dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot tagħhom;
   (l) "Direttur" tfisser
   kull membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ kumpanija;
   il-kap eżekuttiv u d-deputati kapijiet eżekuttivi, meta mhumiex membri ta' korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji;
   (j) "parti relatata" għandha l-istess tifsira bħal fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12);
   (ja) "assi" tfisser il-valur totali tal-assi ppreżentat fuq il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-kumpanija ppreparata skont l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju;
   (jb) "parti interessata" tfisser kull individwu, grupp, organizzazzjoni jew komunità lokali affettwat jew affettwata jew li għandu jew għandha interess fl-operat u l-prestazzjoni ta' kumpanija;
   (jc) "informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti" tfisser kwalunkwe informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-identità ta' azzjonist, inklużi, tal-inqas:
   l-ismijiet tal-azzjonisti u d-dettalji tagħhom (inklużi l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email), u, meta ma jkunux persuni ġuridiċi, l-identifikatur uniku tagħhom jew, jekk dan ma jkunx disponibbli, dejta ta' identifikazzjoni oħra;
   l-għadd ta' ishma li għandhom u d-drittijiet tal-vot assoċjati ma' dawk l-ishma.

"

(2a)  Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"L-Istati Membri jistgħu jinkludu fid-definizzjoni ta’ Direttur imsemmija fil-punt (l) tal-ewwel paragrafu, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, individwi oħra li jkopru pożizzjonijiet simili."

"

(2b)  Wara l-Artikolu 2, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:"

“Artikolu 2a

Protezzjoni tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali skont din id-Direttiva jsir skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE.”

"

(3)  Wara l-Artikolu 3, jiddaħħlu l-Kapitoli Ia u 1b li ġejjin"

"KAPITOLU IA

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti, It-trażmissjoni ta' informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

Artikolu 3a

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom id-dritt li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom, filwaqt li jqisu s-sistemi nazzjonali eżistenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara talba tal-kumpanija, l-intermedjarju jikkomunika mingħajr dewmien żejjed lill-kumpanija l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, it-talba tal-kumpanija għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed. L-intermedjarju li jkollu l-informazzjoni rigward l-identità tal-azzjonisti għandu jitrażmettiha direttament lill-kumpanija.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li d-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) ikunu l-imtermedjarji responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti u biex jipprovduha direttament lill-kumpanija.

3.  L-azzjonisti għandhom jiġu infurmati kif xieraq mill-intermedjarju tagħhom li l-informazzjoni rigward l-identità tagħhom tista' tiġi pproċessata f'konformità ma' dan l-artikolu u, meta jkun il-każ, li din l-informazzjoni tkun effettivament ġiet trażmessa lill-kumpanija. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biss għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonist, u tal-involviment u d-djalogu bejn il-kumpanija u l-azzjonisti dwar kwistjonijiet relatati mal-kumpanija. Il-kumpaniji għandhom fi kwalunkwe każ jitħallew jagħtu lil partijiet terzi stampa ġenerali tal-istruttura azzjonarja tal-kumpanija billi jiżvelaw il-kategoriji differenti ta' azzjonisti. Il-kumpanija u l-intermedjarju għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu kapaċi jirrettifikaw jew iħassru kull dejta inkompleta jew mhux preċiża. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji u l-intermedjarji ma jaħżnux l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti trażmessa lilhom f'konformità ma' dan l-Artikolu għal aktar żmien milli meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għal aktar minn 24 xahar wara li l-kumpanija jew l-intermedjarji jkunu saru jafu li l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha azzjonist.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li intermedjarju li jirrapporta lill-kumpanija l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti b'konformità mal-paragrafu 2 ma jitqiesx li qed jikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b'kull dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 14a biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, il-format tat-talba, inklużi l-formati siguri li għandhom jintużaw, u t-trażmissjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. [Em. 24]

Artikolu 3b

It-trażmissjoni ta’ informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk kumpanija ▌ma tikkomunikax direttament mal-azzjonisti tagħha, l-informazzjoni relatata mal-ishma tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tal-websajt tal-kumpanija u tiġi trażmessa lilhom jew, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-azzjonist, lil parti terza, mill-intermedjarju mingħajr dewmien żejjed fil-każijiet kollha li ġejjin:

   (a) l-informazzjoni tkun meħtieġa biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-azzjonist li jirriżulta mill-ishma tiegħu;
   (b) l-informazzjoni tiġi diretta lill-azzjonisti kollha li jkollhom ishma ta’ dik il-klassi.

2.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji jipprovdu u jagħtu l-informazzjoni lill-intermedjarju relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma skont il-paragrafu 1 b’mod standardizzat u f’waqtu.

3.  L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intermedjarju jittrażmetti lill-kumpanija, skont l-istruzzjonijiet riċevuti mill-azzjonisti, mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta mill-azzjonisti relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom.

4.  Fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 14a, biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ▌fir-rigward tal-konenut li għandu jiġi trażmess, l-iskadenzi li jridu jiġu osservati u t-tipi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, inklużi l-formati siguri li għandhom jintużaw.

Artikolu 3c

Il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarji jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonisti, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw fil-laqgħat ġenerali. Din il-faċilitazzjoni tinkludi mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

   (a) l-intermedjarju jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-azzjonist jew għal persuna terza maħtura mill-azzjonist biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess;
   (b) l-intermedjarju jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonist u għall-benefiċċju tiegħu.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jiżvelaw pubblikament, permezz tal-websajt tagħhom, il-minuti tal-laqgħat ġenerali tagħhom u r-riżultati tal-votazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jikkonfermaw il-voti mitfugħa fil-laqgħat ġenerali minn jew f’isem l-azzjonisti, meta l-voti jintefgħu permezz ta’ mezzi elettroniċi. Fil-każ li l-intermedjarju jitfa’ l-vot, huwa jittrażmetti l-konferma tal-vot lill-azzjonist. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, il-konferma tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

3.  Biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 14a, biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ▌fir-rigward tat-tip u l-kontenut tal-faċilitazzjoni, il-forma tal-konferma tal-votazzjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. ▌

Artikolu 3d

Trasparenza dwar il-kostijiet

1.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-intermedjarji jitolbu l-ispejjeż tas-servizz li se jiġi pprovdut mill-kumpaniji taħt dan il-kapitolu. L-intermedjarji jiżvelaw pubblikament il-prezzijiet, it-tariffi u kull ħlas ieħor b’mod separat għal kull servizz imsemmi f’dan il-kapitolu.

2.  Meta l-intermedjarji jitħallew jitolbu l-ispejjeż bi qbil mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji jiżvelaw pubblikament, separatament għal kull servizz, l-ispejjeż għas-servizzi msemmija f'dan il-kapitolu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ħlas li jista’ jiġi impost minn intermedjarju fuq l-azzjonisti, il-kumpaniji u l-intermedjarji oħra għandu jkun nondiskriminatorju, raġonevoli u proporzjonat. Kull differenza fil-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transfruntier tad-drittijiet għandha tiġi permessa biss meta tkun iġġustifikata kif xieraq u għandha tirrifletti l-varjazzjoni fl-ispejjeż attwali mġarrba biex jingħata s-servizz.

Artikolu 3e

Intermedjarji ta' pajjiżi terzi

Intermedjarju f’pajjiż terz li jkun stabbilixxa fergħa fl-Unjoni jkun soġġett għal dan il-kapitolu.”

KAPITOLU IB

TRASPARENZA TAL-INVESTITURI ISTITUZZJONALI, IL-MANIĠERS TAL-ASSI U L-KONSULENTI BI PROKURA

Artikolu 3f

Il-politika ta’ involviment

1.  L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3f(4), jiżguraw li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti (“politika ta’ involviment”). Din il-politika ta’ involviment għandha tiddetermina kif l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

   (a) jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom;
   (b) jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, inkluża l-prestazzjoni mhux finanzjarja tagħhom u t-tnaqqis tar-riskji soċjali u ambjentali;
   (c) iwettqu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu;
   (d) jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot;
   (e) jużaw is-servizzi pprovduti mill-konsulenti bi prokura;
   (f) jikkooperaw ma’ azzjonisti oħra;
   (fa) iwettqu djalogu u kooperazzjoni ma’ partijiet interessati oħra tal-kumpanija li fiha jsir l-investiment.

2.  L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3f(4), jiżguraw li l-politika ta’ involviment tinkludi politiki biex jiġġestixxu kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward tal-involviment tal-azzjonisti. Dawn il-politiki għandhom jiġu żviluppati b'mod partikulari għal kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

   (a) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew kumpaniji oħra affiljati magħhom, joffru prodotti finanzjarji lill-entità li fiha jsir investiment jew ikollhom relazzjonijiet kummerċjali oħra magħha;
   (b) direttur tal-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun ukoll direttur tal-entità li fiha jsir investiment;
   (c) maniġer tal-assi li jamministra l-assi ta’ istituzzjoni li tipprovdi għal irtirar okkupazzjonali jinvesti f’kumpanija li tikkontribwixxi għal dik l-istituzzjoni;
   (d) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun affiljat ma’ kumpanija li tkun nediet offerta ta’ xiri għall-ishma tagħha.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżvelaw pubblikament il-politika ta’ involviment tagħhom, kif ġiet implimentata u r-riżultati tagħha. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza għandha mill-inqas tkun disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija. L-investituri istituzzjonali għandhom jagħtu dik l-informazzjoni lill-klijenti tagħhom fuq bażi annwali.

L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżvelaw pubblikament, għal kull kumpanija li fiha jkollhom ishma, jekk ivvutawx u kif ivvutaw fil-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji kkonċernati u jipprovdu spjegazzjoni dwar kif ikunu ivvutaw. Meta maniġer tal-assi jivvota f’isem investitur istituzzjonali, l-investitur istituzzjonali għandu jagħmel referenza għall-post fejn din l-informazzjoni dwar il-votazzjoni tkun ġiet ippubblikata mill-maniġer tal-assi. L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tkun mill-inqas disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija.

4.  Fejn investituri istituzzjonali jew maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta’ involviment jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha, huma għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ. [Em. 25]

Artikolu 3g

Strateġija ta’ investiment ta’ investituri istituzzjonali u arranġamenti ma’ maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investituri istituzzjonali jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija tagħhom ta’ investiment ta’ ekwità (“strateġija ta’ investiment”) hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza għandha mill-inqas tkun disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija sakemm tibqa’ applikabbli u għandha tintbagħat kull sena lill-klijenti tal-kumpanija flimkien mal-informazzjoni dwar il-politika ta’ involviment tagħhom.

2.  Meta maniġer tal-assi jinvesti f’isem investitur istituzzjonali, jew fuq bażi diskrezzjonali, klijent bi klijent jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, l-investitur istituzzjonali għandu jiżvela pubblikament kull sena l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

   (a) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tiegħu;
   (b) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-kumpanija, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u biex jinvolvi ruħu ma’ kumpaniji bħala mezz biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-kumpanija li tagħti redditu fuq l-investiment;
   (c) il-metodu u l-medda taż-żmien tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġer tal-assi, u b’mod partikolari jekk din il-valutazzjoni tqisx il-prestazzjoni assoluta fit-tul u kif tagħmel dan għall-kuntrarju ta’ prestazzjoni relattiva għall-indiċi tal-istandards jew maniġers oħra tal-assi li jkunu qed isegwu strateġiji simili ta’ investiment;
   (d) kif l-istruttura tal-konsiderazzjoni għas-servizzi li jimmaniġġaw l-assi tikkontribwixxi għall-allinjament tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-maniġer tal-assi mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali;
   (e) il-fatturat tal-portafoll fil-mira jew il-firxa tal-fatturat, il-metodu użat għall-kalkolu tal-fatturat, u jekk hemmx xi proċedura stabbilita meta din tinqabeż mill-maniġer tal-assi;
   (f) it-tul tal-arranġament mal-maniġer tal-assi.

Meta l-arranġament mal-maniġer tal-assi ma jkunx fih wieħed jew aktar mill-elementi msemmija fil-punti minn minn (a) sa (f), l-investitur istituzzjonali għandu jagħti spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ. [Em. 26]

Artikolu 3h

Trasparenza tal-maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-maniġers tal-assi jiżvelaw, kif speċifikat fil-paragrafi 2 u 2a, kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha huma konformi ▌mal- ▌arranġament imsemmi fl-Artikolu 3g(2).

2.  L-Istati Membri jiżguraw li kull sena l-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-pubbliku l-informazzjoni kollha li ġejja:

   (a) jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-entità li fiha jsir investiment, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u jekk iva, kif;

   (b) il-livell tal-fatturat tal-portafoll, il-metodu użat biex jiġi kkalkulat u spjegazzjoni ta’ jekk il-fatturat ikunx qabeż il-livell fil-mira;

   (c) jekk kienx hemm kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali b’rabta mal-attivitajiet ta’ involviment, u jekk iva kif il-maniġer tal-assi jkun indirizzahom;
   (d) jekk il-maniġer tal-assi jużax konsulenti bi prokura għall-fini tal-attivitajiet ta’ involviment tagħhom jew le, u jekk iva, kif;
   (e) kif, b’mod ġenerali, l-istrateġija ta’ investiment u l-implimentazzjoni tagħha jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tal-assi tal-investitur istituzzjonali fuq terminu medju sa twil.

2a.  L-Istati Membri jiżguraw li kull sena l-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-investitur istituzzjonali li miegħu jkunu daħlu fl-arranġament imsemmi fl-Artikolu 3g(2) l-informazzjoni li ġejja:

   (a) kif kien magħmul il-portafoll u spjegazzjoni ta’ kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-portafoll fil-perjodu preċedenti;
   (b) il-kostijiet tal-fatturat tal-portafoll;
   (c) il-politika tagħhom dwar self ta’ titoli u l-implimentazzjoni tagħha.

3.  L-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 2 tkun mill-inqas disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-maniġer tal-assi. L-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 2 tingħata mingħajr ħlas u, f’każ li l-maniġer tal-assi ma jamministrax l-assi fuq bażi diskrezzjonali ta' klijent bi klijent, tiġi pprovduta wkoll lil investituri oħrajn jekk tintalab.

3a.  L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li, f’każijiet eċċezzjonali, maniġer tal-assi jista’, bl-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, jitħalla jastjeni milli jiżvela xi parti mill-informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont dan l-Artikolu jekk dik il-parti tkun marbuta ma’ żviluppi imminenti jew kwistjonijiet li jkunu għaddejjin negozjati dwarhom u l-iżvelar tagħha jippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-maniġer tal-assi.

Artikolu 3i

Trasparenza tal-konsulenti bi prokura

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiġi żgurat bl-aħjar mod possibbli li r-riċerka tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, ibbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li tkun disponibbli għalihom u żviluppati fl-interess uniku tal-klijenti tagħhom.

1a.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jirreferu għal kodiċi ta’ kondotta li japplikaw. Meta jiddevjaw minn kwalunkwe rakkomandazzjoni ta’ dak il-kodiċi ta’ kondotta, huma għandhom jiddikjaraw dan, jispjegaw ir-raġunijiet għad-devjazzjoni u jindikaw kwalunkwe miżura alternattiva adottata. Din l-informazzjoni, flimkien mar-referenza għall-kodiċi ta’ kondotta li japplikaw, għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-konsulent bi prokura.

Il-konsulenti bi prokura għandhom jirrapportaw kull sena dwar l-applikazzjoni ta’ dak il-kodiċi ta' kondotta. Ir-rapporti annwali għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-konsulent bi prokura u għandhom jibqgħu disponibbli, mingħajr ħlas, għal mill-inqas tliet snin wara d-data tal-pubblikazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena, il-konsulenti bi prokura jiżvelaw pubblikament l-informazzjoni kollha li ġejja fir-rigward tat-tħejjija tar-riċerka u tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom:

   (a) il-karatteristiċi essenzjali tal-metodoloġiji u l-mudelli li japplikaw;
   (b) is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni li jużaw;
   (c) jekk iqisux il-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali, legali, regolatorji u skont il-kumpanija, u, jekk iva, kif;
   (ca) il-karatteristiċi essenzjali tar-riċerka mwettqa u l-politiki tal-vot applikati għal kull suq;
   (d) jekk iżommux komunikazzjoni jew djalogi mal-kumpaniji li huma l-oġġett tar-riċerka u tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom mal-partijiet interessati tagħhom, u, jekk iva, l-estent u n-natura tagħhom;
   (da) il-politika dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali;
   (e) l-għadd totali u l-kwalifiki ta’ persunal involut fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot;
   (f) l-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet tal-vot mogħtija fl-aħħar sena.

Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-konsulenti bi prokura u tibqa’ disponibbli, mingħajr ħlas, għal mill-inqas tliet snin mill-jum li fih tiġi ppubblikata.

3.  L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jidentifikaw u jiżvelaw mingħajr dewmien bla bżonn lill-klijenti tagħhom ▌kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jinfluwenzaw ir-riċerka u t-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot u l-azzjonijiet li jkunu ħadu sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali.”

"

(4)  L-Artikoli 9a, 9b u 9c li ġejjin ġew inseriti:"

“Artikolu 9a

Dritt għall-vot dwar il-politika ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu politika ta’ remunerazzjoni fir-rigward tad-diretturi u jissottomettuha għal votazzjoni vinkolanti fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Il-kumpaniji għandhom iħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont il-politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet ivvutata matul il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Kwalunkwe bilda fil-politika għandha tiġi vvutata waqt il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u l-politika ta’ remunerazzjoni, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi sottomessa għal approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali mill-inqas kull tliet snin.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-votazzjonijiet tal-laqgħa ġenerali dwar il-politika ta’ remunerazzjoni huma konsultattivi.

F'każijiet fejn ebda politika ta' remunerazzjoni ma tkun ġiet implimentata qabel u l-azzjonisti jirrifjutaw l-abbozz ta' politika li jkun tressaq quddiemhom, il-kumpanija tista', waqt li tkun qed terġa' taħdem l-abbozz u għal perjodu ta' mhux aktar minn sena qabel ma jiġi adottat l-abbozz, tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha skont prattiki eżistenti.

F’każijiet fejn tkun teżisti politika ta’ remunerazzjoni u l-azzjonisti jirrifjutaw abbozz ta’ politika ppreżentat lilhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-kumpanija tsta’, waqt li tkun qed terġa’ taħdem l-abbozz u għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena sakemm jiġi adottat l-abbozz, tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha skont il-politika ezistenti.

2.  Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tkun ċara, tinftiehem u konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-għanijiet, mal-valuri u mal-interessi fit-tul tal-kumpanija u għandha tinkorpora miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess.

3.  Il-politika għandha tispjega kif din tikkontribwixxi għall-interessi u s-sostenibilità fit-tul tal-kumpanija. Hija għandha tistipula kriterji ċari għall-għoti ta’ rimunerazzjoni fissa u varjabbli, inklużi l-bonusijiet kollha u l-benefiċċji kollha, f'kull forma.

Il-politika għandha tindika l-proporzjon relattiv xieraq tal-komponenti differenti ta' remunerazzjoni fissa u varjabbli. Hija għandha tispjega kif il-ħlas u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati tal-kumpanija kienu kkunsidrati meta ġew stabbiliti l-politika jew ir-remunerazzjoni tad-diretturi.

Għal remunerazzjoni varjabbli, il-politika għandha tindika l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja, inkluża, meta jkun xieraq, kunsiderazzjoni għall-programmi u r-riżultati relatati mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, li għandhom jintużaw u tispjega kif dawn jikkontribwixxu għall-interessi u s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul, u l-metodi li għandhom jiġu applikati biex jiddeterminaw sa liema punt il-kriterji ta' prestazzjoni twettqu; hija tispeċifika l-perjodi ta' differiment, il-perjodi ta' akkwiżizzjoni għar-rimunerazzjoni bbażata fuq l-ishma wara l-akkwiżizzjoni, u l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-kumpanija li terġa' tieħu lura r-remunerazzjoni varjabbli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valur tal-ishma ma jkollux rwol dominanti fil-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni bbażata fuq l-ishma ma tirrappreżentax l-iżjed parti sinifikanti mir-remunerazzjoni varjabbli tad-diretturi. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta' dan is-subparagrafu bil-kundizzjoni li l-politika ta' remunerazzjoni tinkludi spjegazzjoni ċara u motivata dwar kif tali eċċezzjoni tikkontribwixxi għall-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija.

Il-politika għandha tindika t-termini ewlenin tal-kuntratti tad-diretturi, inkluż id-durata tagħhom u l-perjodi ta’ notifika applikabbli u t-termini tat-tmiem u l-pagamenti marbuta ma’ tmiem il-kuntratti u l-karatteristiċi tal-pensjoni supplimentari jew skemi ta’ rtirar bikri. Meta l-liġijiet nazzjonali jippermettu li l-kumpaniji jkollhom arranġamenti ma' diretturi mingħajr kuntratt, il-politika għandha f'dak il-każ tindika t-termini ewlenin tal-arranġamenti mad-diretturi, inklużi d-durata tagħhom u l-perjodi ta' notifika applikabbli u t-termini ta' tmiem tal-arranġamenti u l-pagamenti b'rabta ma' tali tmiem, kif ukoll il-karatteristiċi ta' pensjoni supplimentari jew skemi ta' rtirar bikri.

Il-politika għandha tispeċifika l-proċeduri tal-kumpanija għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tad-diretturi, inklużi r-rwol u l-funzjonament tal-kumitat ta’ remunerazzjoni.

Il-politika għandha tispjega l-proċess ta’ teħid ta' teħid tad-deċiżjonijiet speċifiku li jwassal għad-determinazzjoni tagħha. Fil-każ ta’ reviżjoni tal-politika, hija għandha tinkludi spjegazzjoni tal-bidliet sinifikanti kollha u kif din tieħu inkonsiderazzjoni l-voti u l-fehmiet tal-azzjonisti dwar il-politika u r-rapport tal-inqas fit-tliet snin konsekuttivi preċedenti.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara li l-azzjonisti jkunu approvaw il-politika, din issir pubblika mingħajr dewmien u disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija għall-inqas sakemm tibqa’ applikabbli. [Em. 27 rev.]

Artikolu 9b

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għal-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tfassal rapport ċar u li jiftiehem dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji kollha f'kull forma, li ngħataw, skont il-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a, lid-diretturi individwali, inkluż lil diretturi rreklutati ġodda u lil diretturi preċedenti, fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn applikabbli, ir-rapport għandu jkun fih l-elementi kollha li ġejjin:

   (a) ir-remunerazzjoni totali mogħtija, imħallsa jew dovuta f’partijiet skont il-komponent, il-proporzjon relattiv tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, spjegazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni totali hija marbuta mal-prestazzjoni fit-tul u informazzjoni dwar kif il-kriterji ta’ prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja ġew applikati;
   (b) il-bidla relattiva fir-remunerazzjoni tad-diretturi eżekuttivi matul l-aħħar tliet snin finanzjarji, ir-relazzjoni tagħha fir-rigward tal-iżvilupp tal-prestazzjoni ġenerali tal-kumpanija u fir-rigward tal-bidla fir-remunerazzjoni medja tal-impjegati matul l-istess perjodu;
   (c) kull remunerazzjoni li jirċievu jew li tkun dovuta lid-diretturi tal-kumpanija minn kull impriża li tappartjeni għall-istess grupp;
   (d) l-għadd ta' ishma u l-għażliet ta' ishma mogħtija jew offruti, u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-eżerċizzju tad-drittijiet inklużi l-prezz u d-data tal-eżerċizzju u kwalunkwe bidla li ssir fihom;
   (e) informazzjoni dwar l-użu tal-possibbiltà li r-remunerazzjoni varjabbli tintalab lura;
   (f) informazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni tad-diretturi ġiet stabbilita, inkluż ir-rwol tal-kumitat ta' remunerazzjoni.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li meta d-dejta personali tad-direttur tiġi pproċessata, id-dritt għall-privatezza ta’ persuni naturali jiġi protett skont id-Direttiva 95/46/KE.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul il-laqgħa ġenerali annwali, l-azzjonisti jkollhom id-dritt li jorganizzaw votazzjoni konsultattiva dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-aħħar sena finanzjarja. Meta l-azzjonisti jivvutaw kontra r-rapport ta’ remunerazzjoni, il-kumpanija għandha, meta jkun meħtieġ, tidħol fi djalogu mal-azzjonisti biex tidentifika r-raġunijiet għar-rifjut. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif il-vot tal-azzjonisti jkun ġie kkunsidrat.

3a.  Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-sistemi nazzjonali ta’ formazzjoni tal-pagi għall-impjegati u, fejn applikabbli, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati fuq il-bordijiet.

4.  Biex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 14a, biex tispeċifika l-preżentazzjoni standardizzata tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. [Em. 28]

Artikolu 9c

Id-dritt għall-vot dwar tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji, f’każ ta’ tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati▌, iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet sa mhux aktar tard minn waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni, u t-tħabbira għandha tkun akkumpanjata minn rapport ▌li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq jew le u l-konferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji, u jipprovdi spjegazzjoni tal-evalwazzjonijiet li l-valutazzjoni hija bbażata fuqhom. It-tħabbira jkun fiha informazzjoni dwar in-natura tar-relazzjoni mal-parti relatata, l-isem tal-parti relatata, l-ammont tat-tranżazzjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex ▌tiġi vvalutata l-korrettezza ekonomika mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji.

L-Istati Membri jiddefinixxu regoli speċifiċi fir-rigward tar-rapport li għandu jiġi adottat skont l-ewwel subparagrafu, inkluż l-attur responsabbli għat-tfassil tar-rapporti, li jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

   parti terza indipendenti;
   il-korp superviżorju tal-kumpanija; jew
   kumitat ta' diretturi indipendenti.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li t-tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati jkunu approvati mill-azzjonisti jew mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpaniji, skont proċeduri li jipprevjenu parti relatata milli tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex partijiet relatati, inklużi azzjonisti minoritarji.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-azzjonisti jkollhom id-dritt li jivvutaw dwar tranżazzjonijiet materjali approvati mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija.

L-intenzjoni hi li l-partijiet relatati jitwaqqfu milli jiksbu vantaġġ minn pożizzjoni speċjali u biex tingħata protezzjoni xierqa għall-interess tal-kumpanija.

2a.  L-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet relatati u r-rappreżentanti tagħhom jiġu esklużi mit-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u mill-votazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jsiru u jittieħdu skont il-paragrafu 2. Meta t-tranżazzjoni ma' parti relatata tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist għandu jiġi eskluż minn kwalunkwe votazzjoni dwar it-tranżazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil azzjonist li jkun parti relatata jieħu sehem fil-votazzjoni sakemm id-dritt nazzjonali jiżgura salvagwardji adegwati li japplikaw matul il-proċess tal-votazzjoni biex jitħarsu l-interessi tal-azzjonisti li ma jkunux partijiet relatati, inklużi l-azzjonisti minoritarji, billi l-parti relatata ma titħalliex tapprova t-tranżazzjoni minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġoranza tal-azzjonisti li ma jkunux partijiet relatati jew minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġaronza tad-diretturi indipendenti.

3.  L-Istati Membri jiżguraw li tranżazzjonijiet mal-istess parti relatata, li ġew konklużi fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar jew fl-istess sena finanzjarja u li ma kienux soġġetti għall-obbligi elenkati fil-paragrafi 1, 2 jew 3 jiġu aggregati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi. ▌

4.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1, 2 u 3:

   it-tranżazzjonijiet li jkunu saru bejn il-kumpanija u membru wieħed jew aktar tal-grupp tagħha jew impriżi konġunti, sakemm dawk il-membri tal-grupp jew l-impriżi konġunti jappartjenu totalment lill-kumpanija jew sakemm ebda parti relatat oħra tal-kumpanij ma jkollha interess f'dawk il-membri jew fl-impriżi konġunti;
   it-tranżazzjonijiet li jkunu saru fil-perkors normali tan-negozju u li jkunu ġew konklużi fuq termini tas-suq normali.

4a.  L-Istati Membri jiddefinixxu tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati. Tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati jiġu definiti billi jitqiesu:

   (a) l-effett li l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni jista' jkollha fuq id-deċiżjonijiet tas-soġġetti involuti fil-proċess ta' approvazzjoni;
   (b) l-impatt tat-tranżazzjoni fuq ir-riżultati, l-assi, il-kapitalizzazzjoni jew il-fatturat tal-kumpanija u l-pożizzjoni tal-parti relatata;
   (c) ir-riskji li t-tranżazzjonijiet joħolqu għall-kumpanija u l-azzjonisti minoritarji tagħha.

Meta jiddefinixxu t-tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proporzjon kwantitattiv wieħed jew aktar abbażi tal-impatt tat-tranżazzjoni fuq id-dħul, l-assi, il-kapitalizzazzjoni jew il-fatturat tal-kumpanija jew iqisu n-natura tat-tranżazzjoni u l-pożizzjoni tal-parti relatata.

"

(5)  Wara l-Artikolu 14, jiddaħħal il-Kapitolu IIa li ġej:"

“KAPITOLU IIA

ATTI DELEGATI U PENALi

Artikolu 14a

Eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn ...*.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwax il-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14b

Penali

L-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard minn [id-data għat-traspożizzjoni] ▌u jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”

"

Artikolu 2

Emendi lid-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(-1) Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt li ġej:"

“(17) ‘deċiżjoni dwar it-taxxa’ tfisser kwalunkwe interpretazzjoni jew applikazzjoni minn qabel ta’ dispożizzjoni legali għal sitwazzjoni transkonfinali jew tranżazzjoni ta’ kumpanija li tista’ twassal għal telf tat-taxxa fl-Istati Membri jew li tista’ twassal għal iffrankar tat-taxxa għall-kumpanija li jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali intragrupp tal-profitt.”

"

(-1a) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 2:"

'2a. Fin-noti mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, impriżi kbar u entitajiet ta’ interess pubbliku jiżvelaw ukoll, filwaqt li jispeċifikaw skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li huma stabbiliti fihom, l-informazzjoni li ġejja fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja:

   (a) l-isem/ismijiet, in-natura tal-attivitajiet u l-post ġeografiku;
   (b) il-fatturat;
   (c) in-numru ta’ impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full-time;
   (d) il-valur tal-assi u l-ispiża annwali għaż-żamma ta’ dawk l-assi;
   (e) il-bejgħ u x-xiri;
   (f) il-qligħ jew telf qabel it-taxxa;
   (g) it-taxxa fuq il-qligħ jew it-telf;
   (h) is-sussidji pubbliċi riċevuti;
   (i) il-kumpaniji prinċipali jipprovdu lista ta’ sussidjarji li joperaw f’kull Stat Membru jew pajjiż terz, flimkien mad-dejta relevanti.’

"

(-1b) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej: "

'3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2a ma japplikawx għad-dikjarazzjonijiet finanzjajri annwali ta’ impriża fejn dik l-impriża tkun inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati meħtieġa li jitfasslu taħt l-Artikolu 22, sakemm dik l-informazzjoni tingħata fin-noti mad-dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata.

"

(-1c) L-Artikolu 18a li ġej qed jiġi miżjud:"

“Artikolu 18a

Żvelar addizzjonali għal impriżi kbar

1.  Fin-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, l-impriżi kbar, minbarra l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' din id-Direttiva, jiżvelaw pubblikament elementi u informazzjoni essenzjali rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, u jipprovdu analiżi skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li, fih, l-impriża kbira għandha sussidjarja: Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' att delegat, f'konformità mal-Artikolu 49, il-format u l-kontenut tal-pubblikazzjoni.

2.  L-impriżi li n-numru medju ta’ impjegati tagħhom fuq bażi konsolidata matul is-sena finanzjarja ma jaqbiżx 500 u li, fid-dati tal-karti tal-bilanċ tagħhom, ma jaqbżux fuq bażi konsolidata jew total tal-karta tal-bilanċ ta’ EUR 86 miljun jew fatturat nett ta’ EUR 100 miljun, ikunu eżentati mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplika għall-ebda impriża rregolata mid-dritt ta' Stat Membru li l-impriża prinċipali tagħha hija soġġetta għal-liġijiet ta' Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik l-impriża prinċipali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE.

"

(1)  L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (h) li ġej:"

“(h) ir-rapport ta’ remunerazzjoni definit fl-Artikolu 9b tad-Direttiva 2007/36/KE.”

"

(b)  il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:"

“3. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jesprimu opinjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) dwar l-informazzjoni mħejjija taħt il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jivverifikaw li l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun ġiet ipprovduta.”

"

(c)  il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej: "

“4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu ħarġu biss titoli diversi mill-ishma ammessi għan-negozju f’suq regolat, fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm dawn l-impriżi ma jkunux ħarġu ishma li jiġu negozjati f’sistema ta’ negozju multilaterali, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE."

"

Artikolu 2a

Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE

Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13) hija emendata kif ġej:

(1)  Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 il-punt (r) li ġej huwa miżjud:"

"(r) ‘deċiżjoni dwar it-taxxa’ tfisser kwalunkwe interpretazzjoni jew applikazzjoni minn qabel ta’ dispożizzjoni legali għal sitwazzjoni transkonfinali jew tranżazzjoni ta’ kumpanija li tista’ twassal għal telf tat-taxxa fl-Istati Membri jew li tista’ twassal għal iffrankar tat-taxxa għall-kumpanija li jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali intragrupp tal-profitt".

"

(2)  Jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:"

"Artikolu 16a

Żvelar addizzjonali għall-emittenti

1.  L-Istati Membri jeħtieġu li kull emittent kull sena jiżvela lill-pubbliku, waqt li jispeċifika skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li fih għandu sussidjarja, l-informazzjoni li ġejja fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja:

   (a) l-isem/ismijiet, in-natura tal-attivitajiet u l-post ġeografiku
   (b) il-fatturat
   (c) in-numru ta’ impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full-time
   (d) il-qligħ jew telf qabel it-taxxa
   (e) it-taxxa fuq il-qligħ jew it-telf
   (f) is-sussidji pubbliċi riċevuti

2.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ma japplikax għal kwalunkwe emittent irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru li l-kumpanija prinċipali tiegħu hija soġġetta għal-liġijiet ta’ Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik il-kumpanija prinċipali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE u għandha tiġi ppubblikata, fejn possibbli, bħala anness għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew, fejn applikabbli, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-emittent ikkonċernat.

"Artikolu 16b

Żvelar addizzjonali għall-emittenti

1.  L-Istati Membri jirrikjedu li kull emittent jiżvela pubblikament fuq bażi annwali, u fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja, elementi u informazzjoni essenzjali rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, u jipprovdu analiżi skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li, fih, l-impriża kbira għandha sussidjarja. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' atti delegati, f'konformità mal-Artikoli 27(2a), (2b) u (2c), il-format u l-kontenut tal-pubblikazzjoni.

2.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikax għal kwalunkwe emittent irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru li l-kumpanija prinċipali tiegħu hija soġġetta għal-liġijiet ta’ Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik il-kumpanija prinċipali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE u tiġi ppubblikata, fejn possibbli, bħala anness għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew, fejn applikabbli, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-emittent ikkonċernat."

"

(3)  Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 2a jinbidel b'dan li ġej:"

"2a. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(3), l-Artikolu 5(6), l-Artikolu 9(7), l-Artikolu 12(8), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 16a(1), l-Artikolu 17(4), l-Artikolu 18(5), l-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(4), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 23(7) tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' erba' snin minn Jannar 2011. Il-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' erba’ snin. Id-delega tas-setgħa tkun estiża awtomatikament għal perijodu ta' tul simili, sakemm ma tkunx revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 27a."

"

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ] ▌. Huma jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.  L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’ din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 87.
(2) Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpaniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).
(3) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(4) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(5) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(6) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(7) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(8) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).
(9) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.06.2014, p. 349).
(10) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(11) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).
(13) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

Avviż legali