Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2125(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0210/2015

Testi mressqa :

A8-0210/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0262

Testi adottati
PDF 360kWORD 85k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom il-Finlandja)
P8_TA(2015)0262A8-0210/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom, ippreżentata mill-Finlandja) (COM(2015)0232 – C8-0135/2015 – 2015/2125(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0232 – C8-0135/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0210/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 568 sensja fil-Broadcom Communications Finland, li topera fin-NACE Rev. 2 diviżjoni 46 ('Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi u muturi')(4) u 2 fornituri jew produtturi downstream,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta ' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 365 000 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-30 ta' Jannar 2015 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2015; jilqa’ l-evalwazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Ifakkar li, matul is-snin 2000, żdied l-għadd ta' persunal fil-kumpaniji sussidjarji Finlandiżi fil-kontinenti kollha, sakemm l-Asja ħarġet bħala l-akbar impjegatur fl-industrija tal-elettronika u tal-elettriku fl-2004 u l-għadd ta' persunal fl-Ewropa beda jonqos; jikkunsidra li s-sensji fil-Broadcom huma parzjalment marbuta mat-tendenza li taffettwa l-industrija tal-elettronika Finlandiża kollha u li laħqu l-quċċata meta fl-2011 n-Nokia ħabbret sensji fuq skala kbira; jikkonkludi għalhekk li dawn l-avvenimenti huma sostanzjalment marbuta ma’ bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

4.  Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad partikolarment fir-reġjun ta’ Ostrobothnia tat-Tramuntana (parti mir-reġjun FI1A tal-livell NUTS 2(5)), fejn seħħew 424 mill-568 sensja; jinnota li f’dan ir-reġjun ir-rata tal-qgħad hija konsistentement żewġ punti perċentwali ogħla mill-medja nazzjonali; jinnota li f’Awwissu 2014, waqt li r-rata ta’ qgħad nazzjonali kienet ta’ 12,2 %, fin-Nofsinhar tal-Ostrobothnia kienet ta’ 14,1 % u fl-aktar belt milquta, Oulu, kienet ta’ 16,1 % u li l-istess reġjun kien affettwat b’mod qawwi mis-sensji fuq skala kbira tan-Nokia mill-2011’il quddiem;

5.  Iqis li l-istħarriġ u ż-żjarat tal-intrapriża huma azzjonijiet li jistgħu jkunu ta' benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u koperti minn din l-applikazzjoni, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-bini ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ impjieg f’dan is-settur għal sensji futuri; jinnota li dawn l-azzjonijiet speċifiċi diġà huma kontinwazzjoni ta’ miżura simili mwettqa matul applikazzjoni aktar kmieni tal-FEG fil-Finlandja (EGF/2013/001 FI/Nokia);

6.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tal-'Kummerċ bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi' kien is-suġġett ta’ applikazzjoni waħda oħra tal-FEG (EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT) li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-11 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ;

8.  Jinnota li l-Finlandja qed tippjana tliet tipi ta’ miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex jittrasferixxu għal xogħol ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom stess, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jużaw 17,46 % tal-ispejjeż kollha fuq benefiċċji u inċentivi fil-forma ta’ sussidji tal-paga (bħala parti mis-salarju ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg stabbilit għal kull ħaddiem fil-mira) u l-benefiċċji tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr, li jammontaw għal nofs l-ammont massimu permess ta’ 35 % tal-ispejjeż kollha għal miżuri bħal dawn;

10.  Jilqa’ l-proċeduri li segwew l-awtoritajiet Finlandiżi biex jikkonsultaw mal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

13.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kumplimentarjetà tal-interventi proposti tal-FEG ma’ azzjonijiet oħra ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

14.  Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

16.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma ' din ir-riżoluzzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Finlandja — EGF/2015/001 FI/Broadcom)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1477.)

Avviż legali