Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0215/2015

Testi mressqa :

A8-0215/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 13
CRE 06/07/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0266

Testi adottati
PDF 411kWORD 160k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari
P8_TA(2015)0266A8-0215/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (2014/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini" (COM(2014)0445),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet tan-negozju" (COM(2014)0440);

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares ’il quddiem" (COM(2015)0080),

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi – Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet" (COM(2013)0196),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020" (COM(2011)0021),

‒  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni – impjiegi u tkabbir permezz tal-politika ambjentali(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent(2),

‒  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza(3),

‒  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa(4),

‒  wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE (2006) u r-rieżami tal-2009,

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent dwar "Tħaddir tas-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020 - Reviżjoni ta’ nofs it-terminu" tat-28 ta’ Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ sinteżi mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar "L-Ambjent Ewropew - l-istat u l-prospetti 2015",

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

‒  wara li kkunsidra l-Inkjesta tal-UNEP (Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent) dwar it-Tfassil ta’ Sistema Finanzjarja Sostenibbli,

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi tal-UNEP dwar "Riskji Ambjentali u Sfidi tal-Flussi u Ċikli Antropoġeniċi tal-Metalli" (2013),

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi tal-UNEP dwar "Diżakkoppjament tal-użu tar-riżorsi naturali u l-impatti ambjentali mit-tkabbir ekonomiku" (2011),

–  wara li kkunsidra l-petizzjoni ‘Stop Food Waste in Europe!’

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2014(5),

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta’ Frar 2015,(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0215/2015),

A.  billi l-użu eċċessiv tar-riżorsi huwa l-kawża ewlenija ta’ diversi perikli ambjentali, bħat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u d-dgħajfien tas-servizzi tal-ekosistemi; billi l-ekonomija dinjija tuża daqs 1.5 pjaneti f’riżorsi biex tipproduċi output globali u tassorbi l-iskart u din iċ-ċifra hija stmata li tilħaq l-ekwivalenti ta’ żewġ pjaneti f’riżorsi sal-2030;

B.  billi l-Ewropa hija aktar dipendenti fuq ir-riżorsi importati minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja u billi ħafna riżorsi se jkunu eżawriti fi żmien relattivament qasir; billi l-kompetittività tal-Ewropa tista’ tiżdied b’mod sinifikanti billi jkollha aktar valur miżjud minn riżorsi fl-ekonomija u tippromwovi provvista sostenibbli ta’ materjali minn sorsi Ewropej; billi barra minn hekk, bħala kontribuzzjoni għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima, is-sħubiji għall-innovazzjoni bejn l-industrija u l-qasam tal-ġestjoni tal-iskart u r-riċerka għar-riċiklabbiltà ta’ materja prima importanti għandhom jissaħħu;

C.  billi l-bidla għal ekonomija ċirkolari hija essenzjalment kwistjoni ta’ ekonomija, li tikkonċerna l-aċċess għall-materja prima, jew id-disponibbiltà tagħha, ir-riindustrijalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-Ewropa, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-isfidi tal-klima, l-insikurezza tal-enerġija u l-iskarsezza tar-riżorsi; billi l-investiment f’ekonomija ċirkolari għalhekk jista’ jkun kompletament kompatibbli mal-aġenda tal-Kummissjoni għall-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività u għandu l-potenzjal li joħloq sitwazzjoni vantaġġjuża għall-partijiet interessati kollha involuti;

D.  billi l-effiċjenza tar-riżorsi għandha tikkunsidra wkoll u tkun koerenti ma’ tħassib dwar sostenibbiltà usa inklużi dimensjonijiet ambjentali, etiċi, ekonomiċi u soċjali;

E.  billi l-miri u l-azzjonijiet ta’ prijorità definittivi stabbiliti fis-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali huma ta’ natura vinkolanti;

F.  billi l-Programm Ambjentali tal-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) sab li "l-effikaċja ambjentali ta’ approċċi volontarji hija ta’ spiss dubjuża, u l-effiċjenza ekonomika hija ġeneralment baxxa"(7);

G.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari teħtieġ tibdil sistemiku, li jaffettwa lill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur, u innovazzjonijiet sostanzjali fit-teknoloġija, in-negozji u s-soċjetà b’mod ġenerali;

H.  billi ċ-ċittadini, in-negozji żgħar u l-awtoritajiet pubbliċi lokali għandhom rwol speċjali biex jiżguraw l-effiċjenza tar-riżorsi u jippromwovu d-diżakkoppjament bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum tar-riżorsi;

I.  billi ekonomija ċirkolari li tiffunzjona sew teħtieġ negozji kompetittivi, u billi n-negozji huma fihom infushom il-forzi fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

J.  billi huwa importanti li l-SMEs jitpoġġew fil-qalba tal-istrateġija tal-effiċjenza tar-riżorsi peress li jammontaw għal 99 % tal-intrapriżi tal-UE u jimpjegaw 2/3 mill-forza tax-xogħol;

K.  billi pakkett ta’ ekonomija ċirkolari Ewropew ambizzjuż joħloq opportunitajiet ta’ negozju, jiżgura aċċess għall-materja prima, itawwal l-użu produttiv tagħha (permezz tal-użu mill-ġdid, manifatturar mill-ġdid, riċiklaġġ jew bħala partijiet li jinbidlu), jiggarantixxi proċessi ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja ladarba tasal għal tmiem ħajjitha, kif ukoll jittratta l-prodotti sekondarji kollha u l-iskart bħala flussi ta’ riżorsi ta’ valur għal aktar użu;

L.  billi l-provvista sostenibbli u responsabbli ta’ materja prima primarja hija kruċjali sabiex tinkiseb effiċjenza tar-riżorsi u jintlaħqu l-objettivi ta’ ekonomija ċirkolari;

M.  billi jeħtieġ li jiġu żviluppati swieq għall-materja prima sekondarja sabiex jintlaħqu objettivi dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u ekonomija ċirkolari;

N.  billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni ripetutament biex tistabbilixxi indikaturi u miri għall-effiċjenza fir-riżorsi;

O.  billi l-eliminazzjoni ta’ sustanzi kimiċi tossiċi, li għalihom hemm jew ser jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-prodotti kimiċi, għandha rwol ċentrali fil-bini ta’ ekonomija ċirkolari;

P.  billi d-data tal-Eurostat dwar l-ipproċessar tal-iskart urban fl-UE 28 turi b’mod ċar li għad m'hemmx kundizzjonijiet ekwi fil-politika tal-iskart u li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tinvolvi sfidi sinifikanti;

Q.  billi bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu jintuża mill-ġdid jew jiġi riċiklat, il-bqija jintrema kollu fil-miżbliet jew jinħaraq;

R.  billi l-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti tal-ikel agrikoli jammontaw għal sehem sinifikanti mill-użu tar-riżorsi, b’impatti sinifikanti fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali; billi jinħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli biex jindirizzaw l-ineffiċjenzi fir-riżorsi tal-ikel b’mod olistiku;

S.  billi t-tneħħija tas-sussidji ta’ ħsara għall-ambjent, inklużi s-sussidji diretti u indiretti għall-karburanti fossili, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod sostanzjali, tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tippermetti l-adozzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa' (COM(2014)0398); japprova l-approċċ tal-Kummissjoni rigward it-tfassil u l-innovazzjoni favur ekonomija ċirkolari, l-istabbiliment ta' qafas ta’ politika biex tappoġġa l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iffissar ta’ mira dwar l-effiċjenza fir-riżorsi kif deskritt fil-komunikazzjoni u d-deskrizzjoni ta’ qafas politiku speċifiku biex l-SMEs ikunu jistgħu jsarrfu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet tan-negozju ambjentalment sostenibbli; jenfasizza li jinħtieġu miżuri leġiżlattivi għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ambizzjuża dwar ekonomija ċirkolari sal-aħħar tal- 2015, kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2015;

2.  Jenfasizza li l-indirizzar tal-iskarsezza tar-riżorsi jeħtieġ it-tnaqqis fl-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi u diżakkoppjament assolut tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi naturali – bidla sistemika li teħtieġ backcasting tal-azzjonijiet meħtieġa minn perspettiva ta’ sostenibbiltà għall-2050 u t-teħid ta' azzjoni immedjata;

3.  Jenfasizza l-produzzjoni u l-konsum bħala oqsma li għandhom jiġu indirizzati b’tali mod li tkun żgurata l-koerenza mal-miri ta’ żvilupp sostenibbli usa';

4.  Ifakkar li, minkejja titjib fl-użu effiċjenti tar-riżorsi li diġà seħħ, tkabbir kontinwu fil-produzzjoni sebaq dawn il-kisbiet fl-effiċjenza u l-estrazzjoni tar-riżorsi għadha qed tiżdied b’mod drammatiku madwar id-dinja, għalhekk hemm ħtieġa urġenti għal tnaqqis globali fl-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi sabiex jingħeleb l-effett ta’ riperkussjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa;

5.  Ifakkar li l-ilma, kemm bħala riżorsa naturali użata fi proċessi ta’ produzzjoni kif ukoll bħala beni pubbliku, għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu kkalkulati ċ-ċifri tal-konsum ta’ materja prima u għandu jintuża b’mod effiċjenti;

6.  Jenfasizza li t-titjib tal-użu tar-riżorsi permezz ta' rekwiżiti tad-disinn aħjar u permezz ta' leġiżlazzjoni dwar l-iskart li tiżgura ċaqliq 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart (biex b'hekk titrawwem il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ), jistgħu jġibu ammont sostanzjali ta' tfaddil nett għan-negozji tal-UE, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi, stmat għal EUR 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra annwali bi 2-4 %; jenfasizza li jekk il-produttività tar-riżorsi tiżdied bi 30 % sal-2030, din tista' tagħti spinta lill-PDG bi kważi 1 % u toħloq 2 miljun impjieg addizzjonali sostenibbli(8); ifakkar li l-effiċjenza fir-riżorsi hija objettiv ta' prijorità tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati l-produzzjoni u d-domanda tal-konsumatur għall-prodotti u servizzi sostenibbli ambjentalment permezz ta' politiki li jippromwovu d-disponibbiltà, l-affordabilità, il-funzjonalità u l-attraenza tagħhom;

7.  Huwa konvint li t-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi jeħtieġ kemm miżuri leġiżlattivi u inċentivi ekonomiċi, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u aktar finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll bidliet soċjali u fl-istil tal-ħajja; jirrimarka li tinħtieġ varjetà ta’ strumenti f'diversi livelli ta’ politika, b’kunsiderazzjoni tas-sussidjarjetà;

8.  Jemmen li l-implimentazzjoni ta’ ekonomija ċirkolari sħiħa teħtieġ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, ir-reġjuni, il-bliet, il-komunitajiet lokali, l-SMEs, l-NGOs, ir-rappreżentanti tal-industrija, it-tradeunions u ċ-ċittadini rilevanti kollha;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali matul l-iżvilupp sħiħ tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari;

10.  Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-perċezzjonijiet u l-involviment taċ-ċittadini huma kruċjali għal tranżizzjoni b'suċċess għal ekonomija ċirkolari; jinnota li għandhom jiġu ddedikati l-attenzjoni u r-riżorsi meħtieġa għall-edukazzjoni u l-informazzjoni, għall-promozzjoni ta' mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, u jenfasizza l-benefiċċji ta' tranżizzjoni għal għal ekonomija ċirkolari effiċjenti fir-riżorsi;

11.  Jirrimarka li t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari teħtieġ forza tax-xogħol imħarrġa u li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ ħiliet ekoloġiċi;

12.  Jenfasizza li ċerti strumenti finanzjarji favur l-ekonomija ċirkolari huma diġà fis-seħħ fuq livell Ewropew, b’mod partikolari permezz tal-programmi Orizzont 2020 u Life+, u li, jekk jintużaw tajjeb, jippermettu li jiġu promossi l-ekoinnovazzjoni u l-ekoloġija industrijali fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-Ewropa;

13.  Jenfasizza li ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fit-tul huma kruċjali sabiex jiftħu l-potenzjal tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għall-ekonomija ċirkolari biex imexxu l-investimenti lejn ekonomija sostenibbli;

14.  Jenfasizza li tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari għandha tikkombina miri ambjentali ambizzjużi ma' rekwiżiti soċjali b'saħħithom, inklużi l-promozzjoni ta' xogħol deċenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol sani u sikuri (i.e. l-assigurazzjoni li l-ħaddiema ma jkunux esposti għal sustanzi ta' ħsara fuq il-post tax-xogħol);

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas legali aktar koerenti għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, li jkopri ċ-ċiklu ta’ produzzjoni komplet mill-forniment sostenibbli sal-irkupru fl-aħħar tal-ħajja;

Indikaturi u miri

16.  Jenfasizza li sal-2050 l-użu ta’ riżorsi tal-UE jeħtieġ li jkun sostenibbli u li dan jirrikjedi, inter alia, tnaqqis assolut fil-konsum tar-riżorsi għal livelli sostenibbli, abbażi ta' kejl affidabbli tal-konsum tar-riżorsi tul il-katina kollha tal-provvista, applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart, implimentazzjoni ta’ utilizzazzjoni f’kaskata tar-riżorsi, b’mod partikolari fl-użu tal-bijomassa, forniment responsabbli u sostenibbli, il-ħolqien ta’ ċirku magħluq għal riżorsi mhux rinnovabbli, iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi ħdan il-limiti ta’ tiġdid tagħhom, it-tneħħija gradwali ta’ sustanzi tossiċi, b’mod partikolari fejn jeżistu jew se jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sustanzi kimiċi, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta’ ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi tal-ekosistema;

17.   Ifakkar li fl-2012 il-Parlament kien diġà talab indikaturi ċari, solidi u li jistgħu jitkejlu għall-attività ekonomika li jikkunsidraw it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u effiċjenza fir-riżorsi mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja u li dawn l-indikaturi jintużaw bħala bażi għal inizjattivi leġiżlattivi u miri ta’ tnaqqis konkreti;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2015, tipproponi indikatur ewlieni u tabella ta’ sottoindikaturi dwar l-effiċjenza fir-riżorsi, inklużi servizzi tal-ekosistema; jinnota li l-użu ta’ dawn l-indikaturi armonizzati għandhom ikunu legalment vinkolanti mill-2018, u dawn għandhom ikejlu l-konsum tar-riżorsi, inklużi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija u jqisu ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi u għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija tal-impronta, li tkejjel għall-inqas l-użu tal-art, l-ilma u l-materjali u l-karbonju;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2015, tipproponi mira sal-2030 l-effiċjenza fir-riżorsi fil-livell tal-UE tiżdied bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2014, kif ukoll miri individwali għal kull Stat Membru; jenfasizza li, qabel ma l-miri tal-effiċjenza fir-riżorsi jistgħu jiġu implimentati, iridu jiġu appoġġati b'indikaturi;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta’ indikaturi ta' effiċjenza fir-riżorsi permezz ta’ konvenzjonijiet internazzjonali sabiex ikun possibbli li jsir paragun bejn l-industriji u l-ekonomiji u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indqas, kif ukoll tappoġġa d-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

21.  Jenfasizza li dawn l-indikaturi għandhom jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew u fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha;

Politika tal-prodotti u ekodisinn

22.  Jenfasizza l-importanza ta’ politika tal-prodotti maħsuba sew li żżid it-tul mistenni tal-ħajja tal-prodotti, id-durabbiltà, il-kapaċità tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ; jirrimarka li l-ammont ta’ riżorsi użati minn prodott matul il-ħajja tiegħu kif ukoll ir-riparabbiltà, il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid u riċiklabbiltà tiegħu huma determinati l-aktar matul il-fażi tad-disinn; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi approċċ orjentat lejn iċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki tal-prodotti, b'mod partikolari billi tistabbilixxi metodi armonizzati għall-valutazzjoni tal-impronti ambjentali tal-prodotti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippreżenta programm ta’ ħidma ambizzjuż, u biex b’mod komprensiv u b’ambizzjoni, timplimenta r-rekwiżiti tal-ekodisinn tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn eżistenti f'miżuri ta' implimentazzjoni ġodda u aġġornati, u tibda bl-adozzjoni immedjata ta’ miżuri diġà abbozzati;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra dwar il-politika tal-prodotti sa tmiem l-2016, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, li jinkorpora l-bidliet essenzjali li ġejjin: it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn biex ikopri l-gruppi ta’ prodotti ewlenin kollha, mhux biss prodotti relatati mal-enerġija; l-inklużjoni gradwali tal-karatteristiċi rilevanti kollha tal-effiċjenza fir-riżorsi fir-rekwiżiti mandatorji għad-disinn tal-prodotti; l-introduzzjoni ta’ passaport tal-prodott mandatorju bbażat fuq dawn ir-rekwiżiti; l-implimentazzjoni ta’ awtomonitoraġġ u verifika minn parti terza biex jiġi żgurat li l-prodotti jikkonformaw ma’ dawn l-istandards; u d-definizzjoni ta’ rekwiżiti orizzontali dwar, inter alia, id-durabbiltà, ir-riparabbiltà, il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà;

25.   Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, abbażi ta’ analiżi kostijiet-benefiċċji, il-possibilità li jiġu definiti valuri minimi ta’ materjal irriċiklat fi prodotti ġodda fir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri kontra l-obsolexxenza ppjanata u tiżviluppa aktar sett ta’ standards tal-prodotti għall-ekonomija ċirkolari, li jinkludu r-rinnovament u t-tiswija, l-iffaċilitar taż-żarmar, u l-użu effiċjenti tal-materja prima, ir-riżorsi rinnovabbli u l-materjali riċiklat fil-prodotti;

27.  Ifakkar li għall-iskopijiet tat-tfassil ta’ ekonomija ċirkolari ta’ suċċess, għandhom rwol importanti wkoll id-disponibbiltà ta’ komponenti standardizzati u modulari, id-disinn għaż-żarmar u għal prodotti ta’ ħajja twila u l-proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jkunu durabbli u jkun faċli li jiġu mtejba, jintużaw mill-ġdid, jiġu restawrati, jissewwew, jiġu riċiklati u jiżżarmaw għal riżorsi ġodda, u li partijiet li fihom sustanzi perikolużi jkunu identifikati b’mod ċar f’manwali tal-prodotti sabiex tkun iffaċilitata s-separazzjoni ta’ dawk il-partijiet qabel ir-riċiklaġġ;

28.  Jinnota li huwa kruċjali li titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u li jiżdied ir-rwol proattiv tagħhom;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-garanziji minimi għall-oġġetti tal-konsum durabbli, sabiex jiġi estiż it-tul mistenni tal-ħajja tal-prodotti, u biex jiġi ċċarat li, skont id- Direttiva 1999/44/KE, il-bejjiegħa ta' prodotti għall-konsumatur għandhom jeżaminaw id-difetti matul l-ewwel sentejn tal-garanzija ġuridika u jimponu ħlas fuq il-konsumatur biss jekk id-difett kien ikkawżat minn użu mhux xieraq;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa dwar id-disponibilità tal-ispare parts sabiex tiġi żgurata t-tiswija tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jżidu l-isforzi tagħhom biex jissostitwixxu s-sustanzi ta' tħassib kbir u jirrestrinġu s-sustanzi li jġibu magħhom riskji mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fil-kuntest tar-REACH, mhux l-inqas bħala mezz biex ikun issodisfat ir-rekwiżit tas-Seba' Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent ħalli jkunu żviluppati ċikli ta' materjal mhux tossiku biex b'hekk l-iskart irriċiklat ikun jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima fi ħdan l-Unjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tneħħi b'mod immedjat il-moratorju unilaterali tagħha fuq l-ipproċessar ta' rakkomandazzjonijiet mill-ECHA fir-rigward tal-inklużjoni ta' sustanzi ta' tħassib kbir fl-Anness XIV tar-REACH, u minflok tipproċedi malajr bl-inklużjoni ta' dawn is-sustanzi; jenfasizza li, skont il-ġerarkija tal-iskart fejn il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jissostitwixxu s-sustanzi perikolużi fil-kuntest tad-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku bil-għan li jiġu stabbiliti ċikli ta' materjal mhux tossiku;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu sorveljanza effikaċi tas-suq biex jiġi żgurat li kemm il-prodotti Ewropej u kemm dawk importati jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-rigward tal-politika tal-prodott u l-ekodisinn; iħeġġeġ lill-Istati Membri, li biex tkun żgurata din is-sorveljanza effikaċi tas-suq, javvanzaw mingħajr dewmien fil-proċedura leġislattiva dwar l-eżami tar-Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq; jinnota li kwalunkwe dewmien ulterjuri se jkun ta' ħsara għall-interessi tan-negozji u taċ-ċittadini;

Lejn skart żero

34.  Jenfasizza l-analiżi tal-Kummissjoni li turi li l-adozzjoni ta' miri ġodda dwar l-iskart toħloq 180 000 impjieg ġdid, tagħmel l-UE aktar kompetittiva u tnaqqas id-domanda għal riżorsi skarsi li jiswew ħafna flus(9); jiddispjaċih bl-irtirar tal-proposta leġislattiva dwar l-iskart(10), iżda fit-tħabbira tal-Viċi President Timmerman waqt is-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Diċembru 2014, jara l-opportunità għal Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari ġdid u aktar ambizzjuż;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti l-proposta mħabbra dwar l-eżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart sal-aħħar tal-2015, tapplika b'diliġenza l-ġerarkija tal-iskart, u tinkludi l-punti li ġejjin:

   definizzjonijiet ċari u mhux ambigwi;
   l-iżvilupp ta' miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart;
   l-istabbilment ta' miri vinkolanti ta' tnaqqis tal-iskart għall-iskart muniċipali, kummerċjali u industrijali li għandhom jinkisbu sal-2025;
   l-istabbiliment ta' standards minimi ċari għar-rekwiżiti tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kosteffettività tal-iskema tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi;
   l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ħlas skont kemm tarmi ("pay-as-you-throw-principle") għal skart residwu flimkien ma' skemi obbligatorji ta' ġbir separat għall-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ biex tiġi ffaċilitata l-kwalità għolja tar-riċiklaġġ ta' materjali; l-introduzzjoni obbligatorja ta' ġbir separat għal bijoskart sal-2020;
   iż-żieda tar-riċiklaġġ/tal-preparazzjoni għall-miri tal-użu mill-ġdid għal mill-inqas 70 % tal-iskart solidu muniċipali u 80 % riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ sal-2030, ibbażat fuq metodu solidu ta' rapportar li jipprevjeni r-rapportar ta' skart li ntrema (fil-miżbliet jew inċinerat) bħala skart riċiklat, billi jintuża l-istess metodu armonizzat għall-Istati Membri kollha bi statistiċi vverifikati esternament; obbligu għar-riċiklaturi biex jirrapportaw dwar l-"input" ta' kwantitajiet ta' skart li jmur fl-impjant għas-separazzjoni kif ukoll dwar l-"output" ta' kwantità ta' materjali riċiklati li ġejjin mill-impjanti għar-riċiklaġġ;
   tillimita b'mod strett l-inċinerazzjoni, bi jew mingħajr l-irkupru tal-enerġija, sal-2020, għal skart mhux riċiklabbli u mhux bijodegradabbli;
   tnaqqis vinkolanti u gradwali ta' kull rimi fil-miżbliet, implimentat b'koerenza mar-rekwiżiti għar-riċiklaġġ, fi tliet stadji (2020, 2025 u 2030), li jwassal għal projbizzjoni fuq ir-rimi fil-miżbliet kollu, ħlief għal ċerti skart perikoluż u skart residwali li għalihom il-fatt li jintremew fil-miżbliet huwa l-aktar għażla tajba mil-lat ambjentali;
   it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jintroduċu imposti fuq ir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni;

36.  Jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tal-miri tal-politika tal-iskart Ewropej, mhux biss f'termini ta' ċertezza ġuridika, il-prevedibbiltà u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, iżda wkoll fit-termini tal-iżgurar li l-ambjent tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE jkun protett u mtejjeb;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-istess miri għall-Istati Membri kollha biex tiżgura livell ugwalment għoli ta' ħarsien ambjentali madwar l-UE u biex ma jiġix imminat is-suq uniku;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġislazzjoni u l-miri eżistenti dwar l-iskart huma implimentati bis-sħiħ u b'mod xieraq, inkluż b'mod partikolari l-obbligu ta' skemi ta' ġbir separat, sabiex tiżgura li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jintlaħqu miri eżistenti u biex jiġu stabbiliti miżuri li jappoġġjaw lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ l-istrumenti t-tajba ħalli jintlaħqu l-miri skont l-iskadenzi;

39.  Jenfasizza li, sabiex isir l-aħjar użu tal-kapaċitajiet ta' immaniġġjar tal-iskart disponibbli fl-UE, ippjanar u kondiviżjoni ta' informazzjoni aħjar huma meħtieġa biex jiġu evitati l-kapaċitajiet żejda;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-fattibbiltà li jiġi propost qafas regolatorju għal tħaffir fil-miżbliet imtejjeb sabiex jiġi permess l-irkupru ta' materja prima sekondarja preżenti fil-miżbliet eżistenti u biex jiġi eżaminat l-iżvilupp ta' sistema ta' permessi ambjentali għall-industrija tar-riċiklaġġ;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar trasparenza u kontrolli aħjar biex jiġi evitat it-trasport bil-baħar ta' skart lejn pajjiżi bi standards ambjentali u soċjali aktar baxxi minn dawk fl-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, itejbu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-esportazzjoni illegali tal-iskart ta' wara l-konsumatur;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għal programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart u tfassal sett ta' miri u indikaturi li kapaċi jagħmlu l-prestazzjoni individwali tal-Istati Membri komparabbli;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi speċifiċi tal-iskart u tieħu azzjoni kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija ċirkolari (COM(2014)0398); jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-fondi tal-UE huma mobilizzati biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi tal-immaniġġjar integrat tal-iskart bħall-ġbir separat u l-iżvilupp ta' infrastruttura tar-riċiklaġġ;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mira biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar b'50 % sal- 2025 meta mqabbla mal-livelli tal-2014;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu fformulati miri għall-ġbir u r-riċiklaġġ ta' metalli kritiċi speċifiċi fid-dawl tal-iskarsità dejjem tikber tagħhom u bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuqhom;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, sa tmiem l-2015, miri, miżuri u strumenti li jindirizzaw b'mod effiċjenti l-ħela tal-ikel, inkluż l-istabbiliment ta' mira vinkolanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel ta' mill-inqas 30 % sal-2025 fis-setturi tal-manifattura, tal-bejgħ bl-imnut/id-distribuzzjoni, tas-servizz tal-ikel/l-ospitalità u fis-settur tal-unitajiet domestiċi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien fl-Istati Membri ta' konvenzjonijiet li jipproponu li s-settur alimentari tal-konsumatur jiddistribwixxi prodotti mhux mibjugħin lil assoċjazzjonijiet tal-karità; jistieden lill-Kummissjoni, li meta tkun qed twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar proposti leġislattivi rilevanti ġodda, tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ħela tal-ikel;

Bini Sostenibbli

48.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini" (COM(2014)0445); iqis li huwa meħtieġ approċċ iddedikat għall-kostruzzjoni bbażat fuq pjan direzzjonali u fuq l-objettivi fit-tul tiegħu;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u r-rekwiżiti fis-settur tal-bini u tiżviluppa aktar il-qafas tal-politika dwar l-effiċjenza fir-riżorsi — dan jinkludi l-iżvilupp tal-indikaturi, l-istandards u l-metodi u r-rekwiżiti ta' kwalità dwar l-użu tal-art u l-ippjanar urban, l-arkitettura, l-inġinerija strutturali, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, l-adattabilità, l-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ; jirrileva li l-indikaturi fuq il-bini sostenibbli għandhom jinkludu wkoll infrastruttura ekoloġika, bħal soqfa ekoloġiċi; jenfasizza l-importanza ta' viżjoni olistika għall-istokk tal-bini tal-Ewropa, b'objettivi ċari u ambizzjużi fuq perjodu ta' żmien medju u twil u pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' din il-viżjoni;

50.  Iqis li l-kwalità tal-arja ta' ġewwa u l-benessri u l-bżonnijiet soċjali tal-utenti għandhom jiġu integrati f'valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, fi ħdan il-qafas tal-indikaturi ġenerali dwar l-effiċjenza fiddser-riżorsi, indikaturi biex tivvaluta s-sostenibbiltà tal-bini matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, bl-użu tal-istandards u l-metodi eżistenti u fuq il-bażi ta' approċċ ta' sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

52.  Jitlob lill-Kummissjonitiddetermina jekk il-prinċipji u l-istandards BAT (l-aqwa tekniki disponibbli) jistgħux jiġu estiżi biex jinkorporaw il-materjali u l-partijiet kollha tal-bini, u biex tiżviluppa passaport tal-bini bbażat fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini;

53.  Iqis li, billi 90 % tal-ambjent mibni tal-2050 diġà jeżisti, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti u inċentivi speċjali għas-settur tar-rinnovazzjoni sabiex sal-2050 tittejjeb l-impronta enerġetika tal-bini jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija fuq terminu twil għar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti u biex ittejjeb ir-rwol tal-istrateġiji ta' rinnovazzjoni nazzjonali introdotti bid-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

54.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-titjib tar-riċiklaġġ permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura għall-ġbir selettiv u r-riċiklaġġ fl-industrija tal-kostruzzjoni;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-potenzjal tal-verifiki ta' qabel it-twaqqigħ (jiġifieri valutazzjoni ta' bini qabel id-dekostruzzjoni jew it-twaqqigħ biex jiġu deskritti l-materjali preżenti u jiġi definit liema frazzjonijiet jistgħu jiġu separati għar-riċiklaġġ) u l-għażla fuq il-post ta' materjali riċiklabbli (l-għażla fuq il-post normalment tagħti materja prima sekondarja ta' purità ogħla minn riċiklaġġ mhux fuq il-post u tista' tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, pereżempju bit-tgħaffiġ/ikkumpattar fuq il-post);

56.  Jinnota li l-konkrit huwa wieħed mill-materjali l-aktar użati fl-industrija tal-kostruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltajiet li jiżdied ir-riċiklaġġ tal-konkrit fil-kostruzzjoni, kif inhu l-każ fil-Ġermanja u fl-Iżvizzera;

L-iżvilupp ta’ swieq għall-materja prima sekondarja

57.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri li jinċentivaw u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ swieq għall-materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja u l-iżvilupp ta’ negozju bbażat fuq l-użu mill-ġdid ta’ materja prima sekondarja;

58.  Jikkunsidra li qafas ta’ politika fit-tul u prevedibbli jgħin biex jistimola l-livell ta’ investimenti u l-azzjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati bis-sħiħ swieq għal teknoloġiji aktar ekoloġiċi u jiġu promossi soluzzjonijiet kummerċjali sostenibbli. jenfasizza li l-indikaturi u l-miri tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ibbażati fuq il-ġbir ta’ dejta b’saħħitha, jipprovdu l-gwida meħtieġa għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-oqsma pubbliċi u privati għat-trasformazzjoni tal-ekonomija;

59.  Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-ħolqien ta' progammi ta' simbjożi industrijali li jappoġġjaw sinerġiji industrijali għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u li jgħinu lill-kumpaniji – b'mod partikolari lill-SMEs – jiskopru kif l-enerġija, l-iskart u l-prodotti sekondarji tagħhom jistgħu jservu ta' riżorsi għall-oħrajn; jiġbed l-attenzjoni lejn kunċetti simili, bħal "minn nieqa sa nieqa" u l-ekoloġija industrijali;

Miżuri oħra

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi proċeduri ta’ akkwist pubbliku li fihom prodotti użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, irranġati u prodotti u soluzzjonijiet oħra sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għandhom jiġu preferuti, u jekk dawn ma jkunux preferuti, għandu japplika l-prinċipju “ikkonforma jew spjega”;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għal qafas fiskali skont il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", li jipprovdi s-sinjali t-tajba għall-investiment fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-immodernizzar tal-proċessi ta' produzzjoni u l-manifattura ta' prodotti li jissewwew aktar u li jservu aktar; jitlob li jsir progress f'dan il-qasam biex jiġi segwit mill-Istati Membri bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew(11);

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja u tipproponi miżuri relatati mat-tassazzjoni, bħall-VAT imnaqqsa fuq prodotti riċiklati, użati mill-ġdid u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għal Intrapriżi Żgħar u Medji;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas tal-politika dwar in-nutrijenti sabiex jitjieb ir-riċiklaġġ, titrawwem l-innovazzjoni, jitjiebu l-kundizzjonijiet tas-suq, u biex l-użu sostenibbli tagħhom jiddaħħal sew fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-fertilizzanti, l-ikel, l-ilma u l-iskart;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli, li ġiet posposta bosta drabi sa mill-2013, matul l-ewwel nofs tal-2016; jenfasizza li, minħabba li l-produzzjoni u l-konsum tal-ikel jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-użu tar-riżorsi, li l-komunikazzjoni għandha b’mod olistiku tindirizza l-ineffiċjenzi fl-użu tar-riżorsi fil-katina alimentari u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ politika sostenibbli tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ż-żieda fl-użu ta’ imballaġġ tal-ikel li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluż valutazzjoni tal-fattibbiltà li l-imballaġġ tal-ikel jiġi sostitwit gradwalment b’materjali kompostabbli, bijodegradabbli u bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi f’konformità mal-istandards Ewropej;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta’ effiċjenza fir-riżorsi, inklużi l-partijiet interessati relevanti kollha, sabiex tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-applikazzjoni tal-aħħar sejbiet tar-riċerka, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-emerġenza ta’ sintesi industrijali u ekosistemi industrijali ġodda;

67.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp ta’ ħidma finanzjarju sostenibbli bejn is-setturi u inter-DĠ sabiex l-indikaturi tal-effiċjenza fir-riżorsi jiġu inklużi fil-livell tal-kumpanija billi jiġu integrati r-rappurtar u l-kontabbiltà filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni wkoll biex teżamina kif tinkorpora l-effiċjenza fir-riżorsi u r-riskji ambjentali fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u r-rekwiżiti kapitali tal-banek, fost oħrajn, sabiex tiġi żviluppata sistema ta’ assigurazzjoni komprensiva għall-perikli ambjentali u biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-prodotti ta’ investiment, b'valutazzjoni tal-impatt xierqa; jemmen li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni se tibbenefika mill-kooperazzjoni mal-“Inkjesta dwar id-Disinn ta’ Sistema Finanzjarja Sostenibbli” tal-UNEP; jistieden lill-Kummissjoni tistudja inizjattivi volontarji eżistenti fl-Istati Membri għal skop ta’ skambju possibbli tal-aħjar prattika;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni, peress li l-provenjenza sostenibbli u responsabbli tal-materja prima ewlenija hija ta’ importanza kritika għall-kisba tal-effiċjenza fir-riżorsi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, biex tirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tal-politika tal-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-iżvilupp ta’ standards ta’ provenjenza sostenibbli għal materjali ta’ prijorità u komoditajiet; f’dan ir-rigward, jinnota l-appoġġ konġunt tal-Parlament u tal-Kunsill għall-proposti tal-Kummissjoni dwar provenjenza responsabbli ta’ metalli u minerali minn żoni ta’ kunflitt;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-definizzjoni tagħha ta’ materja prima "kruċjali", filwaqt li tikkunsidra aħjar l-impatti u riskji ambjentali relatati mal-estrazzjoni u l-ipproċessar tagħhom kif ukoll il-potenzjal tagħhom għal sostituzzjoni minn materjali sekondarji;

70.  Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE, inkluż finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), Orizzont 2020, il-fondi ta’ koeżjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, għandhom jiġu mmobilizzati biex jippromovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji kollha li huma ta’ ħsara għall-ambjent, inklużi dawk għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali permezz tal-inċinerazzjoni skont id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u tas-sussidji diretti u indiretti għall-karburanti fossili;

71.  Jitlob biex il-finanzjament allokat għall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs tal-UE (COSME), l-Orizzont 2020, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikunu aktar iffokati fuq l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli, innovattivi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fuq mudelli kummerċjali ġodda (bħall-kiri jew sistemi ta' servizz ta' prodotti), u li jtejbu l-effiċjenza tad-disinn u l-materjal tal-prodott fil-prestazzjoni tal-prodott u l-proċessi;

72.  Jenfasizza kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fl-Ewropa, u li huwa meħtieġ li jikkontribwixxu, fi ħdan l-Orizzont 2020, għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jistgħu juru u jittestjaw fil-qasam is-sostennibbiltà ekonomika u ambjentali tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza, fl-istess waqt, li bl-adozzjoni ta’ approċċ sistematiku, dawn il-proġetti jistgħu jiffaċilitaw l-abbozzar ta’ regolament li jwassal għall-innovazzjoni u eħfef biex jiġi implimentat, billi jidentifikaw inċertezzi regolatorji, ostakoli u/jew lakuni li jistgħu jfixklu l-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju bbażati fuq l-effiċjenza tar-riżorsi;

73.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-aġenda diġitali u t-teknoloġija tal-informazzjoni fil-potenzjal sħiħ tagħhom biex tippromwovi l-effiċjenza fir-riżorsi u t-trasformazzjoni f’ekonomija ċirkolari;

74.  Jenfasizza li l-UE għandha ekonomija miftuħa, involuta f'importazzjonijiet u esportazzjonijiet f'suq globali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida globali tat-tnaqqis ta' riżorsi fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv il-ħidma tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi fi ħdan il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u jinvestigaw kwistjonijiet ta' riżorsi kritiċi dinjija u jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi għal dawk li jfasslu l-politika, l-industrija u s-soċjetà;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni neċessarja fil-livell internazzjonali biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti;

76.  Jenfasizza li ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista' tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u l-faqar enerġetiku, li jolqot madwar 125 miljun ċittadin Ewropew; josserva li jaqbel li l-effiċjenza enerġetika titqies bħala unità separata ta' sors ta' enerġija, li t-tkabbir tagħha jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-industrija tal-UE, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-moderazzjoni tal-kontijiet tal-enerġija tan-nies;

77.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti u prevista qed tfixkel l-ekonomija ċirkolari, mudelli ta’ negozju innovattivi eżistenti jew il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda, bħal ekonomija ta’ kera jew ekonomija ta' kondiviżjoni/kollaborattiva, jew jekk ikun hemm ostakli istituzzjonali jew finanzjarji f’dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb tali leġiżlazzjoni u jindirizzaw dawn l-ostakoli fejn meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni relatata bil-ħsieb li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u biex iżżid il-konsistenza bejn l-istrumenti eżistenti u l-iżvilupp tal-approċċ ta’ quddiem nett;

78.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-aspetti relevanti tal-politika dwar il-kompetizzjoni tal-UE fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari li tiċċara l-kompromess bejn ir-riskji ta’ kollużjoni tas-suq u l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn il-manifatturi u l-fornituri tagħhom;

79.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-miżuri kollha deskritti hawn fuq u biex tipproponi l-passi li jmiss sal-2018;

o
o   o

80.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0584.
(2) Test adottat, P7_TA(2014)0016.
(3) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 59.
(4) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 21.
(5) Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(6) ĠU C 140, 28.4.2015, p. 37.
(7) Il-Programm Ambjentali tal-OECD, "Approċċi volontarji għal politika ambjentali", 2003.
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu 'Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398).
(9) Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014, li fih sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-proposta għal direttiva li temenda d-Direttivi dwar l-iskart (SWD(2014)0208).
(10) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1991/31/KE dwar il-miżbla ta' skart, 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2014)0397).
(11) Baġit Europe, 2015, Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi b’Appoġġ tas-Semestru EwropewIl-proċess, paġna 6, http://www.foes.de/pdf/2015-02-25_CSR%20Recommendations_FINAL.pdf.

Avviż legali