Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0680/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

Testi adottati
PDF 281kWORD 97k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni fil-Jemen
P8_TA(2015)0270RC-B8-0680/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Marzu 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' April 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-impatt tal-ġlied fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Mejju 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar it-tregwa proposta fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Lulju 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-kriżi fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2015 tal-Kopresidenti tal-24 Laqgħa Konġunta Ministerjali u tal-Kunsill bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea (GCC-UE),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali tal-21 ta' Settembru 2014, id-dokument tal-eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali tal-25 ta' Jannar 2014 u l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf tal-21 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Jemen għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kundizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, in-nuqqas kbir ta' sigurtà u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.  billi l-kunflitt attwali fil-Jemen infirex għal 20 minn 22 gvernaturat; billi, skont l-aħħar ċifri kkonsolidati tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bejn id-19 ta' Marzu u l-5 ta' Mejju 2015 inqatlu mill-inqas 1 439 persuna, filwaqt li 5 951 oħra, ħafna minnhom persuni ċivili, sfaw midruba; billi minn mindu beda l-ġlied inqatlu madwar 3 000 persuna, u ndarbu aktar minn 10 000;

C.  billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi fil-Lvant Nofsani, b'rati għolja ta' qgħad u illitteriżmu u nuqqas ta' servizzi bażiċi; billi 20 miljun ruħ bħalissa jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluż madwar 9.4 miljun tifel u tifla Jemeniti, aktar minn 250 000 rifuġjat u 335 000 persuna spostata internament;

D.  billi l-iżviluppi reċenti jġorru magħhom riskji kbar għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

E.  billi, fis-26 ta' Marzu 2015, koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija li tinkludi l-Bahrain, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, il-Qatar, is-Sudan u l-Emirati Għarab Magħquda tat bidu għal operazzjoni militari fil-Jemen kontra r-ribelli tal-moviment Houthi, fuq talba tal-President tal-Jemen Abd-Rabbu Mansour Hadi; billi din il-koalizzjoni allegatament qed tuża l-cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, u billi bħalissa dan qed jiġi investigat mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

F.  billi l-azzjonijiet ta' gruppi armati u forzi affiljati mal-Houthis ikkawżaw għadd kbir ta' vittmi ċivili fil-Jemen, inkluż bl-użu ta' munizzjonijiet ta' kontra l-inġenji tal-ajru li joqtlu u jimmankaw persuni ċivili hekk kif jisplodu wara li jinżlu f'żoni popolati;

G.  billi, f'diversi okkażjonijiet, f'attakki mill-ajru mwettqa mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen inqatlu persuni ċivili, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jesiġi li jittieħdu l-passi kollha possibbli biex jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' vittmi ċivili;

H.  billi, minbarra l-attakki mill-ajru, l-Arabja Sawdija imponiet imblokk navali fuq il-Jemen li kellu effetti drammatiċi fuq il-popolazzjoni ċivili, bi 22 miljun ruħ – kważi 80 % tal-popolazzjoni – fi bżonn urġenti ta' provvisti tal-ikel, ilma u mediċini;

I.  billi fil-15 ta' Ġunju 2015, fid-dawl tat-taħditiet ta' paċi tan-NU, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon appella għal pawża umanitarja mġedda għal mill-inqas ġimagħtejn matul ir-Ramadan, biex l-assistenza kritika tkun tista' tasal għand il-Jemeniti kollha fil-bżonn, iżda billi ma ntlaħaqx ftehim; billi fid-19 ta' Ġunju 2015 il-partijiet belliġeranti tal-Jemen naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied matul taħditiet diplomatiċi nnegozjati mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Ismail Ould Cheikh Ahmed;

J.  billi fit-30 ta' Ġunju 2015 madwar 1 200 priġunier, inklużi persuni suspettati li jifformaw parti minn Al-Qaeda, ħarbu mill-ħabs ċentrali fil-belt ta' Taiz; billi f'April 2015 madwar 300 priġunier kienu diġà ħarbu minn ħabs ieħor fil-provinċja ta' Hadramout; billi fil-Jemen qed iseħħu attakki terroristiċi, bħall-attakki tas-17 ta' Ġunju 2015 f'San'a meta fost l-oħrajn ġew attakkati tliet moskej, li rriżultaw f'għadd ta' persuni mejta u midruba;

K.  billi fl-1 ta' Lulju 2015 in-NU ddikjarat is-sitwazzjoni fil-Jemen bħala emerġenza tat-tielet livell, l-ogħla fuq l-iskala; billi, skont il-pjan ta' emerġenza, in-NU se tipprova tilħaq 11,7 miljun ruħ li huma l-aktar fil-bżonn; billi s-sistema tas-saħħa jingħad li qed tiffaċċja ''kollass imminenti'', bl-għeluq ta' mill-inqas 160 faċilità tas-saħħa, minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u nuqqas ta' fjuwil u provvisti;

L.  billi 15,9 miljun ruħ fil-Jemen huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi l-aktar tfal vulnerabbli mhux se jkollhom aċċess għas-servizzi nutrizzjonali jew tal-kura tas-saħħa li għandhom bżonn minħabba n-nuqqas kbir ta' sigurtà li jeżisti;

M.  billi 9,9 miljun tifel u tifla ntlaqtu ħażin ħafna mill-kunflitt, u minn Marzu 2015 'l hawn inqatlu 279 tifel u tifla u ndarbu 402 oħra; billi mill-inqas 1.8 miljun tifel u tifla tilfu l-aċċess għall-edukazzjoni peress li l-iskejjel kellhom jagħlqu minħabba l-kunflitt, u dan ipoġġihom f'riskju akbar li jiġu reklutati jew użati minn gruppi armati u jagħmilhom suxxettibbli għal forom oħra ta' abbuż; billi, skont l-UNICEF, sa terz mill-ġellieda kollha fil-Jemen huma tfal, u tal-inqas 140 minnhom ġew reklutati bejn is-26 ta' Marzu u l-24 ta' April 2015 biss; billi ġie kkonfermat li, fl-2014, 156 tifel u tifla ġew reklutati u użati minn gruppi armati; billi fl-2015 din iċ-ċifra diġà rduppjat;

N.  billi l-UNICEF tikkalkula li aktar minn nofs miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju li jiżviluppaw malnutrizzjoni akuta serja, filwaqt li 1,2 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta moderata – żieda ta' kważi d-doppju mill-bidu tal-kriżi 'l hawn;

O.  billi s-sistema tas-saħħa tinsab f'xifer kollass, u l-interruzzjoni tas-servizzi tat-tilqim qed tpoġġi madwar 2.6 miljun tifel u tifla taħt il-15-il sena f'riskju li taqbadhom il-ħosba u 2,5 miljun tifel u tifla f'riskju li taqbadhom id-dijarea – kundizzjoni potenzjalment fatali li tinfirex malajr fi żminijiet ta' kunflitt u ta' spostament tal-popolazzjonijiet; billi d-deni dengue qed jiżdied, m'hemmx kura biżżejjed għall-mard kroniku, u l-persunal u l-provvisti mediċi qed jitwaqqfu milli jaslu għand il-persuni li għandhom jilħqu;

P.  billi l-pajjiż dalwaqt jispiċċalu l-fjuwil, u billi dan diġà qiegħed jillimita t-tqassim tal-għajnuna u ma jdumx ma jwassal għal nuqqas potenzjalment fatali ta' ilma, peress li l-Jemen ibati minn nixfa kbira u għall-provvista tal-ilma tiegħu jiddependi kompletament fuq pompi tal-bjar fondi li jaħdmu bil-fjuwil;

Q.  billi l-Jemen huwa affettwat direttament mill-kriżi umanitarja fil-Qarn tal-Afrika wkoll, hekk kif aktar minn 250 000 rifuġjat, l-aktar mis-Somalja, huma maqbudin fil-pajjiż u qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji; billi, barra minn hekk, il-Jemen qed jospita madwar miljun migrant Etjopjan, skont il-kalkoli tal-gvern;

R.  billi, peress li s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed teħżien, l-organizzazzjonijiet umanitarji rrilokaw ħafna mill-persunal internazzjonali tagħhom barra mill-pajjiż; billi huma ftit l-organizzazzjonijiet li għadhom jistgħu joperaw fil-Jemen u l-attivitajiet tagħhom huma limitati ħafna;

S.  billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) bbenefikat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha;

T.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni; billi huwa mistenni li kemm l-AQAP u l-ISIS/Daesh se jisfruttaw in-nuqqas tas-sigurtà tal-Jemen sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jippjanaw attakki kontra l-forzi tas-sigurtà Jemeniti, kontra l-Houthi u kwalunkwe preżenza tal-Punent;

U.  billi l-eskalazzjoni tal-kunflitt armat qed thedded lill-patrimonju kulturali tal-Jemen; billi fit-2 ta' Lulju 2015 il-Kumitat għall-Patrimonju Dinji qiegħed żewġ siti fil-Jemen fil-Lista ta' Patrimonju Dinji fil-Periklu: il-Belt Antika ta' San'a u l-Belt Antika Fortifikata ta' Shibam;

V.  billi l-UE imponiet embargo fuq l-armi u aktar sanzjonijiet immirati kontra mexxej Houthi u iben l-ex President Ali Abdullah Saleh; billi żewġ membri oħra tal-moviment Houthi, flimkien mal-ex President, tqiegħdu taħt l-istess restrizzjonijiet minn Diċembru 2014;

W.  billi, fl-2015, id-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea alloka EUR 25 miljun biex jgħin lill-komunitajiet madwar il-pajjiż affettwati minn malnutrizzjoni akuta, kunflitt u spostament furzat; billi, fl-2014, il-finanzjament totali mill-UE, mill-Istati Membri u l-Kummissjoni flimkien, għal għajnuna umanitarja fil-Jemen, kien jammontaw għal EUR 100,8 miljun, li minnhom EUR 33 miljun kienu mill-ECHO;

X.  billi l-appell umanitarju rivedut tan-NU talab USD 1,6 biljun, iżda madwar 10 % biss minn din iċ-ċifra huwa attwalment iffinanzjat;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u dik umanitarja fil-Jemen, li qed tiddeterjora b'mod mgħaġġel; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu l-użu tal-vjolenza immedjatament; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jenfasizza li l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tkompli tappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen, u jsostni lill-poplu tal-Jemen;

3.  Jikkundanna l-azzjonijiet destabilizzanti u vjolenti unilaterali meħuda mill-Houthi u l-unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh; jikkundanna wkoll l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, li komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, li ħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u li qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Jemen, b'mod partikolari l-Houthis, jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet Jemeniti sabiex titnaqqas il-kriżi u tiġi evitata aktar instabbiltà reġjonali; jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura milli jattakkaw siti ta' patrimonju kulturali u bini b'bumbardamenti jew b'attakki mill-ajru, jew milli jużawhom għal skopijiet militari;

5.  Jilqa' l-fatt li l-UE tenniet mill-ġdid l-impenn u d-determinazzjoni sodi tagħha biex tindirizza t-theddida tal-gruppi estremisti u terroristiċi, bħall-AQAP, u biex ma tħallihomx jieħdu aktar vantaġġ mis-sitwazzjoni preżenti;

6.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u kull tentattiv jew theddida li tintuża l-vjolenza biex jiġu intimidati dawk li qed jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet bin-NU bħala intermedjarja; jenfasizza li d-djalogu politiku inklużiv negozjat min-NU għandu jkun proċess immexxi mill-Jemen, bl-intenzjoni li tiġi nnegozjata soluzzjoni politika bbażata fuq konsensus għall-kriżi tal-Jemen skont l-inizjattiva tal-GCC u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni tagħha, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu komprensiv, il-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

7.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi mwettqa mill-ISIS/Daesh kontra moskej Xiiti f'San'a u Saada, li fihom inqatlu u ndarbu mijiet ta' persuni, flimkien mal-ideoloġija settarja estrema li tirfed dawn l-atti kriminali;

8.  Huwa allarmat bl-abbiltà tal-AQAP li tibbenefika mis-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li qed tiddeterjora fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt juru bil-provi impenn sod u determinazzjoni għall-ġlieda kontra gruppi estremisti u terroristiċi bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità;

9.  Jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt;

10.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex jagħmluha ta’ intermedjarji għan-negozjati ta' paċi bejn il-partijiet; jappoġġja l-isforzi tal-Oman fil-kisba ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Houthi u l-forzi leali lejn il-Gvern tal-Jemen bħala l-ewwel pass lejn soluzzjoni politika negozjata;

11.  Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet Jemeniti kollha jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz ta' djalogu, kompromess u qsim tal-poter, li jwasslu għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi, jiġi evitat kollass ekonomiku u finanzjarju u tiġi indirizzata kriżi umanitarja;

12.  Jappella għal pawża umanitarja sabiex jiġi permess li għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet tilħaq il-poplu Jemenit b'mod urġenti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja fil-partijiet kollha tal-Jemen, kif ukoll aċċess rapidu, sikur u bla xkiel li jippermetti lill-atturi umanitarji jilħqu lin-nies li jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluża dik medika, f’konformità mal-prinċipji ta’ imparzjalità, newtralità u indipendenza; ifakkar, ukoll, li għalhekk huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

13.  Jistieden lin-naħat kollha jikkonformaw mal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u biex ma jattakkawx direttament infrastrutturi ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u ma jużawx binjiet ċivili għal skopijiet militari, u biex jaħdmu b'mod urġenti man-NU u l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja biex iwasslu l-għajnuna lil dawk fil-bżonn;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; jistieden lill-komunità internazzjonali tikkontribwixxi għall-appell umanitarju rivedut tan-NU;

15.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet kollha allegati tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali;

16.  Jinnota l-progress li sar fil-Kumitat għat-Tfassil tal-Kostituzzjoni u jitlob kostituzzjoni inklużiva u trasparenti li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit u li tirrifletti l-eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali, u jitlob li jiġi organizzat referendum dwar l-abbozz tal-kostituzzjoni, kif ukoll elezzjonijiet ġenerali fil-ħin, sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà fil-Jemen;

17.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u t-twemmin hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe vjolenza jew diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew it-twemmin fil-Jemen; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha mmirati lejn il-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u oħrajn; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda, is-settarjaniżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

18.  Jistieden lill-VP/RGħ, flimkien mal-Istati Membri, jiksbu appoġġ fi ħdan in-NU, b’mod urġenti, għal pjan internazzjonali fuq skala kbira, biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tal-Jemen, peress li tali azzjoni tista' tkun essenzjali biex potenzjalment iġġib proċess ta' paċi għal konklużjoni b’suċċess u tagħti lill-popolazzjoni l-prospett li tista' ttejjeb l-agrikoltura, titma' lilha nnifisha u terġa' tibni l-pajjiż;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

Avviż legali