Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2229(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0193/2015

Testi mressqa :

A8-0193/2015

Dibattiti :

PV 08/07/2015 - 15
CRE 08/07/2015 - 15

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0271

Testi adottati
PDF 447kWORD 191k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Sfidi tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u prospettivi għal stabbiltà politika
P8_TA(2015)0271A8-0193/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika (2014/2229(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar dan il-ftehim(1),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tat-12 ta' Diċembru 2003 u d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni tal-11 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Siġurtà u tal-Kummissjoni bit-titolu "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Deauville varata mill-G8 fl-okkażjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern f'Deauville fil-21 ta' Mejju 2011;

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta' Mejju 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Siġurtà u tal-Kummissjoni dwar risposta ġdida għal viċinat f'evoluzzjoni (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh" (JOIN(2015)0002),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fit-tielet laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab f'Ateni fil-11 ta' Ġunju 2014, kif ukoll il-memorandum ta' qbil iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Jannar 2015 bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014 relatati ma' strateġija reġjonali tal-Unjoni Ewropea għas-Sirja u l-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE rigward l-Iran(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar "Il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2014 tal-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tat-23 ta' Marzu 2015 fi Brussell bejn ir-rappreżentati tal-muniċipalitajiet Libjani, konvokata mill-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja u organizzata mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa bejn l-UE u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar organizzata minn Spanja, mill-Presidenza Latvjana u mill-UE biex jiddiskutu l-futur tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li saret f'Barċellona fit-13 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jawtorizzaw l-aċċess transfruntier u trasversali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Unitit u tas-sħab tagħha għall-għoti tal-għajnuniet umanitarji fis-Sirja mingħajr kunsens tal-Istat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0193/2015),

A.  billi l-kunflitti fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Jemen u fil-Libja u ż-żieda fit-tensjonijiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma għejun ewlenin ta' destabbilizzazzjoni ta' tali reġjun; billi teżisti konnessjoni bejn il-fronti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-Lvant Nofsani u fis-Saħel, u tali fronti jinsabu viċin ż-żona sensibbli tal-Qarn tal-Afrika; billi r-riperkussjonijiet ta' tali sitwazzjoni għas-sigurtà tar-reġjun kollu huma diżastrużi inkwantu jippreġudikaw fit-tul l-iżvilupp politiku u ekonomiku, l-infrastrutturi kritiċi tiegħu u l-koeżjoni demografika tar-reġjun; billi r-riskji li dawn l-iżviluppi joħolqu għas-sigurtà, għaċ-ċittadini u għall-interessi Ewropej huma gravi; billi hemm numru għoli ta' vittmi ċivili u atti ta' terrur kommessi kontra ċ-ċivili; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, partikolarment kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi huma gravi; billi dawn il-kunflitti jagħtu lok għal kriżi umanitarja gravi li tikkawża spostamenti konsiderevoli ta' popolazzjonijiet u tikkawża kundizzjonijiet ta' ħajja estremament diffiċli għar-rifuġjati u għall-popolazzjonijiet li jilqgħuhom; billi hemm diffikultajiet persistenti sabiex tinstab strateġija koerenti għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jiġu organizzati djalogi inklużivi ma' bosta atturi leġittimi u affidabbli;

B.  billi l-konsegwenzi differenti tar-rewwixti Għarab fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll il-kumplessità u l-bżonn imperattiv tal-ġlieda kontra l-ISIS u organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn, huwa neċessarju li tiġi riveduta l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fid-dawl tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot; billi jeħtieġ li l-pressjoni fuq ir-reġimi awtoritarji tiġi intensifikata għall-introduzzjoni ta' politiki inklużivi; billi l-għan ta' stabbilizzazzjoni tar-reġjun mhuwiex biss kwistjoni ta' sigurtà iżda wkoll waħda ekonomika, politika u soċjali li titlob li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki strateġiċi, globali u multifattorjali u kooperazzjoni mal-atturi tar-reġjun fuq medda medja u twila;

C.  billi l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Da'esh tat bidu għal kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fil-parti tat-Tramuntana tal-Iraq u tas-Sirja, u kkommettiet delitti tal-gwerra, fosthom qtil sommarju tal-massa u serq ta' persuni, kontra minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjonijiet furzati, il-serq ta' persuni, il-bejgħ ta' nisa, it-tjassir ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' minuri għal attentati suwiċidi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi l-komunitajiet Insara, Yazidi, Turkmeni, Shabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-ISIL/Da'esh;

D.  billi l-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq jinsabu f'sitwazzjoni ta' taqlib ġeopolitiku li jirriskja li jbiddel radikalment u b'mod mhux mistenni l-bilanċi reġjonali; billi hemm żieda fir-ritmu tal-kriżijiet u tal-kunflitti, b'dimensjoni politika, etnika u settarja, iż-żieda fil-qawwa tal-gruppi paramilitari u d-dgħufija jew il-waqgħa ta' ċerti Stati jew reġimi tar-reġjun; billi kaġun ta' dan qegħdin jinkisru ħafna drittijiet tal-bniedem; bill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq kif ukoll il-komunità internazzjonali għandhom interess komuni ta' sigurtà rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sostenn għar-riformi demokratiċi u inklużivi awtentiċi fir-reġjun;

E.  billi l-kunflitti fl-Iraq u fis-Sirja, bħall-kunflitt fil-Jemen u fil-Libja, qegħdin jaggravaw it-tensjonijiet reġjonali u internazzjonali; billi l-kawża reliġjuża u etnika qiegħda tiġi strumentalizzata għal interessi politiċi u tal-poter; billi dan joħloq riskju ta' konfront bejn is-Sunniti u x-Xiiti lil hinn mid-dimensjoni ġeografika immedjata tiegħu;

F.  billi t-Tuneżija hija l-aktar eżempju notevoli ta' demokratizzazzjoni wara r-rewwixti Għarab iżda ntlaqtet minn attakk terroristiku pproklamat mill-ISIL/Da'esh fit-18 ta' Marzu 2015, fatt li jfakkar il-bżonn ta' sostenn b'saħħtu u kontinwu favur il-pajjiżi tar-reġjun, partikolarment it-Tuneżija;

G.  billi f'konformità mal-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun element fundamentali tad-djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun tal‑Lvant Nofsani u l‑Afrika ta' Fuq; billi l-involviment u l-emanċipazzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma essenzjali biex titrawwem l-istabbiltà, il-paċi u l-ġid ekonomiku fit-tul; billi l-emanċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet permezz tal-edukazzjoni hija ċentrali fil-promozzjoni tar-rwol tagħhom f'dawn l-isferi kollha; billi d-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-emanċipazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

H.  billi l-influwenza tal-Istati Membri fir-reġjuni hija diżugwali; billi hemm bżonn li l-influwenza tal-Unjoni Ewropea tiżdied; billi l-istabbiltà politika u ekonomika fit-tul tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq tirrappreżenta kwistjoni strateġika fundamentali għall-Unjoni; billi l-Unjoni, bħala tali, tiżvolġi rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u tal-governanza demokratika fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

I.  billi fl-imgħoddi, l-għajnuna tal-UE ddestinata lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq batiet minn frammentazzjoni eċċessiva u ma setgħetx tirrispondi malajr biżżejjed għall-bżonnijiet politiċi u ekonomiċi tal-pajjiżi kkonċernati, b'hekk tali inadegwatezza ppreġudikat il-kapaċità tal-UE li tiżvolġi rwol ewlieni fir-reġjun;

J.  billi fl-imgħoddi, l-assistenza tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, partikolarment fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), applikat spiss wisq l-istess kunċett strateġiku indifferenzjat, mingħajr ma qieset biżżejjed is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi kkonċernati u mingħajr ma identifikat il-partijiet tas-soċjetà ċivili li kellhom bżonn assistenza fil-qasam tal-emanċipazzjoni u tal-bini tal-kapaċitajiet; billi t-tentattivi ta' demokratizzazzjoni li saru wara r-rewwixti tar-"Rebbiegħa Għarbija" jeħtieġu appoġġ attiv abbażi ta' approċċ fit-tul;

K.  billi t-taqlib fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq għandu riperkussjonijiet fuq il-kapaċità tal-UE li tippromwovi l-valuri politiċi u democratiċi tagħha; billi dan it-taqlib għandu effett fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati u jistgħu jpoġġu f'periklu s-sigurtà enerġetika tal-UE,

L.  billi kienet imġiegħla tirreaġixxi urġentement għall-kriżijiet sussegwenti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, li ma kinitx kapaċi tantiċipa minkejja l-bosta sinjali, l-UE ma kinitx kapaċi tanalizza l-elementi fundamentali jew issib tarf il-kumplessità tas-sitwazzjoni, l-aspettattivi u l-prospetti tar-rewwixti Għarab tal-2011; billi, fuq kollox, l-UE ma kinitx kapaċi tirrispondi għall-ħtieġa ta' strateġija fit-tul ħafna biex issostni u tassisti tranżizzjoni demokratika reali, żvilupp ekonomiku u stabbiltà politika; wara li kkunsidra li, fuq il-bażi tal-mandat tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP) nediet proċess essenzjali ta' riflessjoni strateġika; billi proċess wiesa' ta' konsultazzjoni tnieda mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għar-reviżjoni tal-PEV; billi l-ħolqien tas-SEAE offra l-possibbiltà ta' analiżi politika u strateġika b'approċċ ta' pajjiż pajjiż li għandu jkun fattur fundamentali fl-ippjanar tal-assistenza għall-pajjiżi tar-reġjun, inkluż l-ambitu tal-PEV;

M.  billi l-UE, biex tkun tista' teżerċita influwenza pożittiva fuq il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, trid tkun tista' toffri aktar minn sempliċi prospettiva ta' kooperazzjoni ekonomika, partikolarment sħubija politika u strateġika fuq skala kbira;

N.  billi l-attakki li seħħew bejn is-26 u t-30 ta' Ġunju fit-Tuneżija, il-Kuwajt u l-Jemen, li tagħhom d-Da'esh/ISIL ħa r-responsabbiltà, qatlu 92 persuna u darbu bosta mijiet ta' oħrajn; billi dawn l-attakki jenfasizzaw għal darb'oħra l-bżonn li l-isfidi tas-sigurtà u n-nuqqas ta' stabbiltà politika fir-reġjun jiġu indirizzati b'mod effiċjenti;

Naffrontaw it-theddid u l-kwistjoni tas-sigurtà

1.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaffrontaw il-kawżi primarji tas-sitwazzjoni li qiegħda taqleb għall-agħar b'pass mgħaġġel fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, permezz ta' approċċ olistiku u ambizzjuż; isostni l-kampanja internazzjonali kontra l-ISIL/Da'esh u jilqa' pożittivament l-impenn tas-sħab tal-koalizzjoni biex jaħdmu flimkien fl-ambitu ta' strateġija komuni; japprezza, partikolarment, l-azzjoni li ħadu l-Istati Membri tal-UE parteċipanti fil-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS, kemm fil-forma ta' attakki militari kif ukoll permezz ta' parteċipazzjoni loġistika, finanzjarja u umanitarja; jappella iżda għal żieda fil-mobilizzazzjoni fl-isferi kollha u jenfasizza l-bżonn ta' azzjonijiet artikolati aħjar; josserva li tali azzjonijiet jistgħu jkunu utilment ikkoordinati taħt l-awspiċji tal-UE, jekk neċessarju fil-qafas ta' operazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u, għal dan il-għan, jistieden lill-UE tiżviluppa kapaċità operattiva suffiċjenti u toħloq difiża Ewropea tassew komuni; jissottolinja, madankollu, li l-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-ISIL/Da'esh, il-Front al-Nusra u l-gruppi terroristiċi l-oħrajn trid issib risposta mfassla apposta bbażata fuq id-differenzi politiċi u transreġjonali; jistieden lill-UE tassumi r-rwol ta' faċilitatur prinċipali tad-djalogu reġjonali u tinvolvi lill-parti interessati kollha tar-reġjun, fosthom il-Lega tal-Istati Għarab, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu, it-Turkija u l-Iran; ifakkar fl-importanza li tingħata risposta lir-rikjesti leġittimi tal-popolazzjonijiet lokali, partikolarment dawk espressi fir-Rebbiegħa Għarbija tal-2011, bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tar-reġjun; josserva t-tħabbira reċenti tal-Lega tal-Istati Għarab dwar il-formazzjoni ta' unità permanenti ta' risposta rapida, iddestinata partikolarment li tiġġieled lill-ISIS u lill-gruppi terroristiċi emerġenti l-oħrajn;

2.  Jissottolinja l-importanza ta' preżenza politika kostanti tal-UE, fl-ogħla livell possibbli, biex jiġi żgurat djalogu politiku strateġiku fit-tul u dibattitu komuni veru mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq dwar l-esiġenzi tagħhom biex jiksbu stabbiltà reġjonali; jenfasizza li l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tesprimi ruħha b'leħen wieħed biss se tippermettilha tkun attur effikaċi fuq ix-xena internazzjonali; jistieden għaldaqstant lill-UE toħloq malajr politika barranija tassew komuni b'koordinament mill-qrib bejn l-azzjonijiet interni u esterni; jistieden lill-VP/RGħ taħdem mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE jew mal-personalitajiet politiċi rikonoxxuti mill-atturi reġjonali biex jiġi żgurat, taħt l-awtorità tagħha u f'isem l-Unjoni, djalogu kostanti ta' livell għoli mal-pajjiżi tar-reġjun; ifakkar fil-bżonn li jiġu identifikati l-pajjiżi sħab kruċjali u li noqogħdu fuqhom biex tkun żgurata stabbiltà politika u ta' sigurtà fit-tul;

3.  Jissottolinja l-importanza u n-neċessità ta' implimentazzjoni effikaċi tal-inizjattivi segwenti matul l-2015: sostenn għall-proġetti u attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali, indirizzar tal-fatturi sottostanti u l-kriżijiet li għaddejjin u tisħiħ tas-sħubija mal-pajjiżi kruċjali, billi anki jissaħħaħ id-djalogu politiku mal-Lega tal-Istati Għarab, mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, mal-Unjoni Afrikana u ma' strutturi pertinenti oħrajn ta' koordinament reġjonali, bħall-G5 Sahel;

4.  Jinsisti fuq il-fatt li l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma fundamentali għas-sigurtà tal-UE; ifakkar li l-ISIL/Da'esh u l-organizzazzjonijiet terroristiċi l-oħrajn kellhom għeruqhom fl-Iraq u fis-Sirja għal bosta snin u jimmiraw li jistabbilixxu influwenza reġjonali; josserva li r-rebħiet tal-grupp huma r-riżultat ta' kriżijiet istituzzjonali, demokratiċi u ta' sigurtà f'dawn il-pajjiżi u tal-porożità tal-fruntieri komuni tagħhom; jenfasizza li l-kapaċità ta' reklutaġġ u l-espansjoni tal-ISIL/Da'esh u tal-Front al-Nusra huma alimentati mill-kriżijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali li laqtu lir-reġjun; jistieden lill-UE tivvaluta l-kawżi primarji tar-radikalizzazzjoni u tittrattahom b'mod globali, permezz ta' approċċ ibbażat fuq is-sigurtà, il-kapaċità ta' governanza demokratika u l-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali, li fl-inklużività jsib wieħed mill-prinċipji gwida tiegħu, f'kollaborazzjoni mad-dinja Għarbija; jemmen li fin-nuqqas ta' soluzzjoni konkreta u sostenibbli għal dawn il-problemi, kwalunkwe azzjoni intiża li telimina t-theddida tal-ISIL/Da'esh jew minn gruppi terroristiċi oħrajn se tiltaqa' ma' diffikultajiet akbar u persistenti;

5.  Jieħu nota tal-allokazzjoni ta' biljun euro previsti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh", li minnhom 400 miljun huma ddedikati għall-għajnuna umanitarja; jilqa' favorevolment it-tentattivi biex l-assistenza umanitarja tiġi kalibrata skont l-esiġenzi speċifiċi marbuta mal-ġeneru u mal-età; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-Ġordan u lil-Libanu li, fi proporzjon mal-popolazzjoni tagħhom, qegħdin jassorbu l-ogħla perċentwal ta' rifuġjati; jissottolinja kemm huwa importanti li dawn iż-żewġ pajjiżi jaġevolaw il-passaġġ sikur tar-rifuġjati fit-territorju tagħhom u jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar ukoll fil-konsegwenzi li l-kriżi tar-rifuġjati għall-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan tal-Iraq (KRG); huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kampijiet tar-rifuġjati, minħabba l-kundizzjonijiet ta' faqar estrem u privazzjoni tagħhom, jistgħu jsiru ċentri ta' radikalizzazzjoni; jemmen li dawn jikkostitwixxu, maż-żmien, fatturi ta' destabbilizzazzjoni għall-pajjiżi li jilqgħu, u għaldaqstant jitlob li jinstabu soluzzjonijiet fit-tul li jgħinu sew lir-rifuġjati kif ukoll lill-pajjiżi li jilqgħuhom; jistieden lill-UE taħdem mas-sħab l-oħra, partikolarment l-UNHCR u mal-UNICEF, biex tittratta l-problemi persistenti fil-kampijiet tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom fl-Iraq, fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija, speċjalment fir-rigward tan-nuqqas ta' istruzzjoni għaż-żgħażagħ u għat-tfal; jilqa' l-fondi maħsuba għall-popolazzjonijiet ospitanti mill-istrateġija l-ġdida u mill-istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP); jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati f'termini ta' riżorsi finanzjarji u risistemazzjoni tar-rifuġjati l-aktar vulnerabbli;

6.  Josserva ż-żieda kontinwa fl-applikazzjonijiet għall-asil li ġejjin mis-Sirja u mill-Iraq u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jilqgħu lil min qiegħed ifittex l-asil u jittrattaw malajr l-akkumulu ta' każijiet pendenti;

7.  Jilqa' pożittivament l-involviment ta' ċerti pajjiżi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fil-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIL/Da'esh; iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-komunità internazzjonali jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu l-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u tal-gwerer fis-Sirja u fil-Libja; itenni l-appell tiegħu lill-pajjiżi kollha tar-reġjun biex jimpedixxu lill-individwi u lill-entitajiet pubbliċi u privati milli jiffinanzjaw jew jaġevolaw il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi jew individwi Sirjani jew kumpaniji affiljati mal-Gvern Sirjan attwalment sottopost għas-sanzjonijiet tal-UE, li għandhom ikunu biżżejjed severi; jappella għall-parteċipazzjoni fl-iskemi għall-kooperazzjoni reġjonali fil-monitoraġġ tal-movimenti tal-kapital, bil-ħolqien ta' kollaborazzjoni bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiddaħħal sistema effiċjenti ta' sanzjonijiet ikkoordinata mal-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf biex jintemm il-finanzjament tal-ISIL/Da'esh mingħand atturi internazzjonali u tintemm il-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt prodott illegalment mill-organizzazzjoni terroristika; jissottolinja wkoll, f'dan ir-rigward, il-bżonn urġenti ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali mal-fruntiera tat-Turkija, tal-Iraq u tas-Sirja biex lill-ISIL/Da'esh jiġi impedit li jbigħ iż-żejt illegali;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' djalogu strateġiku strutturat fit-tul mal-Lega tal-Istati Għarab, mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; japprezza f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni adottata f'Ateni fil-11 ta' Ġunju 2014 kif ukoll il-memorandum ta' qbil ta' Jannar 2015, u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-organizzazzjoni ta' summits frekwenti bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jinsisti fuq ir-rwol ċentrali li l-Lega tal-Istati Għarab għandu jkollha fir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jemmen li dawn il-kriżijiet jenfasizzaw il-bżonn li l-Istati tal-Lega tal-Istati Għarab ibiddlu din l-organizzazzjoni f'korp deċiżjonali reali kapaċi jadotta deċiżjonijiet vinkolanti; josserva l-kooperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jenfasizza li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jista' jeżerċita influwenza politika pożittiva fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-kunflitti fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

9.  Jenfasizza bl-istess intensità l-importanza ta' djalogi reġjonali mat-Turkija u mal-Iran; jilqa' pożittivament il-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar mill-UE3+3 u l-Iran dwar il-programm nukleari ta' dan tal-aħħar, u jawspika li jissarraf fi ftehim komprensiv finali sat-terminu maqbul; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri, fl-eventwalità ta' ftehim finali dwar il-kwistjoni nukleari, iwettqu konsultazzjonijiet fil-fond mal-Iran u jiggarantixxu, fl-istess ħin, l-impenn tiegħu lejn in-nonproliferazzjoni sal-konferma tal-korpi internazzjonali rilevanti, fosthom l-IAEA; iħeġġeġ, għal dan l-għan, lill-UE timpenja ruħha attivament fil-promozzjoni ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija; jenfasizza l-bżonn li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mat-Turkija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jinsisti fuq ir-rwol importanti li t-Turkija tista' tiżvolġi, bħala membru tan-NATO, fil-ġlieda kontra l-ISIL/Da'esh u fis-stabbilizzazzjoni tal-Iraq u tas-Sirja; jistieden lit-Turkija tiċċara ċerti ambigwitajiet u tiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tagħha ta' stabbilizzatur fir-reġjun billi tikkontrolla b'mod effikaċi l-fruntiera tagħha mas-Sirja u tassumi rwol aktar attiv fil-ġlieda kontra d-Da'esh/ISIL, f'kooperazzjoni mal-UE;

10.  Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun jastjenu milli jesportaw it-terroriżmu u l-armi fil-pajjiżi ġirien billi dan jaf ikompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni f'dawk il-postijiet;

11.  Ifakkar fil-bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-issuktar tat-taħditiet ta' paċi bejn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana biex tinstab soluzzjoni definittiva għall-kunflitt b'tali mod li ż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jgħixu maġenb xulxin f'kundizzjonijiet ta' paċi u sigurtà, abbażi tal-konfini tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati skont id-dritt internazzjonali; jesprimi għal darb'oħra t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr fl-Istrixxa ta' Gaża; huwa inkwetat immensament dwar il-politika tal-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent; huwa inkwetat ferm bl-istall fid-djalogu u bit-tensjonijiet krexxenti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappella għal sforzi serji u kredibbli miż-żewġ naħat, mill-UE u mill-komunità internazzjonali f'dan is-sens; jilqa' favorevolment u jsostni d-determinazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Mogherini li, skont hi, l-UE trid tintensifika l-impenn tagħha fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u tasserixxi ruħha bħala faċilitatur; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava s-sitwazzjoni fil-forma ta' inċitament, provokazzjoni, użu eċċessiv ta' forza jew ritaljazzjoni; itenni s-sostenn totali tiegħu favur l-inizjattiva ta' paċi Għarbija tal-2002 u jistieden lil-Lega tal-Istati Għarab u lil Iżrael jattwawha; jissottolinja li l-inklużjoni tal-Lega tal-Istati Għarab tkun tagħmel ħafna ġid għal kwakunkwe dibattitu dwar l-issuktar tal-proċess ta' paċi u l-kontroll amministrattiv u politiku tal-Istrixxa ta' Gaża min-naħa tal-Awtorità Palestinjana; jissottolinja r-rwol determinati li żvolġa l-Eġittu huwa u jikseb il-waqfien mill-ġlied definittiv fil-kunflitt bejn Ħamas u Iżrael fis-sajf tal-2014; jitlob lid-donaturi internazzjonali jirrispettaw l-impenji li ħadu fil-Konferenza tal-Kajr ta' Ottubru 2014;

12.  Jesprimi appoġġ sħiħ favur l-azzjonijiet konkreti meħuda mill-UE fil-qafas ta' PSDK b'saħħitha għall-promozzjoni tal-istabbiltà u tas-sigurtà fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jiddeplora l-fatt li l-missjonijiet PSDK u l-operazzjonijiet stazzjonati fir-reġjun (EUBAM Libya, EUPOL COPPS u EUBAM Rafah) huma żgħar wisq u ma jikkorrispondux bil-kbir mal-isfidi ta' sigurtà fir-reġjun; jappella favur rivalutazzjoni strateġika ta' dawn l-iskjeramenti; jinnota li l-UE, fil-qafas tal-impenn tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jista' jkollha rwol importanti fl-għoti ta' assistenza u taħriġ speċifiċi f'kompetenzi speċifiċi fil-qasam tar-riforma tal-ġustizzja kriminali, tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u tad-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR), tas-sorveljanza fil-fruntieri, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-armi, tad-drogi u tal-bnedmin; jagħmel appell għal attenzjoni partikolari fuq il-Libja; jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu u tal-kooperazzjoni mal-Lega tal-Istati Għarab u mal-Unjoni Afrikana sabiex il-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi u jkollhom ir-riżorsi militari u umani neċessarji biex jiġġieldu l-estremiżmu;

13.  Jopponi bil-qawwa l-użu tad-drones fil-qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali ta' dawk suspettati b'atti ta' terroriżmu u jitlob li l-użu tad-drones għal dan il-għan jiġi pprojbit;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura kif minqux partikolarment mill-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti li l-maġġor parti ta' dawn il-pajjiżi ffirmat u ratifikat; itenni li l-konfessjonijiet miksuba bil-forza taħt tortura ma għandhomx validità u jikkundanna ir-rikors għal tali prattika;

15.  Jesprimi tħassib minħabba l-fatt li l-varji kriżijiet politiċi tar-reġjun naqqsu l-kapaċità ta' intelligence tal-Istati Membri; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-promozzjoni ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fi ħdan qafas tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali; jappella għal kooperazzjoni sistematika u effikaċi bejn dawn il-pajjiżi u ma' Europol u Interpol, biex jingħataw għajnuna ħalli jiżviluppaw l-istrutturi u r-riżorsi neċessarji fil-qasam tal-antiterroriżmu, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, billi jinħolqu sistemi ta' difiża integrati indirizzati prinċipalment lejn il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu involut, bil-kundizzjoni li jkunu stabbiliti salvagwardji adegwati għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza d-djalogu 5+5, li jissupplimenta l-azzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u jippermetti ħidma fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; jissottolinja l-bżonn li jiġu mvinċija n-nuqqasijiet persistenti fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni tal-ġellieda barranin; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jakkomunaw ir-riżorsi tagħhom, isaħħu l-mekkaniżmi eżistenti (Frontex, Eurosur) u jistabbilixxu reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) Ewropew bil-għan li jitjiebu l-kontrolli mal-fruntieri esterni tal-UE; jisħaq fuq il-kollaborazzjoni attiva bejn il-ministri tal-affarijiet barranin u tal-intern għandha tissaħħaħ, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni;

16.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja; isostni li soluzzjoni sostenibbli teħtieġ proċess politiku inklużiv bi tmexxija Sirjana li twassal għal tranżizzjoni, fuq il-bażi tal-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u konformi mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li tinżamm l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz tal-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana intiża li twessa' l-bażi tal-affiljati tagħha u tikkollabora mal-gruppi tal-oppożizzjoni, anki permezz tal-impenn reċenti mal-Kumitat Nazzjonali ta' Koordinament intiż li jiddefinixxi l-viżjoni tal-oppożizzjoni għat-tranżizzjoni politika; isostni l-isforzi tal-mibgħut speċjali ta-NU, Staffan de Mistura, biex jintemmu l-kunflitti armati u jerġa' jitnieda d-djalogu politiku; jenfasizza l-importanza li tiġi salvagwardata u appoġġata l-oppożizzjoni demokratika Sirjana; ifakkar fin-neċessità tal-obbligu li jingħata kont għad-delitti kontra l-umanità, għad-delitti tal-gwerra u għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mir-reġim ta' Bashar Al-Assad matul il-kunflitt;

17.  Jappella biex kwalunkwe inizjattiva intiża li ttemm il-ġlied fis-Sirja tqis l-esiġenzi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dan tal-aħħar japplika matul żminijiet ta' gwerra u ta' paċi, kif ukoll tad-dritt kriminali internazzjonali; jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid il-pressjoni fuq ir-reġim ta' Assad biex jirrispetta r-riżoluzzjoni 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tintensifika l-isforzi tagħha biex tforni l-għajnuna umanitarja, anki fiż-żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni moderata Sirjana u tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom; jilqa' pożittivament l-impenji meħuda matul il-konferenza III tal-Kuwajt u jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali l-oħrajn jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom bħala tweġiba għall-kriżi Sirjana; isostni r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni intiża li tinkoraġġixxi r-ristabbiliment tal-amministrazzjoni u tas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni devastati tas-Sirja, u jappella b'urġenza biex tingħata l-għajnuna għar-rikostruzzjoni ta' Kobane;

18.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja tas-Sirja minn erba' snin 'l hawn; josserva li l-aċċess umanitarju naqas bħala konsegwenza ta' tfixkil intenzjonat tal-għajnuna li għandu jitwaqqaf minnufih; josserva bi tħassib serju li n-numru ta' nies li jgħixu fiż-żoni diffiċli jew impossibbli biex l-aġenziji tal-għajnuna jilħquhom, matul dawn l-aħħar sentejn, kważi rdoppja;

19.  Jirrimarka li l-istupru tal-gwerra kontra n-nisa u l-bniet ġie dokumentat, partikolarment fis-Sirja, fl-Iraq, u fit-territorji kkontrallati mid-Da'esh; iħeġġeġ sabiex vittmi femminili ta' stupru fil-kuntest ta' kunflitt armat jiġu offruti l-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż l-abort, f'faċilitajiet umanitarji ffinanzjati mill-UE, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u mal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, biex tiġi garantita l-kura medika kollha neċessarja mitluba mill-persuni midruba u morda mingħajr ebda distinzjoni sfavorevoli;

20.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-Gvern tal-Iraq jippromwovi l-qsim tar-responsabbiltajiet politiċi, tal-poter u tal-qligħ miż-żejt b'mod inklużiv, li jixraq li jħaddan l-komunitajiet reliġjużi u etniċi kollha ta' tali pajjiż u, b'mod speċifiku, il-minoranzi Sunniti; jitlob li din is-sistema ta' qsim tkun kundizzjoni essenzjali għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iraq; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jagħti protezzjoni lill-minoranzi etniċi u reliġjużi mill-aktar fis possibbli, jipprevjeni lill-milizzji Xiiti milli jeżerċitaw vjolenza kontra l-minoranzi Sunniti u jforni lir-rifuġjati li ħarbu mit-terrur tal-ISIS b'kenn sikur u b'għajnuna essenzjali; josserva li l-ftehim li ntlaħaq mill-Gvern tal-Iraq u mill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan tal-Iraq (KRG) u jħeġġeġ l-implimentazzjoni totali tiegħu, u jistieden lill-Iraq jirrispetta totalment id-drittijiet finanzjarji tal-KRG, kif dispost mill-Kostituzzjoni; jisħaq fuq l-importanza, u jinkoraġġixxi aktar tisħiħ, tal-kooperazzjoni bejn Baghdad u Erbil, għas-sigurtà u l-ġid ekonomiku tal-Iraq u tar-reġjun; jistieden lill-UE tagħti kontribut lill-bini tal-kapaċitajiet politiċi, amministrattivi u militari tal-Gvern tal-Iraq partikolarment biex jiġu ttrattati l-isfidi maħluqa mill-kriżi soċjali u ekonomika u mill-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Huwa konvint li bil-għan li s-sigurtà fit-tul tinkiseb fir-reġjuni li diġà nħelsu mill-ISIS jew mill-gruppi terroristiċi l-oħrajn, huwa neċessarju li dawn l-inħawi jkomplu jiġu stabbilizzati; jirrimarka li dan jista' jsir bis-saħħa tal-għoti tal-għajnuna umanitarja, tal-programmi għat-tneħħija tal-mini u interventi tal-pulizija;

22.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakk fuq il-Mużew tal-Bardo ta' Tuneż fit-18 ta' Marzu 2015 li tiegħu l-Istat Iżlamiku afferma r-responsabbiltà; huwa mħasseb bil-kapaċità ta' reklutaġġ tan-netwerks tat-terroriżmu fil-pajjiż immexxi minn gvern ta' unità nazzjonali bl-involviment tal-partit Iżlamiku moderat Ennahda; huwa wkoll imħasseb bil-porożità tal-fruntieri tat-Tuneżija mal-Libja, li jintużaw notevolment għat-traffikar tad-drogi u tal-armi, u jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni l-aktar reċenti bejn it-Tuneżija u l-UE u l-Istati Membri tagħha f'dan ir-rigward; għadu inkwetat bl-influss enormi ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija, fatt li qiegħed ipoġġi pressjoni kbira fuq l-istabbiltà tal-pajjiż, u jilqa' b'sodisfazzjon l-akkoljenza tagħhom mit-Tuneżija, li issa għandha aktar minn miljun rifuġjat Libjan; jisħaq fuq l-importanza li l-UE u t-Tuneżija jsegwu u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà, partikolarment billi jistabbilixxu programmi konġunti fil-qasam tas-sigurtà; iqis bħala vitali li l-kwistjoni Tuneżina tingħata aktar sostenn billi jsiru impenji speċifiċi, anki mil-lat ekonomiku u ta' investimenti, bil-għan li t-tranżizzjoni demokratika fraġli tingħata sostenn, konxji tal-fatt li huwa fl-interess tar-reġjun kollu kemm hu u tal-UE li l-esperiment Tuneżin jirnexxi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tad-demokratizzazzjoni u tibgħat messaġġ simboliku wara r-rewwixti Għarab billi torganizza summit bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq f'Tuneż;

23.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Libja; huwa inkwetat ħafna bl-espansjoni tal-gruppi terroristiċi fil-pajjiżi, speċjalment l-ISIL/Da'esh, li qegħdin jieħdu vantaġġ mill-vojt politiku u mill-aggravar tal-vjolenza; jissottolinja l-importanza ta' provvedimenti urġenti intiżi li jillimitaw u jeqirdu l-influwenza tal-organizzazzjonijiet terroristiċi fuq it-territorju Libjan; huwa allarmat bis-sitwazzjoni partikolarment serja fin-Nofsinhar tal-pajjiż, inkwantu jintuża bħala pjattaforma għall-kriminalità organizzata u għall-gruppi armati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja, li jistgħu biss isiru permezz ta' politika li tinkludi l-atturi kollha identifikati sew; jerġa' jafferma s-sostenn tiegħu għat-taħditiet immexxija mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Bernardino León, fit-tfittxija ta' soluzzjoni negozjata li twassal għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità Libjan; japprezza l-isforzi li għamlu l-Alġerija u l-Marokk biex jitrawwem djalogu intra-Libjan; jissottolinja l-fatt li l-UE diġà esprimiet id-disponibbiltà tagħha li ddaħħal miżuri restrittivi fil-konfront ta' min jgħarraq il-proċess ta' djalogu, konformement mar-riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza l-fatt li l-UE għandha tkun lesta tforni sostenn lill-istituzzjonijiet fil-Libja malli s-soluzzjoni politika u l-waqfien mill-ġlied jinkisbu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha tagħti kontribut għall-isforz ta' DDR u SSR fil-Libja malli jkun inawgurat gvern ta' unità u fuq talba ta' dan tal-aħħar; iwissi, madankollu, li fl-eventwalità ta' stall fin-negozjati politiċi u żieda fil-kunflitt armat, l-UE trid tkun lesta tagħti l-kontribut tagħha għal kwalunkwe intervent ta' żamma tal-paċi b'mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

24.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen; jissottolinja li l-kriżi politika nbiddlet fi kriżi umanitarja u tas-sigurtà li qiegħda tiddestabbilizza l-peniżola Għarbija kollha u, barra minnha, il-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jappoġġa lin-NU fl-isforzi tagħhom biex jissuktaw in-negozjati; jenfasizza l-fatt li kunsens politiku wiesa' permezz tan-negozjati paċifiċi fost il-gruppi politiċi ewlenin, fi klima mingħajr biża', jista' joffri soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali u jżomm l-għaqda u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu provvedimenti prattiċi biex jgħinu ċ-ċivili u jtemmu l-kriżi;

25.  Jikkundanna enerġikament l-attakki fuq l-infrastruttura u l-popolazzjoni ċivili fil-Jemen li spiċċaw f'għadd kbir ta' vittmi u aggravaw bis-serjetà s-sitwazzjoni umanitarja diġà drammatika; jistieden lill-UE, flimkien mal-atturi internazzjonali u reġjonali, tagħmilha ta' medjatur biex jinkiseb waqfien mill-ġlied immedjat u tintemm il-vjolenza fil-konfront taċ-ċivili; jappella biex isiru disponibbli aktar fondi f'koordinament ma' donaturi internazzjonali oħrajn biex tkun evitata kriżi umanitarja u tiġi fornuta l-għajnuna essenzjali għal dawk fil-bżonn;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta strutturalment, flimkien mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, il-problema taż-żgħażagħ li jħallu l-UE biex jiġġieldu fil-linja tal-ISIS/Da'esh u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn fis-Sirja u fl-Iraq; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-ġellieda jivvjaġġaw mit-territorji tagħhom, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għall-kooperazzjoni fi ħdan l-UE u fil-livell internazzjonali bil-għan li jittieħdu passi legali kontra kwalunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu u bil-għan li jittieħdu miżuri preventivi oħrajn immirati lejn il-kxif u t-tmiem tar-radikalizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

27.  Jisħaq fuq l-importanza li, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Gvern tal-Eġittu jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet politiċi, iwaqqaf l-arrest sistematiku tad-dimostranti u tal-attivisti paċifiċi u jirrispetta d-dritt għal proċess ġust; josserva li kieku jilqa' b'sodisfazzjon projbizzjoni fuq il-piena tal-mewt li tkun tmur għall-benefiċċju ta' dawk il-membri tal-organizzazzjonijiet politiċi u soċjali li ġew ikkundannati dan l-aħħar;

28.  Jilqa' pożittivament il-ftehim preliminari dwar il-ġiri tax-xmara Nil, li ntlaħaq fit-23 ta' Marzu 2015 bejn l-Eġittu, is-Sudan u l-Etjopja; jenfasizza fuq il-fatt li użu tal-ilmijiet tan-Nil maqbul konġuntament huwa fundamentali għas-sigurtà tal-pajjiżi kollha involuti; jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta li tiffaċilita aktar djalogu bejn il-partijiet kollha jekk meqjus utli għan-negozjati;

Intensifikazzjoni tal-istrateġija globali għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem

29.  Huwa konvint li n-nuqqas ta' demokrazija huwa waħda mill-kawżi fundamentali tal-instabbiltà politika fir-reġjun u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi bażiċi jikkostitwixxi l-aktar salvagwardja soda fit-tul kontra l-instabbiltà kronika fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha ma jħarsux lejn ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq mil-lenti tat-theddid għas-sigurtà f'terminu qasir biss iżda jagħtu sostenn attiv u sostenibbli għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tas-soċjetajiet tar-reġjun; jenfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni bilanċjata, fil-qafas ta' approċċ olistiku u ambizzjuż favur id-demokrazija, biex il-politika fil-qasam tas-sigurtà tkun abbinata ma' dik tad-drittijiet tal-bniedem, li tirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ l-istabbiltà fit-tul fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq bis-saħħa ta' appoġġ kontinwu tal-UE lejn is-soċjetà ċivili, partikolarment permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat, kif ukoll permezz ta' strumenti prodemokrazija oħrajn bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED); jitlob lill-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà u impenn, jipprovdu lill-baġit tal-Fond b'finanzjament suffiċjenti biex jiżguraw l-aktar appoġġ flessibbli u effikaċi għall-atturi lokali tal-bidla demokratika fir-reġjun; jistieden lis-SEAE jirdoppja l-isforzi tiegħu biex ixxerred u jispjega l-valuri Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-kuntatti regolari tiegħu mal-awtoritajiet u, fl-istess ħin, mar-rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili;

30.  Jilqa' favorevolemnt it-tnedija mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni ta' konsultazzjoni wiesgħa dwar ir-reviżjoni tal-PEV; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw dimensjoni politika u strateġika tal-PEV li tkun aktar effikaċi u innovattiva; jilqa' pożittivament il-laqgħa tal-UE u tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar; ifakkar li din il-laqgħa kienet l-ewwel waħda wara seba' snin li ilhom ma jiltaqgħu l-Ministri tal-Affarijiet Barranin; huwa tal-fehma li l-Ministri għandhom jiltaqgħu kull sena; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jinkoraġġixxu r-riformi demokratiċi u jsostnu lill-atturi demokratiċi fi ħdan ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, partikolarment il-pajjiżi tal-viċinat tal-UE; jenfasizza l-importanza li jinżamm il-bilanċ attwali tad-distribuzzjoni tal-fondi għall-allokazzjoni tal-fondi tal-PEV; ifakkar li l-pajjiżi li qegħdin javvanzaw fl-implimentazzjoni tar-riformi u jsegwu l-politika Ewropea għandhom jingħataw sostenn deċiżiv addizzjonali, b'attenzjoni partikolari tingħata lit-Tuneżija, u jisħaq fuq il-bżonn li jitrawmu d-drittijiet tan-nisa;

31.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwaqqfu programm speċjali għall-appoġġ u għar-riabilitazzjoni tan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi ta' vjolenza sesswali u skjavitù f'żoni ta' kunflitt fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u speċjalment fis-Sirja u fl-Iraq; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, lin-NU, lill-UE u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi kkonċernati jqisu l-vulnerabbiltà partikolari tar-rifuġjati nisa u bniet, speċjalment dawk li huma iżolati mill-familji tagħhom, joffrulhom protezzjoni xierqa u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jassistu lis-superstiti tal-vjolenza sesswali, waqt li jintroduċu politiki soċjali li jippermettulhom jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà; jistieden lill-partijiet fil-kunflitti armati jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jieħdu miżuri biex jipproteġu lin-nisa u lill-bniet, b'mod partikolari mill-abbuż sesswali, mit-traffikar u mill-kummerċ sesswali, u jiġġieldu kontra l-impunità ta' dawk responsabbli; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija strument qawwi għall-indirizzar komprensiv tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF);

32.  Jenfasizza l-opportunità li jipprovdu n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni biex jagħtu spinta lir-riformi; jisħaq fuq il-fatt li d-dimensjonijiet kollha għandhom ikunu marbutin bejniethom sabiex l-UE tkun tista' tapprofondixxi r-relazzjoni tagħha b'mod olistiku u koerenti; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu inklużi inċentivi reali u tanġibbli għas-sħab f'dawn il-ftehimiet bil-għan li t-triq tar-riformi tkun aktar attraenti, effikaċi u perċettibbili;

33.  Jenfasizza li l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jeħtieġu jikkollaboraw aktar mill-qrib abbażi ta' objettivi reċiprokament aċċettabbli fuq il-bażi ta' interessi komuni; jenfasizza l-vantaġġi tal-koordinament tal-għajnuna tal-UE lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq flimkien mad-donaturi internazzjonali l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda titjib f'dan ir-rigward u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament tal-għajnuna ta' emerġenza mal-assistenza għall-iżvilupp fit-tul;

34.  Jemmen b'konvinzjoni li l-iżvilupp tad-demokrazija lokali u tal-governanza lokali effikaċi huma kruċjali għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u jappella għalhekk għall-istituzzjonalizzazzjoni u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

35.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fir-reġjun u jtenni l-importanza li l-UE tagħti lil din il-kwistjoni; itenni, għal darb'oħra, li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jisħaq għalhekk fuq il-bżonn li jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiddefendu l-pluraliżmu reliġjuż; jistieden lill-Unjoni Ewropea tintensifika l-isforzi tagħha għas-sostenn tal-protezzjoni attiva tal-minoranzi reliġjużi u toffi kenn sikur; jilqa' pożittivament l-adozzjoni matul is-sena ta' rapportar 2013 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida, f'fora kemm internazzjonali kif ukoll reġjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lis-SEAE jidħlu fi djalogu permanenti mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mal-gruppi reliġjużi jew tat-twemmin u mal-mexxejja reliġjużi;

36.  Huwa konvint l-kooperazzjoni u d-diplomazija kulturali, kif ukoll il-kooperazzjoni akkademika u d-djalogu reliġjuż, huma essenzjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kull korma ta' radikaliżmu; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-vuċijiet kritiċi jikkostitwixxu wkoll sur kontra r-radikalizzazzjoni kemm għall-Ewropa kif ukoll għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri jsostnu l-investimenti neċessarji f'tali ambitu; jisħaq l-importanza assoluta tal-promozzjoni ta' skambji kulturali u akkademiċi, fosthom mar-rappreżentanti tal-Iżlam fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq u mal-komunitajiet Iżlamiċi fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati sħab jipparteċipaw fil-programmi kulturali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew favur il-ħolqien ta' programm Erasmus Ewro-Mediterranju ambizzjuż differenti mill-programm Erasmus+; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, fil-futur immedjat, lill-progammi Erasmus+ imfassla għall-Mediterran tan-Nofsinhar; jinkoraġġixxi li l-programmi ta' skambji jinkludu wkoll lill-parteċipanti mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq li mhumiex membri tal-PEV;

37.  Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żviluppata risposta effikaċi Ewropea komuni għall-Istati Membri kollha għall-propaganda ġiħadista u għar-radikalizzazzjoni ta' nisel intern, fid-dawl tal-użi tal-istrumenti diġitali, l-Internet u n-netwerks soċjali u li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali tal-Ewropa, u taħdem mal-komunitajiet taċ-ċittadini Ewropej b'rabtiet kulturali b'saħħithom mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; iqis li dawn l-argumenti antitetiċi għandhom ikunu bbażati fuq il-promozzjoni ta' valuri komuni msejsa fuq l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiskreditaw l-idea ta' kunflitt bejn ir-reliġjonijiet jew iċ-ċivilitajiet; jagħmel appell biex fis-SEAE jinħatar persunal li jitkellem bil-lingwi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-komunikazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jinxtered messaġġ pożittiv akkumpanjat minn eżempji speċifiċi fir-rigward tar-relazzjonijiet u tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jisħaq fuq il-bżonn li jogħla l-profil tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-reġjun;

38.  Jenfasizza l-opportunitajiet li toffri l-PEV għad-djalogu kulturali u interreliġjuż; jenfasizza l-konnessjoni bejn, min-naħa, l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV fl-oqsma tal-kultura u tal-edukazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-bini u t-tisħiħ ta' soċjetà ċivili miftuħa, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

39.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat djalogu dirett mas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq sabiex jinftiehmu aħjar l-aspettattivi tagħhom; jesprimi l-appoġġ tiegħu favur il-konsultazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-qafas tal-PEV; jenfasizza partikolarment l-importanza li jkunu involuti ż-żgħażagħ ta' dawn il-pajjiżi fi djalogu bbażat fuq relazzjoni sinċiera, diretta u paritarja; ifakkar fl-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, u jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u s-SEAE jibagħtu tali missjonijiet fil-pajjiżi kollha tar-reġjun, fuq l-istedina tal-gvernijiet ta' tali pajjiżi, meta jkun hemm prospetti ta' elezzjonijiet tassew demokratiċi u biex ikun garantit li tali missjonijiet ma jispiċċawx biex jilleġittimaw orkestrazzjoni manipulata; jitlob segwitu regolari għar-rakkomandazzjonijiet li jsiru minn dawn il-missjonijiet;

40.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi enfasizzat ir-rwol ċentrali tal-UgħM li, bħala forum uniku għad-djalogu dwar is-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kollha tar-reġjun tal-Mediterran, jeħtieġ isir mutur għall-investimenti fil-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tar-reġjun; jirrimarka li l-UgħM għandha tkun hi stess kapaċi tiġbor il-fondi neċessarji għal dawn il-proġetti; jappoġġa d-dinamika tal-laqgħat ministerjali; jitlob tixrid usa' tal-programmi u tal-azzjoni tagħha, inklużi l-missjonijiet konġunti ta' osservazzjoni elettorali u missjonijiet konġunti ta' valutazzjoni, u aktar kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea; itenni l-importanza li tingħata spinta u ambizzjoni lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, bil-għan li jiġu megħluba b'mod tassew kondiviż l-isfidi maħluqa mis-sigurtà u mill-istabbiltà taż-żona Mediterranja;

41.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem speċjalment kontra l-gruppi vulnerabbli, fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti; iqis li t-tfal huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli u jtenni għalhekk il-bżonn li jiġu intensifikati l-isforzi għall-attwazzjoni tar-reviżjoni tal-istrateġija ta' implimentazzjoni għal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jinkoraġġixxi lill-UE tapprofondixxi aktar il-kooperazzjoni tagħha mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal milquta mill-kunflitti armati, b'sostenn favur il-pjanijiet ta' azzjoni assoċjati u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar;

Approfondiment tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ekonomiku

42.  Josserva li r-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq intlaqat b'mod partikolari mill-faqar u mill-inugwaljanzi; huwa konvint li l-iżvilupp soċjoekonomiku, flimkien mat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-ġustizzja, huwa neċessarju biex tinkiseb l-istabbilità politika; huwa inkwetat bis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u jqis bħala essenzjali li dawn jiġu offruti prospettivi futuri denji u leġittimi; jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, mhux biss biex jinġibdu l-investimenti Ewropej u jitħalla l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, iżda wkoll biex jinstab tarf l-isfidi tas-sigurtà; jissottolinja r-relazzjoni stabbilita bejn it-trasparenza, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li lkoll għandhom jiġu mvinċija f'daqqa; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, li ta' min tkun prijorità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

43.  Iqis li d-djalogu strateġiku tal-UE mal-pajjiż tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq għandu jitkompla bi spinta ġdida għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, li jkun kapaċi jxejjen l-inugwaljanzi, joħloq l-impjiegi u opportunitajiet ta' edukazzjoni, prinċipalment għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' aċċess tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fis-suq uniku tal-Unjoni, bil-protezzjonijiet kollha neċessarji; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inkoraġġiti l-investimenti Ewropej fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, inklużi proġetti fil-qasam tal-enerġija u tal-infrastrutturi, bl-għan strateġiku li jitrawmu żvilupp sostenibbli u responsabbiltà demokratika;

44.  Ifakkar li s-sena 2015 hija s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, li timmira li tispira aktar Ewropej isiru involuti fil-qerda tal-faqar fid-dinja kollha, u li tikkoinċidi mal-pjanijiet tal-komunità internazzjonali biex jintlaħaq qbil dwar ġabra ta' Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jagħmlu l-ksib ta' dawn l-għanijiet prijorità;

45.  Jenfasizza li d-djalogu msaħħaħ dwar temi marbuta mal-enerġija fil-Mediterran jaf jgħin jixpruna l-kooperazzjoni reġjonali, jippromwovi l-istabbiltà reġjonali u jiggarantixxi l-integrità ambjentali; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-UE timpenja ruħha b'mod aktar b'saħħtu fid-diplomazija fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, kif spjegat mill-Unjoni tal-Enerġija; jenfasizza li l-provvista ta' enerġija lill-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE hija importanti kemm mil-lat strateġiku kif ukoll minn dak ekonomiku; jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta' pjattaform Ewro-Mediterranja tal-gass u jafferma li l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-gass u tal-elettriku jeħtieġu jkunu inkoraġġiti;

46.  Jappoġġa l-finanzjmanent tal-perkors tat-taħriġ akkademiku u professjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq sabiex tinħoloq riżerva ta' kompetenzi professjonali; josserva li l-programm ta' mobilità ċirkolari tal-UE għat-taħriġ professjonali għandu jkun estiż kemm jsita' jkun għall-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, permezz ta' strumenti flessibbli u li jinbiddlu bħas-sħubijiet għall-mobilità;

47.  Jistieden lill-UE tafferma l-involviment tagħha fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp ekonomiku tal-istati tar-reġjun, assistita l-istrumenti kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha; ifakkar li tali strumenti jvarjaw mill-għajnuna umanitarja għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi u jippermettulha tkopri proċess li jibda mill-ħruġ mill-kriżi sal-istabbiliment ta' istituzzjonijiet stabbli;

48.  Jiddispjaċih li huwa neċessarju perjodu minimu ta' sena sabiex tiġi awtorizzata l-għajnuna makrofinanzjarja favur il-pajjiżi fejn is-sitwazzjoni baġitarja hija vulnerabbli ħafna; jinsisti sabiex l-UE tkun tista' timmobilizza jew terġa' torjenta l-fondi neċessarji b'mod rapidu ħafna; iħeġġeġ il-ħolqien ta' dimensjoni proċedurali ġdida tal-għajnuna tal-UE, kemm fil-qafas tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna tal-UE kif ukoll f'livell ta' assistenza makrofinanzjarja; jissottolinja, fil-kuntest tal-assistenza makrofinanzjarja, il-bżonn li l-UE tivvaluta adegwatament l-impatt soċjoekonomiku u fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri rikjesti mill-pajjiżi benefiċjarji bil-għan li jiġi żgurat li tali assistenza ma tikkostitwixxix fattur ta' instabbiltà, pereżempju billi timmina s-servizzi soċjali; jistieden lid-donaturi tal-fondi tad-dinja Għarbija jikkoordinaw l-għajnuna tagħhom fi ħdan il-Lega tal-Istati Għarab u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u, kemm jista' jkun, mal-UE;

49.  Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jikkoordinaw l-istrateġiji ta' investiment tagħhom mal-Unjoni għall-Mediterran bil-għan li jinħolqu sinerġiji pożittivi;

50.  Jistieden lill-UE tiżviluppa s-sħubijiet tagħha mal-pajjiżi tar-reġjun li mhumiex parti mill-viċinat dirett tagħha; isostni l-konklużjoni ta' konvenzjoni li tistabbilixxi żona ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf sal-punt li fih jinstab ftehim reċiprokament vantaġġjuż li lill-UE joffrilha preżenza akbar u lieva supplimentari fir-reġjun, partikolarment permezz tal-issuktar tan-negozjati għal programm ta' azzjoni konġunta ġdid; ifakkar li ftehim ta' dan it-tip bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-EFTA daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014;

51.  Jinkoraġġixxi l-UE tkompli d-diskussjonijiet għat-tnedija tan-negozjati favur ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi ma' wħud mill-pajjiżi tar-reġjun, konformement mal-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea b'segwitu għas-Sħubija ta' Deauville; ifakkar li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali huwa parti integrali tal-politika esterna tal-UE u jikkontribwixxi għall-objettivi ta' paċi, prosperità u stabbiltà;

52.  Jissottolinja li l-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jista' jsaħħaħ ir-rabtiet politiċi u jippromwovi l-kummerċ u l-iżvilupp; jistieden lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiddiversifikaw l-ekonomiji u l-importazzjonijiet tagħhom; josserva li l-maġġoranza kbira tal-kummerċ tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq isir ma' pajjiżi mhux ta' dan ir-reġjun; jiddispjaċih dwar l-imblukkar li l-UE qed tħabbat wiċċha miegħu rigward l-Unjoni tal-Magreb Għarbi (UMA); jistieden lil-UE tagħmel kull sforz, fil-livell diplomatiku, politiku u finanzjarju, sabiex tgħin l-istabbiliment tal-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Magreb, fil-qafas tal-UMA jew tal-ftehimiet ġeografikament aktar estiżi ta' Agadir;

53.  Jilqa' pożittivament is-sostenn tal-Kunsill Affarijiet Barranin favur l-inizjattiva għall-koordinament tal-investimenti fir-reġjun tal-Mediterran tan-Nofsinhar (AMICI); jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi li jippromwovu l-konsistenza u l-effiċjenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

54.  Jappoġġa aktar kooperazzjoni fis-settur tat-trasport, inkluż billi in-netwerk tal-infrastruttura tal-Unjoni Ewropea jingħaqqad ma' dak tal-pajjiżi sħab b'mod aktar strett sabiex jiġu faċilitati l-moviment tal-persuni u tal-prodotti;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kollha tal-UE, lis-Segretarji Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0023.
(2) ĠU C 247 E, 17.8.2012, p. 1.
(3) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 163.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 26.
(5) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 21.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0207.
(7) Testi adottati, P8_TA(2014)0027.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0010.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0040.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0077.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0071.

Avviż legali