Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0194/2015

Testi mressqa :

A8-0194/2015

Dibattiti :

PV 08/07/2015 - 16
CRE 08/07/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.8
CRE 09/07/2015 - 12.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0272

Testi adottati
PDF 504kWORD 173k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
P8_TA(2015)0272A8-0194/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2015/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli bit-titolu ‘Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida’, ippublikat fl-4 ta’ Marzu 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli bit-titolu ‘Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’ (COM(2011)0200)(2), ippubblikata fit-8 ta’ Marzu 2011, u ‘Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ (COM(2011)0303)(3), ippubblikata fil-25 ta’ Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003 bit-titolu ‘Ewropa Estiża - Viċinat: qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar’ (COM(2003)0104)(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(5) tat-18 ta’ Frar 2008 u tal-20 ta’ April 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, primarjament dawk tal-20 ta’ Novembru 2003 dwar relazzjonijiet mal-ġirien tagħna lejn il-Lvant u n-Nofsinhar(6), tal-20 ta’ April 2004 dwar ‘Ewropa estiża - politika tal-viċinat ġdida’(7), tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(8), tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(9), tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - dimensjoni tal-Lvant(10), tas-7 ta’ April 2011 dwar ‘ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - dimensjoni tan-Nofsinhar’(11), tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(12), tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar ‘Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: lejn ħidma favur sħubija aktar b’saħħitha: il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti tal-2012(13), u tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant(14),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Riga tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-22 ta' Mejju 2015,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli dwar il-Komunità tal-Enerġija għall-Futur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0194/2015),

A.  billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) inħolqot biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet, ittejjeb il-kooperazzjoni u ssaħħaħ is-sħubijiet tal-UE mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tiġi żviluppata żona ta’ stabbiltà, sigurtà u prosperità komuni kif enfasizzat fl-Artikolu 8 tat-TUE; billi l-objettiv jibqa’ l-istess;

B.  billi l-viċinat attwalment jinsab f’sitwazzjoni ta’ bidla minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ sfidi ta’ sigurtà li ilhom jeżistu u oħrajn emerġenti u ġodda, u huwa konsiderevolment inqas stabbli, konsiderevolment inqas sigur u qed iħabbat wiċċu ma' kriżi ekonomika aktar profonda minn meta tnediet il-PEV;

C.  billi l-politika riveduta għandha tkun ibbażata fuq responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri u l-prinċipji tal-UE, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti, responsabbli u trasparenti, u billi dawn huma fl-interess ta' soċjetajiet ġirien daqs kemm huma fl-interess tas-soċjeta tagħna f’termini ta’ stabbiltà, sigurtà u prosperità; billi, minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi fil-prattika, l-UE trid tibqa’ deċiża fl-appoġġ tagħha għall-proċessi ta’ tranżizzjoni f'kull u fi kwalunkwe pajjiż u d-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

D.  billi partijiet kbar tal-viċinat għadhom qed jiġu affettwati minn kriżijiet u kunflitti armati jew iffriżati; billi l-pajjiżi sħab għandhom iħabirku għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti; billi l-eżistenza ta’ kunflitti, inklużi dawk iffriżati jew imtawla, tfixkel it-trasformazzjoni ekonomika, soċjali u politika kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, l-istabbiltà u s-sikurezza, billi l-UE għandu jkollha rwol iżjed attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti;

E.  billi dawn il-kunflitti jimminaw l-iżvilupp ta' dimensjoni multilaterali ġenwina u effettiva tal-PEV; billi l-paċi u l-istabbiltà huma elementi fundamentali tal-PEV; billi l-pajjiżi sħab għandhom jirrispettaw dawn il-prinċipji;

F.  billi l-UE tikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, l-istupru, l-iskjavitù, id-delitti tal-unur, iż-żwiġijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

G.  billi l-iżviluppi fir-reġjun mill-2004 ’l hawn, iżda b’mod partikolari f'dawn l-aħħar ftit snin, urew li l-PEV mhix kapaċi tirrispondi b’mod adegwat u fil-pront għal ċirkostanzi iebsa u li jinbidlu malajr;

H.  billi l-PEV tibqa' prijorità strateġika tal-politika barranija tal-UE, billi r-rieżami tal-PEV għandu jitwettaq bl-għan li jsaħħaħha u fl-ispirtu li jsostni l-progress lejn Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE komprensiva u effikaċi b'mod ġenerali;

I.  billi l-Kummissjoni u s-SEAE, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament, ippruvaw jagħtu sura ġdida lill-PEV mill-ġdid sabiex jittrattaw in-nuqqasijiet tagħha u jadattawha għal ċirkostanzi nazzjonali u internazzjonali mibdula, b’mod partikolari wara r-Rebbiegħa Għarbija; billi dan ġie rifless fl-istrument ta' finanzjament il-ġdid għall-PEV għall-2014-2020 - l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI); billi l-isfidi attwali ppreżentati mill-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina, l-okkupazzjoni tal-Krimea u d-Da’esh għandhom jiġu kkunsidrati fir-rieżami tal-PEV;

J.  billi l-insigurtà, l-instabbiltà u kundizzjonijiet soċjoekonomiċi sfavorevoli fil-pajjiżi ġirien jista’ jkollhom impatti negattivi u jistgħu jreġġgħu lura t-tendenzi demokratiċi tal-passat;

K.  billi mill-introduzzjoni tal-approċċ il-ġdid fl-2011, żviluppi politiċi fil-viċinat urew li l-UE għandha bżonn tqis mill-ġdid ulterjorment ir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha, filwaqt li tikkunsidra r-realtajiet esterni u interni differenti; billi l-UE għandha bżonn tindirizza sfidi ġodda fil-viċinat tagħha u taġġusta l-istrateġija tagħha billi teżamina l-interessi u l-prijoritajiet tagħha u tevalwa l-għodod tal-politika, l-inċentivi u r-riżorsi disponibbli tagħha u l-attrazzjoni tagħhom għal sħabha;

L.  billi r-rieżami li sar fl-2011 tal-PEV iddikjara li l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

M.  billi l-UE għandu jkollha rwol iżjed attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti, speċjalment dawk iffriżati jew imtawla, li attwalment jirrappreżentaw ostaklu li ma jistax jingħeleb għall-iżvilupp sħiħ tal-PEV kemm fil-Lvant u kemm fin-Nofsinhar, li jfixklu r-relazzjonijiet tajba ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali;

N.  billi l-PEV tinkludi diversi “viċinati”, li jinkludi pajjiżi b’interessi, ambizzjonijiet u kapaċitajiet differenti;

O.  billi approċċ differenzjat u politika mfassla apposta huma meħtieġa, speċjalment billi l-viċinat tal-UE sar aktar frammentat minn qatt qabel, bil-pajjiżi li huma differenti f’ħafna aspetti, inklużi fl-ambizzjonijiet u l-aspettattivi tagħhom fir-rigward tal-UE, l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom u l-ambjent estern tagħhom; billi r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tal-PEV huma fi stadji differenti ta’ żvilupp; billi l-użu effikaċi tal-prinċipju “aktar għal aktar” huwa ta’ importanza fundamentali fit-tiswir u d-differenzjar tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab, u l-UE għandha “tippremja” il-pajjiżi li juru kooperazzjoni msaħħa magħha u progress fil-kisba tal-valuri Ewropej, f’termini ta’ riżorsi u ta' inċentivi oħra fi ħdan il-qafas tal-PEV; billi l-ġirien tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw il-futur tagħhom mingħajr ebda pressjoni esterna;

P.  billi, il-progress fis-soluzzjoni tal-kunflitti u l-kontroversji bejn il-pajjiżi tal-PEV għandu jitqies bħala kriterju li għandu jiġi vvalutat fir-Rapporti ta' Progress annwali;

Q.  billi r-rispett lejn l-integrità territorjali ta’ stati sovrani huwa prinċipju fundamentali tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi fil-viċinat Ewropew u l-okkupazzjoni ta’ territorju ta’ pajjiż minn pajjiż ieħor hija inammissibbli;

R.  billi r-riżorsi disponibbli lill-UE għall-azzjoni tagħha bħala ‘attur globali’ sal-2020 fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali jammontaw biss għal 6 % tal-baġit totali, u jkopru l-programmi relatati kollha, inklużi l-iżvilupp u l-assistenza għall-kooperazzjoni;

S.  billi l-PEV ikkontribwixxiet għall-artikolazzjoni ta' vuċi waħda tal-UE fil-viċinat kollu kemm hu; billi l-Istati Membri għandu jkollhom rwol importanti fil-viċinat Ewropew billi jallinjaw l-isforzi tagħhom u jżidu l-kredibbiltà u l-kapaċità ta' azzjoni tal-UE billi jitkellmu b’vuċi waħda;

T.  billi l-proċess ta’ konsultazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u s-SEAE għandu jkun komprensiv u inklussiv sabiex jiżgura li l-partijiet interessati rilevanti kollha jiġu kkonsultati; billi għandha tiġi enfasizzata l-importanza li jitħeġġu l-organizzazzjonijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa biex jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni; billi għandhom isiru aktar sforzi biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-għarfien tal-PEV fl-opinjoni pubblika tal-pajjiżi sħab;

U.  billi l-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar iħabbtu wiċċhom ma’ problemi differenti u l-ittrattar ta’ dawn il-problemi b’suċċess jirrikjedi li l-PEV tkun flessibbli u adattabbli f’termini tal-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi ta’ kull reġjun;

1.  Jenfasizza l-importanza, in-neċessità u l-puntwalità tar-rieżami tal-PEV; jenfasizza li l-PEV riveduta għandha tkun tista’ tipprovdi rispons rapidu, flessibbli u xieraq għas-sitwazzjoni fuq il-post, filwaqt li tippreżenta wkoll viżjoni strateġika ambizzjuża għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien kemm f’qafas bilaterali u kemm f'wieħed multilaterali, b’konformità mal-impenn li jippromwovu l-valuri ewlenin li fuqhom il-PEV hija bbażata;

2.  Jenfasizza li l-PEV hija parti essenzjali tal-politika barranija tal-UE u għandha tibqa’ politika unika; iqis li tifforma parti mill-azzjoni esterna tal-UE li l-potenzjal u l-uniċità tagħha jinsabu f’firxa wiesgħa ta’ strumenti diplomatiċi, ta’ sigurtà, ta’ difiża, ekonomiċi, kummerċjali, ta’ żvilupp u umanitarji disponibbli biex jintużaw; isostni li PEV effikaċi hija essenzjali biex jissaħħu l-kredibbiltà u pożizzjonament globali tal-politika barranija tal-UE, u li l-PEV għandha turi t-tmexxija awtentika tal-UE fil-viċinat u fir-relazzjonijiet ma' sħabna fil-livell globali;

3.  Jemmen fil-kontinwazzjoni tal-valur tal-objettivi dikjarati inizjalment tal-PEV li tinħoloq żona ta’ prosperità, stabbiltà, sigurtà u ta’ relazzjonijiet tajba ta' viċinat, ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji komuni tal-Unjoni, billi tipprovdi assistenza u inċentivi għal riformi strutturali profondi fil-pajjiżi tal-viċinat, imwettqa taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u miftiehma magħhom, li se jippermettu involviment imsaħħaħ mal-UE; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jittieħed kont tal-lezzjonijiet misluta, li jkun hemm ritorn għall-prinċipji fundamentali u li dawn l-objettivi jitqiegħdu lura fil-quċċata tal-aġenda;

4.  Jenfasizza l-importanza strateġika tal-PEV, bħala politika li toħloq relazzjonijiet b’diversi livelli u interdipendenza qawwija bejn l-UE u sħabha fil-viċinat; jenfasizza li l-isfida fundamentali tal-PEV tikkonsisti li tiggarantixxi għaċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab titjib tanġibbli u konkret; iqis li l-PEV għandha ssir politika aktar qawwija, aktar politika u aktar effikaċi, anke permezz tat-tisħiħ tal-elementi pożittivi tagħha, fosthom iffukar akbar fuq sħubija mas-soċjetajiet, id-differenzjazzjoni u l-approċċ “aktar għal aktar”;

5.  Jenfasizza li r-rispett għall-valuri universali fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-libertà, l-ugwaljanza u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-UE għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika riveduta, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi; itenni li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma fl-interess tal-pajjiżi sħab, u jitlob għal kundizzjonalità aktar b’saħħitha rigward ir-rispett għal dawn il-valuri fundamentali komuni; jenfasizza f'dan il-kuntest ir-rwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED);

6.  Jenfasizza li l-politika mġedda għandha tkun aktar strateġika, iffukata, flessibbli u koerenti kif ukoll politikament motivata; jistieden lill-UE biex tifformula viżjoni politika ċara u ambizzjuża dwar il-PEV, u biex tagħti attenzjoni speċjali lill-prijoritajiet politiċi tagħha stess fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b’kunsiderazzjoni għall-isfidi differenti li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi f’kull reġjun, kif ukoll għall-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet politiċi differenti tagħhom; isostni li s-sħubiji tal-Lvant u tal-Mediterran huma ta’ importanza kruċjali; jitlob li jinħatru rappreżentanti speċjali għal-Lvant u n-Nofsinhar, bil-kompitu li jikkoordinaw politikament il-politika riveduta u li jkunu involuti f’kull azzjoni tal-UE fil-viċinat;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Istati Membri, l-għarfien espert tagħhom u r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiżi tal-PEV fit-tfassil ta’ politika koerenti tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni xierqa bejn il-VP/RGħ, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta’ Tkabbir, id-delegazzjonijiet tal-UE u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi; isostni li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-PEV;

8.  Jitlob lill-VP/RGĦ biex tiżviluppa proposti għal kooperazzjoni ma' ġirien Ewropej li lesti jagħmlu dan Viċinat Ewropej abbażi tal-mudell taż-Żona Ekonomika Ewropea, li jistgħu jikkostitwixxu pass ulterjuri fil-perspettiva Ewropea tagħhom, ikunu bbażati fuq l-inklużjoni msaħħa fiż-żona tal-UE f’termini ta’ libertajiet u integrazzjoni sħiħa fi ħdan is-suq komuni, bħal fil-każ tan-Norveġja, u anki jinkludu koooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Politika Estera u ta’ Siġurtà Komuni (PESK);

9.  Iħeġġeġ li l-prijoritajiet fuq perjodu qasir, medju u fit-tul kif ukoll l-objettivi strateġiċi jiġu ddefiniti, filwaqt li jżomm f’moħħu li l-PEV għandha l-għan li toħloq approċċ differenzjat biex tippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma differenti fost u mal-pajjiżi tal-PEV; jenfasizza li fid-definizzjoni tal-approċċ tagħha l-UE għandha tħares lejn l-interessi u l-prijoritajiet tagħha u ta' dawk il-pajjiżi individwali kkonċernati, flimkien mal-livell ta’ żvilupp tagħhom, filwaqt li tikkunsidra l-interessi u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetajiet, l-ambizzjonijiet politiċi u l-kuntest ġeopolitiku;

10.  jenfasizza li s-sjieda lokali, it-trasparenza, ir-responsabbiltà reċiproka u l-inklużività għandhom ikunu aspetti ewlenin ta’ approċċ ġdid sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-PEV jilħqu l-livelli kollha tal-komunità u tas-soċjetà fil-pajjiżi kkonċernati, flok ma jiġu kkonċentrati fi gruppi partikolari;

11.  Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li, jekk il-pajjiżi sħab għandhom jiġu megħjuna biex isaħħu l-potenzjal ta' żvilupp tagħhom stess, id-djalogu politiku li bħalissa jikkaratterizza l-PEV għandu jċedi postu għal djalogu soċjali, ekonomiku u kulturali aktar wiesa' li jħaddan l-aspetti kollha tad-diversità politika, soċjali, etnika u kulturali tal-pajjiżi sħab; jenfasizza l-valur tal-progress miksub permezz ta’ kooperazzjoni territorjali bl-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali;

12.  Jiddispjaċih mir-riżorsi limitati allokati għall- kooperazzjoni tal-UE ma' sħabha fi ħdan il-viċinat tagħha, b’mod partikolari meta mqabbla mal-livelli ogħla b'mod sinifikanti ta’ riżorsi investiti fil-pajjiżi tal-PEV minn partijiet interessati li jiġu minn pajjiżi terzi; jinnota li dan jipperikola l-abbiltà tal-UE li tippromwovi u timplimenta politiki li jkunu konformi mal-interessi strateġiċi tagħha fil-viċinat tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi razzjonalizzat l-appoġġ u jiżdiedu l-fondi sabiex effettivament jiġu ppremjati u appoġġati l-pajjiżi sħab li jkunu ġenwinament impenjaw ruħhom li jiksbu riformi, demokratizzazzjoni u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jagħmlu progress f'din id-direzzjoni;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-responsabbiltà u l-mekkaniżmi ta’ trasparenza fil-pajjiżi sħab sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-kapaċità li jassorbu u jużaw il-Fondi b’mod effiċjenti u b’mod sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tiżgura mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u sorveljanza tal-infiq effiċjenti tal-assistenza tal-UE fil-pajjiżi tal-PEV, inkluż permezz ta’ skrutinju mis-soċjetà ċivili;

14.  Jistieden lill-UE biex ittejjeb il-koordinazzjoni tagħha ma’ donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, inkluż permezz tal-inizjattiva AMICI, f’konformità mal-impenn tagħha biex issir attur globali aktar konsistenti, rispettat u effikaċi, u jenfasizza l-ħtieġa għal programmar konġunt ma’ u fost l-Istati Membri; jissottolinja li koordinazzjoni aħjar mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali hija meħtieġa sabiex jintlaħaq u jinkiseb approċċ komuni, koerenti u effikaċi għall-għanijiet fuq perjodu qasir u medju tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat, u jitlob li tinfetaħ diskussjoni dwar din il-kwistjoni mal-Kunsill;

15.  Jissottolinja li l-UE għandha tassoċja l-ambizzjonijiet ta’ impenn imsaħħaħ fil-viċinat tagħha ma finanzjament suffiċjenti; iqis li r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti ta' finanzjament estern għandu jqis il-politika riveduta, u li l-ENI għandu għalhekk jirrifletti l-ambizzjoni li l-PEV issir aktar effiċjenti u jiżgura l-prevedibbiltà u s-sostenibbiltà tal-impenn tal-UE ma' sħabna, kif ukoll livell adegwat ta’ flessibbiltà proċedurali; jitlob, barra minn hekk, għal aktar koerenza u konsistenza bejn il-varji strumenti ta' finanzjament estern tal-UE;

16.  Jenfasizza r-rwol faċilitattiv tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), li jikkomplementa l-istrumenti tal-UE b’approċċ ġdid li huwa aktar flessibbli u reattiv, ineħħi l-lakuni u huwa finanzjarjament effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka aktar riżorsi għall-EED;

17.  Jirrikonoxxi li l-atteġġamenti lejn l-Ewropa u l-UE fil-pajjiżi ġirien iħallu impatt reali fuq il-kunflitt, iżda jiċħad kwalunkwe kompliċità mar-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi ġirien li jirriżultaw minn tiftix mhux ġudizzjuż tal-istabbiltà fuq perjodu qasir;

Valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE

L-ifformular mill-ġdid tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV tkun ifformulata mill-ġdid sabiex jinbnew sħubiji b’saħħithom, strateġiċi u dejjiema mal-pajjiżi tal-PEV li jkunu bbażati fuq il-preservazzjoni u f'konformità mal-valuri u l-prinċipji tal-UE u fuq il-promozzjoni ta’ interessi reċiproċi; jitlob li l-aspetti tekniċi tal-politika jiġu sostnuti minn viżjoni politika ċara;

19.  Jinnota li l-PEV għandha tuża l-istrumenti u l-metodoloġija tagħha stess, li għandhom jikkorrispondu mal-livell ta’ ambizzjoni u mal-ħtiġijiet u l-objettivi li l-pajjiżi tal-PEV u l-UE jfittxu li jilħqu;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq setturi identifikati flimkien ma' sħabha, fuq il-bażi ta’ interessi komuni, li fihom jista' jinkiseb il-progress u l-valur miżjud universali, u biex gradwalment tespandi l-kooperazzjoni bbażata fuq il-progress u l-ambizzjoni, b’mod partikolari sabiex tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp tal-bniedem bi ffukar fuq il-ġenerazzjonijiet il-ġodda; jenfasizza li r-riformi ekonomiċi għandhom jimxu skont riformi politiċi u li l-governanza tajba tista' tinkiseb biss permezz ta' proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkun miftuħ, responsabbli u trasparenti bbażat fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi;

21.  Jenfasizza li l-politika ta’ tkabbir u l-politika tal-viċinat huma politiki separati b’objettivi differenti; itenni, madanakollu, li l-pajjiżi Ewropej fi ħdan il-PEV, bħal kull pajjiż Ewropew ieħor, jistgħu japplikaw għall-adeżjoni mal-UE jekk jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u tad-dħul skont l-Artikolu 49 tat-TUE; iqis li, filwaqt li jirrikonoxxi li r-riforma u t-transizzjoni għandhom jiġu l-ewwel u mingħajr ma jrid iqajjem aspettattivi mhux realistiċi, li perspettiva ta' adeżjoni għandha tiġi sostnuta bħala inċentiv għall-pajjiżi kollha li huma eliġibbli u esprimew b’mod ċar aspirazzjonijiet u ambizzjonijiet Ewropej;

Appoġġ għad-demokrazija, ir-riforma ġudizzjarja, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali

22.  Iqis li l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-bini tal-istat u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-libertajiet fundamentali hu essenzjali għall-PEV; jenfasizza li l-ebda politiki li jikkontribwixxu biex jikkompromettu dawn il-valuri ċentrali ma għandhom jiġu adottati taħt il-PEV; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom joffru inċentivi u għarfien tekniku biex jitwettqu u jiġu appoġġati r-riformi demokratiċi u jingħelbu l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett għad-diversità u d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-gruppi reliġjużi, id-drittijiet ta’ persuni LGBTI, id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u d-drittijiet ta’ persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi etniċi; jenfasizza li l-bini tal-kapaċitajiet f’istituzzjonijiet nazzjonali, inkluż l-assemblej nazzjonali, flimkien ma' appoġġ għas-soċjetà ċivili, il-gruppi favur id-demokrazija u l-partiti politiċi, se ssaħħaħ id-djalogu politiku u l-pluraliżmu;

24.  Jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali u prinċipji ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-għoti tas-setgħa ekonomika u politika lin-nisa, bil-għan li jinbnew soċjetajiet inklużivi, prosperi u stabbli fil-viċinat tal-UE;

25.  Iqis li l-PEV riveduta għandha ssaħħaħ il-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiżi tal-PEV billi trawwem il-libertà ta' espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika u l-libertà tal-istampa u tal-midja bħala drittijiet li jippermettu t-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

26.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-PEV, bl-involviment mas-sħab fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, li tistimula l-impjiegi u t-tkabbir ġust, tiffaċilita relazzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom u tippromwovi l-edukazzjoni u x-xogħol deċenti, biex b’hekk ikunu qed jiġu ttrattati wħud mill-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari;

27.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ djalogu kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien, f’oqsma bħall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, l-iżvilupp ta' industriji kreattivi, it-tisħiħ tal-libertà ta’ esprezzjoni, l-appoġġ għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u t-tisħiħ tad-djalogu mas-soċjetà ċivili u tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż, anke sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni dejjem akbar u l-persekuzzjoni ta’ minoranzi u gruppi reliġjużi; jitlob għat-tisħiħ tal-qafas għar-relazzjonijiet kulturali, li jippermetti l-iżvilupp ta’ programmi għall-mobbiltà, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet kif ukoll l-iskambji fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni;

28.  Jenfasizza li l-approċċ ibbażat fuq “Sħubija mas-Soċjetajiet” għandu jiġi msaħħaħ u promoss; iħeġġeġ li l-interessi komuni u l-għanijiet tal-politika jiġu definiti b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha mis-soċjetajiet differenti, u mhux biss mal-awtoritajiet;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u attiva fil-proċessi tat-trasformazzjoni u d-demokratizzazzjoni, li jinkludu s-sħab soċjali u l-komunità tan-negozju; jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għas-soċjetà ċivili, għall-SMEs lokali u għal atturi oħra mhux statali, peress li dawn jikkostitwixxu mutur għall-proċess ta’ riforma, u għal djalogu u sħubija aktar involuti bejn l-atturi u s-setturi differenti tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-pajjiżi ġirien fil-qafas tal-PEV; jissottolinja l-importanza tal-kumpaniji Ewropej u r-rwol tagħhom fil-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta' standards internazzjonali għan-negozju, inkluża r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

Differenzjazzjoni u kundizzjonalità

30.  Jitlob li l-PEV tiġi żviluppata f’qafas ta’ politika mfassal b'mod iktar speċifiku u flessibbli li jkun kapaċi jadatta għad-diversità li teżisti fost il-pajjiżi sħab, u għal implimentazzjoni konsistenti tal-approċċ “differenzjat”; jissottolinja li d-differenzjazzjoni għandha sseħħ bejn il-pajjiżi tal-PEV;

31.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi applikata kundizzjonalità effettiva fir-rigward ta’ proċessi ta’ riforma, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ koerenti min-naħa tal-UE bejn il-pożizzjonijiet tagħha u l-kundizzjonalità fl-allokazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li l-UE ma tistax tikkomprometti l-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha u għandha tevita li toħloq standards doppji; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tar-riformi, li jwasslu għal żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fit-tul u li jfittxu impenn politiku aktar fil-fond mal-UE, għandhom jingħataw impenn u appoġġ aktar sostanzjali mill-UE u għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi ta' kisbiet individwali f’dawn il-proċessi ta’ riforma; jenfasizza l-importanza li jkun applikat bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “aktar għal aktar”;

32.  Jenfasizza li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni huma l-pass l-aktar avvanzat iżda mhux l-aħħar wieħed fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha;

33.  Iqis li l-UE għandha tistieden lil pajjiżi sħab li magħhom ma għandhiex ftehimiet ta' assoċjazzjoni biex jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni settorjali, inkluża l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet settorjali ġodda jew jissaħħu dawk eżistenti, bħall-Komunità tal-Enerġija, b'mod li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi f’partijiet settorjali speċifiċ taż-żona unika tal-erba’ libertajiet bażiċi tal-UE;

34.  Iqis li fl-isforzi biex tinkiseb l-PEV attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-kooperazzjoni relatata mal-governanza ekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi tal-PEV;

Id-dimensjoni tas-sigurtà

35.  Jinnota li l-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà hija ta' tħassib fundamentali fil-viċinat u li l-ambjent ta’ sigurtà qed imur drastikament għall-agħar; jitlob li fil-PEV ikun hemm komponent ta’ sigurtà qawwi, bi strumenti ta' politika xierqa li sfortunatament sal-lum kienu nieqsa; jenfasizza li l-UE għandha tiffoka fuq li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istrumenti ta’ ġestjoni tal-kriżi attwali tagħha bil-ħsieb li tistabbilixxi kapaċitajiet li jwessgħu l-ispettru tal-interventi ta' ġestjoni tal-kriżi; jenfasizza li s-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp jimxu id f’id u li hemm bżonn ta’ approċċ komprensiv li jittratta t-tħassib tas-sigurtà fir-reġjun u l-kawżi ewlenin tiegħu;

36.  Josserva li l-istabbiltà tal-faxxa Saħel/Saħara għandha titqies bħala ċentru nevralġiku ta’ insigurtà, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar tal-Afrika, u li l-instabbiltà ta’ dan ir-reġjun hija kkawżata mill-multiplikazzjoni ta' netwerks ta’ traffikar tal-armi, ta' drogi u bnedmin u qed tkun ta' ħsara għall-istabbiltà tal-Ewropa;

37.  Jitlob għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PEV u l-attivitajiet aktar wiesgħin tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), flimkien mat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u esterna u li jindirizzaw aspetti differenti tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-PEV u tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza u allinjament sħiħ bejn ir-rieżami tal-PEV u r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija politika globali filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mad-dritt u l-impenji internazzjonali, kif stipulat fl-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-1975, abbażi tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertajiet fundamentali, l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, kif ukoll is-soluzzjoni paċifika ta' kunflitti; Jinnota li l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bħala l-akbar organizzazzjoni reġjonali responsabbli għas-sigurtà, jista’ jkollha rwol importanti f’dan ir-rigward u jemmen li għandha tikseb impetu ġdid billi tieħu r-rwol ta’ medjatur; jappoġġa d-dritt tas-sħab li jagħmlu għażliet indipendenti u sovrani dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà, ħielsa minn kull pressjoni esterna u koersjoni;

39.  Jitlob li l-politika riveduta tappoġġja lill-pajjiżi sħab fil-bini ta’ strutturi statali xierqa biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà, bħalma huma l-infurzar effikaċi tal-liġi, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif ukoll l-intelliġenza u s-sigurtà, inkluża s-sigurtà ċibernetika, żviluppati fuq il-bażi ta’ rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u akkumpanjati minn kontroll demokratiku parlamentari xieraq; jenfasizza li l-UE għandha tipparteċipa f’oqsma bħar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR), u, f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kunflitt, fid-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR); jistieden lill-UE tiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet għall-kontroll tal-fruntieri min-naħa tal-pajjiżi sħab; jirrikonoxxi l-kontribut kontinwu li diġà qed jingħata minn uħud minn dawn il-pajjiżi; jistieden lill-pajjiżi ġirien biex jikkontribwixxu għall-missjonijiet tal-PSDK fejn rilevanti; jistieden lill-UE biex tippromwovi inizjattivi konġunti mill-pajjiżi ġirien fil-qasam tas-sigurtà, sabiex ikunu jistgħu jieħdu iktar responsabbiltà u jagħmlu kontribut pożittiv għas-sigurtà fir-reġjun tagħhom;

40.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom taħt il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi, li fost l-oħrajn tirrikjedi li jiċċaħħad il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għal teknoloġija jew tagħmir militari lil kwalunkwe pajjiż tal-viċinat jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li se jiġi esportat jista’ jiġi użat għal repressjoni interna jew biex jitwettaq ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, jekk jista’ jipprovoka jew itawwal kunflitti armati jew jaggrava tensjonijiet eżistenti jew kunflitti fil-pajjiż ta' destinazzjoni finali, jew jekk jista’ jiġi esportat b’mod aggressiv kontra pajjiż ieħor jew biex permezz tal-forza ssir rivendikazzjoni territorjali;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li b’mod attiv jippromwovi u jassisti f’riżoluzzjoni paċifika ta’ kunflitti u f'politiki ta’ rikonċiljazzjoni wara l-kunflitti fil-viċinat tal-UE, bl-użu ta’ għodod u strumenti differenti fuq il-bażi tal-valur miżjud li jistgħu jipprovdu; jemmen li miżuri bħal dawn għandhom jinkludu x-xogħol tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-programmi ta' bini tal-kunfidenza, ir-restawr tad-djalogu, il-medjazzjoni li tippromwovi l-kuntatti bejn il-persuni u l-missjonijiet tal-PSDK; jitlob lill-VP/RGĦ u lis-SEAE biex jiżviluppaw miżuri u approċċi innovattivi, inklużi strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet informali, sabiex jingħata appoġġ lid-djalogu u r-rikonċiljazzjoni; josserva li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ twissija bikrija billi jibnu netwerks intreċċati ta’ prevenzjoni mad-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

42.  Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi msieħba; huwa tal-fehma li l-PEV għandha tikkontribwixxi u tappoġġa dawn il-prinċipji fil-prattika; jenfasizza li l-kunflitti ffriżati u mtawla jfixklu l-iżvilupp sħiħ tal-PEV; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, li mit-tnedija tal-PEV ma sar ebda progress fir-rigward ta' soluzzjoni tal-kunflitti eżistenti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-okkupazzjoni tat-territorju ta’ pajjiż sieħeb tikser il-prinċipji fundamentali u l-objettivi tal-PEV; jenfasizza l-ħtieġa għall-aktar soluzzjoni paċifika bikrija possibbli tal-kunflitti ffriżati abbażi tan-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jistieden lir-VP/RGĦ biex tieħu rwol aktar attiv filwaqt li tafferma b'mod ċar li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali huwa marbut mas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li titkompla politika bbażata fuq il-promozzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u li tevita l-istandards doppji, b'mod partikolari f'dan ir-rigward;

43.  Iħeġġeġ lill-UE biex tapplika l-ispirtu u l-lezzjonijiet meħudin mill-esperjenza storika tal-integrazzjoni Ewropea għall-kunflitti reġjonali, peress li kwistjonijiet bilaterali għandhom jissolvew b’mod paċifiku filwaqt li r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi fundamentali tal-PEV; jitlob, f’dan ir-rigward, għall-involviment taċ-ċittadini u l-involviment ta’ atturi pubbliċi fi sħubijiet u ġemellaġġi orizzontali ma' kontropartijiet mill-Unjoni, u għall-involviment mas-soċjetà u l-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa bħala fattur għal bidla;

Trawwim ta’ integrazzjoni reġjonali

44.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali tal-PEV u l-ħtieġa tal-promozzjoni u l-kontribuzzjoni għal sinerġiji reġjonali u integrazzjoni permezz ta’ programmi ta' kooperazzjoni reġjonali; jissottolinja li kooperazzjoni ekonomika msaħħa fost il-pajjiżi tal-PEV hija meħtieġa biex jinkisbu l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat Ewropew;

45.  Jitlob, f'dan ir-rigward, li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tal-PEV ikunu komplementari mad-dimensjoni multilaterali tagħha billi jiżdied l-għadd ta’ attivitajiet u ta’ inizjattivi f'dan il-kuntest, b'attenzjoni partikolari mogħtija għat-tisħiħ ta' proġetti transkonfinali, iż-żieda ta' programmi min-nies għan-nies, l-iżvilupp ta' inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ ulterjuri ta’ djalogu attiv mas-soċjetà ċivili; iqis li l-PEV tal-ġejjieni għandha toffri pjattaforma reġjonali inklużiva għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-prinċipji ewlenin tal-PEV;

46.  Jitlob għal valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem — inklużi perspettivi dwar is-sessi — ta’ ftehimiet kummerċjali u appoġġ finanzjarju tal-UE għal programmi u proġetti fi ħdan il-qafas tal-PEV;

47.  Jitlob li l-politika riveduta ssaħħaħ il-pjattaformi eżistenti għall-kooperazzjoni, primarjament l-Unjoni għall-Mediterran u s-Sħubija tal-Lvant, sabiex tappoġġa aktar l-integrazzjoni reġjonali meta l-prijoritajiet identifikati mis-sħab ikunu simili għal qasam ta’ politika speċifiku, tindirizza kwistjonijiet subreġjonali speċifiċi bħall-mobbiltà, l-enerġija u s-sigurtà u biex tqarreb is-sħab lejn xulxin f’termini ta’ standards ekonomiċi u leġiżlazzjoni; jemmen li l-istrutturi multilaterali tal-PEV għandhom jiġu kkonsolidati u żviluppati b’mod iżjed strateġiku;

48.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol ta’ assemblej multilaterali, bħall-Euronest u l-PA-UfM, bħala fora għal djalogu politiku u bħala għodda biex tiġi promossa s-sjieda tal-politika tal-viċinat, u jħeġġiġhom bis-sħiħ biex iżidu l-involviment tagħhom b’mod xieraq u effikaċi;

49.  Jissottolinja l-valur miżjud tad-diplomazija parlamentari u tal-laqgħat interparlamentari bilaterali regolari li l-PE jorganizza mal-kontropartijiet mill-viċinat bħala għodda għall-iskambju ta’ esperjenzi u għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ pajjiżi individwali relatati mal-UE; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri biex jorganizzaw il-laqgħat interparlamentari bilaterali tagħhom fi ħdan il-qafas tal-PEV, bħala mezz biex jiġi żgurat approċċ koerenti;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), li jippermettu li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE u jipprovaw jiksbu kooperazzjoni ekonomika u soċjali kif ukoll lokali u reġjonali;

51.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ pjattaformi reġjonali tas-soċjetà ċivili bħas-Sħubija tal-Lvant u tan-Nofsinhar kif ukoll il-Forum tas-Soċjetà Ċivili fil-Viċinat tan-Nofsinhar isaħħaħ l-impenn ta' diversi partijiet interessati li jmexxu ’l quddiem l-aġenda tad-demokratizzazzjoni u r-riforma ekonomika fil-viċinat;

Ġirien tal-ġirien

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbnew sħubijiet b'saħħithom mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-PEV tkun parti mill-politika esterna usa' tal-UE u li jiġu konfermati l-atturi strateġiċi oħrajn li għandhom influwenza fuq il-viċinat — "il-ġirien tal-ġirien" — kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, billi, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' interess komuni u tħassib reċiproku, inkluża s-sigurtà reġjonali u globali, permezz ta' oqfsa bilaterali eżistenti jew djalogu multilaterali kull fejn jitqies xieraq u rilevanti;

53.  Jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra b'mod reali l-għażliet ta' politika differenti li jaffaċċjaw sħabha, kif ukoll kif jistgħu jinbnew pontijiet mal-ġirien tagħhom fuq livelli differenti u kif għandha tiġi indirizzata l-politika barranija ta' pajjiżi terzi fil-viċinat tagħha, waqt li tiżgura li huwa l-mandat tal-UE u s-sħab sovrani tagħha jiddeċiedu dwar kif iridu jipproċedu fir-relazzjonijiet tagħhom;

54.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li d-dispożizzjonijiet tad-DCFTA ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa u li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala impediment għal relazzjonijiet tajba tas-Sħab tal-Lvant ma' kull wieħed mill-ġirien tagħhom;

55.  Jistieden lill-UE tiżviluppa mekkaniżmi effikaċi ta' appoġġ għal pajjiżi sħab tal-PEV li qed isegwu aġenda Ewropea ambizzjuża u, bħala konsegwenza, qed ibatu minn miżuri ta' ritaljazzjoni, minn kummerċ imġiegħel jew minn aggressjoni militari diretta minn pajjiżi terzi; itenni li, filwaqt li l-PEV mhijiex immirata kontra xi parteċipant strateġiku ieħor u tiċħad l-idea ta' kompetizzjoni ġeopolitika fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra fil-viċinat, l-UE għandha tipprovdi impenji kredibbli u appoġġ politiku b'saħħtu lis-sħab li jixtiequ jallinjaw aktar mill-qrib magħha;

56.  Jistieden lill-UE tieħu vantaġġ mill-kompetenza tal-organizzazzjonijiet reġjonali li l-ġirien huma parti minnhom, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-Unjoni Afrikana, l-Uffiċċji Reġjonali rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega tal-Istati Għarab, u biex b'mod attiv jinvolvu ruħhom kif ukoll jikkooperaw magħhom ħalli jindirizzaw il-kunflitti reġjonali; ifakkar li dawn huma fora importanti għall-involviment tas-sħab fit-twettiq tar-riformi, f'li jiġi indirizzat it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet reġjonali, li għalihom huma għandhom jassumu aktar responsabbiltà, u f'li jrawmu d-demokratizzazzjoni;

Għanijiet tal-politika u għodod

Offerta diversifikata: is-setturi prijoritarji

57.  Jistieden lill-UE tesplora u tidentifika, flimkien ma' sħabha, prijoritajiet għal kooperazzjoni u integrazzjoni msaħħa f'oqsma differenti tal-politika, bħall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, il-prevenzjoni ta' kunflitti u diżastri, l-infrastruttura u l-iżvilupp reġjonali, l-ambjent, il-politiki dwar il-kompetizzjoni kummerċjali, l-SMEs, il-migrazzjoni, is-sigurtà, l-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, bil-għan li tinħoloq żona ta' prosperità, ta' stabbiltà u ta' viċinanza tajba;

58.  Iqis li l-għan għall-kisba ta' koerenza fil-politiki interni u esterni tal-UE, kif ukoll ir-rabtiet mill-qrib u dawk li qegħdin dejjem jikbru bejn ċerti kwistjonijiet interni u esterni, għandhom jiġu riflessi fil-PEV il-ġdida;

59.  Iqis li kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qasam tas-suq uniku diġitali futur, l-appoġġ għar-riformi fl-amministrazzjoni elettronika u s-soluzzjonijiet ta' gvern miftuħ, jikkostitwixxu strument għall-involviment taċ-ċittadini;

60.  Jenfasizza l-importanza tal-moviment liberu tal-persuni, u jappoġġa t-titjib tal-mobilità fi ħdan il-viċinat, f'ambjent sikur u ġestit sew, permezz tal-faċilitazzjoni u tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, b'mod partikolari għall-istudenti, għaż-żgħażagħ, għall-artisti u għar-riċerkaturi; jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli ttejjeb is-sħubijiet tal-mobilità fi ħdan il-viċinat u tiżviluppa possibbiltajiet għal skemi tal-migrazzjoni ċirkolari, li se jiftħu rotot sikuri u legali għall-migranti; jistieden lill-UE tagħmel distinzjoni ċara bejn persuni li jfittxu asil li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni u migranti ekonomiċi irregolari; jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab sabiex jiġġielduh;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta għall-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi meta tippromwovi t-taħriġ vokazzjonali u dak akkademiku, kif ukoll fil-qafas tal-programmi ta' migrazzjoni ċirkolari mal-pajjiżi ġirien, sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomiji tagħhom;

62.  Jinnota li r-rata għolja ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, in-nuqqas ta' aċċess liberu għall-informazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar, u n-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, flimkien mal-ammont baxx ta' parteċipazzjoni politika u soċjoekonomika tan-nisa, il-governanza ħażina u l-livelli għoljin ta' korruzzjoni, huma l-kawżi ewlenija tal-instabbiltà, u jitlob impenn lil hinn minn Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTAs); jinnota li l-prospett biss ta' ftehimiet kummerċjali u ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma għadux jipprovdi lieva effikaċi biżżejjed biex issaħħaħ is-sħubija tagħna mal-viċinat, b'mod partikolari fil-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar; jinnota n-nuqqas ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali bejn il-pajjiżi ġirien tal-UE, u jitlob li jiġu stabbiliti inizjattivi subreġjonali biex jiżdied il-kummerċ bejniethom;

63.  Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi proġetti għaż-żgħażagħ, għan-nisa u għall-mexxejja futuri, billi jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' boroż ta' studju taħt il-programm Erasmus+, sabiex jitrawmu l-iskambji tal-istudenti u tal-għalliema bejn il-pajjiżi tal-PEV u l-Istati Membri, li jimmiraw għall-formazzjoni ta' mexxejja futuri kemm mill-pajjiżi tal-PEV u kemm mill-Istati Membri, kif ukoll jippromwovu ulterjorment il-proġetti akkademiċi u edukattivi li diġà wrew il-valur tagħhom f'dan il-qasam, bħall-Kulleġġ tal-Ewropa;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u toffri lill-pajjiżi tal-PEV livelli differenti ta' parteċipazzjoni, kooperazzjoni u involviment fil-politiki, fil-programmi u fl-aġenziji tal-UE, bħall-EUROPOL, il-FRONTEX, u l-ġestjoni doganali, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ir-reati ekonomiċi u transkonfinali u f'dak tal-Komunità tal-Enerġija, li bħala ftehim ta' integrazzjoni ta' suċċess jista' jkollu rwol akbar fil-PEV; jenfasizza l-importanza ta' sigurtà tal-enerġija u kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija fi ħdan il-viċinat Ewropew, bil-għan li jintlaħaq għan kondiviż ta' provvista kontinwa ta' enerġija affordabbli, sostenibbli, effiċjenti u nadifa; jitlob biex l-Unjoni tal-Enerġija tinfetaħ gradwalment għall-pajjiżi tal-PEV jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fost il-pajjiżi tal-PEV u tistedinhom jingħaqdu magħha jekk għadhom m'għamlux dan;

65.  Jikkunsidra li għandha ssir enfasi akbar fuq l-użu ta' programmi ta' assistenza teknika bħat-TAIEX u l-Ġemellaġġ, u li s-sħab għandhom jiġu inklużi fil-programmi tal-UE bħall-Erasmus u l-Orizzont 2020, minħabba li jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-istabbiliment ta' netwerks fuq livelli differenti u huma l-bażi għall-ħolqien ta' Żona ta' Viċinat Komuni;

66.  Huwa tal-fehma li d-dimensjoni parlamentari tal-politika jeħtieġ tissaħħaħ billi tittejjeb l-effikaċja tal-laqgħat interparlamentari u l-korpi parlamentari konġunti stabbiliti skont ftehimiet mal-UE, u tal-assemblej parlamentari; jilqa', f'dan il-kuntest, l-approċċ il-ġdid li adotta l-Parlament għall-appoġġ tad-demokrazija parlamentari; jissottolinja r-rwol tal-parlamenti tal-pajjiżi tal-PEV sabiex il-gvernijiet jinżammu responsabbli, u jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kapaċità ta' monitoraġġ tagħhom; jitlob li l-Parlament ikun involut fl-implimentazzjoni tal-PEV il-ġdida u jinżamm regolarment infurmat u kkonsultat dwar il-progress tagħha fil-pajjiżi sħab; huwa tal-fehma li l-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi fil-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jista' jkollhom rwol importanti u jistgħu jieħdu responsabbiltà kruċjali fir-rigward tal-promozzjoni ta' kultura politika bbażata fuq istituzzjonijiet demokratiċi kompluti, l-istat tad-dritt, id-demokrazija ta' aktar minn partit wieħed u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

67.  Jenfasizza li biex il-PEV tkun politika ta' suċċess, għandha tiżgura wkoll li jkun hemm sjieda mill-Istati Membri, anke billi jiġu estiżi l-Inizjattivi Emblematiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika u l-programmazzjoni konġunta tal-għajnuna finanzjarja, u tipprovdi mekkaniżmi biex trawwem skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri u l-istrutturi tal-UE dwar il-pajjiżi tal-PEV, kif ukoll konsultazzjoni bejn l-Istati Membri, l-istrutturi tal-UE u l-pajjiżi ġirien; iqis li l-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE għandha tkun kundizzjonali fuq il-kisba b'suċċess ta' punti ta' riferiment tanġibbli fil-proċess ta' riforma, fuq il-bażi li se jiġi allokat aktar appoġġ;

Valutazzjoni u viżibbiltà

68.  Jenfasizza li l-pjanijiet ta' azzjoni stabbiliti fi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u f'konsultazzjoni mal-OSĊ għandhom jiffukaw fuq numru limitat ta' prijoritajiet realistiċi li għandhom jiġu implimentati, u li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi vvalutata fuq bażi regolari jew minħabba l-ħtieġa taċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, b'għażliet ta' politika li jistgħu jkunu miftiehma b'mod konġunt; jindika l-importanza li jiġi żviluppat proċess ta' konsultazzjoni mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili rigward id-definizzjoni ta' parametri referenzjarji;

69.  Jenfasizza li r-rapporti ta' progress għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati fil-pjanijiet ta' azzjoni u għandhom jirriflettu l-livell ta' impenn tal-pajjiż sieħeb; itenni s-sejħa tiegħu biex id-data li tinsab fir-rapporti titqiegħed f'perspettiva billi jitqies il-kuntest nazzjonali u billi jiġu inklużi tendenzi mis-snin ta' qabel; huwa tal-fehma li l-partijiet interessati ewlenin kollha tal-pajjiżi tal-PEV, inkluża s-soċjetà ċivili, għandhom ikunu ġenwinament involuti u kkonsultati qabel l-abbozzar tar-rapporti; jitlob biex dokumenti ewlenin bħar-rapporti ta' progress ikunu disponibbli faċilment fuq is-sit web tad-delegazzjonijiet tal-UE rispettivi u tradotti fil-lingwa lokali; jistieden lill-UE timpjega mezzi aktar kwalitattivi biex tkejjel il-livell ta' progress fil-pajjiżi sħab u biex timplimenta miżuri effikaċi ta' kundizzjonalità rigward il-progress mis-sħab fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

70.  Jikkunsidra li l-viżibbiltà tal-assistenza tal-UE għandha tittejjeb sabiex il-benefiċċji tal-appoġġ tal-UE jkunu ċari għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi sħab u tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu speċjali biex tipprovdi assistenza umanitarja tal-UE lill-pajjiżi ġirien li jkun differenti mill-mudell użat għall-pajjiżi terzi madwar id-dinja kollha u li jiżgura viżibbiltà kbira għall-UE u l-aġenda politika tagħha, fost għanijiet oħra; jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' mekkaniżmu li kapaċi jiżgura t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-UE;

71.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tiġġieled kontra l-informazzjoni qarrieqa u l-kampanji ta' propaganda kontriha nnifisha u l-Istati Membri tagħha u li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-għaqda u s-solidarjetà tagħhom; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-viżibbiltà tagħha sabiex turi b'mod ċar l-appoġġ u l-impenn tagħha kemm mal-pajjiżi sħab u kif ukoll fihom; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' informazzjoni oġġettiva, indipendenti u imparzjali u tal-libertà tal-midja fil-pajjiżi tal-PEV, kif ukoll il-ħtieġa għal sforzi ta' komunikazzjoni strateġika fil-viċinat tagħha, inkluż dwar il-valuri u l-objettivi tagħha permezz tal-iżvilupp ta' strateġija ta' komunikazzjoni komprensiva, effikaċi u sistematika fi ħdan il-politika riveduta;

72.  Jistieden lill-UE żżid il-preżenza tagħha fil-pajjiżi sħab bl-użu ta' aktar mezzi interattivi awdjoviżivi u midja soċjali fil-lingwi lokali rispettivi, sabiex tilħaq lis-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta' komunikazzjoni ċara għas-soċjetajiet fil-pajjiżi tal-PEV biex tispjegalhom il-benefiċċji tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTAs), bħala għodda għall-immodernizzar tas-sistemi politiċi u l-ekonomiji tagħhom;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-PEV, lill-Assemblej Parlamentari tal-Euronest u l-Unjoni għall-Mediterran, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Unjoni Afrikana, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE.

(1) JOIN (2015)0006. http://ec.europa.eu/enlargement/neighbourhood/consultation/consultation.pdf
(2) http://eeas.europa.eu/euromed/docs/com2011_200_en.pdf
(3) http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0303:FIN:mt:PDF
(4) http://eeas.europa.eu/enp/pdf/pdf/com03_104_en.pdf
(5) Konklużjonijiet tal-Kunsill Relazzjonijiet Esterni’ tat-18 ta’ Frar 2008 - http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/gena/98818.pdf
(6) ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 506.
(7) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 127.
(8) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.
(9) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.
(10) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 105.
(11) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114.
(12) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 26.
(13) Testi adottati, P7_TA(2013)0446.
(14) Testi adottati, P7_TA(2014)0229.

Avviż legali