Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2256(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0209/2015

Testi mressqa :

A8-0209/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 10
CRE 09/07/2015 - 10

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.9
CRE 09/07/2015 - 12.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0273

Testi adottati
PDF 394kWORD 144k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
P8_TA(2015)0273A8-0209/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2014/2256(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 26, 34, 114, 118 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1994 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 13, 14, 16, 17, 22 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi, u espressament it-Test fi Tliet Stadji,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-20 ta’ Diċembru 1996,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tad-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-20 ta’ Diċembru 1996,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tad-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi, adottat mill-Konferenza Diplomatika tad-WIPO dwar il-Protezzjoni tar-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi f’Beijing fl-24 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) ta’ Settembru 2013, imwettaq b’mod konġunt mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) dwar l-industriji intensivi fid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: kontribuzzjoni għall-prestazzjoni ekonomika u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà jaqraw materjal stampat,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/77/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali(9), li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 dwar imposti fuq l-ikkupjar privat(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi(13),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern(15),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, imwettqa mill-Kummissjoni bejn il-5 ta’ Diċembru 2013 u l-5 ta’ Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-Petizzjoni 0924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta’ ċittadinanza Britannika, f’isem l-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU)/l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja (RNIB), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra(16),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku (COM(2011)0427),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Id-Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien’ (COM(2008)0466),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa’ (COM(2011)0287),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u l-provvista tax-xogħlijiet mhux disponibbli, għall-faċilitazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-provvista ta’ kotba u rivisti akkademiċi għal-libreriji Ewropej u istituzzjonijiet simili oħra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0209/2015),

A.  billi r-reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE hija fundamentali għall-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni, id-diversità kulturali, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, is-Suq Uniku Diġitali u l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi wkoll lill-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi b’biżżejjed rikonoxximent u protezzjoni ta’ drittijiethom;

B.  billi l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-UE għandha tippromwovi l-iżvilupp u d-diversità tal-kulturi tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-kreazzjoni artistika u letterarja;

C.  billi d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni kienet maħsuba biex tadatta l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati bil-għan li tirrifletti l-iżviluppi tekoloġiċi;

D.  billi d-Direttiva 2001/29/KE tindirizza wkoll għadd ta’ obbligi tal-UE taħt id-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi, tat-Trattat tad-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u dak dwar l-Ispettakli u l-Fonogrammi;

E.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu investimenti kunsiderevoli fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-kollezzjonijiet rikki ta’ istituzzjonijiet tal-wirt kulturali tal-Ewropa, biex b’hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu aċċess minn kullimkien fuq kwalunkwe apparat;

F.  billi l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej huma l-mutur għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, u jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija tal-UE, hekk kif dawn skont stimi reċenti jimpjegaw iktar minn 7 miljun ruħ u jiġġeneraw aktar minn 4,2 % tal-PDG tal-UE, u billi l-industriji kulturali komplew joħolqu l-impjiegi matul il-kriżi ekonomika ta’ bejn l-2008 u l-2012;

G.  billi studju konġunt tal-UEP u l-UASI ta’ Settembru 2013 juri li madwar 39 % tal-attività ekonomika totali fl-UE, b’valur ta’ madwar EUR 4 700 biljun fis-sena, hija ġġenerata mill-industriji intensivi fl-IPR, u li dan jgħodd ukoll għal 26 % tal-impjiegi diretti (jew 56 miljun impjieg) kif ukoll għal 9 % oħra tal-impjiegi indiretti min-numru totali ta’ impjiegi fl-UE;

H.  billi r-rivoluzzjoni diġitali introduċiet tekniki u mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda u għamlet possibbli forom ġodda espressivi li, filwaqt li jikkuntestaw ir-relazzjoni trilaterali li tradizzjonalment torbot lill-kreaturi, l-imprendituri kulturali u l-utenti, inkoraġġiet il-ħolqien ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien li toħloq impjiegi ġodda u tiffavorixxi l-promozzjoni tal-kultura u innovazzjoni;

I.  billi kull inizjattiva politika dwar is-suq uniku diġitali għandha tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 11, 13, 14, 16, 17 u 22 tagħha;

J.  billi d-diversità kulturali u d-diversità tal-lingwa tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, b’xi lingwi Ewropej mitkellma f’aktar minn pajjiż wieħed;

K.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipproteġi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-arti u x-xjenza, u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali u tad-diversità kulturali u lingwistika, id-dritt għall-proprjetà u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, id-dritt għall-edukazzjoni u l-libertà ta’ intrapriża;

L.  billi anki fl-era diġitali għandu jibqa’ japplika d-dritt li l-kreatur jipproteġi x-xogħol kreattiv tiegħu;

M.  billi jeħtieġ li jitqiesu miżuri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-iskambju kulturali u li jtejbu ċ-ċertezza ġuridika fis-settur; billi ġew żviluppati ħafna servizzi onlajn kreattivi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE ‘l hawn, u l-konsumaturi qatt qabel ma kellhom aċċess għal firxa daqstant wiesgħa ta’ xogħlijiet kulturali u kreattivi; billi huwa neċessarju għall-utenti li jkollhom aċċess għal kontenut wiesgħa u varjat ta’ kwalità għolja;

N.  billi l-iżvilupp armonjuż u sistematiku tal-librerija diġitali Europeana, li ġiet stabbilita fl-2008 bħala parti minn inizjattiva tal-UE, għamlet disponibbli xogħlijiet mil-libreriji tal-Istati Membri;

O.  billi x-xogħlijiet kreattivi huma wieħed mis-sorsi prinċipali li jmexxu l-ekonomija diġitali u l-atturi tas-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni bħall-magni tat-tiftix, il-midja soċjali u l-pjattaformi ta’ kontenut iġġenerat mill-utenti, iżda tista’ tgħid il-valur kollu ġġenerat mix-xogħlijiet kreattivi huwa trasferit lil dawn l-intermedjarji diġitali, li jirrifjutaw li jagħtu remunerazzjoni lill-awturi jew jinnegozjaw livelli ta’ remunerazzjoni baxxi ħafna;

P.  billi d-Direttiva 2011/77/UE u d-Direttiva 2006/116/KE armonizzaw it-termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati billi stabbilixxew armonizzazzjoni sħiħa tal-perjodu ta’ protezzjoni għal kull tip ta’ xogħol u kull dritt relatat fl-Istati Membri;

Q.  billi huwa d-dmir tal-awtoritajiet leġiżlattivi tal-UE li jippromwovu qafas ġuridiku ċar dwar id-drittijiet tal-awtur u dawk relatati li jista’ jinftiehem mill-partijiet interessati kollha u b’mod partikolari mill-pubbliku inġenerali, li jassigura ċertezza ġuridika;

R.  wara li kkunsidra l-vantaġġ kompetittiv u l-qawwa dejjem tikber ta’ ċerti intermedjarji fuq l-Internet, u l-impatt negattiv ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-potenzjal ta’ kreattività tal-awturi u fuq l-iżvilupp tas-servizzi offruti minn distributuri oħra ta’ xogħlijiet kreattivi;

S.  billi fid-definizzjoni tal-qafas ġuridiku fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u dawk relatati, irid jingħata kont tal-bżonn li jiġu mħeġġa mudelli industrijali u kummerċjali innovattivi, u li jinsilet vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ġodda, sabiex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi tal-UE;

T.  billi l-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi jikkostitwixxi l-prijorità tal-Kummissjoni u l-enfasi tal-programm tagħha għall-perjodu 2014-2019;

1.  Jindika li d-drittijiet tal-awtur jikkostitwixxu l-mod konkret li jiżgura r-remunerazzjoni tal-kreaturi u l-finanzjament tal-proċess ta’ kreattività;

2.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssir konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, li ġibdet interess kbir minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inkluż is-settur kulturali u tas-soċjetà ċivili(17);

3.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li matul il-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida tiżviluppa aktar l-aġenda diġitali tal-UE, inklużi l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur; jilqa’ l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 għal dak li jirrigwarda l-wegħda tiegħu li jipprovdi Pakkett tas-Suq Uniku Diġitali, li jinkludi proposta leġiżlattiva bl-objettiv li jiġu modernizzati r-regoli tad-drittijiet tal-awtur biex ikunu adatti għall-era diġitali;

4.  Ifakkar li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipproteġu u jistimulaw kemm l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u kemm il-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għal titjib fil-kompetittività, ix-xogħol u l-innovazzjoni f’ħafna setturi industrijali fl-UE;

5.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-awtur huma effettivi biss daqs il-miżuri ta’ infurzar biex jipproteġuhom u li sabiex jiġi żgurat settur kreattiv li jirnexxi u innovattiv, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun robust;

6.  Jindika li l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, intrinsikament timplika t-territorjalità; jenfasizza li m’hemmx kontradizzjoni bejn dak il-prinċipju u l-miżuri li jiżguraw il-portabbiltà tal-kontenut;

7.  Jenfasizza li kull reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE għandha tkompli tissalvagwardja l-prinċipju ta’ remunerazzjoni ġusta għad-detenturi tad-drittijiet; jitlob li jiġi affermat mill-ġdid il-prinċipju tat-territorjalità, li jippermetti lil kull Stat Membru jissalvagwardja l-prinċipju tar-remunerazzjoni ġusta fil-qafas tal-politika kulturali tiegħu stess;

8.  Jinnota li l-firxa ta’ xogħlijiet disponibbli legalment lill-utenti żdiedet mindu ġiet implimentata d-Direttiva 2001/29/KE; jinnota wkoll li l-aċċess transkonfinali għad-diversità tal-użi li l-progress teknoloġiku joffri lill-konsumaturi jista’ jitlob titjib ibbażat fuq l-evidenza fil-qafas ġuridiku attwali sabiex tiġi żviluppata aktar l-offerta legali tal-kontenut kulturali u kreattiv diversifikat onlajn li jippermetti aċċess għad-diversità kulturali Ewropea;

9.  Ifakkar li l-konsumaturi spiss jiġu miċħuda l-aċċess għal ċerti servizzi li jipprovdu kontenut minħabba raġunijiet ġeografiċi, li jmur kontra l-objettiv tad-Direttiva 2001/29/KE li timplimenta l-erba' libertajiet tas-suq intern; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet adegwati għal aċċessibilità transfruntiera aħjar ta’ servizzi u ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur għall-konsumaturi;

10.  Jikkunsidra li jistgħu jinsiltu tagħlimiet għal tipi oħra ta’ kontenut mill-approċċ meħud fid-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, iżda li l-kwistjonijiet dwar il-portabilità u l-imblukkar ġeografiku ma jistgħux jiġu solvuti permezz ta’ soluzzjoni komprensiva waħda imma jistgħu jeħtieġu diversi interventi differenti, kemm regolatorji u kemm immexxija mis-suq;

11.  Jenfasizza li l-produzzjoni kreattiva tal-UE hija waħda mill-aktar riżorsi ta’ valur tagħha, u li dawk li jixtiequ jgawdu minnha għandhom ikunu kapaċi jħallsu biex jagħmlu dan, anki meta din tinbiegħ biss fi Stat Membru ieħor;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-liċenzjar multiterritorjali, kif previst fid-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi għażla fil-każ għax-xandara jkunu jridu jkopru t-territorju Ewropew kollu;

13.   Jindika li l-finanzjament, il-produzzjoni u l-koproduzzjoni ta’ films u kontenut televiżiv jiddependu prinċipalment fuq liċenzji territorjali esklużivi mogħtija lid-distributuri lokali fuq firxa ta’ pjattaformi, li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet kulturali tas-swieq Ewropej differenti; jenfasizza li minħabba dan, l-abilità, fil-qafas tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, li wieħed jagħżel il-livell ta’ kopertura territorjali u t-tip ta’ pjattaforma ta’ distribuzzjoni, tħeġġeġ l-investiment fil-films u l-kontenut televiżiv u tippromwovi d-diversità kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li qabel kull inizjattiva dwar il-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikun hemm studju wiesa’ tal-impatt mistenni tagħha fuq il-produzzjoni, il-finanzjament u d-distribuzzjoni ta’ films u kontenut televiżiv, kif ukoll fuq id-diversità kulturali;

14.  Jenfasizza li l-prattiki tal-imblukkar ġeografiku tal-industrija m’għandhomx jipprevjenu lill-minoranzi kulturali li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE milli jaċċessaw kontenut jew servizzi eżistenti fil-lingwa tagħhom li huma b’xejn jew bi ħlas;

15.  Jappoġġja l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-portabbiltà, fi ħdan l-UE, ta’ servizzi onlajn ta’ kontenut akkwistat u disponibbli legalment, filwaqt illi jiġu rrispettati b’mod sħiħ id-drittijiet tal-awtur u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet;

16.  Ifakkar li s-swieq kulturali Ewropej huma naturalment eteroġeni minħabba d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jinnota li din id-diversità għandha titqies bħala benefiċċju aktar milli ostaklu għas-suq uniku;

17.  Jieħu nota tal-importanza tal-liċenzji territorjali fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni awdjoviżiva u tal-films li hija bbażata primarjament fuq sistemi ta’ xiri minn qabel jew finanzjament minn qabel tax-xandara;

18.  Jinnota bi tħassib il-multiplikazzjoni tas-servizzi illegali onlajn u ż-żieda fil-piraterija u, b’mod iktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, xejra li tirrappreżenta theddida serja għall-ekonomiji tal-Istati Membri u għall-kreattività tal-UE;

19.  Jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, hekk kif id-drittijiet huma kruċjali għall-ħolqien intellettwali u jipprovdu bażi ġuridika stabbli, ċara u flessibbli li trawwem l-investiment u t-tkabbir fis-settur kreattiv u kulturali, filwaqt li tneħħi l-inċertezzi ġuridiċi u l-inkonsistenzi li jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern;

20.  Flimkien mal-kompitu importanti li jkun hemm espansjoni tal-istrutturi funzjonanti għas-suq uniku diġitali, jenfasizza li hemm bżonn li jittieħdu wkoll passi sabiex ikun żgurat li s-suq uniku analogu jkompli jiffunzjona b’mod adegwat;

21.  Jindika li l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur jimpjegaw iktar minn seba’ miljun persuna fl-UE; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li qabel kull inizjattiva leġiżlattiva għall-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikun hemm valutazzjoni tal-impatt ex-ante sħiħa tal-effetti tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll tal-ispejjeż u l-vantaġġi potenzjali iġġenerati minnha, u dan skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar;

22.  Jenfasizza li kull reviżjoni futura tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur tal-UE għandha tkun immirata tajjeb u bbażata fuq data konvinċenti, bil-għan li jitkompla l-iżvilupp tas-setturi kreattivi kreattivi Ewropej;

23.  Jirrikonoxxi li l-attivitajiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur kummerċjali joħolqu theddida serja għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u għall-iżvilupp tal-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv diversifikat onlajn;

24.  Iqis li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-awturi u l-kreaturi u li titjieb ir-remunerazzjoni tagħhom fir-rigward tad-distribuzzjoni diġitali u l-isfruttament tax-xogħlijiet tagħhom;

Drittijiet esklussivi

25.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-awturi u l-artisti interpreti jiġu pprovduti bi protezzjoni ġuridika għax-xogħlijiet kreattivi u artistiċi tagħhom; jirrikonoxxi li t-tixrid tal-kultura u l-għarfien huwa fl-interess pubbliku; jirrikonoxxi r-rwol tal-produtturi u l-pubblikaturi fl-introduzzjoni tax-xogħlijiet fis-suq, u l-ħtieġa għal remunerazzjoni ġusta u xierqa għall-kategoriji kollha ta' detenturi tad-drittijiet; jitlob li tittejjeb il-pożizzjoni kuntrattwali tal-awturi u l-artisti interpreti meta mqabbla ma’ detenturi tad-drittijiet u intermedjarji oħra, b’mod partikolari billi jiġi kkunsidrat perjodu raġonevoli għall-użu ta’ drittijiet trasferiti minn awturi lil partijiet terzi, li malli jgħaddi jiskadu dawn id-drittijiet, u dan minħabba li l-iskambji kuntrattwali jistgħu jiġu kkaratterizzati minn żbilanċ ta’ poter; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-libertà kuntrattwali;

26.  Jinnota li protezzjoni proporzjonata ta’ xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur u ta’ materjal protett ieħor huwa ta’ importanza kbira, anke mil-lat kulturali, u li skont l-Artikolu 167 TFUE, l-Unjoni fl-attività tagħha għandha tieħu kont tal-aspetti kulturali;

27.  Jenfasizza li l-awturi u l-artisti interpreti għandhom jingħataw remunerazzjoni xierqa fl-ambjent diġitali bl-istess mod bħal fid-dinja analoga;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa miżuri xierqa u mmirati biex titjieb iċ-ċertezza ġuridika, f’konformità mal-objettiv tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt ta’ titlu uniku Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur fuq l-impjiegi u l-innovazzjoni, fuq l-interessi tal-awturi, l-artisti interpreti u detenturi oħra tad-drittijiet, u fuq il-promozzjoni tal-aċċess tal-konsumaturi għad-diversità kulturali reġjonali;

29.  Ifakkar li d-drittijiet esklużivi u l-libertà kuntrattwali huma elementi fundamentali fl-ekosistema fraġli li tipproduċi u tiffinanzja x-xogħol kreattiv, billi dawn jippermettu li jinqasmu aħjar ir-riskji, li jiġu involuti atturi differenti fi ħdan proġetti konġunti għall-benefiċċju ta’ pubbliku kulturalment diversifikat, u jappoġġjaw l-inċentiv għal investiment fil-produzzjoni ta’ kontenut professjonali;

30.  Jirrakkomanda li l-leġiżlatur tal-UE għandu jikkunsidra, sabiex jipproteġi l-interess pubbliku filwaqt li jipproteġi d-data personali, kif jista’ jnaqqas ulterjorment l-ostakli għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku; jinnota li tali aġġustament tal-leġiżlazzjoni għandu jsir b’kunsiderazzjoni xierqa tad-Direttiva 2013/37/UE, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema tad-drittijiet tal-awtur u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja b’mod effettiv ix-xogħlijiet ta’ dominju pubbliku li, skont id-definizzjoni tagħhom stess, mhumiex suġġetti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni tiċċara li ladarba x-xogħol ikun ta’ dominju pubbliku, kull diġitalizzazzjoni tax-xogħol li ma tikkostitwix xogħol trasformattiv ġdid, tibqa’ ta’ dominju pubbliku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina jekk id-detenturi tad-drittijiet jistgħux jingħataw id-dritt li jiddedikaw ix-xogħlijiet tagħhom lid-dominju pubbliku, kollha kemm huma jew parti minnhom;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tarmonizza l-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li toqgħod lura milli testendi ulterjorment dan il-perjodu ta’ protezzjoni, skont l-istandards internazzjonali stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Berna; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffinalizzaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2006/116/KE u 2011/77/UE b’mod razzjonalizzat;

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

33.  Jistieden lil-leġiżlatur tal-UE jibqa’ leali lejn l-objettiv imsemmi fid-Direttiva 2001/29/KE, jiġifieri li jagħti protezzjoni adegwata lid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati bħala wieħed mill-modi ewlenin tal-iżgurar tal-kreattività kulturali Ewropea, u jissalvagwardja bilanċ ġust bejn kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet u utenti ta’ suġġetti protetti, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet; jenfasizza wkoll li kull bidla leġiżlattiva f’dan il-qasam għandha tiggarantixxi l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għal xogħlijiet u servizzi protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fi kwalunkwe format;

34.  Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, kif ukoll għas-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka u għas-settur li jibbenefika minn eċċezzjonijiet għal dawn id-drittijiet u limitazzjonijiet fuqhom u jiffurmaw il-bażi għall-attività u l-impjiegi tagħhom;

35.  Jinnota li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għandhom ikunu applikati b’tali mod li jittieħed kont tar-raġuni għalfejn tfasslu u l-karatteristiċi rispettivi partikolari tal-ambjenti analogi u diġitali, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-interessi tal-pubbliku; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li jiġu riveduti għadd ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti sabiex jiġu adattati aħjar għall-ambjent diġitali, b’kont meħud tal-iżviluppi li għaddejjin fl-ambjent diġitali u l-bżonn ta’ kompetittività;

36.  Jenfasizza l-importanza li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità; jinnota f’dan ir-rigward il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx li se jiffaċilita l-aċċess għall-kotba għal dawk b’diżabilità fil-vista, u jħeġġeġ ir-ratifika rapida tiegħu mingħajr ma r-ratifika tkun tiddependi mir-reviżjoni tal-qafas ġuridiku tal-UE; jemmen li t-Trattat huwa pass tajjeb ’il quddiem, iżda li għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-kontenut għall-persuni b’diżabbiltajiet differenti;

37.  Jinnota l-importanza tad-diversità kulturali Ewropea, u jinnota li d-differenzi fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet jistgħu jkunu ta’ sfida għall-funzjonament tas-suq intern fid-dawl tal-iżvilupp ta’ attivitajiet transkonfinali u l-kompetittività globali u l-innovazzjoni tal-UE, u jistgħu jwasslu wkoll għal inċertezza ġuridika għall-awturi u l-utenti; iqis li xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet jistgħu għalhekk jibbenefikaw minn regoli aktar komuni; jirrimarka, madankollu, li d-differenzi jista’ jkunu ġustifikati biex jippermettu lill-Istati Membri jilleġiżlaw skont l-interessi ekonomiċi u kulturali speċifiċi tagħhom, u f’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-applikazzjoni tal-istandards minimi fl-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, u tkompli tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2001/29/KE u aċċess ugwali għad-diversità kulturali minn fruntiera għal oħra fi ħdan is-suq intern, u ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika;

39.  Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħu l-eċċezzjonijiet għall-istituzzjonijiet taʼ interess pubbliku, bħal-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji, bil-għan li jiġi promoss aċċess wiesa’ għall-wirt kulturali, anke permezz taʼ pjattaformi onlajn;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis bi prudenza l-possibilità li tagħmel ċerti eċċezzjonijiet obbligatorji meta l-għan ikun il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u partikolarment il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jew il-protezzjoni tal-libertà tal-istampa;

41.  Ifakkar fl-importanza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-industriji kulturali u kreattivi għal dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir fl-UE; jenfasizza li l-maġġoranza tal-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi jisfruttaw il-flessibilità tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex jipproduċu xogħlijiet kulturali u kreattivi, jinvestu fihom u jxerrduhom, iżda wkoll sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li jippermettu lill-utenti jkollhom aċċess għal xogħlijiet kreattivi onlajn adattati għall-preferenzi u l-ispeċifiċitajiet tas-swieq lokali;

42.  Jinnota b’interess l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ użu ta’ xogħlijiet fuq netwerks diġitali, b’mod partikolari użi trasformattivi, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati soluzzjonijiet li jirrikonċiljaw il-protezzjoni effiċjenti li tipprevedi remunerazzjoni xierqa u kumpens ġust għall-kreaturi mal-interess pubbliku għall-aċċess għal prodotti kulturali u l-għarfien;

43.  Jenfasizza li, meta tkun diġà tapplika eċċezzjoni jew limitazzjoni, l-użi ġodda ta’ kontenut li huma possibbli permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi jew użi ġodda tat-teknoloġija għandhom ikunu, sa fejn hu possibbli, interpretati skont eċċezzjoni jew limitazzjoni eżistenti, sakemm l-użu l-ġdid ikun simili għal dak eżistenti, biex b’hekk titjieb iċ-ċertezza ġuridika – dan ikun suġġett għal test fi tliet fażijiet; jirrikonoxxi li tali flessibilità fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet tista’ tippermetti l-adattament tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet inkwistjoni għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-ħtiġijiet soċjali differenti;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati n-newtralità teknoloġika u l-kompatibilità futura tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet billi jitqiesu kif xieraq l-effetti tal-konverġenza tal-midja, filwaqt li jiġi sodisfatt l-interess tal-pubbliku billi jitrawmu inċentivi biex jinħolqu, jiġu ffinanzjati u distribwiti xogħlijiet ġodda u biex dawk ix-xogħlijiet isiru disponibbli għall-pubbliku f’modi ġodda, innovattivi u konvinċenti;

45.  Jissuġġerixxi rieżami tar-responsabilità tal-fornituri u l-intermedjarji tas-servizzi sabiex jiċċara l-istatus ġuridiku u r-responsabilità tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, jiggarantixxi li tiġi eżerċitata diliġenza dovuta matul il-proċess kreattiv u l-katina tal-provvista, u jiżgura remunerazzjoni ġusta għall-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet fi ħdan l-UE;

46.  Isostni li l-iżvilupp tas-suq diġitali huwa impossibbli mingħajr l-iżvilupp parallel tal-industriji kulturali u kreattivi;

47.  Jenfasizza l-importanza tal-eċċezzjoni għall-karikaturi, parodiji u pastiċċ bħala fattur għall-vitalità tad-dibattitu demokratiku; jemmen li l-eċċezzjoni għandha ssib bilanċ bejn l-interessi u d-drittijiet tal-kreaturi u l-karattri oriġinali u l-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ xogħol protett li qed jiddependi fuq l-eċċezzjoni għall-karikaturi, parodiji jew pastiċċ;

48.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-permess ta’ tekniki analitiċi awtomatizzati għat-test u d-data (pereżempju ‘l-estrazzjoni ta’ test u data’ jew ‘l-estrazzjoni ta’ kontenut’) għal skopijiet ta’ riċerka jiġi vvalutat b’mod adegwat, dejjem jekk ikun inkiseb il-permess li jinqara x-xogħol;

49.  Isostni li l-iżvilupp tas-suq diġitali huwa marbut mill-qrib mal-iżvilupp tal-industriji kreattivi u kulturali, billi dan huwa l-uniku mod kif tista’ tinkiseb prosperità permanenti, u li dawn għandhom jimxu id f’id;

50.  Jinnota li d-dritt għal proprjetà privata huwa wieħed mill-pedamenti tas-soċjetà moderna; jinnota wkoll li l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal materjal edukattiv u oġġetti kulturali hija ta’ importanza estrema għall-iżvilupp tas-soċjetà bbażata fuq l-għarfien u li dan għandu jiġi kkunsidrat mil-leġiżlaturi;

51.  Jitlob li jkun hemm eċċezzjoni għal skopijiet ta’ riċerka u edukazzjoni, li m’għandhiex tkopri biss stabbilimenti edukattivi iżda wkoll attivitajiet edukattivi jew ta’ riċerka akkreditati, inklużi attivitajiet onlajn u transfruntiera, marbuta ma’ stabbiliment edukattiv jew istituzzjoni rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti, jew leġiżlazzjoni, jew fl-ambitu ta’ programm edukattiv;

52.  Jenfasizza li kwalunkwe eċċezzjoni jew limitazzjoni ġdida introdotta fis-sistema ġuridika tad-drittijiet tal-awtur tal-UE teħtieġ li tiġi ġġustifikata kif suppost minn analiżi ekonomika u ġuridika oġġettiva u soda;

53.   Jirrikonoxxi l-importanza tal-libreriji għal aċċess għall-għarfien u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adozzjoni ta’ eċċezzjoni li tippermetti lil-libreriji pubbliċi u tar-riċerka jisilfu legalment xogħlijiet lill-pubbliku f’formati diġitali għall-użu personali, għal perjodu limitat, permezz tal-internet jew in-netwerks tal-libreriji, u dan b’tali mod li d-dmir li għandhom fl-interess pubbliku li jxerrdu l-għarfien ikun jista’ jiġi ssodisfat b’mod effettiv u aġġornat; jirrakkomanda li l-awturi għandhom jiġu kkumpensati b’mod ġust għal self elettroniku bl-istess mod bħal fil-każ ta’ self ta’ kotba fiżiċi skont ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali;

54.   Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adozzjoni ta’ eċċezzjoni li tippermetti lil-libreriji jiddiġitalizzaw il-kontenut għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ġbir f’katalogi u arkivjar;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġu meqjusa l-konklużjonijiet ta’ diversi esperimenti li qed jitwettqu mill-industrija tal-kotba biex jiġu stabbiliti mudelli tan-negozju ġusti, bilanċjati u vijabbli;

56.  Jinnota li f’xi Stati Membri ġew introdotti liċenzji statutorji mmirati lejn skemi ta’ kumpens; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li atti li huma permissibbli taħt eċċezzjoni jibqgħu hekk; ifakkar li l-kumpens għat-twettiq ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandu jitqies biss f’każijiet fejn l-atti meqjusa li jaqgħu taħt eċċezzjoni huma ta’ dannu għad-detentur tad-drittijiet; jistieden ukoll lill-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali jwettaq valutazzjoni xjentifika sħiħa ta’ dawn il-miżuri tal-Istati Membri u l-effett tagħhom fuq kull parti interessata affettwata;

57.  Ifakkar fl-importanza tal-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat li tista’ ma tkunx teknikament limitata, flimkien ma’ kumpens ġust tal-kreaturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza, abbażi ta’ evidenza xjentifika, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta’ Frar 2014 dwar l-imposti fuq l-ikkupjar privat(18) u r-riżultati ta’ proċess ta’ medjazzjoni l-aktar reċenti mwettaq mill-Kummissjoni(19), il-vijabbiltà tal-miżuri eżistenti għall-kumpens ġust tad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet li jkunu saru minn persuni naturali għall-użu privat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda miżuri ta’ trasparenza;

58.  Jinnota li l-ikkuppjar privat għandu jkun irregolat bʼtali mod li jinforma liċ-ċittadini dwar l-ammont reali tal-imposta, l-għan tagħha u l-mod kif se tintuża;

59.  Jisħaq li l-imposti diġitali għandhom isiru aktar trasparenti u jiġu ottimizzati sabiex jissalvagwardjaw id-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u billi titqies id-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern;

60.  Jisħaq fuq l-importanza li r-reġim tad-drittijiet tal-awtur ikun aktar ċar u trasparenti għall-utenti tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u imposti fuq id-drittijiet tal-awtur, biex b’hekk titrawwem il-kreattività, u l-iżvilupp ulterjuri ta’ pjattaformi onlajn, u tiġi żgurata remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur;

61.  Jinnota l-importanza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE u jisħaq fuq il-fatt li l-eżerċizzju effikaċi tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet, u l-aċċess għal kontenut li mhuwiex soġġett għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, m’għandux jiġi rrinunzjat minn kuntratt jew termini kuntrattwali;

62.  Jistieden lid-distributuri jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli kollha relatata mal-miżuri teknoloġiċi neċessarji sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-kontenut tagħhom;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar interoperabbiltà, b’mod partikolari għas-softwer u t-terminals, peress li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà tfixkel l-innovazzjoni, tnaqqas il-kompetizzjoni u tagħmel ħsara lill-konsumatur; jemmen li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà jwassal għal pożizzjoni dominanti tas-suq ta’ prodott jew servizz partikolari wieħed, bir-riżultat li tiġi mxekkla l-kompetizzjoni u tiġi limitata l-għażla tal-konsumatur fl-UE;

64.  Jindika li r-rata mgħaġġla ta’ żvilupp teknoloġiku fis-suq diġitali titlob qafas leġiżlattiv teknoloġikament newtrali għad-drittijiet tal-awtur;

65.  Jirrikonoxxi r-rwol ta’ infurzar proporzjonat u effettiv fl-appoġġ tal-kreaturi, id-detenturi tad-drittijiet u l-konsumaturi;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lil-leġiżlatura tal-UE jirriflettu dwar soluzzjonijiet għall-ispostament tal-valur mill-kontenut lejn is-servizzi; jinsisti dwar il-bżonn li tiġi aġġustata d-definizzjoni tal-istatus ta’ intermedjarju fl-ambjent diġitali attwali;

67.  Jenfasizza li l-konsumaturi spiss jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet u l-kunċett ta’ drittijiet tal-konsumatur fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur huwa ħafna drabi assenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tal-liġi attwali tad-drittijiet tal-awtur mill-perspettiva tal-konsumaturi u tiżviluppa sett ta’ drittijiet tal-konsumaturi ċari u komprensivi;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(2) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72.
(3) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(4) ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5.
(5) ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.
(6) ĠU L 265, 11.10.2011, p. 1.
(7) ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.
(8) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.
(9) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.
(10) ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61.
(11) ĠU L 272, 13.10.2001, p. 32.
(12) Testi adottati, P7_TA(2014)0179.
(13) Testi adottati, P7_TA(2013)0368.
(14) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 64.
(15) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 48.
(16) ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 49.
(17) Kummissjoni Ewropea, DĠ Suq Intern u Servizzi, Rapport dwar ir-rispons għall-Konsultazzjoni Pubblika rigward ir-Rieżami tar-Regoli tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Lulju 2014.
(18) Testi adottati, P7_TA(2014)0179.
(19) Rakkomandazzjonijiet ta' António Vitorino tal-31 ta' Jannar 2013, li tnisslu mill-aktar proċess ta' medjazzjoni reċenti mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-imposti fuq l-ikkuppjar privat u r-reprografija.

Avviż legali