Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0177/2015

Testi mressqa :

A8-0177/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 11
CRE 09/07/2015 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0274

Testi adottati
PDF 540kWORD 114k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED)
P8_TA(2015)0274A8-0177/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-approċċ il-ġdid tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija – evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) mindu ġie stabbilit (2014/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013, adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2009 bit-titolu "Appoġġ għall-Governanza Demokratika – Lejn titjib tal-qafas tal-UE"(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2009 dwar l-Appoġġ għad-Demokrazija fil-kuntest tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2010 li fihom ir-rapport ta' progress tal-2010 u lista ta' pajjiżi pilota proposti(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-Fond Ewropew għad-Demokrazija(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija(12) u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(13),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-Appoġġ tal-UE għat-Tibdil Sostenibbli f'Soċjetajiet fi Tranżizzjoni(14),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2015 bit-titolu "Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida" (JOIN(2015)0006),

–  wara li kkunsidra r-Rieżami tal-2013 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(15),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2011 bit-titolu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' appoġġ għall-istabbiliment tal-EED, indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak li dak iż-żmien, Jerzy Buzek, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, tal-25 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED tat-3 ta' Diċembru 2014 biex jitneħħew il-limitazzjonijiet ġeografiċi inizjali tal-EED,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0177/2015),

A.  billi l-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett lejn l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-appoġġ għalihom, huma fost l-objettivi ewlenin tal-politika barranija tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

B.  billi l-UE tqis li l-prinċipju ta' sjieda tal-proċessi tal-konsolidament tad-demokrazija bħala kruċjali biex titrawwem kultura realment demokratika;

C.  billi għadd kbir ta' Stati Membri temmew b'suċċess proċess ta' trasformazzjoni demokratika tas-soċjetà matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u akkumulaw esperjenza estensiva f'dan il-qasam li tista' tkun rilevanti għall-attivitajiet tal-EED u li tista' u għandha tintuża fil-livell politiku u espert għall-ħidma tal-EED;

D.  billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija u fil-viċinat tal-Lvant ġabu magħhom ridefinizzjoni tal-istrumenti politiċi tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ tad-demokrazija;

E.  billi f'għadd ta' pajjiżi fejn jopera l-EED, l-ispazju għal azzjoni leġittima tas-soċjetà ċivili u finanzjament estern għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien minħabba r-rikors min-naħa tar-reġimi awtoritarji għal mezzi dejjem aktar sofistikati, inkluża leġiżlazzjoni, biex jirrestrinġu l-ħidma tal-NGOs u atturi prodemokratiċi, inkluż il-benefiċjarji tal-EED;

F.  billi f'dawn l-aħħar snin il-pajjiżi fil-viċinat tal-UE ħabbtu wiċċhom ma' għadd sinifikanti ta' sfidi politiċi, ta' sigurtà u ekonomiċi li poġġew taħt pressjoni serja l-isforzi ta' demokratizzazzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

G.  billi hemm il-ħtieġa li jiġi promoss l-għoti ta' informazzjoni objettiva u indipendenti u li jissaħħaħ l-ambjent tal-midja, inkluż l-internet u l-midja soċjali, f'pajjiżi li fihom jopera l-EED, permezz tal-protezzjoni tal-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' ċensura politika u soċjali; billi hemm ukoll il-ħtieġa għal appoġġ għall-isforzi ta' demokratizzazzjoni f'dawk il-pajjiżi, inkluż il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

H.  billi l-ħolqien tal-EED, flimkien ma' programmi oħra tal-UE bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili, jikkumplementa l-approċċ tradizzjonali iċċentrat fuq l-Istat b'perspettiva estremament meħtieġa, aktar ibbilanċjata, fit-tul u ċċentrata fuq is-soċjetà, b'enfasi fuq l-impenn dirett mal-movimenti tal-bażi lokali u reġjonali u l-atturi politiċi demokratiċi;

I.  billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tal-assistenza għad-demokrazija, bħal dawk imwettqa mill-EED, tibqa' kompitu minnu nnifsu diffiċli, b'mod partikolari minħabba n-natura mhux lineari fit-tul tat-trasformazzjoni politika fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll minħabba n-natura ta' sikwit kunfidenzjali tal-attivitajiet involuti;

J.  billi t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-midja soċjali saru strumenti importanti fil-ġlieda kontra d-demokrazija u għalhekk għandu jkollhom post prominenti fl-aġenda tal-assistenza għad-demokrazija Ewropea;

K.  billi mit-30 ta' Ġunju 2015, l-EED ffinanzja 186 inizjattiva, li jammontaw għal 'l fuq minn EUR 5,2 miljun fil-Viċinat tan-Nofsinhar u 'l fuq minn EUR 5,3 miljun fil-Viċinat tal-Lvant u lil hinn;

L.  billi l-EED jibbenefika minn forma unika ta' kofinanzjament li permezz tiegħu l-baġit amministrattiv huwa fornut mill-Kummissjoni, filwaqt li l-attivitajiet fuq il-post huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u mill-pajjiżi terzi;

Evalwazzjoni ġenerali

1.  Jilqa' r-riżultati pożittivi milħuqa s'issa mill-EED minkejja l-ambjent internazzjonali diffiċli attwali, u jqis li l-EED qiegħed jissodisfa l-objettiv ewlieni tiegħu li "jrawwem u jinkoraġġixxi d-demokratizzazzjoni u d-demokrazija fonda u sostenibbli f'pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni politika u f'soċjetajiet li qegħdin jitħabtu favur id-demokratizzazzjoni"(16), inkluż permezz ta' "appoġġ għal min mhuwiex megħjun" permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-promozzjoni ta' djalogu fid-diversità u nonvjolenza, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni soċjali u politika u jitħarsu l-attivisti u l-ġurnalisti li, lokalment, jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw u jħaffu t-tnedija ta' proċess demokratiku, li jagħmel lill-ġustizzja aktar aċċessibbli;

2.  Jirrikonnoxxi b'sodisfazzjon li minkejja l-perjodu qasir ta' attività u l-fondi limitati, u l-isfidi inerenti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet ta' appoġġ għad-demokrazija, l-EED qiegħed jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u jagħti valur miżjud lill-appoġġ eżistenti tal-UE għad-demokrazija permezz ta' finanzjament aktar veloċi, flessibbli, minn isfel għal fuq u mmexxi mid-domanda mogħti direttament lill-benefiċjarji b'mod finanzjarjament effiċjenti li jikkomplementa mezzi oħra tal-UE, minħabba piż amministrattiv baxx u proċeduri sempliċi stabbiliti għall-EED mill-Bord tiegħu;

3.  Huwa tal-fehma li, bħala modalità ta' appoġġ għad-demokrazija, l-EED ilu jgħin biex jonqos ir-riskju kemm politiku kif ukoll personali;

4.  Jenfasizza l-appoġġ sħiħ u kontinwu tiegħu għall-isforzi tal-UE li għandhom aktar minn element wieħed li jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-movimenti soċjali u l-attivisti tad-dinja kollha; itenni l-importanza li tiġi evitata d-duplikazzjoni u li tkompli tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-attivitajiet tal-EED ma' strumenti finanzjarji esterni tal-UE eżistenti, b'mod speċjali l-EIDHR u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), peress li kollha kemm huma għandhom l-għan li jippromovu prinċipji demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-viċinat tal-UE;

5.  Jilqa' l-involviment konsistenti tal-EED favur il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-libertà tal-midja, il-bini u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-pluraliżmu soċjali u politiku, impenn li huwa maħsub biex jappoġġa l-iżvilupp ta' reġimi demokratiċi kemm fil-viċinat tal-Lvant kif ukoll f'dak tan-Nofsinhar;

6.  Huwa tal-fehma li l-inizjattivi li ħa l-EED taw prova tal-kapaċità unika tiegħu li jgħaqqad jew jimla l-lakuni f'każijiet fejn kien impossibbli li jinkiseb finanzjament minn Stati Membri tal-UE jew pajjiżi li mhumiex fl-UE;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ olistiku biex jappoġġaw it-tranżizzjoni politika u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-ġustizzja, it-trasparenza, is-sens ta' responsabilità, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż korpi leġiżlattivi;

Finanzjament

8.  Jistieden lill-partijiet fundaturi tal-EED, b'mod speċjali lill-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni, biex jikkontribwixxu, jew iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, għall-EED f'konformità mal-impenji li daħlu għalihom;

9.  Ifakkar li, sas-26 ta' April 2015, dawn il-pajjiżi wiegħdu u kkontribwixxew għall-EED: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera, filwaqt li t-12-il Stat Membru l-oħra għadhom m'għamlux dan;

10.  Jenfasizza li, sabiex l-effikaċja tal-EED tiġi sostnuta u żviluppata aktar, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament fit-tul, suffiċjenti, stabbli, trasparenti u prevedibbli;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir jikkunsidraw il-valur miżjud tal-EED matul ir-rieżami li għadu kemm tnieda tal-PEV, u jirriflettu fuq modi kif jipprovdu finanzjament sostenibbli lill-EED;

12.  Jistieden lill-Belġju li tal-inqas jivvaluta il-possibbiltà li jirritorna parti mid-dħul mit-taxxa jew id-dħul mit-taxxa kollu li rċieva mill-EED u l-impjegati tiegħu, f'forma ta' finanzjament għall-proġetti tal-EED; ifakkar li l-EED jaħdem bħala fondazzjoni privata skont id-dritt Belġjan;

13.  Jilqa' l-kontributi finanzjarji mit-Tramuntana, mill-Ewropa ċentrali u minn xi Stati Membri tan-Nofsinhar; jistieden lill-bqija tal-Istati Membri tan-Nofsinhar, li xi wħud minnhom għandhom rabtiet storiċi, ekonomiċi jew kulturali partikolarment mill-qrib mal-viċinat tan-Nofsinhar, jagħmlu sforz partikolari biex jikkontribwixxu għall-EED permezz ta' finanzjament jew sekondar;

14.  Jilqa' l-kontributi finanzjarji li l-EED rċieva mis-sħab tal-UE bħall-Iżvizzera u l-Kanada; iħeġġeġ lill-Istati l-oħra, b'mod speċjali lill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), jappoġġaw lill-EED;

15.  Jistieden lid-donaturi kollha tal-EED jiżguraw awtonomija sħiħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-EED fl-għażla tal-benefiċjarji abbażi tal-pjan ta' ħidma approvat mill-Bord tal-Gvernaturi, u jappella għat-tmiem ta' allokazzjoni ta' fondi mid-donaturi għal pajjiżi jew proġetti partikolari;

Kapaċità tar-riżorsi umani

16.  Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-segretarjat tal-EED, li jkun rifless f'riżorsi umani adegwati li jippermettu lill-EED ilaħħaq mal-kompiti l-ġodda tiegħu;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu segwitu għall-interess li esprimew fl-issekondar ta' esperti nazzjonali għas-segretarjat tal-EED;

Espansjoni ġeografika tal-mandat tal-EED u bilanċ Lvant-Nofsinhar

18.  Jilqa' t-tneħħija tal-limitazzjoni ġeografika inizjali tal-EED, kif adottata fil-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi fit-3 ta' Diċembru 2014;

19.  Ifaħħar lill-EED talli żamm bilanċ ġeografiku fil-finanzjament tal-proġetti tiegħu bejn il-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

Għotjiet u benefiċjarji

20.  Iqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat finanzjament sostenibbli lill-benefiċjarji tal-EED fuq medda twila billi jissaħħu r-rabtiet komplementari ma' donaturi bilaterali oħra u ma' strumenti Ewropej ta' finanzjament estern, b'mod partikolari l-EIDHR, li – fejn xieraq – jistgħu jieħdu appoġġ finanzjarju għal perjodu medju għal benefiċjarji "maturi" tal-EED, u għal dan l-għan:

   (a) jistieden lill-EED u lill-Kummissjoni jistabbilixxu grupp ta' kuntatt bil-għan li jiġi identifikat l-aħjar mod kif benefiċjarji tal-EED jimxu għal appoġġ finanzjarju tal-EIDHR; u
   (b) jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jressqu proposti speċifiċi għal mekkaniżmi intiżi li jipprogrammaw l-interfaċċja u l-kooperazzjoni mal-EED, sabiex tkun żgurata l-koerenza u s-sostenibbiltà fuq perjodu itwal;

21.  Jistieden lill-EED jkompli jimpenja ruħu b'mod attiv f'pajjiżi fejn l-ispazju għal appoġġ estern lis-soċjetà ċivili huwa mxekkel b'mod serju jew fejn il-finanzjament mill-Istat huwa diskriminatorju u riservat biss għal ċerti organizzazzjonijiet jew soċjetajiet ċivili; jappoġġa l-isforzi tal-EED li jeżaminaw mezzi innovattivi għall-appoġġ ta' aġenti għal bidla, b'mod partikolari f'ambjent politiku diffiċli;

22.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Bord ikompli jappoġġa lill-attivisti politiċi demokratiċi u jipprovdi finanzjament għal proċessi politiċi inklużivi; huwa tal-fehma li l-EED għandu jimpenja ruħu ma' u jappoġġa l-ħolqien u l-konsolidament tal-partiti politiċi b'impenn ċar favur il-prinċipji demokratiċi, fi sħubija mal-fondazzjonijiet politiċi eżistenti kull meta jkun possibbli;

23.  Jilqa' l-Linji gwida tal-EED dwar il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni; jisħaq, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida għandha tkun proporzjonata mad-daqs u l-kapaċità tar-riżorsi umani tal-EED;

24.  Iħeġġeġ lill-EED jkompli jirreaġixxi għal teknoloġiji ġodda billi jintegra l-appoġġ għat-teknoloġija fl-għotjiet tiegħu;

25.  Jilqa' l-għotjiet tal-EED offruti lill-atturi Ukreni, li huma ta' eżempju tajjeb ta' appoġġ rapidu lill-attivisti politiċi u ċiviċi li wara jsiru rappreżentanti eletti demokratikament; jilqa' l-appoġġ offrut mill-EED lill-attivisti kollha favur id-demokrazija fil-viċinat tal-UE, li huwa maħsub li jsostni l-iżvilupp ta' reġimi demokratiċi konsolidati;

26.  Jilqa' l-għotjiet tal-EED offruti lill-attivisti fi wħud mill-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, billi dawn juru l-valur miżjud tax-xogħol tal-EED favur id-demokrazija b'mod partikolari f'ambjenti ostili;

27.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-EED jpoġġi enfasi aktar b'saħħitha fuq il-gruppi soċjalment esklużi jew politikament emarġinati, billi jappoġġa, fost oħrajn, lill-movimenti tan-nisa bl-għan li jippromwovi d-drittijiet tan-nisa u jżid il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika, lill-minoranzi etniċi u lingwistiċi, lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, lill-minoranzi reliġjużi ppersegwitati u lill-attivisti ċiviċi marbuta ma' komunitajiet reliġjużi, flimkien ma' movimenti tal-bażi, movimenti vulnerabbli jew politiċi emerġenti, trade unions, bloggers u attivisti ta' midja ġdida;

28.  Jistieden lill-EED jiżviluppa, jekk u meta rilevanti, kooperazzjoni ma' gruppi ta' attivisti ċiviċi marbuta ma' komunitajiet reliġjużi, inklużi minoranzi reliġjużi ppersegwitati; ifakkar li l-knisja żvolġiet rwol kruċjali fl-oppożizzjoni għar-reġimi komunisti u fil-proċessi ta' trasformazzjoni demokratika fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

29.  Iħeġġeġ lill-EED jintensifika l-appoġġ tiegħu għal mexxejja żgħażagħ emerġenti u lir-rappreżentanti nisa, żgħażagħ jew ta' minoranzi, li għadhom kemm ġew eletti f'pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni politika;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu għajnuna finanzjarja lill-midja u lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-EED; jirrimarka li żviluppi reċenti bħar-restrizzjonijiet imposti fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ir-repressjoni tal-oppoziżżjoni politika u kampanji ta' diżinformazzjoni aggressivi mmirati minn midja kkontrollata mill-Istat jidhru li qegħdin iservu l-iskop li deliberatament joħolqu art fertili għal klima politika estremament nazzjonalistika kkaratterizzata minn retorika antidemokratika, repressjoni u diskors ta' inċitament għall-mibegħda;

Kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-EED

31.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-ewwel rapport annwali tal-EED lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, skont l- Artikolu 8(4) tal-Istatuti tal-EED; jenfasizza l-importanza li dan l-eżerċizzju jseħħ fuq bażi annwali, u jenfasizza li din hija opportunità tajba sabiex isir rendikont u jiżviluppaw sinerġiji ġodda;

32.  Jappella għal rabtiet effikaċi bejn l-EED, il-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG), u l-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet permanenti rilevanti; iħeġġeġ lill-membri tiegħu jappoġġaw lill-EED u jenfasizzaw il-ħidma tiegħu f'interventi rilevanti u matul żjarat f'pajjiżi terzi minn delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, inkluż laqgħat mal-benefiċjarji;

33.  Jappella għall-iżvilupp ta' aktar kooperazzjoni bejn l-EED, il-benefiċjarji tiegħu u n-Netwerk tal-Premju Sakharov;

34.  Jistieden lill-EED jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ tal-Parlament;

Koerenza politika u koordinament

35.  Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw koerenza interna u esterna ġenwin fir-rigward tal-isforzi tad-demokrazija u jirrikonoxxu r-rwol tal-EED f'dan ir-rigward;

36.  Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi fejn l-EED huwa attiv sabiex iressqu benefiċjarji potenzjali għall-attenzjoni tal-EED u jinfurmawhom dwar l-EED; iħeġġeġ lill-persunal tal-EED, min-naħa tiegħu, iżomm kuntatt mal-persunal diplomatiku rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' benefiċjarji potenzjali li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-EED, li juri rispett reċiproku lejn is-sensittività tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-partijiet kollha;

37.  Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri jikkooperaw b'mod strutturat sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-applikazzjoni għal viża għall-benefiċjarji tal-EED li jkunu mistiedna fl-Unjoni Ewropea;

38.  Jilqa' l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni intiżi li jxerrdu informazzjoni dwar l-EED fost il-persunal tagħhom, b'mod partikolari fid-Delegazzjonijiet tal-UE;

39.  Jappella għal laqgħa kull tliet snin tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED fil-livell ministerjali sabiex jirrifletti dwar il-politika tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija u dwar prijoritajiet strateġiċi futuri tal-EED;

Kooperazzjoni ma' atturi oħra ta' appoġġ għad-demokrazija

40.  Jistieden lill-EED jkompli jikkoopera ma' organizzazzjonijiet b'bażi Ewropea bħalma huma l-Kunsill tal-Ewropa, l-IDEA (l-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Għajnuna Elettorali), u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, skont l-Istatuti tal-EED;

41.  Jistieden lill-EED jrawwem kooperazzjoni ma' atturi ewlenin u organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u nazzjonali attivi fil-qasam ta' għajnuna għad-demokrazija li jew huma bbażati fl-UE jew jaħdmu f'pajjiżi fejn jopera l-EED;

42.  Iħeġġeġ lill-EED jidentifika perkorsi possibbli ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, inkluż il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Fondazzjoni Anna Lindh;

Aktar rakkomandazzjonijiet

43.  Jistieden lill-EED jkompli jiżviluppa mezzi u strumenti ġodda u innovattivi għall-għajnuna għad-demokrazija, inkluż għall-atturi politiċi jew attivisti, u jaqsam l-aħjar prattiki sabiex jaġġusta l-klima li qiegħda tikber ta' restrizzjoni f'għadd ta' pajjiżi b'reġimi awtoritarji, b'mod partikolari fir-rigward ta' midja ġdida u inizjattivi ta' bażi f'dawn il-pajjiżi; jissottolinja l-importanza, f'dan il-kuntest, tal-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi għall-pajjiżi;

44.  Jappella, f'isem l-ispirtu demokratiku tiegħu, sabiex ikun garantit li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED tirrappreżenta l-gruppi politiċi kollha, abbażi tas-sistema d'Hondt;

45.  Jilqa' s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-kisbiet tal-EED s'issa, u jqis li ż-żieda fl-enfasi tal-uniċità u tal-valur miżjud tal-EED u komunikazzjoni dwar is-suġġetti b'mod wiesa' u fuq bażi regolari jżidu l-kapaċità tal-ġbir tal-fondi tal-EED;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Fond Ewropew għad-Demokrazija.

(1) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 13.
(2) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 165.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
(5) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95.
(6) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.
(7) http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%209908%202009%20INIT
(8) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-111250-2009-INIT/mt/pdf
(9) https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/118433.pdf
(10) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/122917.pdf
(11) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/126505.pdf
(12) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131171.pdf
(13) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf
(14) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/135130.pdf
(15) http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf
(16) Artikolu 2 tal-Istatuti tal-EED – disponibbli mill-indirizz: https://www.democracyendowment.eu/about-eed/

Avviż legali