Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0689/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 17.1
CRE 09/07/2015 - 17.1

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 18.1

Testi adottati :

P8_TA(2015)0277

Testi adottati
PDF 262kWORD 78k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-abbozzi ta' liġijiet tal-Kambodja dwar l-NGOs u t-trade unions
P8_TA(2015)0277RC-B8-0689/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozzi ta' liġijiet tal-Kambodja dwar l-NGOs u t-trade unions (2015/2756(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Ġunju 2015tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' April 2015 dwar it-tieni rapport perjodiku dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Awwissu 2014 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-diversi konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), partikolarment dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (Nru 87) u d-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv (Nru 98),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-soċjetà ċivili enerġika tal-Kambodja, partikolarment l-attivisti li jaħdmu fuq il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-fondi, il-membri tat-trade unions, il-ġurnalisti u l-membri tal-partit fl-oppożizzjoni, żvolġew rwol korrettiv importanti;

B.  billi fil-5 ta' Ġunju 2015 il-Gvern tal-Kambodja approva l-abbozz ta' Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (LANGO); billi l-abbozz ta' liġi kien intbagħat lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja għal rieżami fis-16 ta' Ġunju 2015;

C.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 410 miljun; billi l-Unjoni Ewropea ssostni l-firxa wiesgħa ta' inizjattivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jwettqu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-oħrajn tal-Kambodja u osservat ukoll l-elezzjonijiet nazzjonali u muniċipali barra milli forniet sostenn favur il-proċess elettorali; billi l-Kambodja tiddependi ħafna mill-assistenza għall-iżvilupp;

D.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni ddikjara li s-soċjetà ċivili tal-Kambodja tħalliet barra mill-proċess ta' abbozzar tal-LANGO;

E.  billi bosta NGOs rinomati indikaw li l-LANGO ssegwi tentattivi preċedenti, li sussegwentement ġew irtirati bħala risposta għall-oppożizzjoni nazzjonali u internazzjonali, intiżi biex tiġi promulgata liġi li tkun timponi restrizzjonijiet inġustifikati fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni u tifrex is-sisien ġuridiċi li fuqhom tingħalaq jew tinċaħad arbitrarjament ir-reġistrazzjoni lill-NGOs li ma jgawdux mill-approvazzjoni politika, inklużi dawk li jimpjegaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

F.  billi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja u d-dritt ta' parteċipazzjoni politika fl-Artikolu 35 tal-istess Kostituzzjoni;

G.  billi d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika huwa minqux fil-Kostituzzjoni tal-Kambodja, fl-Artikolu 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

H.  billi d-dritt ta' parteċipazzjoni fl-iżvolġiment tal-affarijiet pubbliċi huwa minqux fl-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u billi l-libertà ta' assoċjazzjoni, imħarsa mill-Artikolu 22 ta' tali Patt, tirrappreżenta żieda essenzjali għal din il-parteċipazzjoni u spiss hija t-triq li twassal għaliha; billi t-trasparenza u r-responsabilità huma elementi essenzjali għal demokrazija funzjonanti;

I.  billi huwa mistenni li l-pajjiż se jitlef bejn USD 600 miljun u USD 700 miljun fi proġetti ta' żvilupp fis-sena ladarba tkun adottata l-liġi; billi l-LANGO tpoġġi restrizzjonijiet fuq il-baġits, li jkunu jheddu t-tmexxija min-naħa tal-NGOs internazzjonali ta' proġetti effikaċi f'termini ta' spejjeż;

J.  billi l-abbozz ta' liġi li tirregola t-trade unions tkun tikser id-dritt għall-organizzazzjoni u tillimita b'mod gravi d-drittijiet tat-trade unions indipendenti, inklużi dawk eżistenti; billi l-abbozz ta' liġi jistabbilixxi soll minimu irraġonevolment għoli għall-għadd ta' ħaddiema li jkollhom jissieħbu qabel ma t-trade union tkun tista' tiġi kkostitwita (20 %); billi l-abbozz ta' liġi tagħti poteri wesgħin lill-uffiċjali tal-Ministeru tax-Xogħol fir-rigward tal-approvazzjoni tal-istrajkijiet u s-sospensjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade unions fuq bażijiet debboli u mingħajr proċess ġust; billi l-abbozz ta' liġi jeskludi lill-ħaddiema nazzjonali mid-dritt li jingħaqdu fi trade union, u jistabbilixxi rekwiżit ta' litteriżmu għall-mexxejja tat-trade unions, fatt li jiddiskrimina kontra n-nisa u l-barranin, jipprojbixxi l-kuntatti mal-NGOs u jwaħħal multi ineffikaċement baxxi lil min iħaddem li jikser il-leġiżlazzjoni fil-qasam tax-xogħol;

K.  billi mill-konsultazzjoni ta' Mejju 2014 li stiednet il-parteċipazzjoni tal-gruppi lokali attivi fid-drittijiet għax-xogħol, l-awtoritajiet tal-Kambodja għadhom ma organizzawx konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-abbozzi ta' liġijiet sussegwenti; billi t-tħabbiriet perjodiċi ppubblikati fil-mezzi tal-komunikazzjoni mill-uffiċjali tal-gvern indikaw li l-liġi dwar it-trade unions se tkun promulgata fl-2015;

L.  billi madwar 5 000 NGO huma reġistrati fil-Kambodja u jfornu assistenza f'oqsma bħal ma huma d-drittijiet tal-bniedem, l-assistenza tas-saħħa, is-soċjetà ċivili u l-agrikoltura;

M.  billi fis-16 ta' Ġunju 2015 il-Prim Ministru Hun Sen, f'laqgħa mal-Ambaxxatur tal-UE, Jean-Françoi Cautain, iddikjara li l-Assemblea Nazzjonali kienet qiegħda tippjana li twettaq konsolidament tal-abbozz ta' liġi dwar l-NGOs, u esprima x-xewqa tiegħu li jinkludi lis-soċjetà ċivili u lis-sħab tal-iżvilupp fil-konsultazzjoni;

1.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirtira l-abbozz tal-LANGO;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi r-rwol leġittimu u utli li jiżvolġu s-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika huma u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku ġenerali tal-Kambodja; ifakkar li s-soċjetà ċivili hija wieħed mill-pilastri ewlenin tal-iżvilupp ta' kwalunkwe pajjiż; jisħaq fuq il-fatt li l-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs għandha toħloq ambjent favorevoli biex is-soċjetà ċivili tkompli tagħti l-kontribut tagħha għall-iżvilupp tal-Kambodja;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jirtira l-abbozz ta' liġi li tirregola t-trade unions, jiddivulga pubblikament l-abbozz attwali u jikkonsulta lill-esperti u lill-membri tat-trade unions biex isir rieżami tiegħu, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mal-konvenzjonijiet tal-ILO, partikolarment dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (Nru 87) u d-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv (Nru 98), qabel ma jerġa' jressaq l-abbozz għall-eżami;

4.  Jissekonda d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti li tali leġiżlazzjoni għandha tkun adottata biss permezz ta' proċess parteċipattiv komprensiv, biżżejjed inklużiv li jippermetti li l-partijiet interessati kollha jimpenjaw ruħhom favur is-sustanza tagħha;

5.  Jitlob li s-soċjetà ċivili u l-poplu tal-Kambodja jiġu konċessi biżżejjed żmien għar-rieżami u għall-konsultazzjonijiet dwar kwalunkwe leġiżlazzjoni, bil-għan li jkunu jistgħu jressqu l-osservazzjonijiet lir-rappreżentanti eletti tagħhom qabel ma ssir il-votazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni;

6.  Iħeġġeġ li kwalunkwe abbozz ta' leġiżlazzjoni jirrispetta l-libertajiet tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, li l-Kambodja ntrabtet li tirrispetta bis-saħħa tar-ratifika tagħha tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u ma għandix tpoġġi restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-kapaċità tas-soċjetà ċivili li topera b'mod effikaċi u liberu;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Kambodja jkompli jsaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

8.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ssostni l-appell għall-irtirar tal-abbozz tal-LANGO u tal-abbozz ta' liġi li tirregola t-trade unions kif ukoll tqajjem din il-kwistjoni mal-Gvern tal-Kambodja mill-aktar fis;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja.

Avviż legali