Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2757(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0690/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 17.2
CRE 09/07/2015 - 17.2

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 18.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0278

Testi adottati
PDF 276kWORD 90k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari l-każ ta' Yves Makwambala u Fred Bauma, żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti
P8_TA(2015)0278RC-B8-0690/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari l-każ ta' Yves Makwambala u Fred Bauma, żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti (2015/2757(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Settembru 2013(1), u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar dan is-suġġett,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2015 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Jannar 2015 tal-Mibgħuta Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-12 ta' Frar 2015 mir-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana (UA) dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tal-UA dwar il-Ħabsijiet u l-Kundizzjonijiet ta' Detenzjoni fl-Afrika dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara l-avvenimenti marbuta mal-emenda għal-Liġi Elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet irratifikata mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-1982,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari l-Artikoli 22, 23, 24 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-appell tal-"Attivisti Filimbi Ħielsa" mniedi b'aktar minn 200 grupp tad-drittijiet tal-bniedem fil-15 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bejn id-19 u l-21 ta' Jannar 2015 faqqgħu protesti madwar il-pajjiż kollu dwar abbozz ta' liġi elettorali li kienet se tippermetti l-estensjoni tal-mandat presidenzjali, liema estensjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni, u li kienet se tirrikjedi t-twettiq ta' ċensiment potenzjalment twil ħafna qabel ma jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali;

B.  billi skont l-awtoritajiet 27 ruħ mietu fil-protesti, għalkemm sorsi oħra jirrapportaw 42 każ ta' mewt, u billi 350 ruħ ġew arrestati, u xi wħud minnhom għadhom il-ħabs mingħajr proċess quddiem il-qorti, jew sfaw vittmi ta' għajbien furzat;

C.  billi matul il-protesti f'Jannar 2015 il-gvern għalaq is-servizzi tal-internet u tal-SMSes;

D.  billi, fl-aħħar mill-aħħar, il-liġi elettorali adottata mill-parlament ma kenitx tinkludi d-dispożizzjoni kontroversjali;

E.  billi, hekk kif bdew il-protesti l-awtoritajiet bdew repressjoni fuq l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-politiċi tal-oppożizzjoni li kienu pprotestaw paċifikament kontra din id-dispożizzjoni, inklużi Christopher Ngoyi, Jean-Claude Muyambo, Vano Kiboko u Cyrille Dowe, li għadhom qed jiġu detenuti għal raġunijiet li jidhru motivati politikament;

F.  billi, fil-15 ta' Marzu 2015, l-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) arrestat u żammet f'detenzjoni aktar minn 30 ruħ mingħajr akkużi waqt it-tnedija ta' Filimbi, moviment taż-żgħażagħ favur id-demokrazija, inklużi parteċipanti internazzjonali u attivisti, mużiċisti, negozjanti u ġurnalisti mir-RDK;

G.  billi l-biċċa l-kbira tal-attivisti u l-partitarji ġew rilaxxati u l-barranin tkeċċew mill-pajjiż, iżda billi Yves Makwambala u Fred Bauma għadhom qed jiġu detenuti fil-ħabs ta' Makala f'Kinshasa u huma akkużati li jappartjenu lil assoċjazzjoni li nħolqot bl-iskop li tattakka lin-nies u lill-proprjetà, tikkonfoffa kontra l-kap ta' stat u tipprova jew teqred jew inkella tbiddel ir-"reġim kostituzzjonali" u tinċita n-nies biex jużaw l-armi kontra l-awtorità statali; billi, barra minn hekk, l-awtoritajiet akkużaw ukoll lil Fred Bauma li ddisturba l-paċi, u lil Yves Makwambala li offenda lill-kap ta' stat fil-pubbliku, waqt li kienu qed jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

H.  billi l-moviment Filimbi nħoloq bħala pjattaforma maħsuba biex tħeġġeġ liż-żgħażgħ tar-RDK iwettqu d-dmirijiet ċiviċi tagħhom b'mod paċifiku u responsabbli;

I.  billi f'Marzu u April 2015, f'Goma (ir-RDK tal-Lvant), l-awtoritajiet arrestaw u mbagħad irrilaxxaw mill-anqas 15-il attivista mill-moviment taż-żgħażagħ LUCHA li kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni paċifika biex jesiġu r-rilaxx tal-kollegi tagħhom detenuti f'Kinshasa; billi erbgħa minn dawn l-attivisti qed jiffaċċjaw akkużi ta' inċitament għad-diżubbidjenza kontra l-awtorità pubblika;

J.  billi fis-27 ta' Marzu 2015 l-Assemblea Nazzjonali tar-RDK waqqfet missjoni ta' informazzjoni parlamentari biex tiġbor informazzjoni u tirrapporta dwar l-arresti; billi din il-missjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li ma kien hemm ebda evidenza li l-mexxejja u l-parteċipanti Filimbi kienu involuti fi kwalunkwe attakk terroristiku jew delitti vjolenti oħra, jew li kienu qed jippjanaw tali attakki jew delitti, u appellat sabiex tinsab soluzzjoni politika għar-rilaxx immedjat tagħhom;

K.  billi, fil-15 ta' Ġunju 2015, 14-il organizzazzjoni internazzjonali u 220 organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem tar-RDK appellat għar-rilaxx immedjat u inkondizzjonat taż-żewġ attivisti;

L.  billi, f'dan il-kuntest, instab qabar tal-massa b'madwar 421 ġisem f'Maluku, madwar 80 km miċ-ċentru ta' Kinshasa;

M.  billi l-Ministru għall-Ġustizzja reċentement ammetta li s-sistema tal-ġustizzja tar-RDK hija mifnija b'ħafna problemi, inklużi l-klijenteliżmu, l-abbuż mill-influwenza, il-korruzzjoni, l-impunità u l-inġustizzja f'deċiżjonijiet ġudizzjarji;

N.  billi l-libertà tal-istampa hija limitata minn theddid u attakki kontra l-ġurnalisti, u ħafna mill-midja ngħalqu jew ġew iċċensurati illegalment;

O.  billi l-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss huma skedati għal Novembru 2016, b'aġenda diffiċli fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħhom;

P.  billi s-soċjetà ċivili kellha rwol importanti fir-RDK fil-kuntest tat-tranżizzjoni politika tal- 2003, l-elezzjonijiet tal-2006 u l-2011, ir-reviżjoni tal-kuntratti tal-minjieri, is-sospensjoni tar-RDK fl-2013 mill-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, u l-abbozzar tal-Liġi Elettorali tal-2013 u tal-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza sesswali;

Q.  billi r-reazzjoni tal-gvern għall-impenn tas-soċjetà ċivili hija tentattiv biex l-attivisti u l-organizzazzjonijiet ta' protezzjoni jiġu trattati bħall-oppożizzjoni politika bil-għan li jdgħajjifhom;

R.  billi f'Ġunju 2014, l-UE bagħtet missjoni elettorali ta' segwitu li indikat il-ħtieġa li jiġi aġġornat ir-reġistru elettorali, il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fost il-kandidati u l-ħtieġa li jissaħħu l-protezzjoni tal-libertajiet pubbliċi, is-sistema tat-tilwim elettorali u l-ġlieda kontra l-impunità;

S.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-RDK, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, il-pulizija u l-armata;

1.  Jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-vjolenza arbitrarja kontra d-dimostranti matul il-protesti ta' Jannar 2015, kif ukoll l-arresti ta' tali dimostranti, flimkien mar-repressjoni tal-attivisti u tal-avversarji politiċi, b'mod partikolari l-avvenimenti li seħħew matul it-tnedija tal-moviment Filimbi f'Marzu 2015;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jirrilaxxaw lil Yves Makwambala u lil Fred Bauma immedjatament u inkondizzjonatament, u li jirrevokaw l-akkużi kollha kontrihom u kontra mexxejja Filimbi oħrajn kif ukoll kwalunkwe attivista ieħor, il-priġunieri tal-kuxjenza u l-avversarji politiċi arrestati u detenuti b'mod arbitrarju biss għall-fehmiet politiċi tagħhom jew talli ħadu sehem f'attivitajiet paċifiċi;

3.  Jappoġġa l-appelli tal-Assemblea Nazzjonali tar-RDK biex tintlaħaq malajr soluzzjoni politika li tippermetti lill-membri ta' Filimbi u ta' assoċjazzjonijiet paċifiċi tas-soċjetà ċivili oħra jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni mingħajr il-biża' li jiġu segwiti jew ippersegwitati;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li d-detenuti ma kinux, u mhumiex, soġġetti għal kwalunkwe att ta' tortura jew trattament ħażin, u jiggarantixxu l-protezzjoni sħiħa u l-aċċess għall-familji u l-avukati tagħhom;

5.  Iqis li l-fatt li l-ANR żammet lid-detenuti bla akkuża għal aktar minn 48 siegħa, ċaħdithom mill-aċċess għall-assistenza ġuridika u mingħajr ma ressqithom quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, jippreżenta vjolazzjoni sfaċċata tad-drittijiet garantiti permezz tal-kostituzzjoni tar-RDK;

6.  Jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti mill-Gvern tar-RDK, flimkien mas-sħab internazzjonali, dwar l-avvenimenti ta' Jannar u Marzu 2015, u li kwalunkwe azzjoni illegali jew ċaħda tad-drittijiet jew tal-libertajiet jiġu identifikati; jinsisti li kull uffiċjal suspettat li huwa responsabbli għall-ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet iggarantiti minn testi nazzjonali u internazzjonali jeħtieġlu jitressaq quddiem il-ġustizzja;

7.  Huwa mħasseb ferm dwar it-tentattivi kontinwi maħsuba biex jillimitaw il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u dwar iż-żieda fil-ksur ta' dawn il-libertajiet mill-awtoritajiet, minħabba li l-klima politika adatta hija indispensabbli biex jinkiseb ċiklu elettorali b'suċċess fir-RDK fis-sena li jmiss;

8.  Jiddispjaċih b'mod partikolari li dawn il-vjolazzjonijiet jimmiraw speċifikament għall-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-movimenti taż-żgħażagħ;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jiżguraw li l-libertajiet imsemmija hawn fuq jiġu rispettati immedjatament u inkondizzjonatament, partikolarment fil-perjodu elettorali, kif iggarantit mill-kostituzzjoni tar-RDK u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10.  Ifakkar li r-rispett għad-diversità u l-oppożizzjoni politiċi, dibattitu politiku miftuħ u paċifiku, u l-eżerċizzju sħiħ tal-libertajiet kostituzzjonali ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika, ta' assoċjazzjoni u ta' informazzjoni huma indispensabbli sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet demokratiċi li huma kredibbli, inklużivi, paċifiċi u f'waqthom; jinsisti li dawn il-garanziji huma ta' importanza kbira b'mod partikolari fir-reġjun volatili tal-Lagi l-Kbar u jiddependu wkoll mill-implimentazzjoni b'suċċess tal-Ftehim ta' Paċi, Sigurtà u Kooperazzjoni ta' Addis Ababa; jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Mibgħuta Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

11.  Jinkoraġġixxi lill-parlament u lis-senat tar-RDK, u lill-President tagħha, Joseph Kabila, jimplimentaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonsolidaw id-demokrazija u jiżguraw parteċipazzjoni ġenwina fil-governanza tal-pajjiż mill-forzi politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u l-movimenti favur id-demokrazija li jesprimu r-rieda tan-nazzjon tar-RDK, abbażi tar-regoli kostituzzjonali u ġuridiċi kif ukoll f'elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

12.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi bħal Filimbi li jippermettu lill-forzi favur id-demokrazija jinstemgħu, u jiffavorixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċess elettorali li ġew esklużi minnu b'mod inġust;

13.  Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikoli 11(b), 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

14.  Jinsisti li n-natura u l-ammont ta' aktar appoġġ mill-UE għall-proċess elettorali fir-RDK irid jiddependi mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE tal-2011 u l-missjoni ta' segwitu tal-2014, fir-rispett għall-kalendarju elettorali u fil-preżentazzjoni ta' baġit kredibbli;

15.  Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE timmonitorja l-iżviluppi u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-RDK jasserixxu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe strumentalizzazzjoni politika u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti minn strumenti ġuridiċi, bħall-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust;

17.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jieqfu jimminimizzaw is-sinifikat tal-qabar tal-massa qrib Kinshasa, u jtenni l-appell tal-UE u tan-NU għal investigazzjoni urġenti, trasparenti u kredibbli biex il-familji tal-persuni nieqsa jħossu ruħhom assigurati u biex jintemmu d-diversi allegazzjonijiet;

18.  Jiddenunzja l-għeluq illegali u ċ-ċensura abbużiva tal-midja, kif ukoll l-għeluq temporanju tat-telekomunikazzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0388.

Avviż legali