Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2766(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0707/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 17.4
CRE 09/07/2015 - 17.4

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 18.4
CRE 09/07/2015 - 18.4

Testi adottati :

P8_TA(2015)0280

Testi adottati
PDF 262kWORD 78k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni taż-żewġ pastors Insara fis-Sudan
P8_TA(2015)0280RC-B8-0707/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni taż-żewġ pastors Insara fis-Sudan (2015/2766(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-esperti dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-19 ta' Mejju 2014 maħruġ skont il-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,

–  wara li kkunsidra il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Reliġjon u ta' Twemmin tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-pjan nazzjonali tas-Sudan għad-drittijiet tal-bniedem adottat fl-2013, ibbażat fuq il-prinċipji tal-universalità u l-ugwaljanza tal-persuni kollha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007, 63/168 tat-18 ta' Diċembru 2008, 65/206 tal-21 ta' Diċembru 2010, 67/176 tal-20 ta' Diċembru 2012 u 3/69 tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-kwistjoni ta' moratorju fuq l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, li fihom appellat lil dawk il-pajjiżi fejn il-piena kapitali għadha teżisti biex jistitwixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bl-għan li tiġi abolita,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Pastor Michael Yat tal-Knisja Evanġelika Presbiterjana tas-Sudan t'Isfel ittieħed f'kustodja mis-Servizz ta' Intelligence Nazzjonali tas-Sudan (NISS) wara li ppriedka fil-Knisja tat-Tramuntana ta' Khartoum, fergħa tal-Knisja Evanġelika Presbiterjana tas-Sudan, waqt żjara fis-Sudan fil-21 ta' Diċembru 2014; billi ġie arrestat minnufih wara priedka li fiha allegatament ikkundanna l-bejgħ kontroversjali ta' art u proprjetà tal-knisja u t-trattament tal-Insara fis-Sudan;

B.  billi Pastor Peter Yen Reith ġie arrestat fil-11 ta' Jannar 2015 wara li bagħat ittra lill-Uffiċċju Sudaniż għall-Affarijiet Reliġjużi li fiha saqsa dwar Pastor Michael u talab aktar informazzjoni dwar l-arrest tiegħu;

C.  billi ż-żewġ irġiel inżammu incommunicado sal-1 ta' Marzu 2015, u fl-4 ta' Mejju 2015 t-tnejn li huma ġew akkużati b'diversi reati skont il-Kodiċi Kriminali tas-Sudan tal-1991 inklużi; atti kriminali konġunti (Artikolu 21), id-dgħajfien tas-sistema kostituzzjonali (Artikolu 51), gwerra kontra l-istat (Artikolu 50), spjunaġġ (Artikolu 53), il-kisba jew l-iżvelar illegali ta' dokumenti uffiċjali (Artikolu 55), l-inċitazzjoni għall-mibegħda (Artikolu 64), l-istorbju fil-pubbliku (Artikolu 69) u d-dagħa (Artikolu 125);

D.  billi l-akkużi bbażati fuq l-Artikoli 50 u 53 tal-Kodiċi Krimnali tas-Sudan għandhom il-piena tal-mewt f'każ li wieħed jinstab ħati;

E.  billi fl-1 ta' Lulju 2015 l-awtoritajiet Sudaniżi marru jeqirdu parti mill-kumpless tal-Knisja Evanġelika ta' Bahri; billi l-avukat tal-knisja, Mohamed Mustafa, li huwa wkoll l-avukat taż-żewġ pastors arrestati, u Pastor Hafez tal-Knisja Evanġelika ta' Bahri lmentaw li l-impjegat tal-gvern kien qed jeqred il-parti żbaljata tal-kumpless; billi t-tnejn ġew arrestati talli fixklu lil impjegat taċ-ċivil fil-qadi ta' dmirijietu; billi l-uffiċjal tal-gvern kompla jeqred il-parti żbaljata tal-kumpless;

F.  billi t-theddidiet kontra mexxejja tal-knisja, l-intimidazzjoni tal-komunitajiet Insara u l-qerda ta' proprjetà tal-knisja komplew b'pass mgħaġġel fis-Sudan wara s-seċessjoni tas-Sudan t'Isfel fl-2011;

G.  billi 12-il tfajla Nisranija mill-Muntanji Nuba ġew arrestati nhar il-25 ta' Ġunju 2015 waqt li kienu qed jitilqu minn knisja Battista u ġew akkużat li kienu lebsin indeċenti; billi tnejn minnhom ġew rilaxxati mingħajr akkużi l-għada u l-10 l-oħra ġew rilaxxati fuq pleġġ;

H.  billi t-tfajliet Insara se jkollhom jidhru quddiem qorti, peress li qed jiġu akkużati taħt l-Artikolu 152 tal-kodiċi penali li jaqra: "Min jagħmel f'post pubbliku att indeċenti jew att li jmur kontra l-morali pubblika jew jilbes ħwejjeġ oxxeni jew kontra l-morali pubblika jew jikkawża fastidju lis-sentiment pubbliku għandu jiġi kkastigat bi swat li ma jistax jaqbeż l-erbgħin daqqa ta' frosta jew b'multa jew bit-tnejn li huma";

I.  billi l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li s-Sudan irratifika, tinkludi d-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni tat-tortura u ta' kastig u trattament krudili, inumani jew degradanti, iżda billi l-piena tal-mewt, kif ukoll l-amputazzjoni, is-swat bil-frosta u forom oħra ta' kastigi korporali, għadhom qed jitwettqu fil-pajjiż għal numru ta' reati;

J.  billi l-istabbiliment ta' moratorju universali fuq il-piena tal-mewt bl-għan tal-abolizzjoni totali tagħha jrid jibqa' wieħed mill-objettivi ewlenin tal-komunità internazzjonali, kif imtenni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2014;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jirtiraw l-akkużi kollha kontra Pastor Michael Yat u Pastor Peter Yen Reith u jitlob ir-rilaxx immedjat u bla kundizzjoni tagħhom; sadattant, jistieden lill-Gvern tas-Sudan jiżgura li sakemm jiġu rilaxxati ż-żewġ pastors ma jkunux soġġetti għal tortura jew għal forom oħra ta' trattament ħażin u li l-integrità fiżika u mentali tagħhom tiġi rispettata kif xieraq;

2.  Jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Sudan timmonitorja l-proċedimenti fil-qorti u tagħti assistenza lill-pastors; jistieden lill-UE teżerċita rwol ta' tmexxijja billi tagħmel enfasi fuq, u tikkundanna, il-ksur serju u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-pajjiż;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sudaniżi dwar l-obbligi tagħhom f'livell nazzjonali u internazzjonali li jħarsu l-liberta' ta' reliġjon u ta' twemmin; itenni li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza u twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza u intimidazzjoni li jxekklu d-dritt li persuna jkollha jew ma jkollhiex, jew li tadotta, reliġjon tal-għażla tagħha, inkluż l-użu ta' theddid, forza fiżika jew sanzjonjiet penali biex min jemmen jew ma jemminx jinġiegħel jiċħad ir-reliġjon tiegħu jew jikkonverti;

4.  Jikkundanna l-arresti tat-12-il tfajla Nisranija; jappella lill-Gvern tas-Sudan biex itemm il-proċedimenti kontra l-10 tfajliet li għadhom iridu jiġu liberati minn kull għemil ħażin;

5.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan jirrevoka l-leġiżlazzjoni kollha li toħloq diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, jipproteġi l-identità tal-gruppi ta' minoranza, fosthom dik tat-twemmin kollu;

6.  Jikkundanna l-fastidju tal-Insara u l-indħil fl-affarijiet tal-knisja; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan ma jibqax jagħmel dan; jistieden lis-Sudan jirrevoka l-liġijiet dwar l-apostasija u ma jibqax jagħlaq il-knejjes u siti reliġjużi oħra;

7.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema ġuridika tal-pajjiż, b'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex iħares id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u biex jiżgura il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu, b'mod partikolari fir-rigward tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-minoranzi reliġjużi u l-gruppi żvantaġġati;

8.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkustanzi kollha u l-ħtieġa li jiddaħħal moratorju fid-dinja kollha bl-għan tal-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tas-Sudan, għaldaqstant, biex jabolixxi l-piena tal-mewt, kif ukoll il-prattika tas-swat bil-frosta, li għadha fis-seħħ, u biex jikkommuta s-sentenzi tal-mewt eżistenti;

9.  Huwa mħasseb ħafna dwar ir-ripressjoni dejjem tiżdied tal-membri tal-oppożizzjoni, jikkundanna bill-qawwa d-deċiżjoni tal-qorti ta' Oumdourman tas-6 ta' Lulju 2015 li kkundannat lill-Mastour Ahmed Mohamed, il-viċi president tal-Kungress Partit u tnejn mill-mexxejja tagħha: Assem Omar u Ibrahim Mohamed għal 20 daqqa bil-frosta b'effett immedjat; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li qed isiru, b'mod partikolari min-NU, l-UE, l-Unjoni Afrikana u t-trojka (in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti), biex tinstab soluzzjoni nnegozjata għas-sitwazzjoni fis-Sudan u biex jiġu appoġġati l-isforzi tas-soċjetà ċivili u tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jippromwovu proċess ta' paċi inklużiv;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza