Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2254(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0230/2015

Testi mressqa :

A8-0230/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 21
CRE 07/09/2015 - 21

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0286

Testi adottati
PDF 971kWORD 398k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE (2013-2014)
P8_TA(2015)0286A8-0230/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2013-2014) (2014/2254(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–  wara li kkunsidra, fost l-oħrajn, l-Artikolu 2, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(3) u l-Artikoli 6, 7 u 9 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-paragrafu 7 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'l isfel imsejħa "il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra t-trattati tan-NU dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità, li ġiet adottata fi New York fit-13 ta’ Diċembru 2006 u ratifikata mill-UE nhar it-23 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal: Nru 7 (2005) dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-ewwel snin tat-tfulija, Nru 9 (2006)dwar id-drittijiet tat-tfal b'diżabilità, Nru 10 (2007) dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni, Nru 12 (2009) dwar id-dritt tat-tfal li jiġu mismugħa, Nru 13 (2011) dwar id-dritt tat-tfal għall-ħelsien minn kull forma ta' vjolenza u Nru 14 (2013) dwar id-dritt tat-tfal li l-aħjar interessi tagħhom jittieħdu bħala kunsiderazzjoni ewlenija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(1) u tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"(2), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Cephas Lumina, Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar l-effetti tad-dejn barrani u obbligi finanzjarji internazzjonali oħra relatati tal-Istati fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha, b'mod partikolari d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali (Addendum, Mission to Greece, UN A/HRC/25/50/Add.1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, ippubblikat f’April 2013, bl-isem "Management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta’ Ġunju 2014 li titlob li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma intergovernattiv indefinit bil-għan li jitfassal “strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem”.

–  wara li kkunsidra l-linji gwida strateġiċi għall-istabbiliment ta’ spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja adottati mill-Kunsill Ewropew fis-27 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, li ġiet riveduta fl-1996, u l-ġurisprudenza tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(4),

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta’ direttivi dwar id-Drittijiet tad-Difiża Proċedurali fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(6),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjah, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt, adottati fis-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta ' merkanzija u servizzi(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar “public access to European Parliament, Council and Commission documents” (l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni)(13),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-każistika tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, li għalihom il-Karta hija wieħed mid-dokumenti ta' riferiment tagħhom fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ppreżentati mill-President Juncker lill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Ġenerali) (COM(2012)0011),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u l-moviment liberu ta' dik id-dejta (COM(2012)0010),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 – 2016 (COM(2012)0286), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(14),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 (COM(2011)0173) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Passi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom” (COM(2013)0454),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni (COM(2014)0038) maħruġ mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar il-programmi ta’ detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-aħħar waħda, jiġifieri dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-migrazzjoni, b'mod partikolari dik l-aktar riċenti datata s-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u politiki kontra d-diskriminazzjoni f’Ewropa akbar(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(22),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE(23), li fiha ta istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq inkjesta fid-dettall dwar din il-kwistjoni, u wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(24);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA(25),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta’ estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar it-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012(28) u tal-10 ta’ Ottubru 2013(29) dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċentru ta' detenzjoni tal-Bajja ta’ Guantanamo;

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: Regoli komuni għal-libertà tal-midja fl-UE kollha(30),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2013 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-abbozz ta' ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ April 2014 fil-kawżi konġunti C-293/12 u C/594/12 (Digital Rights Ireland u Seitlinger u Oħrajn), li annullat id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ ta’ Frans Timmermans quddiem il-Parlament fis-7 ta’ Ottubru 2014 u d-dehra tiegħu waqt is-seduta tal-Parlament tal-11 ta’ Frar 2015,

–   wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ ta’ Dimitris Avramopoulos quddiem il-Parlament fit-30 ta’ Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konferenza annwali tal-10 ta' Novembru 2014 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar it-tema "Id-Drittijiet Fundamentali u l-Migrazzjoni lejn l-UE" u b'mod partikolari l-focus paper tal-FRA "Legal entry channels to the EU for persons in need of international protection: a toolbox” (Possibiltajiet ta' dħul legali lejn l-UE għall-persuni fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali: sett ta’ għodod),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u tal-FRA, u l-istħarriġiet fuq skala kbira tal-FRA dwar id-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda kontra l-Lhud fl-Istati Membri tal-UE, dwar il-vjolenza fuq in-nisa fl-UE u l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni, vjolenza u fastidju fuq persuni LGBT;

–   wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet tal-NGOs li qed jipparteċipaw fil-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali tal-FRA (FRA Fundamental Rights Platform)

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riċerka li saru minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) dwar it-tema tad-drittijiet tal-bniedem u r-riċerka mitluba f'dak il-qasam mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, b'mod partikolari l-istudju li sar mid-Dipartiment Tematiku C dwar l-impatt tal-kriżi fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-istudji tiegħu dwar l-impatt tal-kriżi fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji relatati mal-Istatus tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-"Prinċipji ta' Pariġi"), annessi mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 48/134,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)’(31),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573) u l-Gwida Operattiva fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni (SEC(2011)0567),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014)0158) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 bit-titolu "L-iżgurar tar-rispett għall-Istat tad-Dritt",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fl-2013(COM(2014)0224) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal mehmuża miegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek (COM(2013)0269),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta' Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom (COM(2014)0209), tal-Kummissjoni, u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0230/2015),

A.  billi l-integrazzjoni Ewropea seħħet parzjalment sabiex jiġi evitat li jiġu riprodotti l-konsegwenzi drammatiċi tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-persekuzzjoni u r-ripressjoni min-naħa tar-reġim Nażista, kif ukoll sabiex jiġu evitati kwalunkwe rigressjoni jew rinversament tad-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz tal-promozzjoni, ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-valuri u l-prinċipji minquxa fit-trattati tal-UE u fl-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, eċċ.) huma obbligi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, u jeħtieġ ikunu ċentrali għall-integrazzjoni Ewropea;

C.  billi dawk id-drittijiet għandhom jiġu ggarantiti għal kull persuna li tgħix fit-territorju tal-UE, inkluż b’rispons għall-abbuż u atti ta’ vjolenza mill-awtoritajiet fi kwalunkwe livell;

D.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-UE hija msejsa fuq ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranzi, il-valuri kondiviżi mill-Istati Membri kollha u li għandhom jiġu rispettati kemm mill-UE, kif ukoll mill-Istati Membri individwali, fil-politiki kollha tagħhom, kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern; billi skont l-Artikolu 17 tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

E.  billi, skont l-Artikolu 6 tat-TUE, l-UE għandha r-responsabilità li tappoġġa u tinforza d-drittijiet fundamentali fi kwalunkwe azzjoni li tieħu, irrispettivament mis-setgħat tagħha fil-qasam ikkonċernat; billi l-Istati Membri wkoll huma mħeġġa jagħmlu dan;

F.  billi r-reviżjoni tat-Trattati tal-UE hija neċessarja sabiex jiġu msaħħa l-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

G.  billi skont il-preambolu tat-TUE, l-Istati Membri kkonfermaw ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea; billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jinkludi wkoll referenza espliċita għad-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stipulati fil-Karta Soċjali Ewropea;

H.   billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet integrata kompletament fit-Trattati meta daħal fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u għaldaqstant issa hija ġuridikament vinkolanti għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE u għall-Istati Membri fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi jeħtieġ li tiġi żviluppata, imrawma u msaħħa kultura tad-drittijiet fundamentali ġenwina fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll fl-Istati Membri, partikolarment meta dawn japplikaw id-dritt tal-UE internament u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE;

I.  billi l-Artikoli 2 u 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxu d-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-persuna;

J.  billi l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kull sura ta' trattament inuman jew degradanti;

K.  billi l-importanza tad-drittijiet soċjali fundamentali hi rikonoxxuta fl-Artikoli 8, 9, 10, 19 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess kif inhi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u b’hekk hu enfasizzat il-fatt li dawk id-drittijiet, u partikolarment id-drittijiet tat-trejdunjins, id-dritt tal-istrajkjar, id-dritt tal-assoċjazzjoni u d-dritt tal-għaqda, għandhom jingħataw l-istess salvagwardji bħad-drittijiet fundamentali l-oħra rikonoxxuti mill-Karta;

L.  billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jobbliga lill-Unjoni "tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika", u l-Artikolu 21 jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa u/jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali;

M.  billi l-Artikolu 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi l-protezzjoni tal-familja fl-isfera ġuridika, f'dik ekonomika u f’dik soċjali;

N.  billi l-Artikoli 37 u 38 tal-Karta jirrikonoxxu d-dritt għal livell għoli ta' ħarsien ambjentali intrinsikament marbut mal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni;

O.  billi l-Istati Membri ma jistgħux inaqqsu l-livell tal-garanziji offruti mill-kostituzzjoni tagħhom fir-rigward ta' ċerti drittijiet bil-pretest li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew strumenti oħra tad-dritt tal-UE jipprevedu livell ta' protezzjoni inferjuri;

P.  billi huwa rikonoxxut li l-awtoritajiet nazzjonali (l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjonijiet) huma atturi ewlenin dfil-għoti ta’ effett konkret lid-drittijiet u l-libertajiet stipulati fil-Karta;

Q.  billi l-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif deskritt fit-Titolu V tat-TFUE jirrikjedi li l-UE u kull Stat Membru jirrispettaw għalkollox id-drittijiet fundamentali;

R.  billi l-persuni li huma ċittadini jew residenti jitpoġġew fiċ-ċentru tal-attenzjoni fl-UE u billi d-drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali rikonoxxuti mill-Karta mhux biss għandhom il-għan li jħarsu liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej minn kwalunkwe indħil, abbuż jew vjolenza, iżda huma wkoll prekundizzjonijiet biex jiġi żgurat l-iżvilupp personali sħiħ u seren tagħhom;

S.  billi, l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija liberali Ewropea, u huwa wieħed mill-prinċipji ta’ bażi tal-UE li joriġinaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kollha;

T.  billi l-mod li bih jiġi implimentat l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali għandu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u l-ordinament ġuridiku tagħhom, u b'hekk huwa ta' importanza vitali biex jinħoloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif deskritt fit-Titolu V tat-TFUE;

U.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u huwa ta' importanza partikolari fi ħdan l-UE minħabba li huwa wkoll prerekwiżit għar-rispett tad-drittijiet u l-obbligi kollha li jitnisslu mit-Trattati u mid-dritt internazzjonali;

V.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma involuti fi proċess globali miexi lejn objettivi ġodda ta’ żvilupp sostenibbli li taħthom id-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli u inaljenabbli;

W.  billi l-implimentazzjoni ta’ dawn il-valuri u prinċipji jeħtieġ tkun imsejsa wkoll fuq monitoraġġ effettiv tar-rispett tad-drittijiet fundamentali garantiti fil-Karta, pereżempju meta jkunu qed jiġu mfassla proposti leġiżlattivi;

X.  billi l-UE għaddejja minn perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja serja, li l-impatt tagħha, flimkien ma’ ċerti miżuri, fosthom tnaqqis drastiku fil-baġit, implimentati biex jiġi indirizzat f’xi Stati Membri, qed jolqot negattivament il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tal-UE – fejn qed naraw żieda fil-qgħad, il-faqar, l-inugwaljanzi u l-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, waqt li qed jiġi limitat l-aċċess għas-sewrvizzi u l-kwalità tagħhom – u għaldaqstant il-benessri taċ-ċittadini;

Y.  billi kważi terz tal-petizzjonijiet li jirċievi l-Parlament huma relatati ma’ allegat ksur tad-drittijiet fundamentali msemmija fil-Karta, u jinvolvu kwistjonijiet bħaċ-ċittadinanza, l-erba’ libertajiet, l-impjieg, iċ-ċirkostanzi ekonomiċi, il-ħarsien ambjentali u tal-konsumaturi, is-sistemi tal-ġustizzja, id-drittijiet tal-vot u l-parteċipazzjoni demokratika, it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, id-diżabilità, id-drittijiet tat-tfal, l-aċċess għall-edukazzjoni u d-drittijiet tal-lingwa; billi wħud minn dawk il-petizzjonijiet iqajmu mistoqsijiet relatati ma’ kwistjonijiet tas-saħħa u tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi tas-saħħa, iżda wkoll kwistjonijiet relatati mad-dritt għax-xogħol bħala konsegwenza diretta tal-kriżi ekonomika; billi l-petizzjonijiet is-soltu huma l-aktar indikaturi bikrija tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri;

Z.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni u l-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri tal-UE jikkonformaw mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bʼmod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp taʼ spazju taʼ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku;

AA.  billi sitwazzjoni ta’ qgħad, faqar jew marġinalizzazzjoni soċjali għandha konsegwenzi kbar fuq l-aċċess u l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u tfisser li nies f'pożizzjonijiet vulnerabbli bħal dawn għandhom ikomplu jkollhom aċċess għas-servizzi bażiċi, partikolarment is-servizzi soċjali u s-servizzi finanzjarji;

AB.  billi, wara l-attakki terroristiċi riċenti fit-territorju tal-UE, ċerti politiki u miżuri ta’ kontra t-terroriżmu aktarx li jikkomprometti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fl-UE; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li jinżamm bilanċ bejn is-salvagwardja tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali u t-tisħiħ tas-sigurtà; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom fit-tfassil u t-tħaddim tal-politiki ta’ sigurtà; billi l-ħtieġa u l-proporzjonalità jeħtieġ li jkunu l-prinċipji prevalenti f’dan il-qasam, sabiex iżommu lill-azzjonijiet tal-politika milli jiksru l-libertajiet ċivili;

AC.  billi eluf ta' ħajjiet qed jintilfu fuq il-Baħar Mediterran, sitwazzjoni bla preċedent, u dan jitfa’ fuq l-UE responsabbiltà enormi li tieħu azzjoni biex issalva l-ħajjiet, twaqqaf it-traffikanti tal-bnedmin, tipprovdi possibiltajiet ta’ passaġġ legali għall-migranti u tgħin u tipproteġi lill-persuni li qed ifittxu asil u lir-rifuġjati;

AD.  billi fl-2014 mietu jew għebu kważi 3 500 migrant waqt li kienu qed jippruvaw jidħlu fit-territorju Ewropew, b’mod li l-għadd totali ta’ persuni mejta u li għebu tul dawn l-aħħar 20 sena tela’ għal kwazi 30 000; billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, ir-rotta migratorja lejn l-Ewropa saret l-aktar rotta perikoluża fid-dinja għall-migranti;

AE.  billi kull sena jsiru madwar elf applikazzjoni għall-asil marbuta direttament mal-mutilazzjoni ġenitali;

AF.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (Konvenzjoni ta’ Ġinevra) tal-1951 kif ukoll mill-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967;

AG.  billi l-manifestazzjonijiet ta’ nazzjonaliżmu estrem, razziżmu, ksenofobija u intolleranza għadhom ma għebux mill-komunitajiet tagħna; billi għall-kuntrarju, speċjalment wara l-attakki terroristiċi riċenti jidher li qed jiżdiedu f'ħafna Stati Membri, u jolqtu kemm lill-minoranzi tradizzjonali kif ukoll lill-komunitajiet minoritarji nazzjonali ġodda;

AH.  billi skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni; billi l-konformità mal-Kriterji ta’ Kopenħagen hija prekondizzjoni essenzjali għall-adeżjoni mal-UE; billi l-obbligi tal-pajjiżi kandidati skont il-kriterji ta’ Kopenħagen mhumiex biss rekwiżiti bażiċi ta' qabel l-adeżjoni, iżda jridu jkomplu japplikaw wara li dawn il-pajjiżi jingħaqdu mal-UE, skont l-Artikolu 2 tat-TUE; billi fid-dawl ta' dan, l-Istati Membri kollha għandhom jiġu vvalutati fuq bażi kontinwa sabiex tiġi vverifikata l-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri bażiċi tal-UE tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi, barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu gradwat u korrettiv sabiex jimtela l-vojt ta’ bejn id-djalogu politiku u ‘l-għażla nukleari’ tal-Artikolu 7 tat-TUE u sabiex tiġi indirizzata ‘d-dilemma ta’ Kopenħagen’ fi ħdan it-Trattati attwali.

AI.  billi, peress li ma hemm l-ebda punt ta’ riferiment ċar u komuni,it-tqajjim ta’ mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fi ħdan Stat Membru dan il-fatt huwa kontinwament ikkontestat fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi u istituzzjonali; billi f’kollużjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, minħabba li ma hemmx proċeduri vinkolanti, l-għadd ta’ każijiet fejn hemm inerzja permanenti u fejn it-Trattati u l-valuri Ewropej ma jiġux osservati huwa kbir wisq;

AJ.  billi d-dritt għal petizzjoni stabbilixxa rabta soda bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-Parlament Ewropew; billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej introduċiet rabta diretta ġdida bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE u tista’ ttejjeb l-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali u dawk taċ-ċittadini; billi d-drittijiet taċ-ċittadini jinkludu d-dritt għal petizzjoni bħala strument biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tagħhom stess, kif stabbilit fl-Artikolu 44 tal-Karta u l-Artikolu 227 tat-TFUE;

AK.  billi n-nisa għadhom qed jiffaċċjaw bosta suriet ta’ diskriminazzjoni fl-UE u sikwit huma vittmi ta’ vjolenza u abbuż, partikolarment dawk ta’ natura sesswali;

AL.  billi l-vjolenza kontra n-nisa hija l-aktar ksur mifrux tad-drittijiet fundamentali fl-UE u fid-dinja, li jolqot l-istrati kollha tas-soċjetà, indipendentement mill-età, il-livell ta’ edukazzjoni, id-dħul, il-pożizzjoni soċjali u l-pajjiż tal-oriġini jew residenza, u jirrappreżenta ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

AM.  billi, skont is-sejbiet ta’ stħarriġ li wettqet l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fl-2014, il-parti l-kbira tan-nisa li jisfaw vittmi tal-vjolenza ma jagħmlux rapport lill-pulizija dwar dak li jkun ġara;

AN.  billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR) huma msejsa fuq drittijiet bażiċi tal-bniedem u huma elementi essenzjali tad-dinjità tal-bniedem(32); billi l-projbizzjoni ta’ abort biex tissalva ħajja tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

AO.  billi t-traffikar u l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal huma ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dinjità tal-bniedem u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt u tad-demokrazija; billi llum il-ġurnata n-nisa huma aktar vulnerabbli għal dan it-tip ta’ riskji minħabba ż-żieda fl-inċertezza ekonomika u r-riskju ogħla ta' qgħad u ta' faqar;

AP.  billi l-vjolenza kontra n-nisa bħala forma ta’ diskriminazzjoni msejsa fuq il-ġeneru mhix inkluża espliċitament fid-dritt Ewropew, u hi preżenti biss fi tliet ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (Spanja, l-Isvezja u l-Ġermanja), bir-riżultat li mhix meqjusa bħala kwistjoni ta’ ugwaljanza sostantiva; billi l-Istati Membri jadottaw approċċ ad hoc għad-definizzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista, b’definizzjonijiet li jvarjaw ħafna fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u dan ifisser li d-data ma tistax titqabbel;

AQ.  billi l-Istati Membri m’għandhomx immunità mill-pjaga tal-mutilazzjoni ġenitali, li hu rappurtat li sfaw vittma tagħha mal-500 000 persuna fl-UE, waqt li 180 000 oħra jinsabu f’riskju li jisfaw vittmi tagħha;

AR.  billi fl-UE u l-Istati Membri għadhom iseħħu għadd kbir ta’ każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, kif jixhdu, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif jissemma fir-rapporti mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-Kunsill tal-Ewropa u n-NU, bħall-ksur tad-dritt tal-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-diskriminazzjoni istituzzjonali kontra persuni LGBTI permezz tal-projbizzjoni taż-żwiġijiet u leġiżlazzjonijiet kontra l-propoganda, u l-livelli għolja li għad fadal ta’ diskriminazzjoni u delitti ta' mibegħda mmotivati mir-razziżmu, il-ksenofobija, l-intolleranza reliġjuża, jew il-preġudizzju kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta’ persuna; billi r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Istati Membri mhumiex tal-livell meħtieġ, meta wieħed iqis il-gravità ta' dawn il-każijiet ta' ksur rikorrenti;

AS.   billi s-soċjetajiet li fihom id-drittijiet fundamentali jiġu implimentati bis-sħiħ u ssalvagwardjati għandhom aktar ċansijiet li jiżviluppaw ekonomija dinamika u kompetittiva;

AT.   billi r-Rom, l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa, għadhom qed ikunu vittmi ta’ diskriminazzjoni severa, attakki razzisti, diskors ta' mibegħda, faqar u esklużjoni;

AU.  billi l-azzjoni esterna Ewropea hija bbażata fuq l-istess prinċipji li huma sottostanti għat-twaqqif u l-iżvilupp tal-UE, jiġifieri d-demokrazija, is-solidarjetà, id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali kollha; billi fil-politiki esterni tal-UE ġew żviluppati linji gwida speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem , iżda dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-politiki interni tagħha, u dan jista' jwassal għal allegazzjonijiet ta' standards doppji; billi huwa essenzjali li l-promozzjoni mill-Unjoni tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-azzjoni esterna tagħha għandu jkollha bħala korollari politika interna robusta u sistematika ta’ monitoraġġ tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet fi ħdan l-UE nnifisha;

AV.  billi d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ skop, dak ta’ neċessità u dak ta’ proporzjonalità, anke fil-kuntest tan-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, kif ġie enfasizzat bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tas-6 ta’ April 2014 li invalidat id-Direttiva 2006/24/KE u bl-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data;

AW.  billi d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-data personali huma mnaqqxa fil-Karta u għaldaqstant huma komponent integrali tad-dritt primarju tal-UE;

AX.  billi t-teknoloġiji ġodda jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali kif preskritt fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta;

AY.  billi l-aċċess tal-massa għall-internet kompla jiftaħ jerġa’ aktar opportunitajiet għat-twettiq ta’ azzjonijiet dannużi kontra l-integrità fiżika u morali tan-nisa, permezz, pereżempju, tas-solleċitazzjoni online;

AZ.  billi l-evoluzzjoni rapida tad-dinja diġitali (inkluż iż-żieda fl-użu tal-Internet, tal-applikazzjonijiet u tan-netwerks soċjali) toħloq il-ħtieġa ta’ żieda fil-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tagħhom;

BA.  billi l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-opportunitajiet indaqs jeħtieġ jiġu żgurati għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi l-persuni li jappartienu għall-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi;

BB.  billi fl-Ewropa, skont id-WHO, mill-inqas 850 tifel u tifla ta’ inqas minn 15-il sena jmutu kull sena b’riżultat ta’ maltrattament;

BC.  billi skont stħarriġ tal-FRA dwar id-diskriminazzjoni u d-delitti ta’ mibegħda kontra persuni LGBTI, apparti d-diskriminazzjoni u l-vjolenza li tagħhom huma vittmi, kważi nofs il-persuni LGBTI kollha li wieġbu għall-istħarriġ “kienu jqisu li l-lingwaġġ offensiv dwar persuni LGBTI min-naħa tal-politikanti kien mifrux ħafna fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom”;

BD.  billi l-persuni LGBTI huma vittmi ta’ diskriminazzjoni istituzzjonali jew minħabba l-projbizzjoni tal-unjonijiet ċivili jew minħabba l-eżistenza ta’ liġijiet li jipprojbixxu d-dikjarazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali;

BE.  billi l-persuni b’diżabilità iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna forom differenti ta’ diskriminazzjoni li jżommuhom milli jeżerċitaw għalkollox id-drittijiet fundamentali tagħhom;

BF.  billi għal persuni bʼdiżabbiltà r-rata tal-faqar hi 70 % ogħla mill-medja, minn banda minħabba aċċess limitat għall-impjiegi;

BG.  billi s-sekulariżmu u n-newtralità joffru l-garanziji l-aktar effettivi ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni lejn il-komunitajiet reliġjużi differenti li jifformaw parti minn kwalunkwe stat partikolari;

BH.  billi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-operat għall-gruppi tas-soċjetà ċivili bħalma huma l-NGOs huma ċentrali għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi din il-libertà ġiet serjament mhedda permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet jew interventi diretti mill-awtoritajiet f’għadd ta’ Stati Membri;

BI.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tgħid li l-anzjani għandhom id-dritt “li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali”;

BJ.  billi, minkejja li huwa minnu li l-pieni proporzjonati għad-delitti mwettqa huma deterrent għall-ksur tad-drittijiet fundamentali, l-għan ewlieni xorta waħda jeħtieġ li jibqa’ l-prevenzjoni (permezz ta’ miżuri edukattivi u kulturali), aktar milli li jittieħdu miżuri wara li jkun seħħ il-fatt;

BK.  billi l-effikaċja ta’ istituzzjonijiet speċjalizzati bħalma huma l-istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem jew korpi tal-ugwaljanza hija importanti biex iċ-ċittadini jiġu megħjuna jinfurzaw aħjar id-drittijiet fundamentali tagħhom sal-punt li l-Istati Membri japplikaw il-liġi tal-UE;

BL.  billi d-dritt li dak li jkun jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza huwa rikonoxxut fl-Artikoli 39 u 40 tal-Karta; billi l-eżerċitar tad-dritt għall-mobilità m’għandux jostakola dan id-dritt;

BM.  billi kienet dgħajfa r-reazzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għar-revelazzjonijiet ta' Edward Snowden dwar operazzjonijiet massivi ta' spjunaġġ bl-użu tal-internet u netwerks tat-telekomunikazzjonijiet bħala parti mill-programm PRISM tal-NSA li jimmiraw ukoll fuq pajjiżi Ewropej, u billi jinsab imħassab għall-fatt li dawn naqsu li jinfurzaw miżuri biex jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej jew liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Ewropa;

1.  Iqis li huwa fundamentali li jiġi ggarantit ir-rispett sħiħ tal-valuri komuni Ewropej stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, kemm fil-leġiżlazzjoni Ewropea kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-politiki pubbliċi u l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġi rispettat għalkollox il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, inklużi l-programmi ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju, tiġi implimentata skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea (Artikolu 151 tat-TFUE);

3.  Jinnota li l-Artikolu 6 tat-TUE jirrikjedi li l-Unjoni taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; jieħu nota tal-Opinjoni 2/2013 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu l-istrumenti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi obbligu – minqux fit-Trattati – jitwettaq mingħajr dewmien żejjed; iqis li dan jeħtieġ li jsir fuq il-bażi ta’ trasparenza sħiħa, peress li se jipprovdi mekkaniżmu addizzjonali biex jiżdied ir-rispett ġenwin u biex tiġi infurzata l-protezzjoni tal-individwi kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, u biex l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu aktar responsabbli għall-azzjonijiet jew nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali;

4.   Jilqa’ l-ħatra tal-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni b’setgħat relatati mar-rispett għall-istat tad-dritt u l-Karta, u jieħu nota tal-impenn tiegħu li jinforza kif jixraq il-qafas eżistenti; jistenna li jara strateġija interna dwar id-drittijiet fundamentali li tiġi adottata fil-ġejjieni qrib, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra u b’konsultazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ rappreżentanza tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra; iqis li l-istrateġija għandha tkun imsejsa fuq l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE, u għandha tkun konsistenti mal-prinċipji u l-objettivi inkorporati fl-Artikoli 8 u 10 tat-TFUE; jiddeplora n-nuqqas ta’ rieda politika li jiġi invokat l-Artikolu 7 tat-TUE kontra l-Istati Membri responsabbli għal ksur tad-drittijiet fundamentali biex jippenalizzahom u jopera bħala deterrent;

5.   Jissottolinja l-ħtieġa li jsir użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu rispettati, protetti u promossi; jenfasizza li f'dan ir-rigward l-istrumenti kollha li hemm dispożizzjonijiet għalihom attwalment fit-Trattati jeħtieġ li jiġu applikati u implimentati b'mod urġenti;

6.  Jenfasizza li għandu jsir użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti, billi jiġu varati valutazzjonijiet u investigazzjonijet oġġettivi u jinbdew proċedimenti ta’ ksur jekk każ ikollu raġunijiet sodi;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li possibilment isiru bidliet fit-trattati bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fit-Trattati tal-UE;

8.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ġdid tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, li jirrappreżenta l-ewwel tentattiv biex jimtlew il-lakuni attwali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar il-progress li jsir f’kull stadju; iqis, madankollu, li l-qafas propost jista’ ma jkunx deterrent suffiċjenti jew effettiv meta niġu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, għax il-Kummissjoni ippreżentat dan il-Qafas fis-sura ta’ komunikazzjoni mhux vinkolanti li ma tispeċifikax meta għandu jiġi attivat il-qafas;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta u ttejjeb aktar dan il-mekkaniżmu bil-għan li:

   (a) tinkludih fl-istrateġija interna dwar id-drittijiet fundamentali, minħabba li l-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha;
   (b) tagħmel użu aħjar mill-għarfien espert tal-Kunsill tal-Ewropa u tistabbilixxi kanal ta' kooperazzjoni formali rigward kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
   (c) tiddefinixxi b'termini ċari l-kriterji ta' applikazzjoni tiegħu u tiżgura li l-implimentazzjoni proattiva u trasparenti tiegħu jirnexxilha tipprevjeni milli jseħħ ksur tad-drittijiet fundamentali; b’mod partikolari, tiddefinixxi l-kriterji għal “riskju ċar ta’ ksur” u “ksur serju u persistenti”, li jibnu inter alia fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; tikkunsidra li tistabbilixxi dawn il-kriterji b’tali mod li kull ksur jista’ awtomatikament jiskatta l-applikazzjoni tal-qafas;
   (d) tagħti bidu għal proċeduri ta’ ksur li jistgħu jwasslu wkoll għal sanzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, fil-każ li l-FRA tidentifika ksur sistemiku jew sinifikanti tal-Artikolu 2 tat-TUE;
   (e) tiżgura l-iskattar awtomatiku tal-proċedura skont l-Artikolu 7 tat-TUE, f’każ li l-proċess bi tliet stadji previst mill-qafas ma jirnexxilux jirriżolvi l-kwistjoni, filwaqt li tispeċifika liema drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru konċernat minbarra d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill, jistgħu jiġu sospiżi, sabiex tikkunsidra l-possibbiltà li jiġu imposti aktar sanzjonijiet li jiżguraw il-funzjonament effikaċi tal-qafas b’konformità mad-dritt Ewropew u d-drittijiet fundamentali;
   (f) tistipula li l-proposti leġislattivi, il-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UE, inklużi dawk tal-qasam ekonomiku u tar-relazzjonijiet esterni u l-miżuri kollha ffinanzjati mill-UE, għandhom jikkonformaw mal-Karta u ssirilhom valutazzjoni ex ante u ex post tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, kif ukoll li tinkludi pjan ta’ azzjoni proattiv li jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tal-istandards eżistenti u jidentifika l-oqsma fejn ir-riformi huma meħtieġa; f’dan ir-rigward, jemmen li l-għarfien espert indipendenti estern tal-FRA għandu jintuża bis-sħiħ mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament waqt il-leġiferazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki;
   (g) tiżviluppa, b'kooperazzjoni mal-FRA u l-korpi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri, kif ukoll bil-kontribut mill-usa' rappreżentanza tas-soċjetà ċivili, bażi tad-data li tiġbor u tippubblika d-data u r-rapporti kollha disponibbli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u fl-Istati Membri individwali;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrateġija interna msemmija hawn fuq tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu ġdid ċar u dettaljat, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali u Ewropew u jħaddan il-valuri kollha protetti permezz tal-Artikolu 2 tat-TUE, sabiex tiġi żgurata koerenza mal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija li diġà huwa applikat fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u jagħmel lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri responsabbli għall-azzjonijiet u għan-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; jemmen li dan il-mekkaniżmu għandu jippermetti l-monitoraġġ tal-osservanza tal-Istati Membri kollha tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u jiddisponi għal djalogu sistematiku u istituzzjonalizzat u f’każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri; jemmen li biex tagħmel użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha:

   (a) tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni fuq il-bażi ta’ indikaturi komuni u oġġettivi li permezz tagħhom se jitkejlu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; dawn l-indikaturi għandhom jirriflettu l-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen li jirregolaw l-adeżjoni u l-valuri u d-drittijiet preskritti fl-Artikolu 2 tat-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u għandhom jiġu mfassla abbażi tal-istandards eżistenti; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li twessa’ l-ambitu tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE biex tkopri l-valutazzjoni perjodika għal kull stat għalih tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;
   (b) tiżgura monitoraġġ kostanti, ibbażat fuq it-tabella ta’ valutazzjoni stabbilita u sistema ta’ valutazzjoni annwali tal-pajjiż, li għandhom jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mal-Kunsill u l-Parlament, tar-rispett għall-istat tad-dritt u s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li jkunu bbażati fuq data pprovduta mill-FRA, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu, u l-NGOs;
   (c) tipproponi, f’dan ir-rigward, li ssir reviżjoni tar-Regolament tal-FRA sabiex il-FRA tingħata setgħat usa’ u aktar riżorsi umani u finanzjarji, sabiex tkun tista’ timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri u tippubblika rapport annwali ta’ monitoraġġ li jkun jinkludi valutazzjoni dettaljata tal-prestazzjoni ta’ kull Stat Membru;
   (d) toħroġ twissija formali jekk, abbażi tat-tabella ta’ valutazzjoni stabbilita u r-rapport annwali ta’ monitoraġġ imsemmi hawn fuq, l-indikaturi juru li l-Istati Membri qed jiksru l-istat tad-dritt jew id-drittijiet fundamentali; din it-twissija formali għandha b’mod sistematiku tkun akkumpanjati mill-varar ta’ djalogu istituzzjonalizzat li jinvolvi – flimkien mal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat – lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat;
   (e) tikkontribwixxi lejn it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; tintensifika l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, inkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

11.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill se jorganizza dibattiti dwar l-istat tad-dritt; iqis, madankollu, li tali dibattiti mhumiex l-aktar mod effettiv biex jiġi riżolt kwalunkwe nuqqas ta' rispett għall-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Parlament la huwa infurmat u lanqas ma huwa involut fl-organizzazzjoni ta' dawn id-dibatti; jistieden lill-Kunsill jibbaża d-dibattiti tiegħu fuq ir-riżultati tar-rapporti annwali u speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, is-soċjetà ċivili, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja tiegħu u partijiet oħra involuti, kemm dawk istituzzjonali u kemm dawk li mhumiex;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw kwalunkwe allegazzjoni ta' ksur tad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta, u li jwettqu segwitu ta’ dawn l-allegazzjonijiet jekk jirriżulta li huma veri; iħeġġeġ b’mod partikolari lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċedura ta’ ksur f’każ li xi Stat Membru ikun issuspettat li aġixxa bi ksur ta’ dawk id-drittijiet;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prijorità lill-preparazzjoni għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata fʼTurin fit-18 taʼ Ottubru 1961 u riveduta fi Strasburgu fit-3 taʼ Mejju 1996;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u jsaħħu l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittjiet tal-Bniedem skont il-"Prinċipji ta' Pariġi" biex jiżguraw il-promozzjoni u l-protezzjoni indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali;

15.  Jitlob li jkun hemm garanzija ta’ koordinazzjoni u koerenza aqwa bejn l-attivitajiet tal-Parlament, il-Kunsill tal-Ewropa, il-FRA u l-EIGE;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda allarmanti fil-għadd ta’ każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, partikolarment fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-asil, id-diskriminazzjoni u l-intolleranza – partikolament lejn ċerti komunitajiet – kif ukoll fl-għadd ta’ każijiet ta’ attakki imwettqa u l-pressjoni li qed tiġi eżerċitata fuq l-NGOs li jiddefendu d-drittijiet ta’ dawn il-gruppi u komunitajiet; jinnota n-nuqqas ta’ rieda tal-Istati Membri li jiżguraw ir-rispett ta’ dawn il-libertajiet u drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tar-Rom, in-nisa, il-komunità LGBTI, l-applikanti għall-asil, l-immigranti u gruppi vulnerabbli oħra;

17.  Jistieden lill-Kunsill isib bażi komuni dwar il-kontenut preċiż tal-prinċipji u l-istandards li joriġinaw mill-istat tad-dritt li jvarjaw fil-livell nazzjonali, u jikkunsidra d-definizzjoni eżistenti tal-istat tad-dritt tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bħala punt ta' tluq għad-dibattitu, inklużi: il-legalità, li timplika proċess trasparenti, obbligat li jagħti rendikont u demokratiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza ġuridika; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; il-qrati indipendenti u imparzjali; rieżami ġudizzjarju effettiv inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; u l-ugwaljanza quddiem il-ġustizzja;

18.  Ifakkar li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u li l-miżuri ta’ sigurtà m’għandhomx jikkompromettuhom, skont l-Artikolu 52 tal-Karta; ifakkar ukoll li skont l-Artikolu 6 tal-Karta kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u s-sigurtà tal-persuna;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali – kif stabbiliti, b’mod partikolari, fit-Trattati, fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – jiġu integrati mill-bidu nett fil-politiki u l-miżuri ta’ sigurtà interna, kif issuġġerit fid-dokument ta’ fokus tal-FRA “Embedding fundamental rights in the security agenda” (L-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-aġenda tas-sigurtà); iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jintegraw miżuri ta' inklużjoni soċjali u ta’ nondiskriminazzjoni fl-istrateġiji tas-sigurtà interna tal-ġejjieni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-FRA, issaħħaħ il-miżuri u l-programmi ta' sensibilizzazzjoni, ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; dawn il-programmi għandhom jimmiraw li jistabbilixxu l-koeżjoni u l-fiduċja bejn is-sħab soċjali kollha u jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-uffiċċji nazzjonali tal-ugwaljanza u ta’ kontra d-diskriminazzjoni;

21.  Jenfasizza li r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-għassiesa tat-Trattati mhux limitat għall-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tiġi trasposta mill-Istati Membri, iżda jestendi wkoll għall-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-liġijiet, b’mod partikolari bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jiddispjaċih għall-limitazzjoni effettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta minħabba interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-Artikolu 51 tagħha, li jinqara bħala li qed iwaqqafha milli tkopri l-infurzar tal-liġi tal-UE; huwa tal-fehma li dan l-approċċ għandu jiġi rivedut biex jissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħhom; ifakkar li l-aspettattivi taċ-ċittadini jmorru lil hinn mill-interpretazzjoni stretta tal-Karta u li l-objettiv għandu jkun li dawn id-drittijiet isiru effettivi kemm jista’ jkun; jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ kompetenza f’bosta tweġibiet għall-petizzjonijiet li jilmentaw minn ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali; f’dan l-ambitu, jitlob li jinħoloq mekkaniżmu għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni sistematika u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet, biex titrawwem osservanza globali tal-valuri fundamentali fl-Istati Membri;

22.  Ifakkar fl-importanza kruċjali tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni f’waqthom u korretti tad-dritt tal-UE, speċjalment meta dan jolqot jew jiżviluppa d-drittijiet fundamentali;

Il-Libertà u s-Sigurtà

Il-libertà tal-espressjoni u l-midja

23.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja hi fundamentali biex jiġu żgurati d-demokrazija u l-istat tad-dritt; jikkundanna b’qawwa l-vjolenza, il-pressjoni u t-theddidiet kontra l-ġurnalisti u l-midja, fosthom dawk marbuta mad-divulgazzjoni tal-għejun tagħhom u informazzjoni dwar każi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-gvernijiet u mill-istati; jistieden lill-Istati Membri joqogħdu lura milli japplikaw miżuri biex jimpedixxu dawk il-libertajiet; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid u temenda d-direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi skont kif indikat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat- 22 ta’ Mejju 2013;

24.  Jenfasizza li l-midja pubbliċi, indipendenti, ħielsa, imħallta u pluralisti, flimkien mal-ġurnalisti, kemm online kif ukoll offline, huma element fundamentali tad-demokrazija; jemmen li s-sjieda u l-ġestjoni tal-midja m’għandhomx ikunu kkonċentrati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li t-trasparenza tas-sjieda tal-midja hija kruċjali għall-monitoraġġ ta’ investimenti li jistgħu jinfluwenzaw l-informazzjoni mogħtija; jitlob li jiġu żviluppati regoli ekonomiċi adegwati u ġusti, sabiex jiġi ggarantit ukoll il-pluraliżmu tal-midja online; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex tiżgura li l-midja kollha tkun tirrispetta standards minimi ta’ indipendenza u kwalità;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-miżuri dejjem aktar repressivi meħuda f'xi Stati Membri kontra l-movimenti soċjali u d-dimostrazzjonijiet, il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-kelma, partikolarment fir-rigward tal-użu sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti paċifiċi, u l-għadd żgħr ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija u tal-qrati f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-libertà tal-għaqda u ma jadottawx miżuri li jqajmu dubji jew saħansitra jikkriminalizzaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, bħalma huma d-dritt għall-ipprotestar u għall-istrajkjar jew id-dritt tal-għaqda u dak ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni; jesprimi tħassib kbir dwar il-liġijiet nazzjonali f’għadd ta’ Stati Membri li jolqtu lid-drittijiet fundamentali fl-ispazji pubbliċi u li jillimitaw id-dritt ta’ għaqda; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tindirizza l-interferenzi serji mad-drittijiet fundamentali kkawżati mil-liġijiet nazzjonali li jistabbilixxu restrizzjonijiet fl-ispazji pubbliċi għal raġunijiet ta’ sigurtà;

26.  Jinnota li l-każijiet ta’ terroriżmu wasslu lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw il-miżuri ta’kontra t-terroriżmu u ta’ kontra r-radikalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri bħal dawn b’rispett sħiħ tal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal difiża legali, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust, u d-dritt għar-rispett tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jivvalutaw bi trasparenza sħiħa kwalunkwe abbozz jew proposta għal strumenti regolatorji u leġiżlattivi antiterroristiċi mil-lat tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 2 tat-TUE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

27.  Jirrikonoxxi li n-natura mifruxa taċ-ċiberkriminalità u ċ-ċiberterroriżmu transnazzjonali toħloq sfidi u tħassib serji dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-ambjent tal-internet; iqis li huwa essenzjali li l-UE tiżviluppa għarfien espert avvanzat fil-qasam taċ-ċibersigurtà sabiex tiżgura konformità aqwa fiċ-ċiberspazju mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta;

28.  Jilqa’ r-rapport mis-Senat tal-Istati Uniti dwar il-programmi ta’ detenzjoni u ta’ interrogazzjoni tas-CIA; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jittollerawx it-tortura jew forom oħra ta’ trattament inuman u degradanti fit-territorju tagħhom; itenni l-istediniet tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont għall-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tat-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu investigazzjonijiet miftuħa u trasparenti biex tinstab il-verità dwar l-użu tat-territorju u tal-ispazju tal-ajru tagħhom u biex joffru kooperazzjoni sħiħa mal-inkjesta tal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni, li riċentement reġgħet infetħet, u s-segwitu tagħha; jitlob għall-protezzjoni ta’ dawk li jiżvelaw ksur bħal dan, bħalma huma l-ġurnalisti u l-informaturi;

29.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ripetuti dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-UE, u tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data b’mod partikolari, li seħħ mill-attivitajiet tas-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi li jippermettu ż-żamma tad-data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi taċ-ċittadini Ewropej u l-aċċess għaliha; jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa li ġew skopert li ilhom jitwettqu mill-2013, u jiddeplora l-fatt li dawn qed ikomplu jitwettqu; jitlob għal kjarifika ta’ dawn l-attivitajiet u b’mod partikolari dwar l-involviment attwali ta’ għadd ta’ Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu għalkollox ir-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-attivitajiet tas-servizzi ta’ intelligence tagħhom ikunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jkunu soġġetti għall-iskrutinju parlamentari u ġudizzjarju;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri li tippermetti sorveljanza komprensiva, u jtenni l-ħtieġa li jkun hemm strumenti ta’ sigurtà li jkollhom mira speċifika, ikunu strettament meħtieġa u proporzjonati f’soċjetà demokratika; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw sistema ta’ protezzjoni tal-informaturi;

31.  Jinsab imħasseb li ċ-ċittadini mhumiex konxji għalkollox mid-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza u mill-mezzi ta’ rimedju ġuridiku disponibbli għalihom; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data biex jiddefendu dawn id-drittijiet u jieħdu ħsieb is-sensibilizzazzjoni dwarhom; iqis li huwa essenzjali li l-pubbliku, b’mod partikolari t-tfal, isir familjari mal-importanza tal-protezzjoni tad-data personali fiċ-ċiberspazju, u l-perikli li hu espost għalihom; jistieden lill-Istati Membri jvaraw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-iskejjel; jenfasizza li fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u ż-żieda fl-attakki ċibernetiċi, hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-data personali, b’fokus qawwi fuq is-sigurtà tal-ipproċessar u l-ħżin; għalkemm id-dritt li wieħed jintesa mhuwiex assolut u se jeħtieġ li jiġi bbilanċjat b’paragun ma’ drittijiet fundamentali oħra, jeħtieġ li l-individwi jingħataw id-dritt li d-data personali tagħhom fuq l-internet tiġi rettifikata; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-diffikultà li għandhom il-parti l-kbira tal-utenti tal-internet biex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati fl-isfera diġitali; jistieden lill-Kunsill jagħmel progress rapidu fuq il-pakkett tal-protezzjoni tad-data, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data fl-UE kollha;

32.  Ifakkar li l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li s-servizzi tal-intelligence tagħhom joperaw b’mod leċitu u f’konformità sħiħa mat-Trattati u mal-Karta; jistieden f’dan ir-rigward lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġi nazzjonali tkun tippermetti biss il-ġbir u l-analiżi ta’ data personali (inkluża l-hekk imsejħa metadata) bil-kunsens tal-persuna kkonċernata jew wara ordni tal-qorti mogħtija fuq il-bażi ta’ suspett raġonevoli li l-persuna tkun involuta f’attività kriminali;

33.  Jenfasizza li l-ġbir u l-ipproċessar illegali tad-data għandhom jiġu penalizzati bl-istess mod bħall-ksur tal-kunfidenzjalità tradizzjonali tal-korrispondenza; jinsisti li l-ħolqien ta’ ‘backdoors’ jew kwalunkwe teknika oħra biex idgħajfu jew jevadu l-miżuri ta’ sigurtà jew biex jisfruttaw nuqqasijiet eżistenti għandu jkun ipprojbit b’mod strett;

34.   Jiddeplora l-pressjoni li qed titqiegħed fuq l-intrapriżi privati minn korpi kemm pubbliċi kif ukoll privati sabiex jingħataw aċċess għad-data tal-utenti tal-Internet, jikkontrollaw il-kontenut fuq l-Internet jew jitfgħu fil-periklu l-prinċipju tan-newtralità tal-Internet;

35.  Jenfasizza li s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fis-soċjetà tal-informatika ta’ llum hija kwistjoni ewlenija għall-UE, għax l-użu dejjem jikber tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) joħloq theddidiet ġodda kontra d-drittijiet fundamentali fiċ-ċiberspazju, li l-protezzjoni tagħhom jeħtieġ tissaħħaħ billi jiġi żgurat li dawn ikunu promossi u protetti online bl-istess mod u sal-istess livell bħal fid-dinja offline;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja b’mod intensiv l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f’dan il-qasam u jqis li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fil-prattika permezz ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-vittmi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-akbar viġilanza rigward l-impatt li ċertu teknoloġiji ġodda, bħal pereżempju d-drones, jista’ jkollhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

38.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u ż-żieda fl-intolleranza u l-estremiżmu fost iż-żgħażagħ;

39.  Jiddeplora l-atti ta' diskriminazzjoni, jekk mhux brutalità, imwettqa mill-forzi tal-pulizija f'xi Stati Membri kontra gruppi ta' minoranzi bħall-migranti, ir-Rom, persuni LGBTI, jew persuni b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestigaw u jikkastigaw tali azzjonijiet; jemmen li l-forzi tal-pulizija għandhom isiru aktar konxji tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra dawn il-minoranzi, u jiġu mħarrġa sabiex jindirizzawhom; jistieden lill-Istati Membri jirbħu lura l-fiduċja li l-minoranzi għandu jkollhom fil-pulizija u jħeġġuhom jirrapportaw l-abbużi; jistieden ukoll lill-awtoritajiet fl-Istati Membri jiġġieldu t-tfassil ta' profili etniċi diskriminatorji mwettaq minn uħud mill-forzi tal-pulizija;

Il-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza

40.  Jirreferi għall-Artikolu 10 tal-Karta, li jipproteġi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà ta' kull persuna li tipprattika r-reliġjon tal-għażla tagħha u li tibdel ir-reliġjon jew it-twemmin; iqis li dan ikopri wkoll il-libertà ta’ dawk li ma jemmnux; jikkundanna kull xorta ta’ diskriminazzjoni u intolleranza u jitlob għal projbizzjoni ta’ kull xorta ta’ diskriminazzjoni għal dawn ir-raġunijiet; jiddeplora, f’dan ir-rigward, l-episodji riċenti ta' diskriminazzjoni u vjolenza anti-Semitika u anti-Iżlamika; jistieden lill-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali, biex jipproteġu permezz tal-għodod kollha disponibbli, il-libertà tar-reliġjon jew twemmin u biex jippromwovu t-tolleranza u d-djalogu interkulturali permezz ta’ tfassil effettiv tal-politiki, filwaqt li jsaħħu l-politiki kontra d-diskriminazzjoni fejn meħtieġ; ifakkar fl-importanza ta’ stat sekulari newtrali fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra kwalunkwe komunità reliġjuża, atea jew anjostika u biex jiġi ggarantit trattament ugwali ta’ kull reliġjon u twemmin; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar id-dagħa u l-insulti reliġjużi fl-Unjoni Ewropea, li jistgħu jolqtu serjament il-libertà tal-espressjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jabolixxuhom; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra postijiet ta’ qima, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jippermettux li tali reati ma jiġux ikkastigati;

41.  Iħeġġeġ ir-rispett tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-parti okkupata ta’ Ċipru, fejn aktar minn 500 monument reliġjuż u kulturali jinsabu f’qagħda ta’ kollass;

42.  Jinsab allarmat minħabba ż-żieda fl-anti-Semitiżmu fl-Ewropa u minħabba l-isforzi dejjem iktar mifruxa biex l-Olokawst jiġi miċħud jew biex titnaqqas l-importanza tiegħu; jinsab imħasseb serjament minħabba li ħafna membri tal-Komunità Lhudija qed jippjanaw li jitilqu mill-Ewropa minħabba d-deterjorament tal-klima ta’ anti-Semitiżmu u diskriminazzjoni u vjolenza kontrihom;

43.  Jesprimi tħassib kbir minħabba ż-żieda fid-dimostrazzjonijiet anti-Iżlamiċi, attakki fuq moskej u t-tendenza mifruxa li l-Iżlam jiġi assoċjat mal-fanatiżmu reliġjuż ta’ minoranza żgħira; jiddeplora d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-komunità Musulmana; jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw tali atti b’mod sistematiku u japplikaw tolleranza żero f’dan ir-rigward;

L-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni

44.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill għadu ma adottax il-proposta għal direttiva tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali; jilqa' l-prijoritizzazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Kummissjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

45.  Jinnota li l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza huma fost il-valuri fundaturi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tat-TUE; iqis li huma biss il-politiki mfassla biex jippromwovu kemm l-ugwaljanza formali u kemm dik sostantiva u biex jiġġieldu l-forom kollha ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni li jistgħu jippromwovu soċjetà koeżiva billi jkissru s-suriet kollha ta’ preġudizzju li jagħmlu ħsara lill-integrazzjoni soċjali; jiddeplora l-fatt li anke llum il-ġurnata fl-UE għad hemm każijiet ta’ diskriminazzjoni, emarġinazzjoni u anke vjolenza u abbuż ibbażati, b’mod partikolari, fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin personali, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

46.  Iqis li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lid-diskriminazzjoni u jipproteġu d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, u jippromwovu miżuri biex isaħħu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni anzjani, id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, id-drittijiet tal-persuni LGBTI u persuni li jappartienu lill-minoranzi nazzjonali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jinkludu d-diskriminazzjoni multipla fi ħdan il-politiki tal-ugwaljanza;

47.  Jikkundanna s-suriet kollha ta’ vjolenza u ta’ diskriminazzjoni mwettqa fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u jinsab imħasseb minħabba ż-żieda fil-għadd tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw impenji politiċi speċifiċi biex jiġġieldu kontra kull sura ta’ razziżmu, inklużi l-antisemitiżmu, l-islamofobija, l-afrofobija u l-antiġitaniżmu;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ data dwar l-ugwaljanza li tkun affidabbli u komparabbli biex titkejjel id-diskriminazzjoni, diżaggregata skont ir-raġunijiet tad-diskriminazzjoni, sabiex it-tfassil tal-politika jkun wieħed infurmat, tiġi valutata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE ta’ kontra d-diskriminazzjoni, u jkun hemm infurzar aħjar tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi standards konsistenti ta’ ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza, ibbażati fuq l-awtoidentifikazzjoni, l-istandards tal-UE għall-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni tal-komunitajiet rilevanti; jistieden lill-Istati Membri jiġbru data dwar ir-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni;

49.  Iħeġġeġ lill-UE tadotta direttiva li tikkundanna d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u li tfittex li tiġġieled lill-preġudizzji u l-clichés dwar in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u l-midja;

Il-promozzjoni tal-minoranzi

50.  Jitlob għal konsistenza akbar min-naħa tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi; jemmen bil-qawwa li l-Istati Membri kollha, kif ukoll il-pajjiżi kandidati, għandhom ikunu marbuta bl-istess prinċipji u kriterji sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni taʼ standards doppji; jitlob, għalhekk, għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu effettiv biex jissorvelja u jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi tat-tipi kollha kemm fil-pajjiżi kandidati kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE;

51.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tkun żona li fiha jipprevali r-rispett għad-diversità etnika, kulturali u lingwistika ; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw sistema ta’ protezzjoni komprensiva tal-UE għall-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-istandards legali internazzjonali rilevanti u l-prattiki tajba eżistenti, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ugwaljanza effettiva ta’ dawn il-minoranzi, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ lingwa, edukazzjoni u kultura; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġu implimentati l-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-OSKE;

52.  Jikkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet tal-użu ta’ lingwa u jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex jiġi indirizzat b’mod determinat kwalunkwe ostakolu amministrattiv jew leġiżlattiv sproporzjonat li jista’ jxekkel id-diversità lingwistika fil-livell Ewropew jew nazzjonali;

53.  Jenfasizza li l-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe raġuni huma l-pedamenti tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Istati Membri jadottaw qafas leġiżlattiv nazzjonali biex jindirizzaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jiggarantixxu implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali eżistenti tal-UE;

Is-sitwazzjoni tal-persuni Rom

54.  Jiddeplora t-tendenza dejjem tiżdied lejn sentimenti kontra r-Rom fl-Unjoni Ewropea u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Unjoni Ewropea u l-bosta każijiet ta’ persekuzzjoni, vjolenza, stigmatizzazzjoni, diskriminazzjoni u tkeċċijiet illegali, li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali u d-dritt tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li jippermettu d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni istituzzjonalizzati; jistieden għal darba oħra lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod effettiv strateġiji sabiex irawmu inklużjoni reali, biex isegwu azzjoni msaħħa u rilevanti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-edukazzjoni, l-impjieg, l-abitazzjoni u l-kura tas-saħħa, u għall-ġlieda kontra l-vjolenza, lid-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri tad-9 ta’ Diċembru 2013;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati kif suppost l-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom permezz tal-iżvilupp ta’ politiki integrati li jinvolvu l-awtoritajiet lokali, il-korpi mhux governattivi u l-komunitajiet tar-Rom fi djalogu li jibqa’ għaddej kontinwament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għal monitoraġġ u koordinazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mar-rappreżentanti tal-popolazzjoni Rom fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ proġetti li jolqtu lill-komunitajiet tagħhom, bl-użu ta’ fondi disponibbli, inklużi fondi tal-UE, filwaqt li jiġi ssorveljat b’mod strett ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuni Rom, inkluża l-libertà ta’ moviment, skont id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

56.  Jiddeplora d-diskriminazzjoni eżistenti kontra l-persuni Rom fis-sistemi edukattivi nazzjonali u fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-vulnerabilità miżjuda tan-nisa u tat-tfal Rom b'mod partikolari għall-vjolazzjonijiet multipli u simultanji tad-drittijiet fundamentali tagħhom; itenni l-importanza li jiġi protett u promoss l-aċċess indaqs għad-drittijiet kollha għat-tfal Rom;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa fir-rigward tal-isterilizzazzjoni u jagħtu kumpens finanzjarju lill-vittmi tal-isterilizzazzjonijiet furzati mwettqa fuq nisa Rom u fuq nisa b’diżabilità mentali, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB;

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

58.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra u jġibu quddiem il-ġustizzja kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa; jistieden lill-Istati Membri b’mod partikolari biex jittrattaw b’mod effettiv l-effetti tal-vjolenza domestika u l-isfruttament sesswali fil-forom kollha tiegħu, inkluż dak tar-rrfuġjati u tat-tfal migranti, u ż-żwieġ bikri jew furzat;

59.  Jesprimi tħassib dwar il-firxa u s-suriet tal-vjolenza kontra n-nisa fl-UE, kif iddokumentati permezz ta’ stħarriġ fl-UE kollha tal-FRA, li wera li waħda minn kull tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali sa mill-età ta’ 15-il sena, u li huwa stmat li madwar 3.7 miljun mara fl-UE jesperjenzaw vjolenza sesswali fuq perjodu ta’ sena; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti u jżommu l-kwistjoni taʼ vjolenza kontra n-nisa fost il-prijoritajiet fl-aġenda, peress li l-vjolenza sessista m’għandhiex tiġi ttollerata; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ ir-ratifiki nazzjonali u tagħti bidu għall-proċedura ta' adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-aktar fis possibbli; jinnota li l-adeżjoni immedjata tal-Istati Membri kollha mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha twassal għall-iżvilupp ta’ politika integrata u għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-fastidju sesswali kemm online kif ukoll offline;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu netwerks ta' ċentri li jipprovdu appoġġ u kenn għan-nisa li jkunu vittmi tat-traffikar u l-prostituzzjoni, li jiżguraw li dawn jirċievu appoġġ psikoloġiku, mediku, soċjali u legali u inkoraġġiment biex isibu impjieg stabbli u l-intitolamenti li jakkumpanjawh;

61.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-persistenza tal-prattiki tal-mutilazzjonijiet ġenitali, li jikkostitwixxu forma ta’ vjolenza gravi kontra n-nisa u l-bniet u ksur inaċċettabbli tad-dritt tagħhom għall-integrità fiżika; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jeżerċitaw l-akbar viġilanza u jiġġieldu kontra dawn il-prattiki fit-territorju tagħhom sabiex dawn jintemmu malajr kemm jista’ jkun; jistieden b’mod partikolari lill-Istati Membri jadottaw approċċ strett u dissważiv billi jħarrġu lill-persuni li jaħdmu mal-migranti u jressqu quddiem il-qrati u jikkastigaw b'mod effettiv u sistematiku lil min iwettaq il-mutilazzjoni ġenitali, li m'għandu jkun hemm ebda tolleranza lejha; jinsisti li dan għandu jkun akkumpanjat minn informazzjoni u kampanji ta’ tqajjim tal-kuxjenza mmirati lejn il-gruppi kkonċernati; jilqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-asil tikkunsidra l-vittmi tal-mutilazzjonijiet ġenitali bħala persuni vulnerabbli u tinkludi l-mutilazzjonijiet ġenitali fost il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-asil;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwità tal-ġbir tad-data dwar il-prevalenza u n-natura tal-vjolenza kontra n-nisa bħala bażi għal politiki robusti maħsuba biex jipprevjenu l-vjolenza u jaqdu l-ħtiġijiet tal-vittmi, inkluż l-ivvalutar tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Vittmi (2012/29/UE) u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kontra l-fastidju sesswali; iqis li l-ġbir tad-data għandu jkompli jinbena fuq l-ewwel stħarriġ madwar l-UE kollha li twettaq mill-FRA, u għandu jkun ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea (inkluż l-Eurostat), il-FRA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); itenni t-talba lill-Kummissjoni li saret fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2014 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa biex tippreżenta proposta għal att li jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili; u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-2016 bħala s-sena tal-ġlieda lill-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

63.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jiġġieldu u jressqu quddiem il-ġustizzja kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva leġiżlattiva biex tipprojbixxi l-vjolenza kontra n-nisa fl-UE;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li titrawwem kultura ta’ rispett u tolleranza bil-għan li tintemm kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali li jirrigwardaw ir-rispett u s-salvagwardja tad-drittijiet u s-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa; jinsisti fuq ir-rwol tal-Unjoni fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki fuq din il-kwistjoni, peress li s-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem l-oħra.

65.  Jinsab allarmat dwar il-fatt li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-kumpaniji u fil-bordijiet tad-diretturi tagħhom, fix-xjenza u fl-isfera politika, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak internazzjonali (kumpaniji kbar, elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej) u, b’mod partikolari, fil-livell lokali; jappella sabiex in-nisa jiġu appoġġjati fl-iżvilupp professjonali tagħhom u fl-isforzi tagħhom biex jilħqu karigi eżekuttivi, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu aktar attenzjoni lill-fatt li 17.8 % biss tal-membri tal-bordijiet tal-ikbar kumpaniji kkwotati fil-Borża fl-UE huma nisa;

66.  Jitlob għall-iżblokk tad-direttiva dwar il-liv tal-maternità fil-Kunsill, billi din il-leġiżlazzjoni se tippermetti ugwaljanza reali u konkreta bejn is-sessi, kif ukoll twassal għal armonizzazzjoni fil-livell tal-UE;

67.  Jirrimarka li aktar minn nofs l-istudenti postgradwati kollha huma nisa, u li din id-data mhijiex riflessa fis-suq tax-xogħol, b’mod speċjali f’pożizzjonijiet għolja ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jieħdu kull pass meħtieġ biex jiżguraw parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u jgħinu lin-nisa jidħlu f’karigi ta’ livell għoli, u speċjalment jilħqu ftehim malajr kemm jista’ jkun dwar proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati fil-boroż u miżuri relatati; jiddeplora l-fatt li fl-UE – meta t-tnejn jagħmlu xogħol ugwali – l-introjtu tan-nisa għadu, bħala medja, 16 % inqas minn tal-irġiel; jistieden lill-UE għalhekk tkompli l-ħidma tagħha fl-iżgurar tal-ugwaljanza fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel skont l-Artikolu 157 tat-TFUE, fil-pensjonijiet u fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż f’pożizzjonijiet ta’ maniġment superjuri; iqis li din l-azzjoni għandha tgħin biex issir il-ġlieda lill-faqar u biex jiġi żgurat li l-Ewropa qed tagħmel użu sħiħ mit-talenti kollu disponibbli; jiddeplora l-fatt li r-rata tal-qgħad tan-nisa għadu ogħla b’mod sinifikanti minn dak tal-irġiel, u jenfasizza li l-indipendenza finanzjarja tan-nisa għanduha tkun komponent tal-ġlieda kontra l-faqar;

68.   Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-monitoraġġ tar-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-leġiżlazzjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jwettqu analiżi simili tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

69.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SDSR) huma drittijiet fundamentali u huma element essenzjali tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtodeterminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SDSR, bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, fl-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa li jmiss tagħha sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politika interna u esterna tal-UE dwar id-drittijet fundamentali kif mitlub mill-Parlament fl-10 ta’ Marzu 2015;

70.  Jirrikonoxxi l-fatt li ċ-ċaħda ta’ abort li jsalva ħajja huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali;

71.  Jistieden lill-Istati Membri, f’kollegament mal-Kummissjoni, jirrikonoxxu d-dritt tal-aċċess għall-kontraċettivi sikuri u moderni u l-edukazzjoni dwar is-sesswalità fl-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkumplementa l-politiki nazzjonali sabiex ittejjeb is-saħħa pubblika, filwaqt li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ;

Id-drittijiet tat-tfal

72.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta’ vjolenza kontra t-tfal u t-trattament ħażin tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, bħala Stati Partijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, biex jieħdu miżuri adegwati sabiex it-tfal jitħarsu mill-forom kollha ta’ vjolenza fiżika u psikoloġika, inklużi l-abbuż fiżiku u sesswali, iż-żwiġijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal u l-isfruttament sesswali;

73.  Jikkundanna bil-qawwa l-isfruttament sesswali tat-tfal, b’mod partikolari l-fenomenu dejjem jikber tal-pedopornografija fuq l-internet; iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lil dawn il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tat-tfal u biex iqisu kif dovut ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online(33); itenni t-talba tiegħu biex dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan jittrasponu d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden, barra minn hekk, lill-Unjoni u lil dawk l-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-abilità ġuridika, il-kompetenzi tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-koperazzjoni, inkluża dik mal-Europol, bil-għan li jinvestigaw u jżarmaw in-netwerks ta’ trasgressuri sesswali kontra t-tfal b’mod aktar effikaċi, filwaqt illi jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;

75.  Jenfasizza r-rwol tal-professjonisti li jaħdmu mat-tfal, bħalma huma l-għalliema, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u l-pedjatriċi, fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' sinjali ta' vjolenza fiżika u psikoloġika kontra t-tfal, inkluż il-bullying fuq l-internet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li professjonisti bħal dawn jiġu sensibilizzati, u jirċievu t-taħriġ, għal dan l-għan; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu hotlines fejn it-tfal jistgħu jirrappurtaw kwalunkwe att ta’ trattament ħażin, vjolenza sesswali, intimidazzjoni jew fastidju li titwettaq kontrihom;

76.  Huwa tal-fehma li d-data personali tat-tfal li tinsab online għandha tiġi protetta kif dovut u li t-tfal jeħtieġ li jiġu informati, b’mezzi li jirrispettaw il-fatt li huma tfal, dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jeżistu meta jużaw id-data personali tagħhom online; jistieden lill-Istati Membri jvaraw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-iskejjel; jisħaq fuq il-fatt li t-tfassil online ta' profili tat-tfal għandu jiġi pprojbit;

77.  Jikkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra t-tfal u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni magħquda biex tinqered għalkollox id-diskriminazzjoni kontra t-tfal; b’mod partikolari, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni espliċitament iqisu lit-tfal bħala prijorità meta jkunu qed jipprogrammaw u jimplimentaw il-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni;

78.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għat-tfal kollha, kemm jekk bħala persuni suspettati, awturi ta’ reat, vittmi jew partijiet involuti fi proċedimenti; jafferma kemm hu importanti li jissaħħu s-salvagwardji proċedurali għat-tfal fi proċedimenti kriminali, b’mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar direttiva dwar salvagwardji speċjali għal tfal issuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali;

79.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ ħtif internazzjonali mill-ġenituri; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tar-rwol tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għall-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal mill-Ġenituri; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ tal-UE komuni għas-sejbien tat-tfal li jisfaw nieqsa fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura f’każijiet transfruntieri li jinvolvu t-tfal nieqsa u jiżviluppaw hotlines għat-tiftix tat-tfal nieqsa;

80.  Ifakkar li l-aħjar interessi tat-tfal kif imsemmi fl-Artikolu 24 tal-Karta għandhom dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni primarja f’kull politika u miżura adottata fir-rigward tat-tfal; ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni tiddisponi għalih il-Karta u li l-edukazzjoni hija essenzjali, mhux biss għall-benesseri tat-tfal u l-iżvilupp personali tagħhom iżda wkoll għall-futur tas-soċjetà; iqis l-edukazzjoni tat-tfal minn familji bi dħul baxx bħala prekundizzjoni essenzjali li tippermetti lit-tfal biex jaħarbu mill-faqar; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jippromwovu edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd;

81.  Jisħaq li l-interessi u d-drittijiet tat-tfal taċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu protetti kif xieraq, mhux biss fi ħdan l-Unjoni iżda wkoll lil hinn mill-fruntieri tagħha, u konsegwentement jitlob għal kooperazzjoni msaħħa mal-istituzzjonijiet responsabbli għall-benessri tat-tfal fil-pajjiżi Nordiċi mhux membri tal-UE; iqis li s-sħab kollha tal-UE (inklużi l-membri taż-ŻEE) għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal;

82.  Jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt negattiv serju fuq ir-realizzazzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-benesseri tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-indirizzar determinat tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal permezz tal-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” permezz ta’ strateġiji integrati li jappoġġaw l-aċċess għal riżorsi adegwati, li jippermettu aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd u li jippromwovu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri ulterjuri biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi suċċessur ambizzjuż u komprensiv għall-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-2015; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni effikaċi tad-drittijiet tat-tfal fil-leġiżlazzjoni, politiki u deċiżjonijiet finanzjarji kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tat-tfal u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mandat u r-riżorsi tal-koordinatur tad-drittijiet tat-tfal jirriflettu b’mod adegwat l-impenn tal-UE favur l-integrar sistematiku u effettiv tad-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-gwida tal-UE dwar is-sistemi integrati ta’ protezzjoni tat-tfal li ġiet imħabbra;

84.  Jilqa’ t-tendenza li hemm lejn id-definizzjoni taż-żwieġ sfurzat bħala reat kriminali fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jkunu viġilanti u jipprovdu t-taħriġ u jqajmu l-kuxjenza tal-persunal li jiġi f’kuntatt mat-tfal, bħalma huma l-għalliema jew il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, biex jagħtuhom dak li għandhom bżonn biex jidentifikaw lit-tfal li jkunu jinsabu f’riskju li jinħatfu u jittieħdu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sabiex jiġu miżżewġa b’mod furzat;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

85.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza li jseħħu fit-territorju tal-UE kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kif megħjuna minn liġijiet u politiki li jillimataw id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw liġijiet u politiki biex jiġġieldu l-omofobija u t-transfobija; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tressaq pjan ta’ azzjoni jew strateġija fil-livell tal-UE għall-ugwaljanza għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, kif intalab ripetutament mill-Parlament u kif imwiegħed mill-Kummissarju Jourová fil-proċess ta’ seduti ta’ smigħ tal-Kummissjoni; f’dan ir-rigward, ifakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru jenfasizza, madankollu, li din il-politika komprensiva għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, tal-aġenziji tagħha u tal-Istati Membri tagħha;

86.  Iqis li huwa aktar probabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI jkunu salvagwardjati jekk ikollhom aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi bħal ma huma l-koabitazzjoni, is-sħubija reġistrata jew iż-żwieġ; jilqa' l-fatt li 19-il Stat Membru attwalment joffru dawn l-għażliet, u jistieden lil Stati Membri oħra jikkunsidraw li jagħmlu dan huma wkoll; itenni, barra minn hekk, l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal regolament ambizzjuż biex jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti tal-istatus ċivili (inkluż rikonoxximent tas-sess legali, żwiġijiet u sħubijiet irreġistrati) u l-effetti ġuridiċi tagħhom, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli ġuridiċi u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

87.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu viġilanti u sodi u jimponu pieni fuq persuni b’karigi pubbliċi li jinsultaw jew jistigmatizzaw lil persuni LGBTI f’forum pubbliku;

88.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw lit-trejdjunjins u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fl-isforzi tagħhom biex jadottaw politiki tad-diversità u tan-nondiskriminazzjoni b’enfasi fuq persuni LGBTI;

89.  Iqis li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-proċeduri li jippermettu lill-persuni li jkunu biddlu s-sess biex il-ġeneru ġdid tagħhom jiġi rikonoxxut f’dokumenti uffiċjali; itenni l-kundanna tiegħu ta' kwalunkwe proċedura ta’ rikonoxximent ġuridiku li timponi l-isterilizzazzjoni fuq il-persuni transġeneru;

90.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni transġeneru għadhom meqjusa bħala persuni morda mentalment fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u jistieden lil dawn l-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-katalgi nazzjonali tas-saħħa mentali, filwaqt li jiżguraw li l-kura medikament neċessarja tibqa’ disponibbli għall-persuni transġeneru kollha;

91.  Jilqa’ l-inizjattiva li wriet il-Kummissjoni li tirsisti favur l-idea li l-identitajiet transġeneru ma jibqgħux jitqiesu bħala patoloġija fir-rieżami tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ħalli timpedixxi li l-varjanza tal-ġeneri fit-tfulija ssir dijanjosi ġdida tal-ICD;

92.  Jiddispjaċih ħafna li l-kirurġija ta' “normalizzazzjoni” tal-organi ġenitali tat-trabi intersesswali hija mifruxa, minkejja li mhijiex medikament meħtieġa; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-Att li adottat Malta dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess ta’ April 2015, li jipprojbixxi li ssir tali kirurġija fuq it-trabi intersesswali u jsaħħaħ il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni għall-persuni intersesswali, u jistieden lil Stati oħra jsegwu l-eżempju ta' Malta;

Id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità

93.  Jiddeplora l-forom ta' diskriminazzjoni u esklużjoni li l-persuni b'diżabilità għadhom iġarrbu sal-ġurnata tal-lum; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jimplimentaw l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità u jimmonitorjaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, terġaʼ tvara l-inizjattiva leġiżlattiva dwar Att dwar l-Aċċessibilità, fis-sura taʼ strument orizzontali li jista' jżid il-protezzjoni mogħtija lill-persuni bʼdiżabilità u jiżgura l-konsistenza bejn il-politiki kollha tal-UE għal dan il-għan; jistieden ukoll lill-Kummissjoni timmassimizza s-sinerġiji bejn l-istrateġija tal-UE dwar id-diżabilità u d-dispożizzjonijiet tas-CEDAW u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bil-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet rikonoxxuti jkunu sostantivament gawduti u effetivament eżerċitat, inkluż permezz tal-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u permezz ta’ azzjoni kulturali u politika;

94.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggwida lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi Ewropej f’konformità mal-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-NU (UNCRPD) u tappoġġja u taħdem mill-qrib mal-NGOs u l-organizzazzjonijiet biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ għall-persuni b’diżabilità, inklużi l-persuni b’diżabilità psikosoċjali, u jappoġġaw il-kondizzjonijiet ta’ għajxien indipendenti u l-programmi ta’ deistituzzjonalizzazzjoni skont l- Artikolu 26 tal-Karta;

95.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt tal-persuni b’diżabilità għall-parteċipazzjoni politika fl-elezzjonijiet; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni tal-kompatibbiltà mal-UNCRPD fir-rappurtar tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 93/109/KE u 94/80/KE, li jistabbilixxu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali; jiddispjaċih għall-fatt li għadd kbir ta’ persuni b’diżabilità fl-UE li jkunu ġew imċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom huma wkoll imċaħħda mid-dritt tal-vot; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom bil-għan li ma jirtirawx sistematikament id-dritt tal-vot mingħand persuni b’diżabilità li jkunu ġew imċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom, iżda pjuttost li jwettqu analiżi ta’ kull każ għalih u jipprovdu assistenza lill-persuni b’diżabilità matul il-proċeduri ta’ votazzjoni;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ewropea mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-NU u tevalwa kwalunkwe proposta futura fid-dawl ta’ dik il-Konvenzjoni permezz tal-valutazzjonijiet ta’ impatt tagħha;

97.  Jikkundanna l-użu ta’ forom ta’ koerċizzjoni fiżika u farmakoloġika għal diżabilitajiet mentali u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw politiki ta’ integrazzjoni soċjali;

98.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni b’diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-suq tal-prodotti u s-servizzi fi ħdan l-Unjoni; iqis li dawn l-ostakli huma ta’ natura li jillimitaw il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet li huma jgawdu, b’mod partikolari, miċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress rapidu fil-ħidma dwar l-aċċessibilità fl-Unjoni Ewropea b’tali mod li jkun jista’ jiġi adottat att leġislattiv mingħajr dewmien;

99.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jinvolvu mill-qrib lill-persuni b’diżabilità, inkluż permezz tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tagħhom, fil-proċessi ta’ teħid ta' deċiżjonijiet fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità;

100.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni jiġu pubbliċizzati b’mod ċar u wiesa’ bl-użu ta’ komunikazzjonijiet aċċessibbli, li jkun jista' jingħata input f’formati oħra bħall-Braille jew Easy Read, u li s-seduti ta’ smigħ pubbliku u l-laqgħat li fihom jiġu diskussi l-liġijiet u l-politiki proposti għandhom isiru aċċessibbli;

101.  Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-ġbir tad-data dwar id-diżabilità permezz ta’ stħarriġ soċjali tal-UE f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 31 tas-CRPD; jenfasizza li tali ġbir ta’ data għandu juża metodoloġiji li huma inklużivi fir-rigward tal-persuni kollha b’diżabilità, inklużi dawk b’diżabilitajiet aktar gravi u dawk li jgħixu f’istituzzjonijiet;

Id-diskriminazzjoni minħabba l-età

102.  Jiddeplora l-fatt li bosta anzjani jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom kull jum, b’mod partikolari fl-aċċess għal introjtu adegwat, impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-prodotti u s-servizzi meħtieġa; ifakkar li l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipproklama d-drittijiet li għandhom l-anzjani li jgħixu ħajja ta’ dinjità u ta’ indipendenza u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Strateġija dwar it-Tibdil Demografiku biex iddaħħal fis-seħħ l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

103.  Jesprimi tħassib li l-moħqrija, in-negliġenza u l-abbuż tal-persuni mdaħħla fiż-żmien huma mifruxa ħafna fi ħdan l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall-ġlieda kontra l-abbuż u l-forom kollha ta’ vjolenza kontra l-anzjani u jippromwovu l-indipendenza tagħhom billi jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni u l-aċċessibbiltà tad-djar; ifakkar li n-nisa anzjani aktar spiss jgħixu taħt is-soll tal-faqar minħabba d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa u wara minħabba d-differenza fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

104.   Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-inklużjoni ta’ ħaddiema aktar żgħażagħ, b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi ekonomika, fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz tal-organizzazzjoni u l-provvediment ta’ taħriġ immirat lejn il-promozzjoni soċjali taż-żgħażagħ;

105.  Jitlob li d-dinjità tan-nies tiġi rrispettata fl-aħħar tal-ħajja, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet espressi f’testmenti bijoloġiċi jiġu rikonoxxuti u rispettati;

106.  Jesprimi tħassib li t-tnaqqis tal-Istati Membri fl-infiq pubbliku u fil-pensjonijiet qiegħed jikkontribwixxi bil-kbir għall-faqar fix-xjuħija billi jnaqqas id-dħul disponibbli tal-anzjani, u hekk jaggrava l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom, joħloq inugwaljanzi fl-affordabilità tas-servizzi u joħloq numru dejjem jikber ta’ persuni anzjani bi dħul ftit aktar mis-soll tal-faqar.

Id-delitti ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda

107.  Jiddeplora l-każijiet ta’ diskors ta’ mibegħda u d-delitti ta’ mibegħda motivati mir-razziżmu, mill-ksenofobija, mill-intolleranza reliġjuża, jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta’ persuna, li jseħħu ta’ kuljum fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jippromwovu l-fehim, l-aċċettazzjoni u t-tolleranza bejn il-komunitajiet differenti fit-territorju tagħhom; jitlob lill-UE biex waqt it-tfassil tal-politiki Ewropej kontra d-diskriminazzjoni u fil-qasam tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra d-delitti ta' mibegħda tagħmilha prijorità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-ġlieda tagħhom kontra d-delitti ta’ mibegħda u l-attitudnijiet u l-imġibiet diskriminatorja billi jiżviluppaw strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra d-delitti ta’ mibegħda, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;

108.  Jinsab imħasseb dwar il-preżenza dejjem tikber ta’ diskors ta’ mibegħda fuq l-internet u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu proċedura sempliċi li tippermettu lill-membri tal-pubbliku jirrappurtaw il-preżenza ta’ kontenut ta’ mibegħda fuq l-internet;

109.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-investigazzjonijiet u l-kundanni b’rabta ma’ delitti ta’ mibegħda fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex iħeġġu r-rappurtar ta’ delitti bħal dawn, inkluż billi jiżguraw protezzjoni adegwata, peress li mill-istħarriġ fuq skala kbira tagħha s-sejbiet tal-FRA urew b’mod konsistenti li l-vittmi tal-kriminalità qegħdin isibuha bi tqila biex jippreżentaw rwieħhom u jirrapportaw lill-pulizija;

110.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd ta’ Stati Membri għadhom ma ttrasponewx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI u jistieden lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ l-istandards tal-UE u jiżguraw l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkastiga l-forom kollha ta’ delitti ta’ mibegħda, tixwix għall-mibegħda u l-fastidju, u li sistematikament jiskattaw il-prosekuzzjoni ta’ dawk i-reati kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t-traspożizzjoni korretta tad-Deċiżjoni Qafas u tvara proċeduri ta’ ksur kontra dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jittrasponuha; jitlob, barra minn hekk, li jsir rieżami tad-Deċiżjoni Qafas bil-għan li din tkopri b’mod sħiħ il-forom kollha ta’ delitti ta’ mibegħda u ta’ delitti mwettqa bi preġudizzju jew b’motiv diskriminatorju, u tiddefinixxi b’mod ċar standards konsistenti ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni;

111.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, u għall-aġenziji rilevanti tal-UE, fil-prevenzjoni u l-indirizzar deċiżiv tal-prattiki diskriminatorji u d-delitti ta’ mibegħd; jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni għodda u ħiliet prattiċi biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jittrattaw offiżi koperti mid-Deċiżjoni Qafas, u biex ikunu jistgħu jinteraġixxu u jikkomunikaw mal-vittmi;

112.  Josserva bi tħassib il-preżenza dejjem tikber ta’ partiti politiċi li jsejsu l-programmi politiċi tagħhom fuq l-esklużjoni abbażi tal-etniċità, l-orjentazzjoni sesswali u r-reliġjon;

113.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fit-trivjalizzazzjoni tal-atti u d-diskors razzisti u ksenofobiċi minħabba l-presenza li qed issir dejjem aktar viżibbli fl-isfera pubblika ta’ gruppi razzisti u ksenofobiċi, li ftit minnhom kisbu jew qed ifittxu li jiksbu l-istatus ta’ partit politiku;

114.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-qawmien ta' partiti politiċi li qegħdin jużaw il-kriżi ekonomika u soċjali attwali biex jiġġustifikaw il-messaġġ razzist, xenofobiku u anti-Iżlamiku tagħhom;

115.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattiki ta’ intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-minoranzi, partikolarment ir-Rom u l-migranti, minn gruppi paramilitari, li xi wħud minnhom huma direttament assoċjati ma’ partit politiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprojbixxu bħala illegali u jissanzjonaw tali prattiki;

Il-persuni mingħajr dar

116.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru ta’ persuni li tilfu darhom b’riżultat tal-kriżi ekonomika; hu tal-fehma li l-persuni mingħajr dar għandhom jibqgħu jinżammu integrati fi ħdan is-soċjetà, u li għandhom jiġu kkumbattuti l-iżolament u l-emarġinazzjoni tagħhom; għal dak il-għan, jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki ambizzjużi sabiex jgħinu lil dawn il-persuni; jenfasizza li l-persuni mingħajr dar huma persuni vulnerabbli u jtenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri sabiex jastjenu milli jistigmatizzawhom bħala delinkwenti; jistieden lill-Istati Membri jabolixxu kull liġi jew politika li tippreżentahom bħala tali; jistieden lill-Istati Membri jfasslu strateġiji nazzjonali li jimmiraw li jiġġieldu lill-fenomenu tal-persuni mingħajr dar fit-territorju tagħhom; Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-Istati Membri fil-missjoni tagħhom biex jiġġieldu l-fenomenu ta’ persuni mingħajr djar billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-aqwa prattika u l-ġbir ta’ data preċiża; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri li jirriżulta minħabba l-fatt li persuna ssib ruħha mingħajr saqaf fuq rasha; jenfasizza li d-dritt għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-persuni l-aktar fil-bżonn jinsab imnaqqax fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

Id-drittijiet tal-migranti u tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali

117.  Jikkundanna l-fatt li għadd kbir ta’ persuni li jfittxu l-asil u migranti li qed ifittxu li jidħlu l-Unjoni Ewropea għadhom qed imutu fil-Mediterran, u r-rwol li jwettqu l-kuntrabandisti u t-traffikanti, li jċaħħdu lill-migranti mid-drittijiet fundamentali tagħhom; jirrimarka li l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri drastiċi u obbligatorji biex jipprevjenu li jseħħu aktar traġedji fuq il-baħar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu s-solidarjetà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta’ dawk li qed ifittxu l-asil fil-qalba tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, u b’mod partikolari:

   jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet fundamentali jiġu integrati f’kull aspett tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, u li ssir valutazzjoni fil-fond tal-impatt li għandhom fuq id-drittijiet fundamentali tal-migranti l-miżuri u mekkaniżmi kollha li jirrigwardaw il-migrazzjoni, l-asil u l-kontroll tal-fruntieri; b’mod partikolari, jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet tal-migranti vulnerabbli;
   jissottolinja l-ħtieġa ta’ approċċ tal-UE olistiku li jkun isaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tal-UE; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jpoġġu r-rispett lejn id-drittijiet tal-migranti fiċ-ċentru ta’ kull ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi, inklużi l-ftehimiet ta’ riammissjoni, is-sħubijiet għall-mobilità u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni teknika.
   ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu internazzjonali tagħhom li jgħinu lin-nies li jinsabu f’diffikultà fuq il-baħar;
   jitlob lill-Istati Membri jemendaw jew jeżaminaw mill-ġdid kwalunkwe leġiżlazzjoni li tippenalizza lin-nies li jassistu lill-migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar;
   jissottolinja d-dritt fundamentali li persuna titlob l-asil; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiftħu u jallokaw riżorsi biżżejjed biex jinħolqu possibilitajiet u mezzi sikuri u legali biex il-persuni li jfittxu l-asil jidħlu fl-Unjoni Ewropea, sabiex jitnaqqsu r-riskji inerenti meta jippruvaw jidħlu b’mod illegali u jiġu kkumbattuti n-netwerks tat-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin li japprofittaw mill-fatt li jipperikolaw il-ħajja tal-migranti u mill-isfruttament sesswali u tax-xogħol tagħhom;
   jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fi programmi ta’ risistemazzjoni tal-UE, u jinkoraġġixxi l-użu ta’ viżi umanitarji;
   iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza diċenti li jkunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali eżistenti u l-leġiżlazzjoni dwar l-asil, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni vulnerabbli u lit-tnaqqis tar-riskju ta’ esklużjoni soċjali ta’ dawk li jfittxu l-asil; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), u b’mod partikolari tad-Direttiva 2013/32/UE, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li jfittxu l-asil li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali;
   jitlob li tiġi stabbilita sistema tal-asil tal-UE effettiva u armonizzata għad-distribuzzjoni ġusta ta’ dawk li jfittxu l-asil bejn l-Istati Membri;
   jiddeplora l-inċidenti rrappurtati ta’ respinġiment vjolenti fil-fruntieri tal-UE; ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement kif rikonoxxut mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mill-QEDB u fil-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi skont l-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji tagħha u lill-Istati Membri jiżguraw ir-rispett għal dawn u għal obbligi oħra internazzjonali u tal-UE;

118.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjonijiet meħtieġa sabiex jimplimentaw il-prinċipju ta’ solidarjetà kif jissemma fl-Artikolu 80 tat-TFUE;

119.  Jikkundanna bil-qawwa l-protezzjoni tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, li issa xi drabi saħansitra tieħu s-sura ta’ kostruzzjoni ta’ ħitan u wajer imxewwek, u n-nuqqas ta’ mezzi legali għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, li b’konsegwenza jwasslu biex bosta applikanti għall-asil u migranti jsibu ruħhom obbligati li jużaw mezzi dejjem iktar perikolużi, sitwazzjoni li tħallihom jafdaw ruħhom f’idejn kuntrabandisti u traffikanti tal-bnedmin;

120.  Jitlob li jsiru kontrolli fuq il-fruntieri li jkunu sensittivi għad-drittijiet fundamentali, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ sorveljanza demokratika mill-Parlament fuq l-operazzjonijiet tal-Frontex;

121.  Jitlob li jiġu sospiżi l-attivitajiet kollha identifikati bħala li jiksru d-drittijiet fundamentali kif meħtieġ mil-liġi tal-UE jew mill-mandat tal-Frontex;

122.  Jenfasizza l-impatt negattiv li għandu r-Regolament ta’ Dublin fuq l-aċċess effettiv għall-protezzjoni internazzjonali fin-nuqqas ta’ sistema ta’ asil Ewropea komuni ġenwina, partikolarment fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ u l-QEDB; jikkundanna l-fatt li r-reviżjoni tar-regolament ma wasslitx għas-sospensjoni ta’ dan ir-regolament, jew tal-anqas għall-abolizzjoni tar-ritorn lejn l-ewwel pajjiż ta’ dħul fl-UE, u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq alternattiva possibbli bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri;

123.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

124.  Jikkundanna r-rikors indiskriminat għad-detenzjoni illegali tal-migranti irregolari, inklużi dawk li jfittxu l-asil, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-persuni apolidi; jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-“Direttiva dwar ir-Ritorn”, inkluż ir-rispett lejn id-dritt għad-dinjità u lejn il-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal, u li jirrispettaw id-dritt internazzjonali u dak tal-UE;; ifakkar li d-detenzjoni tal-migranti għandha tibqa’ miżura tal-aħħar għażla u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimenta miżuri alternattivi; jikkundanna l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni skandalużi li hemm f’xi Stati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizzahom mingħajr dewmien; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-migranti irregolari jingħataw id-dritt għal rimedju effettiv f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom;

125.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tingħata l-informazzjoni u tiġi żgurata t-trasparenza rigward id-detenzjoni tal-migranti u l-applikanti għall-asil f’bosta Stati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 sabiex ikun jinkludi d-data statistika dwar il-funzjonament tas-sistemi u l-installazzjonijiet ta’ detenzjoni;

126.  Jenfasizza l-importanza ta’ kontroll demokratiku ta’ kull forma ta’ ċaħda tal-libertà skont il-liġijiet dwar l-immigrazzjoni u l-asil; jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali jżuru regolarment iċ-ċentri ta’ akkoljenza u ta’ detenzjoni għall-migranti u għal dawk li jfittxu l-asil, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn iċ-ċentri għall-NGOs u l-ġurnalisti;

127.  Jitlob monitoraġġ aktar mill-qrib tal-funzjonament taċ-ċentri ta’ akkoljenza u ta’ detenzjoni tal-migranti, tat-trattament li jingħata lill-migranti u tal-proċeduri applikati mill-Istati Membri fil-għoti tal-asil; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-hekk imsejħa "proċeduri ta’ espulsjoni ħabta u sabta" u l-inċidenti vjolenti li jseħħu f’diversi żoni “jaħarqu” fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tvara b’mod urġenti f’dan il-qafas djalogu politiku mal-pajjiżi li jwettqu dawn il-prattiki bil-għan li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt.

128.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistabbilixxu miżuri konkreti u l-aħjar prattiki mmirati biex jippromwovu t-trattament ugwali u l-inklużjoni soċjali sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà; ifakkar f’dan ir-rigward li huwa essenzjali li ssir ġlieda kontra l-isterjotipi negattivi u l-informazzjoni żbaljata dwar il-migranti billi jiġu żviluppati kontronarrativi, primarjament fl-iskejjel u diretti lejn iż-żgħażagħ, biex jissaħħaħ l-impatt pożittiv tal-migrazzjoni;

129.  Jikkunsidra li t-tfal migranti huma partikolarment vulnerabbli, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) sabiex itejbu l-kundizzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE; jilqa’ s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-648/11, li ddikjarat li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil magħmula f’iktar minn Stat Membru wieħed minn minorenni mhux akkumpanjat huwa dak l-Istat li fih il-minuri jkun jinsab wara li jkun ippreżenta l-applikazzjoni hemmhekk; ifakkar li minorenni mhux akkumpanjati huma fuq kollox tfal u li hija l-protezzjoni tat-tfal, aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, li trid tkun il-prinċipju ewlieni għall-Istati Membri u l-UE meta jkunu qed jittrattaw magħhom;

130.  Jitlob li ssir valutazzjoni dwar kif jiġu użati l-fondi allokati u użati għall-affarijiet interni, b’mod partikolari l-fondi mogħtija għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu asil; jistieden lill-UE tieħu azzjoni jekk jirriżulta li l-fondi ntużaw għal attivitajiet li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali;

131.  Jitlob li tingħata assistenza lill-Istati Membri li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Unjoni sabiex tgħinhom jindirizzaw il-lakuni sistematiċi fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u l-proċeduri tal-asil, li ggravaw minħabba ż-żieda fin-numru ta’ applikanti għall-asil;

132.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tiggarantixxi r-responsabbiltà tal-aġenti tagħha għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali li jistgħu jitwettqu minnhom; b’mod partikolari, jitlob li jiġi żgurat li tinfetaħ inkjesta, wara li saru allegazzjonijiet li jindikaw li twettaq ksur fil-kuntest tal-operazzjonijiet ikkoordinati mill-Aġenzija Frontex, u li se jiġu adottati miżuri adegwati, ta’ natura dixxiplinari jew ta’ natura oħra, fil-konfront ta’ dawk li jirriżultaw li wettqu dan il-ksur; għal dak il-għan jitlob għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ rikors intern fi ħdan il-Frontex, kif mitlub mill-Ombudsman Ewropew fil-kuntest tal-inkjesta tiegħu fil-Kawża Nru OI/5/2012/BEH-MHZ u li l-konklużjonijiet tal-inkjesti mwettqa abbażi tal-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem isiru pubbliċi; jitlob, barra minn hekk, li l-operazzjonijiet tal-Frontex jiġu sospiżi jekk twettaq ksur tad-drittijiet fundamentali waqt tali operazzjonijiet, kif jiddisponi l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011;

133.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

134.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa li jkunu vittmi ta’ persekuzzjoni sessista ikollhom aċċess ġenwin għall-protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, inklużi l-ħruġ fil-pront ta’ permess ta’ residenza validu fih innifsu għall-membri tal-familja li jkunu daħlu għal raġunijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja meta jkun hemm ċirkostanzi partikolarment diffiċli, bħall-vjolenza domestika;

135.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-asil tqis il-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali bħala persuni vulnerabbli u tinkludi l-mutilazzjoni ġenitali fost il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkun qed jintalab asil; jistieden lill-Istati Membri sabiex iħarrġu lill-professjonisti li huma f’kuntatt mal-migranti biex jidentifikaw in-nisa u l-bniet li huma suxxettibbli li jiġu ssuġġettati għall-mutilazzjoni ġenitali fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom;

136.  Jenfasizza li d-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom stabbilit fit-Trattati u ggarantiti mid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali l-aktar konkreti taċ-ċittadini Ewropej; jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta’ rieżami ta’ dan l-acquis, b’mod partikolari l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri ta’ Schengen barra l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u jitlob li kwalunkwe ksur tar-regoli jirriżulta fil-ftuħ ta’ proċedimenti legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ix-xejra li kulma jmur qed tikber tat-tkeċċijiet ta’ malajr ta’ ċittadini tal-UE mill-Istati Membri ta’ residenza tagħhom wara li jkunu tilfu l-impjieg u l-introjtu tagħhom bi ksur tal-qafas eżistenti; iqis li dan imur kontra l-ispirtu tal-moviment liberu;

Is-solidarjetà fil-kriżi ekonomika

137.  Jiddeplora l-mod li bih il-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn sovran, flimkien mar-restrizzjonijiet baġitarji imposti, affettwat b’mod negattiv id-drittijiet ekonomiċi, ċivili, soċjali u kulturali, li ta’ spiss jirriżultaw f’żieda fil-qgħad, faqar, u kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ għajxien prekarji, kif ukoll f’esklużjoni u iżolament, partikolarment fl-Istati Membri li fihom ġew adottati programmi ta’ aġġustament ekonomiku, u jenfasizza li nota riċenti tal-Eurostat tindika li persuna Ewropea minn kull erbgħa issa tinsab fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

138.  Jinnota li l-kriżi ekonomika u l-miżuri implimentati biex jindirizzawha affettwaw id-dritt ta’ aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi bħalma huma l-edukazzjoni, l-abitazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali, kif ukoll li kellhom impatt negattiv fuq il-kondizzjoni tas-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni f’xi Stati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif iddikjarat fl- Artikolu 30 tal-Karta Soċjali Ewropea; jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu miżuri ta’ appoġġ, skont il-prattiki nazzjonali, biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom kondizzjonijiet ta’ għajxien diċenti u biex jiġġieldu lill-esklużjoni soċjali;

139.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri li jimplimentaw riformi strutturali fis-sistemi soċjali u ekonomiċi tagħhom, dejjem huma fl-obbligu li josservaw il-Karta u l-obbligi internazzjonali tagħhom, u huma għalhekk fl-obbligu li jagħtu rendikont għad-deċiżjonijiet meħuda; itenni t-talba tiegħu biex il-programmi ta' aġġustament ekonomiku jiġu allinjati mal-objettivi tal-Unjoni spjegati fl-Artikolu 151 tat-TFUE, inklużi l-promozzjoni tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm sorveljanza demokratika sħiħa permezz tal-involviment effettiv tal-parlamenti fuq il-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri b’reazzjoni għall-kriżi;

140.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jinvestigaw b’mod sensittiv għall-ġeneri, l-impatt li għandhom fuq id-drittijiet fundamentali l-miżuri ta’ awsterità, proposti jew implimentati, filwaqt li jqisu l-impatt sproporzjonat tal-miżuri ta’ awsterità fuq in-nisa; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni rimedjali immedjata fejn il-miżuri ta’ awsterità jkunu ħallew impatt negattiv fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tan-nisa;

141.   Jistieden lill-istituzzjonijijet tal-UE u lill-Istati Membri jeżaminaw l-impatt fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, tal-miżuri proposti jew implimentati biex jittrattaw il-kriżi u jieħdu azzjoni ta’ rimedju jekk ikun meħtieġ jekk jirriżulta li hemm sitwazzjonijiet ta’ rigressjoni fil-protezzjoni tad-drittijiet jew ta’ ksur tad-dritt internazzjonali, inklużi l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO;

142.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, meta jkunu qed jadottaw u jimplimentaw miżuri korrettivi u tnaqqis fil-baġit, iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u jiggarantixxu li jkunu għadhom qed isiru disponibbli biżżejjed riżorsi biex jiġi salvagwardjat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u biex jiġu żgurati livelli essenzjali minimi ta’ drittijiet ċivili, ekonomiċi, kulturali u soċjali, b’attenzjoni speċjali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli u soċjalment żvantaġġjati;

143.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu li l-investiment fit-tul fl-inklużjoni soċjali huwa ta’ benefiċċju, peress li jindirizza l-kost għoli tad-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu investiment pubbliku xieraq biex isostnu l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedju f’każijiet ta’ diskriminazzjoni ma jitqiegħdux f’periklu bit-tnaqqis drastiku tal-finanzjament fil-baġits tal-korpi tal-ugwaljanza; jistieden lill-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali ma jimminawx l-inklużjoni soċjali b’miżuri baġitarji li jaffettwaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità li jaħdmu favur l-ugwaljanza;

144.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tipproponi l-adeżjoni mal-Karta Soċjali Ewropea, bil-għan li ssalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet soċjali taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-estensjoni tad-drittijiet soċjali fil-Karta tal-UE għal drittijiet soċjali oħra msemmija fil-Karta Soċjali riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa bħal ma huma d-dritt għax-xogħol, id-dritt għal remunerazzjoni ġusta, id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Il-kriminalità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

145.  Itenni li l-kriminalità tal-korruzzjoni, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata, tirrappreżenta ksur serju tad-drittijiet fundamentali u theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jenfasizza li l-korruzzjoni, billi tiżvija l-fondi pubbliċi mill-għanijiet ta’ utilità pubblika li għalihom huma ddestinati, tnaqqas il-livell u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, u b’hekk tagħmel ħsara serja lit-trattament ġust taċ-ċittadini kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jiżviluppaw strumenti effikaċi għall-prevenzjoni, il-ġlieda u s-sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità u jkomplu jimmonitorja b’mod regolari l-użu li jsir tal-fondi pubbliċi, kemm jekk huma Ewropej u kemm jekk nazzjonali; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jaġevolaw, mill-aktar fis possibbli, it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew, u b’hekk jipprovdu garanziji adegwati ta’ indipendenza u effiċjenza;

146.  Jenfasizza li l-korruzzjoni tirrappreżenta ksur serju tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet jiżviluppaw strumenti effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u regolarment jivverifikaw l-użu tal-fondi pubbliċi, kemm jekk huma Ewropej u kemm jekk nazzjonali; jenfasizza li aktar trasparenza u aċċess għad-dokumenti pubbliċi miċ-ċittadini u l-ġurnalisti huwa mod effiċjenti biex tinkixef u tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

147.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija ta’ kontra l-korruzzjoni li tkun ikkumplementata minn strumenti effettivi; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-UE jissieħbu fis-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ u jiżviluppaw strateġiji konkreti biex jippromwovu t-trasparenza, jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u jiġġieldu lill-korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport dwar il-Ġlieda lill-Korruzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u lir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar “il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(34)”, u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

148.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra kull tip ta’ kriminalità organizzata serja inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż u l-isfruttament sesswali, it-tortura u x-xogħol sfurzat, b’mod partikolari dawk li jinvolvu n-nisa u t-tfal;

149.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddisponi għar-reati biex topponi r-reati ambjentali mwettqa minn persuni individwali jew gruppi kriminali organizzati li għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-bnedmin – id-dritt għas-saħħa, għall-ħajja u għat-tgawdija ta’ ambjent b’saħħtu – kif ukoll fuq l-ekonomija u fuq l-użu tar-riżorsi pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-implimentazzjoni effettiva fl-UE tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tad-dritt li għandha kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f’ambjent li jwassal għas-saħħa u l-benesseri tagħha;

150.  Jipproponi l-varar ta’ kodiċi Ewropew ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni u sistema trasparenti ta’ indikaturi rigward il-livelli ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri u l-progress li jsir fil-qirda tal-korruzzjoni, kif ukoll rapport komparattiv annwali dwar l-istat ta’ din il-pjaga fuq livell Ewropew;

151.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jtemmu l-kompetizzjoni fiskali u b’mod effettiv jiġġieldu lill-prattiki ta’ tassazzjoni dannużi, u lill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-UE, li jdgħajfu l-kapaċità tal-Istati Membri li jisfruttaw għall-massimu r-riżorsi disponibbli tagħhom sabiex iwettqu bis-sħiħ id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

152.  Jikkundanna l-fenomenu li qed jikber tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment għall-isfruttament sesswali, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri, skont id-direttiva tal-UE, biex jiġġieldu lid-domanda għall-isfruttament li qed taggrava t-traffikar fil-forom kollha tiegħu;

Il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u istituzzjonijiet oħra ta’ detenzjoni

153.  Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali tal-ħabsin għandhom jiġu ggarantiti mill-awtoritajiet nazzjonali; jiddeplora l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u f’istituzzjonijiet oħra ta’ detenzjoni ta' bosta Stati Membri fosthom il-problemi tal-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet u t-trattament ħażin tal-ħabsin; iqis li hija indispensabbli l-adozzjoni, min-naħa tal-UE, ta' strument li jiggarantixxi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT) u tas-sentenzi tal-QEDB;

154.  Ifakkar li l-abbuż tal-miżuri ta’ kustodja jwassal għall-iffullar fil-ħabsijiet fl-Ewropa kollha, sitwazzjoni li tikser id-drittijiet fundamentali tal-individwi u tikkomprometti l-fiduċja reċiproka meħtieġa biex tirfed il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Ewropa; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-Istati Membri jonoraw l-impenji li ħadu fil-fora internazzjonali u Ewropej li se jagħmlu użu aktar frekwenti ta’ miżuri ta’ probazzjoni u sanzjonijiet li joffru alternattiva għall-priġunerija, u li se jagħmlu r-reintegrazzjoni soċjali l-għan aħħari ta’ perjodu ta’ kustodja; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jadottaw strateġiji biex jippromwovu t-taħriġ u l-impjieg tal-persuni li qed iservu sentenzi ta’ ħabs;

155.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 dwar ir-rieżami tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew(35), b’mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ verifika tal-proporzjonalità u l-eċċezzjoni li tirrigwarda d-drittijiet fundamentali fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew jew miżuri ta’ rikonoxximent reċiproku b’mod aktar ġenerali;

156.  Jiddispjaċih li t-tliet deċiżjonijiet qafas li jkopru t-trasferiment ta’ priġunieri, il-probazzjoni u sanzjonijiet alternattivi u l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja, li għandhom potenzjal kbir biex inaqqsu l-iffullar fil-ħabsijiet, ġew implimentati biss minn ftit Stati Membri;

157.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-politiki ta’ detenzjoni u tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali fuq it-tfal; jirrimarka li madwar l-UE kollha d-drittijiet tat-tfal huma direttament affettwati fil-każ ta’ tfal li jgħixu fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni mal-ġenituri tagħhom; jenfasizza l-fatt li kull sena huwa stmat li madwar 800 000 tifel u tifla fl-UE jiġu separati minn ġenitur li jkun il-ħabs, ħaġa li tħalli impatt fuq id-drittijiet tat-tfal b’modi multipli;

Il-ġustizzja

158.  Jirrimarka li l-iżvilupp ta’ spazju Ewropew ta’ ġustizzja bbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku u s-salvagwardji ġuridiċi, li b’hekk jarmonizza s-sistemi tal-ġustizzja differenti tal-Istati Membri, b’mod speċjali f’materji kriminali, għandu jibqa’ fost il-prijoritajiet għoljin tal-Istituzzjonijiet Ewropej għall-Aġenda tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja għall-2020;iqis li l-applikazzjoni effettiva tal-Karta u tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali hija kruċjali għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tajjeb tal-ispazju Ewropew ta’ ġustizzja;

159.  Jirrimarka li d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja u għal tribunal indipendenti u imparzjali huwa indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li huma effettivi biss jekk ikunu ġudikabbli, għad-demokrazija u l-istat tad-dritt; itenni l-importanza li jiġi żgurat li kemm is-sistemi tal-ġustizzja ċivili u kemm dik tal-ġustizzja kriminali huma effiċjenti u li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun iggarantita;

160.  Jilqa’ l-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika, li hu operat mill-Kummissjoni u jipprovdi lill-professjonisti u lill-pubbliku informazzjoni dwar sistemi tal-ġustizzja u huwa għodda prattika biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, b’taqsima separata dwar id-drittijiet fundamentali li tfittex li tinforma liċ-ċittadini dwar għand min għandhom imorru f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

161.  Jilqa’ l-passi li diġà ttieħdu fuq livell Ewropew biex jiġu armonizzati s-salvagwardji tal-Istati Membri fi proċedimenti kriminali u l-benefiċċji tagħhom għaċ-ċittadini; itenni l-importanza tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali li tkun konformi mal-ogħla standard ta’ protezzjoni mnaqqax fil-Karta, fit-trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fil-liġi kostituzzjonali tal-Istati Membri;

162.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ aċċess għall-għajnuna legali f’ħafna Stati Membri u l-fatt li dan ixekkel id-dritt ta' aċċess għall-ġustizzja għal dawk li m’għandhomx mezzi finanzjarji biżżejjed; iqis li huwa essenzjali li l-UE tadotta direttiva qawwija u komprensiva dwar l-aċċess għall-għajnuna legali;

163.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiddisponu għal miżuri li jappoġġjaw u jipproteġu lill-informaturi li jiddenunzjaw azzjonijiet illegali;

Iċ-ċittadinanza

164.  Iqis li ċ-ċittadinanza attiva u parteċipattiva tal-UE għandha tiġi mħeġġa permezz tal-aċċess għal dokumenti u informazzjoni, it-trasparenza, governanza u amministrazzjoni tajba, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanz demokratiċi, bil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadini tal-Unjoni; jinsisti fuq il-bżonn li ssir possibbli l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew kif garantit mill-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-importanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u djalogu f’dan ir-rigward; jinnota li d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet pubbliċi jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u jippermettilhom jiskrutnizzaw u jivvalutaw lill-awtoritajiet pubbliċi u jżommuhom responsabbli; jiddeplora f’dan il-kuntest l-istaġnar tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u l-Kunsill li jerġgħu jaqbdu l-ħidmiet tagħhom filwaqt li jqisu l-proposti tal-Parlament;

165.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li mexxew kampanji ta’ informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet konnessi magħha; id-drittijiet għall-protezzjoni diplomatika u konsulari, id-dritt ta’ petizzjoni u d-dritt li wieħed iressaq ilmenti lill-Ombudsman Ewropew, id-dritt tal-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-dritt li dak li jkun jippreżenta inizjattivi taċ-ċittadini;

166.  Ifaħħar ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew għad-determinazzjoni tagħha li tiżgura amministrazzjoni tajba u trasparenza tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;

167.  Jikkundanna l-fatt li aktar minn 15-il miljun ċittadin minn stati terzi u 500 000 persuna apolida fl-Unjoni Ewropea huma vittmi ta’ rifjut diskriminatorju li tiġi rikonoxxuta ċ-ċittadinanza tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw id-dritt fundamentali għaċ-ċittadinanza u jistieden partikolarment lill-Istati Membri jirratifikaw, u jattwaw bis-sħiħ, il-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961 kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-Ċittadinanza tal-1997;

168.  Jenfasizza li l-infurmar taċ-ċittadini dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom huwa parti integrali mid-dritt għal amministrazzjoni tajba kif spjegat fil-Karta; jitlob lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni l-aktar fil-bżon, jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu spjegati lilhom, jappoġġjawhom u jiżguraw li dawk id-drittijiet jiġu rispettati;

169.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pass ’il quddiem fl-ikkonsolidar tad-dritt għal amministrazzjoni tajba billi ddawwar il-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tal-UE f’regolament ġuridikament vinkolanti;

170.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, permezz tal-politiki tagħhom, li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati kif jixraq, iggarantiti, protetti u żviluppati ulterjorment fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jġeddu l-isforzi tagħhom biex jirrikonoxxu d-dritt ta’ petizzjoni u d-dritt ta’ rikors għand l-Ombudsman bħala mezz biex iċ-ċittadini jiddefendu d-drittijiet tagħhom;

171.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, fuq il-bażi ta’ mijiet ta’ petizzjonijiet li jaslu kull sena, dwar in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni proprja fl-Istati Membri, kemm fil-forma u kemm fis-sustanza, tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, bħalma huma d-direttivi dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika; jitlob lill-Kummissjoni twettaq sorveljanza iktar mill-qrib tas-sustanza ta’ proċeduri bħal dawn, b’mod partikolari meta każijiet speċifiċi jkunu s-suġġet tal-petizzjonijiet;

172.  Itenni l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), bħala dritt ġdid taċ-ċittadini introdott bit-Trattat ta’ Lisbon li jimmira li jżid id-demokrazija parteċipattiva fl-UE; jinnota l-importanza tal-IĊE bħala għodda qawwija li tagħti liċ-ċittadini Ewropej dritt demokratiku dirett li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, b'żieda mad-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament Ewropew (PE) u d-dritt tagħhom li jappellaw għand l-Ombudsman Ewropew;

173.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rwol tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) billi tadotta approċċ li jkun jirrispetta liċ-ċittadini biex tindirizza n-nuqqasijiet kollha ta’ dan l-istrument fir-reviżjoni li jmiss dalwaqt tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-kampanji ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini dwar l-użu tal-IĊE u s-setgħa tagħha li tinfluwenza l-proċess tat-tfassil tal-politiki tal-UE;

Il-vittmi tal-kriminalità

174.  Iqis li l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità għandha tkun prijorità; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod xieraq, mingħajr dewmien, id-Direttiva tal-UE dwar il-Vittmi (2012/29/UE), sabiex jirrispettaw l-iskadenza għat-traspożizzjoni, iffissata għas-16 ta’ Novembru 2015, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, skont l-Artikolu 28 tagħha, il-ġbir ta’ data komparabbli dwar it-traspożizzjoni tagħha, b’mod partikolari dwar kif il-vittmi, inklużi l-vittmi ta’ delitti mwettaq b’motiv diskriminatorju, irnexxielhom ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom; iqis li għad hemm ħafna xi jsir biex jingħata appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità, billi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jiġu żgurati sistemi ta’ riferiment effettivi u jiġu mħarrġa l-uffiċjali tal-pulizija u l-professjonisti tal-liġi biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ fiduċja u kunfidenza mal-vittmi, kif turi r-riċerka tal-FRA dwar l-appoġġ għall-vittmi; jilqa’ l-adozzjoni, fl-2013, ta’ regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili;

175.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE jiżguraw l-ogħla kwalità ta’ ġbir ta’ data komparabbli dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Vittmi (2012/29/UE) u dwar kif il-vittmi, inklużi l-vittmi ta’ reati mwettqa abbażi ta’ preġudizzju u motiv diskriminatorju, irnexxielhom jieħdu d-drittijiet tagħhom, kif meħtieġ mill-Artikolu 28 tad-Direttiva;

176.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jqisu l-iżviluppi demografiċi u l-bidliet fid-daqs u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi meta jkunu qed ifasslu l-politiki tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki soċjali u tal-impjiegi tagħhom ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tad-daqs u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi;

177.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-vakwu ġuridiku fir-rigward tal-aċċess taċ-ċittadini għal rimedju legali meta l-Istati Membri ma jkunux għamlu t-traspożizzjoni, jew ikunu ttardjaw li jagħmlu t-traspożizzjoni, tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tikkonċernahom direttament; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni tal-azzjonijiet fil-livelli kollha biex jiġu protetti u promossi d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġu inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili;

178.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ it-trasparenza istituzzjonali, ir-responsabilità demokratika u l-ftuħ fl-UE u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE u lill-Istati Membri kollha:

   jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li ssir reviżjoni mill-aktar fis tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ħalli jiġu żgurati trasparenza massima u proċeduri semplifikati għall-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, terġa' tvara l-inizjattiva leġiżlattiva dwar Att dwar l-Aċċessibbiltà, fil-forma ta' strument orizzontali li jkun kapaċi jżid il-protezzjoni mogħtija lill-persuni b'diżabilità, u jiżguraw li l-politiki kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE jkunu koerenti għal dan il-għan;
   iressqu reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (Regolament (UE) Nru 211/2011) matul din il-leġiżlatura bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tiegħu, jiġu inkorporati emendi biex jitneħħew l-ostakli amministrattivi, organizzattivi u finanzjarji li jista’ jkun hemm li minħabba fihom mhux iċ-ċittadini Ewropej kollha jistgħu jeżerċitaw b'mod korrett l-influwenza demokratika tagħhom permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej kif ipprovdut fit-Trattati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi wkoll fil-proposta tagħha d-dispożizzjonijiet neċessarji biex lil ċerti gruppi ta' ċittadini, bħalma huma dawk neqsin mid-dawl jew li jgħixu barra minn pajjiżhom, twaqqafhom milli jiġu miżmuma milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jsostnu l-inizjattivi taċ-ċittadini, peress li tali esklużjoni tillimita l-ugwaljanza u l-involviment fost iċ-ċittadini;
   iressqu reviżjoni tad-Direttiva 93/109/KE dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, sabiex tingħata għajnuna liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat li mhuwiex tagħhom biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej fil-pajjiż ta' residenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini kollha tagħhom jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej, inklużi dawk li jgħixu barra mill-UE, partikolarment permezz ta' kampanja ta' informazzjoni mwettqa fi żmien utli;
   jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-parti tal-popolazzjoni li kulma jmur qed dejjem tikber li hija mċaħħda totalment mid-dritt tal-vot tagħha fir-rigward tal-elezzjonijiet nazzjonali billi la jistgħu jivvotaw f’pajjiżjom u lanqas fil-pajjiż ta' residenza tagħhom;

o
o   o

179.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0105.
(3) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(4) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.
(5) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010, id-Direttiva 2012/13/UE tat-22 ta’ Mejju 2012 u d-Direttiva 2013/48/UE tat-22 ta’ Ottubru 2013
(6) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(7) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(8) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(9) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(10) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(11) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(12) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(13) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(14) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(15) Testi adottati, P7_TA(2013)0594.
(16) Testi adottati, P7_TA(2014)0062.
(17) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 101.
(18) Testi adottati, P7_TA(2013)0387.
(19) Testi adottati, P7_TA(2014)0173.
(20) Testi adottati, P8_TA(2014)0105.
(21) ĠU C 124E, 25.5.2006, p. 405.
(22) Testi adottati, P8_TA(2014)0070.
(23) Testi adottati, P7_TA(2013)0322.
(24) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.
(25) Testi adottati, P8_TA(2015)0031.
(26) Testi adottati, P7_TA(2013)0350.
(27) Testi adottati, P8_TA(2014)0058.
(28) ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 1
(29) Testi adottati, P7_TA(2013)0418.
(30) Testi adottati, P7_TA(2013)0203.
(31) Testi adottati, P7_TA(2013)0315.
(32) Programm ta’ Azzjoni tal-ICPD § 7.2 u 7.3.
(33) Testi adottati, P8_TA(2015)0070.
(34) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(35) Testi adottati, P7_TA(2014)0174.

Avviż legali