Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0197/2015

Testi mressqa :

A8-0197/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 23
CRE 07/09/2015 - 23

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0287

Testi adottati
PDF 364kWORD 82k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Proċeduri u prattiki rigward is-Seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014
P8_TA(2015)0287A8-0197/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014 (2015/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 246 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-emenda tal-Artikoli 106 u 192 u l-Anness XVII tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-kodiċi ta' kondotta għall-Kummissarji Ewropej, b'mod partikolari l-Artikoli 1.3 u 1.6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 118 u l-Anness XVI għar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0197/2015),

Billi:

A.  is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati, li ntużaw għall-ewwel darba fl-1994, illum huma prattika stabbilita sew li żżid il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tqarreb lil dawn l-istituzzjonijiet lejn iċ-ċittadini Ewropej;

B.  is-seduti ta' smigħ huma indispensabbli sabiex il-Parlament ikun jista' jfassal ġudizzju informat fuq il-Kummissjoni meta jorganizza l-vot ta' fiduċja tiegħu li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu l-kariga;

C.  il-proċess ta' seduti ta' smigħ jagħti lill-Parlament u liċ-ċittadini tal-UE l-opportunità li jiskopru u jevalwaw il-personalitajiet, il-kwalifiki, it-tħejjija u l-prijoritajiet tal-kandidati, kif ukoll l-għarfien tagħhom tal-portafoll fdat lilhom;

D.  il-proċess ta' seduti ta' smigħ iżid it-trasparenza u jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni b'mod ġenerali;

E.  l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg; billi dan ir-rekwiżit għandu jiġi rifless fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; billi, minkejja t-talbiet imtennija minn Jean-Claude Juncker fl-2014, il-gvernijiet pproponew numru ferm akbar ta' kandidati rġiel milli kandidati nisa; billi n-nisa li ġew proposti ġejjin primarjament minn Stati Membri b'popolazzjonijiet iżgħar u, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati Membri l-kbar injoraw dan ir-rekwiżit; billi l-unika soluzzjoni ġusta hija li kull Stat Membru jintalab jipproponi żewġ kandidati, raġel u mara, sabiex il-President innominat ikun jista' jipproponi Kulleġġ ta' kwalità għolja b'numru ugwali ta' rġiel u nisa;

F.  il-proċess ta' seduti ta' smigħ, filwaqt li wera l-effikaċja tiegħu, dejjem jista' jittejjeb, b'mod partikolari permezz ta' skambji aktar flessibbli u dinamiċi bejn il-Kummissarju u l-membri tal-Kumitat responsabbli għas-seduta ta' smigħ;

G.  is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarju nnominat għall-kariga ta' Viċi President, Frans Timmermans, enfasizzat l-ħtieġa li jiġu adatti l-proċeduri tal-Parlament f'każ li Kummissjonijiet futuri jkollhom status speċjali għal Viċi President wieħed jew aktar;

H.  L-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-Unjoni "għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel" u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid li "l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga";

1.  Iqis li s-seduti ta' smigħ pubbliċi tal-Kummissarji nnominati jippreżentaw opportunità importanti għall-Parlament Ewropew u għaċ-ċittadini tal-UE biex jivvalutaw il-prijoritajiet ta' kull kandidat u jekk ikunux adatti għar-rwol;

2.  Iqis li jkun utli li tiġi stabbilita data ta' skadenza sa meta l-Istati Membri jridu jipproponu l-kandidati tagħhom, sabiex il-President elett tal-Kummissjoni jkollu biżżejjed żmien biex jalloka l-portafolli skont l-esperjenza ta' xogħol u l-isfond tal-kandidat, u biex il-Parlament ikun jista' jorganizza s-seduti ta' smigħ u jfassal l-evalwazzjonijiet tiegħu, u jitlob lill-President tiegħu biex jidħol f'diskussjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra bil-għan li jinkiseb dan l-għan;

3.  Iqis ukoll li kull Stat Membru minn issa 'l quddiem għandu jressaq minn tal-anqas żewġ kandidati – raġel u mara, fuq bażi ta' ugwaljanza – għall-kunsiderazzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni; iqis li huwa importanti li l-Unjoni għandha tikseb ukoll, fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha stess, l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi li tkun stabbiliet;

4.  Iqis li l-kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji maħtura min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandhom jittejbu; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji għandhom jinkludu l-interessi tal-familji, kif previst fl-Artikolu 1.6 tal-kodiċi ta' kondotta għall-Kummissarji; iqis li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, ibbażata fuq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prekundizzjoni essenzjali biex il-kumitat responsabbli jkun jista' jorganizza s-seduta ta' smigħ;

5.  Ifakkar li huma l-kumitati li huma responsabbli għat-tmexxija tas-seduti ta' smigħ; iqis, madankollu, li meta Viċi President tal-Kummissjoni jkollu responsabbiltajiet li huma primarjament orizzontali, is-seduta ta' smigħ tista', f'każijiet eċċezzjonali, issir f'format differenti, bħal laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti jew laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, dejjem jekk din il-laqgħa tkun tippermetti d-djalogi u tinkludi l-kumitati responsabbli rispettivi sabiex tippermettilhom jisimgħu l-Kummissarju nnomiat tagħhom;

6.  Iqis li l-kwestjonarju bil-miktub mibgħut qabel kull seduta ta' smigħ għandu jippermetti li jsiru seba' mistoqsijiet minflok ħamsa, iżda li m'għandux ikun hemm bosta sottomistoqsijiet għal kull mistoqsija;

7.  Iqis li jkun aħjar li jkun hemm madwar 25 mistoqsija, iżda li kull interpellant ikun permess jagħti segwitu immedjat, bil-għan li tittejjeb l-effikaċja u n-natura inkwiżitorjali tas-seduti ta' smigħ;

8.  Iqis li l-proċeduri għall-monitoraġġ tat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ jistgħu jgħinu biex jitjieb il-kontroll u tiżdied ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni b'mod ġenerali; jitlob, għaldaqstant, li jsir rieżami perjodiku tal-prijoritajiet imsemmija mill-Kummissarji nnominati wara li jkunu bdew il-mandat tagħhom;

9.  Iqis li l-linji gwida li ġejjin għandhom japplikaw għal-laqgħa ta' evalwazzjoni tal-koordinaturi li ssir wara s-seduti ta' smigħ:

   jekk il-koordinaturi japprovaw b'mod unanimu l-kandidat – ittra ta' approvazzjoni;
   jekk il-koordinaturi jirrifjutaw b'mod unanimu l-kandidat – ittra ta' rifjut;
   jekk il-koordinaturi li jirrappreżentaw maġġoranza ċara japprovaw il-kandidat – ittra li tiddikjara li l-maġġoranza l-kbira tapprova (il-minoranzi jistgħu jitolbu li fl-ittra jingħad li l-grupp tagħhom ma jkkondividix il-fehma tal-maġġoranza);
   jekk ma jkunx hemm maġġoranza ċara, jew ikun hemm maġġoranza (iżda mhux kunsens) kontra l-kandidat, u jekk il-koordinaturi jqisuh neċessarju:
   o l-ewwel għandha tintalab informazzjoni addizzjonali permezz ta' aktar mistoqsijiet bil-miktub;
   o jekk xorta waħda jibqgħu mhux sodisfatti, għandha tintalab seduta ta' smigħ oħra ta' siegħa u nofs, bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti;
   o jekk ikun għad m'hemmx kunsens jew maġġoranza assoluta fost il-koordinaturi – għandha ssir votazzjoni fil-kumitat;
   maġġoranza ċara, f'dan il-kuntest, għandha tkun ta' koordinaturi li flimkien jirrappreżentaw minn tal-anqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat;

10.  Jinnota li s-seduti ta' smigħ tal-2014 iġġeneraw interess akbar mill-midja u mill-pubbliku minn seduti ta' smigħ preċedenti, u dan, minn naħa, kien minħabba l-evoluzzjoni tal-midja soċjali; jemmen li l-impatt u l-infuwenza tal-midja soċjali aktarx li jkomplu jikbru fil-futur; iqis li għandha tiddaħħal fis-seħħ dispożizzjoni dwar l-użu tal-midja soċjali u tan-netwerks sabiex jiġu inklużi b'mod aktar effikaċi ċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tas-seduti ta' smigħ;

11.  Iqis li:

   fil-websajt tal-Parlament għandu jkun hemm taqsima speċifika fejn, qabel is-seduti ta' smigħ pubbliċi, jiġu ppubblikati s-CVs tal-Kummissarji nnominati u t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;
   fil-websajt tal-Parlament għandu jkun hemm taqsima speċifika u viżibbli fejn l-evalwazzjonijiet jitqiegħdu fi żmien 24 siegħa;
   ir-regola għandha tinbidel biex tirreferi għal 24 siegħa wara l-evalwazzjoni, peress li xi evalwazzjonijiet jitlestew biss wara proċeduri ulterjuri;

12.  Iqis li l-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw il-kompożizzjoni, l-istruttura u l-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni b'mod ġenerali, u li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod adegwat minn Kummissarju nnominat partikolari, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-President elett tal-Kummissjoni; iqis li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati waqt il-laqgħat bejn il-President elett u l-Konferenza tal-Presidenti (waħda qabel ma jibda l-proċess tas-seduti ta' smigħ, u l-oħra wara li dan ikun intemm);

13.  Iqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji għandu jibqa' kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji huwa limitat wisq, u jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tagħha dwar dan mill-aktar fis possibbli; iqis li huwa importanti, għaldaqstant, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu, fix-xhur li ġejjin, jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji għandhom ikopru wkoll il-membri tal-familja li jgħixu magħhom fl-istess unità domestika;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 137.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 98.
(3) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 152.

Avviż legali