Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2232(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0178/2015

Testi mressqa :

A8-0178/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 24
CRE 07/09/2015 - 24

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0288

Testi adottati
PDF 338kWORD 155k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Drittijiet tal-bniedem u teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi
P8_TA(2015)0288A8-0178/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar "Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi" (2014/2232(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Barranin) fit-12 ta' Mejju 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-"Gwida tas-Settur tal-ICT dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem", ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Il-Libertà tal-Espressjoni fuq l-Internet"(3) u r-rapport regolari tar-Rappreżentant Speċjali tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja għall-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' Novembru 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ippreżentat fit-23 ta' Settembru 2014 (A/69/397)(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali"(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tas-17 ta' April 2013 dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u tal-opinjoni (A/HRC/23/40), li janalizza l-implikazzjonijiet tas-sorveljanza tal-istati fuq il-komunikazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem għall-privatezza u għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2015 dwar "Is-Sorveljanza tal-massa"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħrajn tan-negozju, tal-21 ta' Marzu 2011, bit-titolu "Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti 'Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja'"(9),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(10) u r-rapport annwali tal-2014 tal-OECD dwar il-linji gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali(11),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2013 tal-Korporazzjoni tal-Internet għal Ismijiet u Numri Assenjati(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2014 bit-titolu "Il-Politika u l-Governanza tal-Internet: Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet"(13),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati, adottata fl-24 ta' April 2014(14),

–  wara li kkunsidra s-sommarju tal-President tad-disa' Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar f'Istanbul mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-miżuri restrittivi fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea , li xi wħud minnhom jinkludu embargi fuq tagħmir tat-telekomunikazzjoni, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u għodod ta' monitoraġġ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 599/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju(15),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju tas-16 ta' April 2014(16),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tad-19-il Laqgħa Plenarja tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju li saret fi Vjenna fit-3 u l-4 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2014 bit-titolu "L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel"(17),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2014 dwar ir-rieżami tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-Istrateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-każijiet urġenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jqajmu tħassib fir-rigward tal-libertajiet diġitali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet(21)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(22),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub ta' Edward Snowden lill-Kumitat LIBE f'Marzu 2014(23),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0178/2015),

A.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi u l-aċċess għall-internet miftuħ għandhom rwol importanti sabiex ikun possibbli u jiġi żgurat it-twettiq kif ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ikollhom effett pożittiv billi jwessgħu l-ambitu tal-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni madwar id-dinja;

B.  billi s-sistemi teknoloġiċi jistgħu jintużaw ħażin bħala għodda għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ċensura, sorveljanza, aċċess mhux awtorizzat għat-tagħmir, imblukkar, interċettazzjoni, monitoraġġ u lokalizzazzjoni ta' informazzjoni u individwi;

C.  billi dan huwa magħmul minn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-gvernijiet u korpi ta' infurzar tal-liġi kif ukoll minn netwerks ta' organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi, biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-kuntest li fih l-ICTs huma ddisinjati u jintużaw jiddetermina, fil-biċċa l-kbira, l-impatt li jista' jkollhom bħala forza li tavvanza – jew tikser – id-drittijiet tal-bniedem; billi t-teknoloġija tal-informatika, b'mod speċjali s-softwer, rari tkun b'użu uniku u normalment tkun b'użu doppju f'dak li għandu x'jaqsam mal-potenzjal tagħha li tikser id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li s-softwar huwa wkoll forma ta' espressjoni;

E.  billi l-ICTs huma strumenti ewlenin li jgħinu lin-nies jorganizzaw movimenti soċjali u protesti f'diversi pajjiżi, b'mod speċjalment f'pajjiżi b'reġimi awtoritarji;

F.  billi l-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tal-kuntest li fih se jintużaw teknoloġiji hija ddeterminata mill-qawwa tal-oqfsa legali nazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-użu tat-teknoloġiji u l-abbiltà tal-istituzzjonijiet politiċi u ġudizzjarji li jissorveljaw tali użu;

G.  billi fil-qasam diġitali, atturi privati għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti fl-isferi kollha tal-attivitajiet soċjali, iżda għad m'hemmx fis-seħħ salvagwardji li jwaqqfuhom milli jimponu restrizzjonijiet eċċessivi fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi, minħabba f'hekk, l-atturi privati għandhom rwol aktar attiv fil-valutazzjoni tal-legalità tal-kontenut u fl-iżvilupp ta' sistemi ta' ċibersigurtà u ta' sistemi ta' sorveljanza, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

H.  billi l-internet jirrappreżenta rivoluzzjoni fil-possibbiltajiet li joffri għal skambju ta' data, informazzjoni u għarfien ta' kull tip;

I.  billi l-kriptaġġ huwa metodu importanti li jgħin biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni u l-persuni li jagħmlu użu minnha;

J.  billi l-governanza tal-internet ibbenefikat minn mudell deċiżjonali li jinkludi diversi partijiet interessati, proċess li jiżgura parteċipazzjoni sinifikanti, inklussiva u responsabbli tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet tekniċi u akkademiċi, is-settur privat u l-utenti;

K.  billi l-aġenziji tal-intelliġenza b'mod sistematiku mminaw il-protokolli u l-prodotti kriptografiċi sabiex ikunu jistgħu jinterċettaw il-komunikazzjonijiet u d-data; billi l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti (NSA) ġabret għadd kbir tal-hekk imsejħa "zero-day exploits" – jiġifieri, vulnerabbiltajiet fis-sigurtà tal-IT li għadhom mhux magħrufa mill-pubbliku jew mill-bejjiegħ tal-prodott; billi dawn l-attivitajiet jimminaw l-isforzi globali biex titjib is-sigurtà tal-IT;

L.  billi s-servizzi tal-intelligenza bbażati fl-UE kienu involuti f'attivitajiet li jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-bniedem;

M.  billi fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi li qegħdin iseħħu, is-sorveljanza u s-salvagwardji ġudizzjarji u demokratiċi huma b'mod ġenerali sottożviluppati;

N.  billi miżuri ta' (ċiber)sigurtà u miżuri kontra t-terroriżmu li jinvolvu l-ICTs, jew il-monitoraġġ tal-internet, jista' jkollhom effett detrimentali sinifikanti fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali tan-nies madwar id-dinja kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE meta jirresjedu jew jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u b'mod speċjali fin-nuqqas ta' bażi legali bbażata fuq il-prinċipji ta' neċessità, proporzjonalità, u sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;

O.  billi l-filtri tal-internet u s-sorveljanza tal-komunikazzjoni jimminaw l-abbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jieħdu vantaġġ mill-internet u jikkomunikaw informazzjoni sensittiva, u jiksru bosta artikoli tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) li tiggarantixxi d-dritt ta' kull persuna għall-privatezza u l-libertà ta' espressjoni;

P.  billi kemm s-sigurtà diġitali kif ukoll il-libertà diġitali huma essenzjali u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin, iżda għandhom isaħħu lil xulxin;

Q.  billi, fil-qasam tal-libertajiet diġitali, l-Unjoni Ewropea tista' tmexxi bl-eżempju dwar il-libertajiet diġitali biss meta dawn jiġu salvagwardjati fl-UE stess; u billi għalhekk l-adozzjoni tal-pakkett tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data hija kruċjali;

R.  billi l-qofol tal-kwistjoni hija marbuta mal-interessi soċjali estensivi – bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – li m'għandhomx ikunu ddeterminati mis-suq waħdu, u li jeħtieġu regolazzjoni;

S.  billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u s-sorveljanza parlamentari effikaċi ta' servizzi ta' intelligence li jużaw teknoloġija ta' sorveljanza diġitali, huma elementi importanti tal-kooperazzjoni internazzjonali;

T.  billi l-kumpaniji bbażati fl-UE għandhom sehem importanti tas-suq globali tal-ICTs, b'mod partikolari fir-rigward tal-esportazzjoni ta' teknoloġija ta' sorveljanza, traċċar, intrużjoni u monitoraġġ;

U.  billi l-introduzzjoni ta' kontrolli tal-esportazzjoni m'għandhiex tippreġudika r-riċerka leġittima fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-IT, jew l-iżvilupp ta' għodod tas-sigurtà tal-IT fejn ma jkun hemm l-ebda intenzjoni kriminali;

1.  Jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma universali u għandhom jiġu difiżi globalment f'kull dimensjoni ta' manifestazzjoni tagħhom; jenfasizza li s-sorveljanza ta' komunikazzjonijiet, bħala tali, tinterferixxi mad-drittijiet għall-privatezza u l-espressjoni, jekk titwettaq 'l barra minn qafas legali adegwat;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-politiki interni tagħha relatati mal-ICTs;

3.  Jemmen li kompliċità attiva ta' ċerti Stati Membri tal-UE fis-sorveljanza tal-massa ta' ċittadini u l-ispjunaġġ fuq mexxejja politiċi tal-NSA, kif żvelat minn Edward Snowden, ikkawża dannu serju għall-kredibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u mminaw il-fiduċja globali dwar il-benefiċċji tal-ICTs;

4.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol u l-Eurojust, fl-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-għanijiet tal-politika esterna tal-UE, li ma jsirx skambju ta' data tal-intelligence li jista' jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż terz, u li ma tintużax informazzjoni miksuba b'riżultat ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ tas-sorveljanza illegali, barra mill-UE;

5.  Jenfasizza li l-impatt tat-teknoloġiji fuq it-titjib tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki u l-programmi kollha tal-UE, jekk applikabbli, sabiex javvanzaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

6.  Jappella għall-iżvilupp u t-tixrid attiv ta' teknoloġiji li jgħinu biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiffaċilitaw id-drittijiet u l-libertajiet diġitali tan-nies, u li jippromovu l-aħjar prattiċi u oqsfa leġiżlattivi xierqa, fliwaqt li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità ta' data personali; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE u l-Istati Membri biex jippromwovu l-użu u l-iżvilupp globali ta' standards miftuħa, u ta' softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ u ta' teknoloġiji kriptografiċi;

7.  Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-atturi li jaħdmu biex isaħħu l-istandards tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-privatezza fl-ICTs fuq il-livelli kollha, inklużi standards dwar il-ħardwer, is-softwer u l-komunikazzjoni, kif ukoll li jiżviluppaw ħardwer u softwer fl-oqfsa tal-privatezza fid-disinn;

8.  Jappella biex jiġi stabbilit fond tad-drittijiet tal-bniedem u tat-teknoloġija taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Iħeġġeġ lill-UE nnifisha, u b'mod partikolari lis-SEAE, biex tuża kriptaġġ fil-komunikazzjoni tagħha mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex tevita li tpoġġi lid-difensuri f'riskju u tipproteġi minn sorveljanza l-komunikazzjoni tagħha stess mal-barranin;

10.  Jistieden lill-UE tadotta softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ, u tinkoraġġixxi atturi oħra biex jagħmlu l-istess, peress li softwer bħal dan jipprovdi sigurtà aħjar u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' żvilupp ta' ICTs f'żoni affettwati mill-kunflitti sabiex jiġu promossi attivitajiet għall-konsolidazzjoni tal-paċi bil-għan li tiġi pprovduta komunikazzjoni sikura bejn il-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

12.  Jappella għall-implimentazzjoni ta' kundizzjonijiet, punti ta' riferimenti u proċeduri ta' rapportar sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda fil-pajjiżi terzi ma jintużax b'mod li jikser id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinvolvu ruħhom b'mod attiv ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi, u sabiex jappoġġaw, iħarrġu u jabilitaw aktar lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili u lill-ġurnalisti indipendenti li jużaw l-ICTs fl-attivitajiet tagħhom b'mod sikur, permezz tal-mekkaniżmi ta' appoġġ u l-istrumenti tal-politiki Ewropej eżistenti u jippromovu d-drittijiet fundamentali tal-privatezza, bħall-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni fuq l-internet, id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa u tal-pubblikazzjoni online;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-qagħda mwiegħra tal-informaturi u ta' dawk li jappoġġawhom, inklużi ġurnalisti, wara r-rivelazzjonijiet tagħhom dwar prattiki ta' sorveljanza abbużivi f'pajjiżi terzi; jemmen li individwi bħal dawn għandhom jitqiesu bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u għaldaqstant, jistħoqqilhom il-protezzjoni tal-UE, kif meħtieġ skont il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw bir-reqqa l-possibbiltà li l-informaturi jingħataw protezzjoni internazzjonali minn prosekuzzjoni;

15.  Jiddeplora l-fatt li miżuri ta' sigurtà, inklużi miżuri kontra t-terroriżmu, qegħdin jintużaw dejjem aktar bħala skuża għall-ksur tad-dritt għall-privatezza u r-ripressjoni tal-attivitajiet leġittimi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-attivisti politiċi; itenni l-fehma qawwija tiegħu li s-sigurtà nazzjonali qatt ma tista' tkun ġustifikazzjoni għal programmi ta' sorveljanza mhux speċifika, sigrieta jew tal-massa; jinsisti li miżuri bħal dawn jiġu segwiti f'konformità stretta mal-istat tad-dritt u mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

16.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jippromovu s-sorveljanza demokratika tas-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence fid-djalogu politiku tagħhom ma' pajjiżi terzi, kif ukoll fil-programmi tagħhom ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi leġiżlattivi f'pajjiżi terzi li għandhom l-għan li jtejbu l-iskrutinju, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-servizzi tas-sigurtà nazzjonali; jappella sabiex impenji speċifiċi dwar dan jiġu inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni futur tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni;

17.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jippromovu l-libertajiet diġitali u l-aċċess għall-internet mingħajr restrizzjonijiet f'kull forma ta' kuntatt ma' pajjiżi terzi, inkluż f'negozjati tal-adeżjoni, f'negozjati kummerċjali u fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u kuntatti diplomatiċi;

18.  Jirrikonoxxi li l-internet sar spazju pubbliku kif ukoll suq fejn il-fluss ħieles ta' informazzjoni u l-aċċess għall-ICTs huma indispensabbli għalih; jenfasizza, għaldaqstant, li l-libertà diġitali u l-kummerċ ħieles għandhom jiġu promossi u protetti fl-istess ħin;

19.  Jappella sabiex fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi, jiddaħħlu klawsoli li jirreferu b'mod espliċitu għall-bżonn ta' promozzjoni, garanzija u rispett għal-libertajiet diġitali, newtralità tal-internet, aċċess għall-internet mhux ċensurat u mingħajr restrizzjonjiet, id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

20.  Iħeġġeġ lill-UE topponi l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-kriptaġġ, l-evitar taċ-ċensura u għodod tal-privatezza mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, billi tirrifjuta li tillimita l-użu ta' kriptaġġ fi ħdan l-UE u tisfida gvernijiet ta' pajjiżi terzi li jagħmlu akkużi bħal dawn kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Iħeġġeġ lill-UE topponi l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-kriptaġġ, l-għodod ta' kontra ċ-ċensura u tal-privatezza billi tirrifjuta li tillimita l-użu ta' kriptaġġ fi ħdan l-UE, u tisfida gvernijiet ta' pajjiżi terzi li jikkriminalizzaw dawn l-għodod;

22.  Jenfasizza li politika tal-UE dwar l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tesiġi l-integrazzjoni tal-ICTs u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, billi tipprovdi infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi, tiffaċilita l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni u tippromovi ħiliet diġitali, u billi jiġi promoss l-użu ta' standards miftuħin fid-dokumenti u l-użu ta' softwer bla ħlas u minn sors miftuħ, fejn xieraq, biex jiġu żgurati l-ftuħ u t-trasparenza (b'mod speċjali minn istituzzjonijiet pubbliċi) — inkluża s-salvagwardja tal-protezzjoni tad-data fil-qasam diġitali madwar id-dinja kollha — kif ukoll fehim aħjar tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali tal-ICTs;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-tneħħija tal-ostakli diġitali għall-persuni b'diżabbiltà; iqis ta' importanza kbira li l-politiki tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għandu jkollhom l-għan li jtaffu l-qasma diġitali għall-persuni b'diżabbiltà u li joffru qafas usa' ta' drittijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-għarfien, il-parteċipazzjoni diġitali, l-inklużjoni fl-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali ġodda maħluqa mill-internet;

24.  Jissottolinja li l-ġbir u t-tixrid diġitali b'mod legali ta' provi ta' ksur tad-drittjiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità u t-terroriżmu; iqis li dan il-materjal għandu jkun ammissibbli, f'każijiet ġustifikati kif xieraq skont id-dritt internazzjonali (kriminali), bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità ma' salvagwardji internazzjonali, reġjonali u kostituzzjonali; jirrakkomanda li jinħolqu mekkaniżmi fil-qasam tad-dritt kriminali internazzjonali għall-introduzzjoni ta' proċeduri li permezz tagħhom din id-data tiġi awtentikata u miġbura għall-użu bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji;

25.  Jiddeplora l-fatt li xi teknoloġiji u servizzi tal-informazzjoni u komunikazzjoni magħmula fl-UE huma mibjugħa, u jistgħu jintużaw, f'pajjiżi terzi minn individwi privati, negozji u awtoritajiet bi ħsieb speċifiku bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ċensura, sorveljanza tal-massa, imblukkar, interċettazzjoni u monitoraġġ, u ntraċċar u lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fuq in-networks tat-telefonija (mobbli) u fuq l-internet; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi kumpaniji bbażati fl-UE jistgħu jipprovdu teknoloġiji u servizzi li jistgħu jippermettu ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħal dawn;

26.  Jinnota li t-theddid għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u ta' pajjiżi terzi, ta' spiss jiġi minn individwi jew minn gruppi żgħar li jużaw netwerks ta' komunikazzjoni diġitali biex jippjanaw u jwettqu attakki, u li l-għodod u t-tattiki meħtieġa biex jingħeleb dan it-theddid jeħtieġ li jiġu rieżaminati u aġġornati b'mod kostanti;

27.  Iqis li s-sorveljanza tal-massa li mhijiex ġustifikata minn riskju qawwi ta' attakki u theddid terroristiċi tkun fi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, u, għaldaqstant, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu skrutinju demokratiku sħiħ tal-operazzjonijiet tas-servizzi tal-intelligence f'pajjiżi terzi, sabiex jivverifikaw li dawn is-servizzi joperaw b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, u jżommu responsabbli lis-servizzi u lill-individwi li joperaw b'modi illegali;

29.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fid-dawl ta' aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (inkluż permezz tal-użu ta' sorveljanza diġitali) jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawn is-servizzi, u l-attivitajiet tagħhom, permezz ta' sorveljanza xierqa interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u parlamentari indipendenti;

30.  Jenfasizza li l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kriterji ta' disinn għad-drittijiet tal-bniedem, li huma soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, għandhom jiġu adottati fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiżguraw li fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs), żviluppaturi tas-softwer, produtturi tal-ħardwer, servizzi/midja tan-netwerks soċjali, portaturi tat-telefowns ċellulari u oħrajn, iqisu d-drittijiet tal-bniedem tal-utenti finali b'mod globali;

31.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn il-portaturi tat-telefowns ċellulari jew l-ISPs u l-gvernijiet, u li tisħaq għaliha fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, billi tesiġi li l-portaturi u l-ISPs jippubblikaw rapporti annwali dettaljati ta' trasparenza, inklużi rapporti dwar azzjonijiet mitluba mill-awtoritajiet, kif ukoll ir-rabtiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-portaturi/l-ISPs;

32.  Ifakkar lill-atturi korporattivi fir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet globali tagħhom irrispettivament minn fejn jinsabu l-utenti tagħhom u indipendentament minn jekk l-istat ospitanti jissodisfax l-obbligi tiegħu stess tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-kumpaniji tal-ICT, l-aktar dawk ibbażati fl-UE, jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' politiki ta' diliġenza dovuta u ta' salvagwardji għall-ġestjoni tar-riskju, u l-għoti ta' rimedji effikaċi meta l-attivitajiet tagħhom ikunu kkawżaw jew ikkontribwew għal impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem;

33.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod aktar effikaċi regolamenti u sanzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-ICTs, inkluż l-użu ta' mekkaniżmi intiżi biex ikopru kull każ, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha, inkluż l-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u jitħarsu l-kundizzjonijiet ekwi;

34.  Jenfasizza l-fatt li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali fil-politiki ta' suċċess kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali;

35.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Ftehim ta' Wassenaar ta' Diċembru 2013 dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni fl-oqsma tas-sorveljanza, tal-għodod tal-infurzar tal-liġi u tal-ġbir tal-intelligence u tas-sistemi ta' sorveljanza tan-netwerk; ifakkar fin-natura attwali li għadha inkompleta tar-reġim tal-użu doppju tal-UE, jiġifieri r-regolament dwar l-użu doppju tal-UE, fir-rigward tal-kontroll effikaċi u sistematiku tal-esportazzjoni ta' teknoloġiji tal-ICT dannużi lejn pajjiżi li mhumiex demokratiċi;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-rieżami u t-tiġdid tal-politika ta' użu doppju li jmiss, biex tressaq malajr proposta għal politiki intelliġenti u effikaċi li jillimitaw u jirregolaw l-esportazzjoni kummerċjali ta' servizzi fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu tal-hekk imsejħa teknoloġiji b'użu doppju, li jindirizzaw l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi, kif maqbul fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' April 2014; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi salvagwardji effikaċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe dannu ta' dawn il-kontrolli tal-esportazzjoni għar-riċerka, inkluża r-riċerka xjentifika u s-sigurtà tal-IT;

37.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tagħti malajr lill-kumpaniji li jkollhom dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta' transazzjonijiet potenzjali;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal rieżami dwar kif standards tal-UE dwar l-ICTs jistgħu jintużaw biex jipprevjenu l-impatti potenzjalment dannużi tal-esportazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji jew servizzi oħra lejn pajjiżi terzi fejn kunċetti bħal "interċettazzjoni legali" ma jistgħux jiġu kkunsidrati ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Eweropea, jew pereżempju, għandhom reputazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem jew fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

39.  Jafferma mill-ġdid li l-istandards tal-UE, b'mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, għandhom jieħdu preċedenza waqt il-valutazzjonijiet ta' inċidenti li jinvolvu teknoloġiji b'użu doppju li jintużaw b'modi li jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet tal-bniedem;

40.  Japella għall-iżvilupp ta' politiki li jirregolaw il-bejgħ ta' "zero-day exploits" u vulnerabbiltajiet bil-għan li jiġi evitat li dawn jintużaw għat-twettiq ta' attakki ċibernetiċi, jew għall-aċċess mhux awtorizzat għal tagħmir li jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, mingħajr ma dawn ir-regolamenti jkollhom impatt sinifikanti fuq riċerka akkademika u riċerka oħra bona fede dwar is-sigurtà;

41.  Jiddeplora l-kooperazzjoni attiva ta' ċerti kumpaniji Ewropej, kif ukoll ta' kumpaniji internazzjonali li jinnegozjaw teknoloġiji b'użu doppju b'effetti potenzjalment ta' detriment għad-drittijiet tal-bniedem waqt li joperaw fl-UE, ma' reġimi li l-azzjonijiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi pubblikament kumpaniji li jagħmlu dawn l-attivitajiet minn proċeduri ta' akkwist tal-UE, minn finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u minn kwalunkwe appoġġ finanzjarju ieħor;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari lill-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċessi ta' akkwist pubbliku għal tagħmir teknoloġiku, b'mod speċjali fil-pajjiżi bi prattiki mhux affidabbli f'dan id-dominju;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiddefendu b'mod attiv l-internet miftuħ, proċeduri deċiżjonali li jinkludu diversi partijiet interessati, in-newtralità tal-internet, il-libertajiet diġitali u s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data f'pajjiżi terzi, permezz ta' fora tal-governanza tal-internet;

45.  Jikkundanna d-dgħajfin u l-imminar ta' protokolli u prodotti kriptografiċi, b'mod partikolari mis-servizzi ta' intelligence li jfittxu li jinterċettaw komunikazzjonijiet kriptati;

46.  Iwissi kontra l-privatizzazzjoni tal-infurzar tal-liġi permezz ta' kumpaniji tal-internet u l-ISPs;

47.  Jappella għal kjarifika dwar in-normi u l-istandards użati minn atturi privati biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom;

48.  Ifakkar dwar l-importanza li jiġi vvalutat il-kuntest li fih jintużaw it-teknoloġiji, sabiex jitwettaq apprezzament sħiħ tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem;

49.  Jappella b'mod espliċitu għall-promozzjoni ta' għodod li jippermettu l-użu anonimu u/jew psewdonimu tal-internet, u li jikkuntestaw l-fehma mhux ġusta li tali għodod iservu biss biex jippermettu attivitajiet kriminali, aktar milli jabilitaw attivisti tad-drittijiet tal-bniedem lil hinn u fi ħdan l-UE;

50.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw politiki intelliġenti u effikaċi li jirregolaw l-esportazzjoni ta' teknoloġiji b'użu doppju, li jindirizzaw l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT, fil-livell internazzjonali u fi ħdan reġimi għall-kontroll tal-esportazzjoni multilaterali u f'korpi internazzjonali oħra;

51.  Jenfasizza li kwalunkwe tibdil regolatorju bil-ħsieb li jżid l-effikaċja tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta' trasferimenti ta' teknoloġija intanġibbli m'għandux jimpedixxi riċerka leġittima, jew l-aċċess għal informazzjoni u l-iskambju tagħha, u li kwalunkwe miżura potenzjali, bħall-użu ta' Awtorizzazzjonijiet għall-Esportazzjoni Ġenerali tal-UE għal riċerka b'użu doppju, m'għandhiex ikollha “effett dissważiv” fuq l-individwi u l-SMEs;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li politiki ta' kontroll tal-esportazzjoni eżistenti u futuri ma jirrestrinġux l-attivitajiet ta' riċerkaturi leġittimi dwar is-sigurtà, u li l-kontrolli tal-esportazzjoni jiġu applikati in bona fede, u għal teknoloġiji ddefiniti b'mod ċar biss li huma maħsuba biex jintużaw għas-sorveljanza tal-massa, ċensura, imblukkar, interċettazzjoni , monitoraġġ, u ntraċċar u lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fuq in-networks tat-telefonija (mobbli);

53.  Ifakkar li t-teknoloġiji bbażati fuq ix-xibka, u teknoloġiji mingħajr fili ad hoc, joffru potenzjal kbir biex iservu bħala netwerks supplimentari f'żoni fejn l-internet mhuwiex disponibbli jew huwa imblukkat, u jistgħu jgħinu l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni taħtar grupp indipendenti ta' esperti li jistgħu jwettqu valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-istandards eżistenti tal-UE għall-ICTs, bil-għan li jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet għal aġġustamenti li jżidu l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari meta s-sistemi jiġu esportati;

55.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp teknoloġiku joħloq sfida għas-sistemi legali, li jesiġi li dawn jiġu aġġustati għaċ-ċirkostanzi l-ġodda; jissottolinja l-importanza li dawk li jfasslu l-liġi jagħtu aktar attenzjoni lil kwistjonijiet relatati mal-ekonomija diġitali;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi s-soċjetà ċivili, kif ukoll l-esperti indipendenti, inklużi riċerkaturi dwar is-sigurtà, fil-qasam tal-ICT f'pajjiżi terzi, biex tiżgura għarfien espert aġġornat li għandu jwassal għal tfassil ta' politika li tipprevedi r-riskji futuri;

57.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa, bħal restrizzjonijiet jew effetti dissważivi fuq ir-riċerka xjentifika u tipi oħra ta' riċerka u żvilupp bona fede, fuq l-iskambju u l-aċċess għall-informazzjoni, fuq l-iżvilupp ta' għarfien tas-sigurtà jew fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji li jkunu fl-interess li jakkwistaw il-ħiliet diġitali meħtieġa u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

58.  Jemmen li l-kooperazzjoni bejn gvernijiet u atturi privati madwar id-dinja fil-qasam diġitali, inkluż il-Forum tal-Governanza tal-Internet, titlob li jkun hemm kontrolli u bilanċi, u li din il-kooperazzjoni m'għandhiex twassal għal dgħajfin tas-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;

59.  Jinnota li approċċ volontarju mhuwiex biżżejjed, iżda hemm bżonn ta' miżuri vinkolanti li jħeġġu lill-kumpaniji jikkunsidraw ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż qabel ma jbigħu l-prodotti tagħhom hemmhekk, u jwettqu valutazzjoni tal-impatt dwar x'effett għandhom it-teknoloġiji tagħhom fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern.

60.  Huwa tal-fehma li l-esportazzjoni ta' oġġetti sensittivi ħafna trid tiġi eżaminata qabel dawn l-oġġetti jħallu l-UE, u li sanzjonijiet huma meħtieġa f'każijiet ta' ksur.

61.  Jappella li kull individwu ikun intitolat għall-kriptaġġ, u għal kundizzjonijiet meħtieġa li jippermettu l-ħolqien ta' kriptaġġ; huwa tal-fehma li l-kontroll għandu jkun f'idejn l-utent aħħari, li dan għandu bżonn ukoll il-ħiliet biex iwettaq il-kontroll b'mod xieraq.

62.  Jappella għal introduzzjoni ta' standards tal-kriptaġġ minn tarf sa tarf bħala neċessarji għas-servizzi tal-komunikazzjoni kollha, sabiex ikun aktar diffiċli li gvernijiet, aġenziji tal-intelligence u korpi ta' sorveljanza jaqraw il-kontenut;

63.  Jenfasizza r-responsabbiltà speċjali tas-servizzi tal-intelligence tal-gvern biex jibnu l-fiduċja, u jappella sabiex tintemm is-sorveljanza tal-massa; iqis li għandu jiġi indirizzat u jitwaqqaf il-monitoraġġ ta' ċittadini Ewropej mis-servizzi tal-intelligence nazzjonali u barranin;

64.  Huwa kuntrarju għall-bejgħ u d-distribuzzjoni tat-teknoloġija ta' sorveljanza Ewropea u l-għodod taċ-ċensura lil soċjetajiet awtoritarji fejn l-istat tad-dritt huwa ineżistenti;

65.  Jappella sabiex l-ambitu għall-protezzjoni internazzjonali tal-informaturi jiġi estiż, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jressqu liġijiet għall-protezzjoni ta' informaturi;

66.  Jappella jinħatar mibgħut tan-NU għal-libertajiet diġitali u l-protezzjoni tad-data, u sabiex il-portafoll tal-Kummissarju tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jiġi estiż, b'tali mod li t-teknoloġija tiġi kkunsidrata wkoll mill-aspett tad-drittijiet tal-bniedem.

67.  Jappella għal miżuri sabiex jiżguraw li l-privatezza tal-attivisti, il-ġurnalisti u ċ-ċittadini tiġi protetta madwar id-dinja kollha u sabiex dawn ikunu jistgħu jikkollegaw f'netwerk online;

68.  Jinsisti li l-aċċess għall-internet għandu jiġi rikonoxxut bħala dritt tal-bniedem, u jappella għal miżuri biex jingħeleb id-distakk diġitali;

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-SEAE.

(1) http://eeas.europa.eu/delegations/un_geneva/press_corner/focus/events/2012/20120625_en.htm.
(2)  http://eeas.europa.eu/delegations/documents/eu_human_rights_guidelines_on_freedom_of_expression_online_and_offline_en.pdf.
(3) http://www.osce.org/fom/80723?download=true.
(4) http://www.osce.org/fom/127656?download=true .
(5) http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N14/545/19/PDF/N1454519.pdf?OpenElement.
(6) http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session27/Documents/A-HRC-27-37_en.doc.
(7) http://website-pace.net/documents/19838/1085720/20150126-MassSurveillance-EN.pdf/df5aae25-6cfe-450a-92a6-e903af10b7a2.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0230 (Ara paġna 374 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(9) http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf?v=1392752313000/_/jcr:system/jcr:versionstorage/12/52/13/125213a0-e4bc-4a15-bb96-9930bb8fb6a1/1.3/jcr:frozennode
(10) http://www.oecd.org/daf/inv/mne/48004323.pdf
(11) http://www.oecd-ilibrary.org/docserver/download/2014091e.pdf?expires=1423160236&id=id&accname=ocid194994&checksum=D1FC664FBCEA28FC856AE63932715B3C
(12) https://www.icann.org/en/system/files/files/annual-report-2013-en.pdf
(13) COM(2014)0072.
(14) http://netmundial.br/wp-content/uploads/2014/04/NETmundial-Multistakeholder-Document.pdf
(15) ĠU L 173, 12.06.2014, p. 79.
(16) ĠU L 173, 12.06.2014, p. 82.
(17) COM(2014)0244.
(18) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(19) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.
(20) Testi adottati, P8_TA(2015)0079.
(21) Testi adottati, P8_TA(2015)0033.
(22) Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
(23) http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201403/20140307ATT80674/20140307ATT80674EN.pdf.

Avviż legali