Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2234(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0240/2015

Testi mressqa :

A8-0240/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 25
CRE 07/09/2015 - 25

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0289

Testi adottati
PDF 289kWORD 105k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea: lejn kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni
P8_TA(2015)0289A8-0240/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea: Lejn kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (2014/2234(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ċerti proposti għal regolamenti dwar il-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mudell ta' awditu uniku,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2013 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Valutazzjoni ta' awditu uniku (single audit) u d-dipendenza tal-Kummissjoni fuq ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fil-Koeżjoni",

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Attività Annwali 2013 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0240/2015),

A.  billi fuq iż-żewġ ċikli tar-riformi tal-politika agrikola komuni (PAK) ir-regoli saru ħafna aktar diversi u kumplessi;

B.  billi regoli iżjed kumplessi jwasslu għal iżjed żbalji fuq il-post;

C.  billi l-objettivi tal-PAK għandhom jiġu sodisfatti, filwaqt li jeħtieġ li jiġu żgurati l-fehim u l-fiduċja reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali u reġjonali kollha tal-UE għall-implimentazzjoni effikaċi tal-PAK;

D.  billi riforma tal-PAK iżjed effikaċi u effiċjenti tirrikjedi simplifikazzjoni u inqas burokrazija sabiex tissodisfa l-objettivi tal-PAK;

E.  billi l-ispejjeż tal-kontrolli u tal-forniment ta' pariri lill-partijiet interessati u lill-bdiewa attwalment huma stmati li jlaħħqu EUR 4 biljun fil-livell tal-Istati Membri, u aktarx li jogħlew, l-istess bħar-rati tal-iżbalji, bl-implimentazzjoni tal-aħħar riforma tal-PAK, partikolarment l-introduzzjoni ta' miżuri tal-"ekoloġizzazzjoni";

F.  billi r-riforma tal-2013 irriżultat f'tibdil sinifikanti fid-data meħtieġa mingħand il-bdiewa li għandha takkumpanja l-applikazzjonijiet u tiġġustifika t-talbiet, b'rekwiżiti ġodda li għandhom ir-riskju li jwasslu għal rata ogħla ta' żbalji fil-fażi inizjali ta' tagħlim u adattament;

G.  billi huwa importanti li l-operaturi ma jitgħabbewx b'ammont sproporzjonat ta' spezzjonijiet;

H.  billi l-objettivi tal-PAK għandhom jiġu ssodisfati, filwaqt li jiġu żgurati l-fehim u l-fiduċja reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali u reġjonali kollha tal-UE għall-implimentazzjoni effikaċi tal-PAK;

I.  billi l-bdiewa huma inċentivati biex jipprovdu servizzi bħall-pajsaġġi, il-bijodiversità tal-artijiet agrikoli u l-istabbiltà tal-klima anki jekk dawn m'għandhomx valur tas-suq;

J.  billi l-ispejjeż tal-kontrolli u l-għoti ta’ pariri lill-partijiet interessati u lill-bdiewa jistgħu fil-mument jammontaw għal EUR 4 biljun fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza l-bżonn li jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-kontrolli u l-piż burokratiku tagħhom;

K.  billi l-kontrolli abbażi tal-prestazzjoni jistgħu jsiru metodoloġija utli, filwaqt li l-istabbiltà u l-approċċ ta’ abilitazzjoni huma meħtieġa min-naħa tal-korpi amministrattivi sabiex jibnu l-fiduċja mal-benefiċjarji finali; ifakkar madankollu li sistema ta’ universalità ma tistax tiġi imposta fuq it-tipi u d-daqsijiet diversi tal-azjendi agrikoli fl-UE;

L.  billi miżuri ta' ekoloġizzazzjoni introdotti mill-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni jimmiraw li jiksbu s-sostenibbiltà agrikola mtejba permezz tal-effett ta' diversi strumenti:

   kundizzjonalità simplifikata u aktar immirata;
   il-Pagament Dirett Ekoloġiku u miżuri volontarji li huma ta' benefiċċju għall-ambjent u t-tibdil fil-klima fl-iżvilupp rurali;

M.  billi d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali(1) qies li kien meħtieġ li joħroġ 51 riżervazzjoni għal xi aġenziji tal-pagamenti;

1.  Jaqbel mal-fehma espressa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li "l-arranġamenti għall-infiq tal-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020 jibqgħu kumplessi"(2); ifakkar madankollu li l-kumplessità tal-PAK hija minħabba d-diversità tal-biedja fl-Ewropa, u li s-simplifikazzjoni jeħtieġ li ma twassalx għaż-żarmar tal-istrumenti li ġew adottati;

2.  Jitlob li l-PAK issir anqas burokratika fir-rigward tat-tnaqqis fir-rata ta' żbalji; u li jiġu implimentati strumenti li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-iżball u l-frodi;

3.  Jitlob li ssir distinzjoni waqt l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli u fir-rigward tal-impożizzjoni ta' penali, bejn l-ommissjonijiet mhux intenzjonati u l-każijiet ta' frodi, billi l-ommissjonijiet bħala regola ġenerali ma jġibux magħhom danni finanzjarji għall-kontribwent;

4.  Jitlob li l-PAK issir anqas burokratika, u li tkun tista' tiġi implimentata u interpretata b'mod ċar, bil-għan li titnaqqas ir-rata ta' żbalji u li jiġu stabbiliti strumenti li jagħmluha possibbli li ssir distinzjoni bejn żball u frodi, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa xorta jkunu għadhom jistgħu jwasslu l-produzzjoni tal-ikel kruċjali li hija fil-qalba tal-politika; jemmen li l-fatt li jiġu indirizzati l-kumplessità u l-integrazzjoni tal-PAK huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex jiġu attirati parteċipanti ġodda fil-qasam tal-agrikoltura u wkoll biex huma u l-ħiliet tagħhom jinżammu fih sabiex jiġi żgurat is-suċċess tas-settur agrikolu tal-UE fil-futur; jistenna li jittieħdu miżuri mill-programm ta' regolamentazzjoni aħjar f'dan ir-rigward; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-iskadenza għat-talbiet ta' pagamenti diretti b'xahar u jikkunsidra dan bħala pass lejn it-tnaqqis tar-rata ta' żbalji tal-PAK;

5.  Iħeġġeġ sabiex tingħata gwida iżjed ċara kemm lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-bdiewa sabiex titnaqqas ir-rata tal-iżbalji;

6.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-PAK b’eżami immedjat tal-miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr, peress li dan ikun ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-aġenziji tal-pagament, għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribwenti tat-taxxa; iħeġġeġ ukoll li fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, jitressqu proposti għal emendi fl-att leġiżlattiv bażiku sabiex jitqiesu fir-riforma għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss;

7.  Jibża' li r-rata ta' żball l-aktar probabbli determinata mill-Qorti tal-Awdituri se tiżdied fil-politika agrikola komuni fil-qasam tal-pagamenti diretti matul il-perjodu 2014-2020, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-qafas li jmiss għall-kundizzjonalità għadu mhux qed jikkorrispondi ma' tnaqqis fil-livell ta' kumplessità mhux meħtieġa ta' din il-politika għall-awtoritajiet amministrattivi jew għall-benefiċjarji;

8.  Ifakkar li l-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri spiss enfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn inqas piż amministrattiv u kontroll finanzjarju effikaċi;

9.  Jinnota li l-ispejjeż tal-kontrolli tal-politika agrikola komuni diġà jammontaw għal EUR 4 biljun fis-sena u dawn jikkonċernaw 50 miljun tranżazzjoni b'baġit għal agrikoltura ta' madwar EUR 58 biljun;

10.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tagħti prijorità lil eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni ġdid tal-PAK u li qed tipproponi, l-ewwel nett, li tissimplifika għadd ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni;

11.  Jiffavorixxi b'saħħa titjib tal-kwalità u konsistenza ta' spezzjonijiet aktar milli żieda fl-għadd ta' kontrolli fl-agrikoltura mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri;

12.  Jenfasizza wkoll li l-kontrolli huma garanzija li l-flus mill-baġit tal-UE maħsuba għall-finanzjament tal-istrumenti tal-PAK qed jintefqu kif suppost;

13.  Ifakkar li l-objettiv tal-iskema ta' awditu uniku huwa li tistabbilixxi katina waħda ta' awditjar mingħand il-benefiċjarji finali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-iskema ta' awditu uniku għadha mhix effikaċi u li s-sistemi ta' kontroll stabbiliti mill-Istati Membri mhumiex jiffunzjonaw bil-potenzjal sħiħ tagħhom; ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tagħhom biex jipprovdu l-ewwel livell ta' kontrolli b'mod effikaċi filwaqt li jimminimizzaw il-piż fuq il-bdiewa, u l-għażliet eżistenti biex tiġi introdotta l-flessibbiltà meta jkunu qed jorganizzaw il-kontrolli;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħala linja gwida, biex isibu modi biex jottimizzaw u jikkombinaw spezzjonijiet marbuta mal-PAK sabiex benefiċjarji magħżula, kull meta possibbli, ikunu soġġetti għal ċiklu wieħed ta’ kontrolli kull sena;

16.  Jenfasizza li skont ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013:

   (a) kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw l-informazzjoni disponibbli għalihom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu dawk l-iżbalji tal-anqas parzjalment kieku l-iżball l-aktar probabbli fil-qasam tal-pagamenti diretti kien ikun 1.1 % inqas, u għalhekk relattivament qrib il-limitu minimu ta' materjalità ta' 2 %(3);
   (b) kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji, kieku r-rata ta' żball l-aktar probabbli kienet tonqos għal 2 % fl-iżvilupp rurali(4);

17.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tikkoreġi 'l fuq ir-rati ta' żball kkomunikati minn 42 aġenzija tal-pagamenti minn 68 b'rata ta' żbalji residwi 'l fuq minn 2 %, minkejja l-fatt li kważi l-aġenziji tal-pagamenti kollha għall-pagamenti diretti ġew akkreditati u ċertifikati mill-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni u minkejja l-fatt li 79 mit-82 dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti rċevew opinjoni mhux kwalifikata mill-korpi ta' ċertifikazzjoni fl-2013;

18.  Jistenna li l-missjoni ġdida assenjata lil korpi ta' ċertifikazzjoni permezz tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012 u (UE) Nru 1306/2013 se ttejjeb l-affidabbiltà tad-data komunikata mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi agrikoli tal-UE;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-linji gwida għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex il-kumpilazzjoni tar-rapporti ta' statistika tiġi vverifikata aktar mill-qrib;

20.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal proposti bil-ħsieb li jiġi sanzjonat ir-rappurtar falz jew inkorrett li jsir mill-aġenziji tal-pagamenti, inklużi t-tliet dimensjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-istatistika tal-ispezzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet mill-aġenziji tal-pagamenti, u x-xogħol imwettaq mill-korpi ta' ċertifikazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tirtira l-akkreditament tal-aġenziji tal-pagamenti f'każijiet ta' dikjarazzjonijiet foloz gravi;

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ u b'mod urġenti mill-proċess ta' simplifikazzjoni tal-PAK, speċjalment fir-rigward tal-piż u r-regolamenti kumplessi li jirregolaw il-kundizzjonalità u l-ekoloġizzazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lill-bdiewa fl-Ewropa kollha;

22.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-PAK bil-kunsiderazzjoni immedjata ta' miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr, peress li dan ikun ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-aġenziji tal-pagament, għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribwenti tat-taxxa; iħeġġeġ ukoll li jitressqu proposti għall-emendi tal-att leġiżlattiv bażiku; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għas-simplifikazzjoni tal-PAK, filwaqt li tqis il-feedback mill-partijiet interessati fis-settur agrikolu;

23.  Huwa favur it-tisħiħ u l-implimentazzjoni aktar b'saħħitha tal-verifika unika permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll imwettqa mill-istituzzjonijiet varji, u jitlob li l-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw minn verifiki jitħaffew sabiex il-bdiewa ma jiġux soġġetti għal żjarat differenti f'okkażjonijiet separati mill-korpi responsabbli jew għal kontrolli eċċessivi jew multipli mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri fl-istess sena, taħt kwalunkwe serje ta' regolamenti jew ir-regolamenti kollha, li b'hekk inaqqas il-piż fuq il-bdiewa billi jitnaqqas l-għadd ta' spezzjonijiet; jitlob sabiex il-kompiti ta' awditjar u l-kontrolli mwettqa minn korpi ta' ċertifikazzjoni u minn korpi oħra tal-Istati Membri jinġabru flimkien; jinnota li l-parir mogħti kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni fil-linji gwida mgħoddija lill-bdiewa għall-implimentazzjoni tal-PAK spiss huwa kontradett mill-kriterji tal-valutazzjoni użati mill-Qorti tal-Awdituri, bir-riżultat ta' multi li huma kemm sproporzjonati kif ukoll sorprendenti;

24.  Jiffavorixxi approċċ integrat għall-kontrolli, fejn il-kontrolli kollha neċessarji f'azjenda agrikola speċifika jitwettqu fl-istess żmien, safejn possibbli, sabiex l-għadd ta' żjarat fuq il-post jinżamm baxx u l-ispiża u l-piż finanzjarji u l-ħin meħtieġ konkomitanti għall-amministrazzjonijiet u l-bdiewa jkunu jistgħu jitnaqqsu u l-proċess ta' kontroll jiġi integrat;

25.  Ifakkar lill-Kummissjoni li r-riskju ta' żbalji mhux intenzjonali minħabba regolamentazzjoni kumplessa fl-aħħar mill-aħħar jinġarr mill-benefiċjarju; jappella għal politika raġonevoli, proporzjonali u effikaċi dwar sanzjonijiet biex jappoġġjaw dan l-approċċ, bħal li jiġi evitat l-irduppjar ta' sanzjonijiet għall-istess żball kemm taħt l-iskema ta' pagament kif ukoll il-kundizzjonalità;

26.  Jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-proġett, il-pagamenti ma għandhomx jiġu interrotti meta jiġu identifikati żbalji żgħar u/jew klerikali;

27.  Jitlob li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Qorti tal-Awdituri jkomplu jiżviluppaw strateġiji tal-awditjar ibbażati fuq ir-riskju b'kont meħud tad-data rilevanti kollha, inkluża l-identifikazzjoni minn qabel tal-aħjar/l-agħar prestazzjoni għal kull qasam tal-politika;

28.  Jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati kriterji sabiex jiddefinixxu liema Stati Membri huma identifikati bħala l-aħjar/l-agħar prestazzjoni;

29.  Ifakkar li firxa wiesgħa ta' Stati Membri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala "l-agħar fil-prestazzjoni" fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE, u dan jiddependi fuq il-qasam tal-politika kkonċernat;

30.  Jinsisti li d-definizzjoni ta' prestazzjoni fir-rigward tal-kontrolli għandha primarjament tinvolvi l-kwalità tal-verifiki u tas-sistemi amministrattivi tal-Istati Membri, jiġifieri l-effiċjenza, il-konsistenza u l-affidabbiltà tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni;

31.  Iqis li l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni f'kull qasam tal-politika għandhom jiġu kkumpensati bi tnaqqis fil-kontrolli tal-Unjoni;

32.  Jemmen li l-iżvilupp u l-amministrazzjoni ta' kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni ma għandhom, bl-ebda mod, isiru sors ta' żieda fl-inċertezza fir-rigward tas-sikurezza tal-provvista tal-ikel tal-UE;

33.  Jitlob l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ Stati Membri li għandhom l-agħar prestazzjoni;

34.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, biex jiġu żgurati l-iżjed kontrolli bla xkiel u l-inqas tfixkil għall-bdiewa;

35.  Jinnota li, skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, "L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell minimu ta' verifiki fuq il-post meħtieġa għal ġestjoni effettiva tar-riskji, għandhom iżidu dak il-livell minimu meta jkun meħtieġ. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu dak il-livell minimu meta s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll jiffunzjonaw tajjeb u fejn ir-rati ta' żbalji jibqgħu f'livell aċċettabbli";

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi aktar il-livell aċċettabbli msemmi fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u biex tibda djalogu mal-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw inizjattivi tal-gvern elettroniku li għandhom l-għan li jnaqqsu r-rata ta' żball permezz tal-prevenzjoni ta' żbalji fil-fażi tal-applikazzjoni bħala objettiv fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw id-data mmirata, kif previst fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, biex jaqilbu għal koeżjoni elettronika f’applikazzjoni għal proġett, ġestjoni u kontroll; jemmen li t-trasparenza sħiħa tad-dejta u l-aċċessibbiltà huma essenzjali biex jiġi evitat u miġġieled kwalunkwe abbuż; jistieden f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni ta’ dokumentazzjoni pprovduta mill-benefiċjarji kollha;

38.  Jemmen li kopertura totali tal-broadband veloċi ta' żoni rurali, b'livell sinifikanti ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fl-użu tiegħu, se tkun għodda essenzjali biex il-bdiewa kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni l-aktar reċenti tal-PAK u s-sistemi ta' talbiet;

39.  Jitlob li jsiru iżjed sforzi biex titnaqqas il-kumplessità tas-sistemi ta' applikazzjoni u l-formoli għall-bdiewa, u jiffavorixxi l-użu akbar tat-teknoloġija tal-e-government min-naħa tal-Istati Membri, sabiex fil-mument tal-applikazzjoni jiġu evitati l-iżbalji bil-quddiem, li jitlob aċċess għall-internet bil-broadband għall-benefiċjarji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni toħloq programm li jgħin fl-edukazzjoni ta' bdiewa aktar anzjani; jenfasizza l-investimenti robusti f'netwerks tal-broadband f'żoni rurali u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jistinkaw favur id-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta' applikazzjoni; ifakkar li l-implimentazzjoni affidabbli tat-teknoloġiji tal-e-government tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw, jiffinanzjaw jew jikkofinanzjaw din it-teknoloġija;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ta' diġitalizzazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn azjendi tal-gvern u azjendi agrikoli bil-ħsieb li jinkiseb "fajl uniku tal-farm" b'ġestjoni integrata u simultanja tad-data dwar l-għelejjel; huwa tal-fehma li tali simplifikazzjoni taggrega entrati li bħalissa huma ġestiti b'mod separat (pjanijiet tal-għelejjel, pjanijiet individwali tal-assigurazzjoni u logbooks), hekk kif l-irziezet jagħmlu dikjarazzjoni waħda li mbagħad tinqasam bejn id-dipartimenti tal-gvern, li twassal għal aktar effiċjenza fil-kontrolli minn dawk id-dipartimenti u b'hekk għal riskju inqas ta' żbalji fil-pagamenti u l-integrazzjoni tal-kontrolli fis-sistema;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi governattivi/reġjonali li qed jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida jikkomunikaw u jaħdmu flimkien b’mod effikaċi għall-benefiċċju tal-bdiewa li qed jimplimentaw il-politika fuq il-post;

42.  Iqis il-benefiċċji potenzjali fit-tul billi jiżviluppaw u jadottaw soluzzjonijiet industrijali bbażati fuq l-internet kemm tal-biedja u l-kontrolli, speċjalment fir-rigward ta’ soluzzjonijiet integrati għal benefiċjarji u l-aġenziji tal-pagamenti, bħala numerużi; jistenna li dan iħalli impatt pożittiv fuq il-konsistenza, l-affidabbiltà u l-kosteffiċjenza tal-kontrolli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta u twettaq proġetti pilota f’dan il-qasam; ifakkar li dan l-approċċ huwa dipendenti fuq l-impenn mill-Istati Membri biex jipprovdu konnessjonijiet broadband rapidi lil żoni rurali madwar l-UE;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż, iżda mhux limitat għal, il-Qorti tal-Awdituri, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-benefiċjarji, fit-tħejjija ta’ strateġija fit-tul li tindirizza modi mhux relatati mal-politika dwar iż-żamma tal-piż fuq il-benefiċjarji u l-ispetturi milli jkompli jiżdied wara r-riformi tal-PAK u l-bidliet futuri tal-atti bażiċi;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ta' kontrollabbiltà diġà fis-seħħ fl-iżvilupp rurali, f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, meta tkun qed tfassal proposta għal att leġiżlattiv dwar l-Erja b'Fokus Ekoloġiku;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tat-tnaqqis tal-livell minimu ta' kontrolli previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rapport ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 110 ta' dan l-istess Regolament dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni tabbozza Komunikazzjoni dwar il-possibbiltà li tintroduċi sistemi ta' ġestjoni bbażati fuq il-prestazzjoni fl-oqsma kollha tal-PAK, speċjalment fil-parti tal-investiment tal-iżvilupp rurali, sabiex tagħti bidu għal dibattitu mal-partijiet interessati kollha bil-ħsieb li tintroduċi dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Rapport Annwali tal-Attività 2013, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(2) L-Opinjoni Nru 1/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ċerti proposti għal regolamenti dwar il-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020.
(3) Ara r-Rapport Annwali tal-QEA 2013, punt 3.8.
(4) Ara r-Rapport Annwali tal-QEA 2013, punt 4.8.

Avviż legali