Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2210(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0223/2015

Testi mressqa :

A8-0223/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 26
CRE 07/09/2015 - 26

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.10
CRE 08/09/2015 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0290

Testi adottati
PDF 372kWORD 116k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
In-Negozji tal-Familja fl-Ewropa
P8_TA(2015)0290A8-0223/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa (2014/2210(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni fl-2003 għad-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs),

–  wara li kkunsidra l-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020” tal-Kummissjoni (COM(2012)0795),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2009 tal-Grupp ta’ Esperti għall-Kummissjoni Ewropea “Ħarsa ġenerali dwar il-kwistjonijiet rilevanti għan-negozji tal-familja: ir-riċerka, il-miżuri ta’ politika u l-istudji eżistenti”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0223/2015),

A.  billi skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-proprjetà hija mħarsa;

B.  billi b’mod ġenerali n-negozji tal-familja fl-imgħoddi taw kontribut kbir għal żieda fl-ekonomija Ewropea u jaqdu rwol sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, fit-tnaqqis tal-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u fl-investiment fil-kapital uman; billi l-karattru fuq diversi ġenerazzjonijiet tan-negozji tal-familja jsaħħaħ l-istabbiltà tal-ekonomija; billi n-negozji tal-familja normalment jaqdu rwol essenzjali fl-iżvilupp reġjonali, f'termini ta' impjiegi, it-trażmissjoni tal-għarfien u l-organizzazzjoni reġjonali; billi politiki mmirati lejn in-negozji tal-familja jistgħu jinkoraġġixxu l-intraprenditorija u jqanqlu lill-familji Ewropej jibdew negozju tal-familja tagħhom;

C.  billi skont l-Ernst and Young Family Business Yearbook tal-2014, 85 % tal-kumpaniji Ewropej kollha huma negozji tal-familja, li jikkostitwixxu 60 % tal-impjiegi fis-settur privat;

D.  billi n-negozji tal-familja jvarjaw fid-daqs, fatt li jesponihom għal diffikultajiet u problemi differenti;

E.  billi filwaqt li l-maġġorparti tan-negozji tal-familja huma SMEs, in-negozji tal-familja jistgħu jkunu żgħar, medji jew kbar, ikkwotati jew mhux ikkwotati; billi dawn ġew imqabbla b’mod wiesa’ mal-SMEs, filwaqt li ma ngħatax każ tal-fatt li hemm ukoll korporazzjonijiet multinazzjonali kbar ħafna li huma negozji tal-familja; billi f’xi Stati Membri tal-UE, numru żgħir ta’ negozji tal-familja jiġġeneraw proporzjon kbir tal-fatturat totali tan-negozji kollha, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-konservazzjoni ta' impjiegi, anke fi żminijiet ta’ kriżi, u għall-ħolqien u t-tkabbir u s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż ikkonċernat; billi ħafna negozji tal-familja li m'għadhomx jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ SME, iżda fl-istess ħin huma 'l bogħod milli jkunu korporazzjonijiet kbar, mhumiex eliġibbli għal ċerti opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament jew xi eżenzjonijiet amministrattivi; billi dan inevitabbilment iwassal għal burokrazija żejda, li speċjalment għan-negozji tal-familja b'kapitalizzazzjoni medja hija ta' piż kbir;

F.  billi għadd konsiderevoli ta’ negozji tal-familja huma attivi f’aktar minn pajjiż wieħed, li jfisser li l-mudell tan-negozju tal-familja għandu dimensjoni transnazzjonali;

G.  billi t-tassazzjoni diretta u l-liġi tas-suċċessjoni huma kompetenzi tal-Istati Membri, u billi xi Stati Membri adottaw miżuri biex jappoġġaw in-negozji tal-familja u jindirizzaw it-tħassib tagħhom;

H.  billi n-negozji tal-familja huma perċepiti bħala li juru integrità kbira u valuri li jiggwidaw l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom, u jintroduċu standards għoljin ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva fir-rigward tal-impjegati tagħhom u tal-ambjent, li joħloq ambjent favorevoli għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi n-negozji tal-familja normalment jiggarantixxu t-trażmissjoni tal-għarfien u l-ħiliet u billi f'xi każijiet jiżvolġu rwol importanti fir-rabtiet soċjali;

I.  billi fl-agrikoltura l-azjendi agrikoli tal-familja huma l-aktar mudell tan-negozju komuni u jikkontribwixxu bil-kbir għall-prevenzjoni tad-depopolazzjoni rurali, u f’ħafna każijiet jipprovdu l-unika sors ta’ impjieg fir-reġjuni tal-Ewropa fejn l-iżvilupp għadu lura, partikolarment f'reġjuni anqas industrijalizzati; billi l-azjendi agrikoli tal-familja jistgħu joffru mudell ta' suċċess billi ġeneralment jipprattikaw il-prinċipju ta' ekonomija bi fluss ċirkolari b'sostenibbiltà ambjentali u soċjali, u billi f’dak il-kuntest in-nisa mexxejja mhux biss jikkontribwixxu għal mod ta’ ħsieb intraprenditorjali, iżda wkoll għal ħiliet komunikattivi u soċjali speċifiċi;

J.  billi l-ħidma tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar in-negozji tal-familja ilha li ġiet konkluża aktar minn ħames snin, u minn dak iż-żmien ’l hawn ma tnediet l-ebda inizjattiva Ewropea ġdida oħra fil-livell tal-UE; billi għad hemm nuqqas ta’ riċerka u data fil-livell nazzjonali u dak Ewropew biex wieħed ikun jista' jifhem x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u l-istrutturi tan-negozji tal-familja;

K.  billi m’hemm l-ebda definizzjoni legalment vinkolanti, konkreta, sempliċi u armonizzata madwar l-Ewropa kollha ta’ “negozju tal-familja”;

L.  billi minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni, mhuwiex possibbli li tinġabar data komparabbli fl-Istati Membri tal-UE sabiex tiġi indikata s-sitwazzjoni speċjali, il-ħtiġijiet u l-kisbiet ekonomiċi tan-negozji tal-familja; billi dan in-nuqqas ta’ data affidabbli u komparabbli jista’ jfixkel it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ politika u jista’ jfisser li l-ħtiġijiet tan-negozji tal-familja mhumiex qed jintlaħqu;

M.  billi n-negozji tal-familja, lil hinn mill-importanza ekonomika tagħhom, għandhom ukoll rwol importanti f’termini soċjali;

N.  billi mhux fit-28 Stat Membru kollha tal-UE jeżistu assoċjazzjonijiet jew strutturi oħra li jirrappreżentaw l-interessi, u li jieħdu ħsieb speċifikament il-ħtiġijiet tan-negozji tal-familja;

O.  billi l-isforzi fil-livell tal-UE għall-istimolu tal-intraprenditorija u n-negozji l-ġodda għandhom jissaħħu u jiġu kkumplimentati b’aktar kunsiderazzjoni biex tiġi ffaċilitata u stimolata l-eżistenza fit-tul tan-negozji tal-familja;

P.  billi l-mudell tan-negozji tal-familja mhuwiex mifrux b’mod uniformi fl-Istati Membri; billi sehem sinifikanti tan-negozji tal-familja fl-Ewropa għandhom dimensjoni transnazzjonali u jwettqu l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri differenti;

Q.  billi fl-UE n-nisa jaqilgħu medja ta' 16% anqas fis-siegħa mill-irġiel u hemm nuqqas ta' nisa f'karigi ta' livell għoli u ta' tmexxija, u billi l-prattiki tax-xogħol u s-sistemi tas-salarji applikati għall-irġiel mhumiex l-istess bħal dawk applikati għan-nisa, u dan jagħmilha aktar diffiċli għan-nisa biex ikunu finanzjarjament indipendenti, jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

R.  billi spiss in-nisa jwettqu rwol inviżibbli jew ta' rappreżentanza fl-isem biss, u billi l-pożizzjoni ta' impjieg jew tas-salarju tagħhom mhijiex rikonoxxuta b'mod xieraq, b'riperkussjonijiet gravi f'termini ta' kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali, pensjonijiet u benefiċċji soċjali kif ukoll f'termini ta' rikonoxximent ta' ħiliethom, kif turi d-data dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet(3);

L-importanza għall-ekonomija

1.  Jenfasizza li n-negozji tal-familja għandhom it-tendenza li juru grad għoli ta’ responsabbiltà soċjali fir-rigward tal-persunal tagħhom u jmexxu r-riżorsi b’mod attiv u responsabbli, u li ġeneralment jieħdu approċċ fit-tul u sostenibbli lejn il-futur ekonomiku tan-negozju (billi jaġixxu bħala “negozjant ta’ ġieħ”, sid jew steward responsabbli), u b’hekk jagħtu kontribut importanti kemm lill-komunitajiet lokali tagħhom u kemm lill-kompetittività tal-Ewropa, u joħolqu u jippreservaw impjiegi ta’ kwalità għolja;

2.  Jenfasizza li, minħabba l-istorja tagħhom, in-negozji tal-familja għandhom għeruq sodi f’lokalità partikolari, u b’hekk joħolqu u jippreservaw ukoll impjiegi f’żoni rurali u żoni anqas vantaġġati, bir-riżultat li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proċess ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u d-depopolazzjoni li qed jaffettwa ħafna żoni fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-infrastruttura kosteffiċjenti neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kompetittività, it-tiġdid, it-tkabbir u s-sostenibbiltà ta’ tali negozji, b’mod partikolari l-mikroentitajiet u n-negozji ġodda, u biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni transsettorjali u transkonfinali, u b’hekk jgħinuhom jikbru u jsiru internazzjonali;

3.  Jirrikonoxxi li n-negozji tal-familja huma l-uniku u l-akbar sors ta’ impjiegi fis-settur privat u li għalhekk dak li huwa ta’ benefiċċju għall-kontinwità, it-tiġdid u t-tkabbir fis-settur tan-negozju tal-familja jwassal għall-kontinwità, it-tiġdid u t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea;

4.  Jinnota li, partikolarment in-negozji tal-familja speċjalizzati ħafna jaqdu rwol importanti bħala fornituri u innovaturi għal negozji akbar, u li minħabba l-approċċ fit-tul u interġenerazzjonali fir-rigward tan-negozju, jipprovdu lill-kumpaniji li jfornu b’sigurtà materjali, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-maġġoranza tan-negozji tal-familja huma SMEs(4) u li għalhekk huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi adattata aħjar għar-realtajiet u l-ħtiġijiet ta’ dawn in-negozji, u sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi ta’ finanzjament u tnaqqis fil-burokrazija.

6.  Jinnota li n-negozji tal-familja jistgħu jaqdu rwol importanti biex iħeġġu lill-minoranzi u lill-gruppi sottorappreżentati jipparteċipaw fl-ekonomiji lokali tagħhom;

7.  Jindika li l-livell ogħla ta’ fiduċja bejn il-membri tal-familja jagħmel lin-negozji tal-familja flessibbli ħafna u kapaċi jadattaw malajr għall-bidliet fl-ambjent ekosoċjali; fl-istess ħin, l-operat fi swieq niċċa għal perjodi twal jippermetti lin-negozji tal-familja jkunu minn ta' quddiem fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda u fl-innovazzjoni;

Finanzjament

8.  Jinnota li n-negozji tal-familja ħafna drabi jkollhom proporzjon ta’ ekwità notevolment ogħla meta mqabbel ma’ negozji mhux tal-familja, u li dan il-proporzjon għoli ta’ ekwità jissarraf fi stabbiltà ekonomika għal tali negozji u għall-ekonomija kollha kemm hi, filwaqt li jipprovdi ambitu għal aktar investiment fin-negozju, li m’għandux ikompli jiġi ristrett;

9.  Jistieden lill-Istati Membri f’dan il-kuntest, jiżguraw li r-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni fuq il-wirt, id-donazzjonijiet, id-dejn u l-ekwità u t-tassazzjoni korporattiva jkunu ta’ appoġġ aktar milli jiddiskriminaw il-finanzjament tal-ekwità, li huwa tant importanti għan-negozji tal-familja; ifakkar li t-tassazzjoni diretta u l-liġi tas-suċċessjoni huma kompetenza tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jeżaminaw il-preġudizzju tad-dejn fi ħdan il-kodiċi tat-taxxa tagħhom billi jivvalutaw l-impatt tiegħu fuq l-istruttura ta’ finanzjament tal-kumpaniji u l-livell ta’ investiment, u biex jiżguraw trattament ugwali tal-finanzjament tal-ekwità meta mqabbel mal-finanzjament tad-dejn sabiex ma tiġix imfixkla s-suċċessjoni tas-sjieda u l-prospetti fit-tul tan-negozji tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw kwalunkwe diskriminazzjoni mmexxija mit-taxxa fil-konfront tal-finanzjament tal-ekwità f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta;

10.  Jenfasizza li s-sigurtà fit-tul tal-finanzjament korporattiv sar fattur kompetittiv ewlieni; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ strutturi tas-suq finanzjarju stabbli fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-kuntest tar-regolament tas-suq finanzjarju ma toħloqx piżijiet mhux neċessarji għan-negozji;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li mal-benefiċjarji tal-istrumenti eżistenti kollha għall-SMEs u/jew l-imprendituri, b’mod partikolari l-COSME, jiġu inklużi n-negozji tal-familja b'kapitalizzazzjoni medja;

12.  Jenfasizza li minħabba l-kriżi finanzjarja u ċ-ċiklu ekonomiku negattiv, ħafna mill-funzjonijiet tan-negozji tal-familja huma sottofinanzjati u huwa importanti li n-negozji tal-familja jkollhom aċċess miftuħ u faċli għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament;

13.  Jinnota f’dan il-kuntest l-importanza li jiġu promossi forom alternattivi ta’ self lin-negozji tal-familja, bħalma huma l-unjonijiet tal-kreditu;

L-isfidi

14.  Jinnota li 35 % ta' dawk il-kumpaniji li ma jinvestux fis-swieq barranin jagħmlu dan minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar dawn is-swieq u minħabba nuqqas ta’ esperjenza f’dak li jirrigwarda l-internazzjonalizzazzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli partikolarment għan-negozji tal-familja iżgħar, informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni permezz tal-portal għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u l-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni tar-Raggruppamenti (ECCP), biex jiżguraw li dawn ikollhom aċċess għal skambju aħjar tal-esperjenzi u l-aħjar prattika, inklużi possibbiltajiet ta' internazzjonalizzazzjoni permezz tal-internet; jistieden lill-Istati Membri barra minn hekk jipprovdu servizzi ta' appoġġ għan-negozji li beħsiebhom jinvestu fil-livell internazzjonali, pereżempju billi jipprovduhom b'informazzjoni jew garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, ineħħu l-ostakoli għall-kummerċ u jippromwovu edukazzjoni speċifika għal kultura intraprenditorjali u tan-negozji tal-familja;

15.  Jinnota li ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji tal-familja tipprovdi aktar opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku u żieda fil-ħolqien tal-impjiegi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna lin-negozji tal-familja iżgħar sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-infrastruttura diġitali;

16.  Jirrikonoxxi li l-ambjent fiskali, ġuridiku u amministrattiv li fih jaħdmu n-negozji tal-familja (u negozji ġestiti mis-sidien) huwa definit mill-effett ikkombinat ta’ leġiżlazzjoni korporattiva u d-dritt privat;

17.  Jinnota li 87 % tan-negozji tal-familja huma konvinti li ż-żamma tal-kontroll fuq in-negozju hija waħda mill-fatturi ewlenin għas-suċċess(5); jinnota li, skont il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020”(6) tal-Kummissjoni, it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju kif ukoll it-trasferiment tal-ġestjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra huma l-akbar sfidi possibbli għan-negozji tal-familja;

18.  Jinnota li n-negozji tal-familja żgħar u ta’ daqs medju għandhom sfida kontinwa bil-ħtieġa għall-innovazzjoni u biex jattiraw il-ħiliet u t-talenti korretti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lin-negozji tal-familja iżgħar b’inċentivi sabiex jieħdu riskji għat-tkabbir u b’inċentivi biex jimplimentaw it-taħriġ tal-persunal u jaċċedu għal għarfien estern;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi u s-sistemi ta’ tassazzjoni, filwaqt li b’mod partikolari jqisu l-isfidi speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji tal-familja;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżviluppaw intraprenditorija diġitali u ħiliet diġitali sabiex in-negozji tal-familja jisiltu vantaġġ sħiħ mit-teknoloġiji diġitali;

21.  Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtejbu l-qafas ġuridiku għat-trasferiment tan-negozji tal-familja u joħolqu strumenti finanzjarji speċjali għat-trasferimenti biex b’hekk jiġi evitat in-nuqqas ta’ likwidità, u b’riżultat ta’ dan tiġi żgurata l-eżistenza tan-negozji tal-familja u jiġi evitat il-bejgħ ta’ emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu edukazzjoni speċifika għan-negozji tal-familja fit-trasferimenti ta’ negozji, l-istrutturi ta’ governanza, l-istrateġiji ta’ sjieda u l-istrateġija għall-innovazzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi fejn, għal raġunijiet storiċi, il-kunċett ta' negozju tal-familja mhuwiex daqstant stabbilit, li tikkontribwixxi għas-suċċess fit-tul tagħhom, speċjalment f’termini ta’ trasferiment ta’ negozju;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozji tal-familja jkollhom rabta diretta ma’ attivitajiet edukattivi li jinfurmawhom b’mod kontinwu dwar il-prattiki tal-ogħla livell fil-qasam tal-ġestjoni tajba tan-negozju; jenfasizza li n-negozji tal-familja jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għas-suċċess ta’ riformi fit-taħriġ vokazzjonali u għaż-żieda fl-għadd ta’ apprendistati; jinnota li sistemi ta' taħriġ vokazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u fit-tul jistgħu jkunu indispensabbli fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa u l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jindika li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu skambju tal-aħjar prattika dwar kif is-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jistgħu jipprovdu l-aħjar ambjent possibbli għan-negozji tal-familja biex jinvestu f’apprendistati;

23.  Jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi oħrajn li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji tal-familja, bħad-diffikultà li jsibu u jżommu forza tax-xogħol tas-sengħa, u l-importanza li tissaħħaħ l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ fil-ġestjoni li jkun speċifiku għan-negozji tal-familja;

24.  Jenfasizza l-importanza ta’ skemi ta’ taħriġ iffinanzjati mill-UE għall-imprendituri tan-negozji ż-żgħar, li jippermettu lis-sidien tan-negozji tal-familja jadattaw il-kumpaniji tagħhom għal ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u xprunat minn żieda fl-integrazzjoni ekonomika globali, l-iskoperta ta’ teknoloġiji ġodda u enfasi fuq ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u aktar ekoloġika;

25.  Jinnota li l-promozzjoni tal-intraprenditorija fl-iskejjel u f’ambjenti edukattivi oħra hija ta’ importanza ewlenija biex jiġu żviluppati mentalitajiet aktar intraprenditorjali; jinnota barra minn hekk li l-edukazzjoni għandha tinkludi kwistjonijiet speċifiċi tan-negozji tal-familja bħas-sjieda, is-suċċessjoni u l-governanza tal-familja, flimkien ma’ informazzjoni aktar ġenerali bħall-importanza tal-innovazzjoni bħala mezz għall-bidla totali tan-negozju;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-ħidma okkażżjonali u inviżibbli formali u informali mwettqa mill-membri tal-familja, inkluż f’negozji tal-familja, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevedu qafas ġuridiku ċar;

27.  Jenfasizza li l-kontribut tan-negozji tal-familja favur l-innovazzjoni jista’ jissaħħaħ permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi sħubijiet u raggruppamenti privati-pubbliċi u billi titrawwem il-kollaborazzjoni tagħhom ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka;

Il-prospetti futuri

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ regolamentazzjoni aħjar, twettaq analiżi tal-leġiżlazzjoni eżistenti li taffettwa n-negozji tal-familja sabiex jiġu identifikati l-problemi u l-ostakoli għat-tkabbir;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkummissjona studji regolari u ffinanzjati adegwatament li janalizzaw l-importanza tas-sjieda għas-suċċess u l-kontinwità ta’ negozju u jenfasizzaw l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-negozji tal-familja, u biex tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri definizzjoni statistikament vijabbli fl-Ewropa kollha ta’ “negozju tal-familja” - żviluppata flimkien mal-Eurostat - b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tuża t-task force eżistenti għad-data dwar l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex tiġbor biżżejjed data, inkluż dwar in-negozji tal-familja fl-Istati Membri kollha, sabiex tippermetti li jsir paragun tas-sitwazzjoni u bżonnijiet tan-negozji tal-familja ta' daqsijiet differenti, kif ukoll paragun tan-negozji tal-familja u n-negozji mhux tal-familja, sabiex jiġu promossi l-informazzjoni u l-iskambji ta’ eżempji ta’ għarfien espert u ta’ prassi tajba madwar l-UE, pereżempju billi jiġi stabbilit punt ta' kuntatt għan-negozji tal-familja fil-Kummissjoni u billi tagħmel l-aħjar użu ta’ programmi bħal “Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ”, u biex ikun hemm assistenza aktar immirata;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kemm ikun possibbli ssir espansjoni tad-definizzjoni Ewropea tal-SME tal-2003 biex tinkludi, apparti kriterji purament kwantitattivi, kriterji kwalitattivi li jqisu wkoll is-sjieda ta' kumpanija, b’kont meħud tal-interdipendenza bejn is-sjieda, il-kontroll u l-ġestjoni, il-fatt li r-riskju u r-responsabbiltà jiġu ffaċċjati biss mill-familja nnifisha, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija u, b’mod ġenerali, l-individwalità tat-tmexxija ta' negozju, anke fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta' negozju, u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għan-negozji tal-familja, pereżempju fir-rigward tal-għajnuna mill-istat u l-eliġibbiltà ta' tali negozji;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt regolatorju tagħha, sadattant twettaq studju ta' fattibilità dwar “test għan-negozji tal-familja” (għal politiki dwar, pereżempju, il-proprjetà, l-istrutturi ta’ governanza jew il-privatezza) abbażi tat-test tal-SMEs, u biex f'każ li l-istudju jirriżulta li dan huwa fattibbli, tintroduċih kemm jista' jkun malajr sabiex tkun tista’ tiddetermina minn qabel l-effett ta’ ċerti atti ġuridiċi fuq in-negozji tal-familja, u b’hekk tevita burokrazija bla bżonn u diffikultajiet iebsa għan-negozji tal-familja, b’attenzjoni partikolari fuq l-effett imħallat tad-dritt tal-kumpaniji u d-dritt privat;

32.  Josserva li d-differenzi, pereżempju, fil-leġiżlazzjoni fiskali, l-iskemi ta’ sussidju jew l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-pajjiżi ġirien jistgħu jikkawżaw problemi fir-reġjun tal-fruntiera għall-imprendituri, pereżempju dawk b’negozji tal-familja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-leġiżlazzjoni nazzjonali proposta u l-metodu propost għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex jiġi aċċertat l-impatt fuq l-imprendituri, bħal dawk b’negozji tal-familja, fir-reġjuni tal-fruntiera;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf u tiddefinixxi l-ambitu ta’ grupp ta’ ħidma permanenti intern li jindirizza b’mod speċifiku l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tan-negozji tal-familja, jirrapporta regolarment lill-Parlament u lill-Istati Membri, jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozji tal-familja tal-Istati Membri, u jxerred linji gwida u testi standard u soluzzjonijiet għan-negozji tal-familja biex jegħlbu l-problemi speċifiċi tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni toħloq punt uniku ta' servizz għan-negozji li jista' jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt fil-livell Ewropew għan-negozji tal-familja u l-gruppi ta' interess tan-negozji tal-familja, u biex tgħin fi kwistjonijiet speċifiċi relatati b’mod partikolari mal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-aċċess għall-finanzjament tal-UE;

34.  Jenfasizza r-rwol intraprenditorjali tan-nisa fin-negozji tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar il-preżenza tan-nisa fin-negozji tal-familja fl-Ewropa u tevalwa l-opportunitajiet offruti min-negozji tal-familja għall-għoti tas-setgħa lin-nisa, l-opportunitajiet indaqs u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jenfasizza l-importanza li jitħares id-dritt tan-nisa għas-suċċessjoni f’negozji tal-familja, fuq l-istess livell bħall-irġiel, billi tiġi promossa kultura ta’ drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa li trawwem l-intraprenditorija tan-nisa fin-negozji tal-familja, inkluż f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija; jenfasizza wkoll li n-negozji tal-familja għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi relatati mas-sigurtà soċjali, il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni u l-istandards għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri;

35.  Ifakkar għal darb'oħra lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-importanza li jkun hemm provvista suffiċjenti ta' servizzi ta' kura ta' kwalità għolja u għal but ta' kulħadd għat-tfal, l-anzjani u persuni dipendenti oħrajn, li jkun hemm inċentivi fiskali għall-kumpaniji u kumpens ieħor li jgħin lin-nisa u lill-irġiel li jaħdmu bħala impjegati, għal rashom jew bħala maniġers fin-negozji tal-familja biex jibbilanċjaw l-impenji tagħhom tal-familja u tax-xogħol;

36.  Jenfasizza l-bżonn ta' perjodi ta' maternità, paternità u ta' liv tal-ġenituri, distinti u remunerati b'mod xieraq li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegati, ta' dawk li jaħdmu għal rashom u ta' min iħaddem fil-qasam tan-negozju;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw in-Netwerk Ewropew tal-Ambaxxaturi Nisa fl-Imprenditorija u n-Netwerk Ewropew ta' Mentors għall-Imprendituri Nisa sabiex ikabbru l-profil tagħhom;

38.  Jinnota li, minħabba li jkunu s-sidien tal-art, l-azjendi agrikoli tal-familja jkunu marbuta ma' lokalità partikolari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li partikolarment il-burokrazija eċċessiva ma tipperikolax l-eżistenza ta’ dawn l-azjendi agrikoli tal-familja; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jaqdu n-nisa fl-azjendi agrikoli tal-familja, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ fil-qasam tan-negozju mmirat b’mod speċifiku għan-nisa bdiewa, sabiex tkompli tissaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-azjendi agrikoli tal-familja;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tistinka sabiex issaħħaħ l-intraprenditorija madwar l-UE, filwaqt li tikkunsidra l-importanza tan-negozji tal-familja fl-ekonomija tal-UE, u toħloq ambjent ta’ eċċellenza fin-negozju;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal b'urġenza komunikazzjoni li fiha jiġi analizzat ir-rwol tan-negozji tal-familja jew dan bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE sal-2020, u tiżviluppa pjan direzzjonali li jelenka l-miżuri li jistgħu jsaħħu l-ambjent ekonomiku u l-iżvilupp tan-negozji tal-familja fl-UE, u tqajjem kuxjenza dwar l-isfidi speċifiċi għan-negozji tal-familja li jridu jiġu indirizzati u ssaħħaħ il-kompetittività, il-prospett ta' internazzjonalizzazzjoni u l-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi tagħhom;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0036.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0032.
(3) http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/gender_pay_gap/140319_gpg_mt.pdf
(4) Rapport finali tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea “ĦARSA ĠENERALI LEJN IN-NEGOZJI TAL-FAMILJA–KWISTJONIJIET RILEVANTI”, Novembru 2009.
(5) European Family Business Barometer, Ġunju 2014.
(6) COM(2012)0795.

Avviż legali