Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0239/2015

Testi mressqa :

A8-0239/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 28
CRE 07/09/2015 - 28

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0292

Testi adottati
PDF 485kWORD 156k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ
P8_TA(2015)0292A8-0239/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (2015/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE1 tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’)(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(5),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu "Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 intitolata "Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa: Sejħa għal azzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ" (COM(2013)0447),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2013 bit-titolu "Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa" (COM(2012)0795),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f’Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva" (COM(2011)0902),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2015 bit-titolu "Edukazzjoni dwar l-Intraprenditorija: Triq għas-suċċess",

–  wara li kkunsidra l-gwida Social Europe tal-Kummissjoni ta' Marzu 2013 dwar "Social Economy and Social Enterprises" (ISBN: 978-92-79-26866-3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u l-Ewropa 2020(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar it-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Unjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-"Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010"(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0239/2015),

A.  billi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ teħtieġ li tkun parti importanti integrali tal-istrateġija politika li tappoġġja l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum f’termini tal-għanijiet tal-UE għat-tkabbir, l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u sabiex tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE;

B.  billi l-intraprenditorija għandha tinftiehem fit-tifsira usa' tagħha bħala l-abbiltà li wieħed ibiddel l-ideat f'azzjonijiet;

C.  billi fi Frar 2015, 4.85 miljun żagħżugħ u żagħżugħa kienu qiegħda fl-UE-28, ċifra li hi għolja inaċċettabbli, u għalkemm il-qgħad fost iż-żgħażagħ qiegħed jonqos – naqas b’494 000 meta mqabbel ma’ Frar 2014 – dan qiegħed iseħħ b’pass kajman wisq;

D.  wara li kkunsidra r-rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u li l-fatt li l-konsolidazzjoni fiskali tal-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi m’għandhomx jitwettqu għad-detriment ta’ impjiegi meħuda miż-żgħażagħ; billi, bħala riżultat ta’ dan il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ qed jesperjenzaw livelli ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, speċjalment fil-każ ta' dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġati u vulnerabbli; jirrikonoxxi u jilqa’ b’sodisfazzjon, madankollu, il-fatt li l-impenji saru biex iħaffu l-għoti tal-fondi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ lill-Istati Membri, iżda jitlob li jkun hemm impenji aktar b’saħħithom min-naħa tal-Kummissjoni biex jindirizzaw din il-problema serja;

E.  billi d-differenza bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol hija waħda mill-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-għadd kbir ta’ postijiet vakanti fl-UE u għandha tiġi indirizzata wkoll billi ż-żgħażagħ jingħataw s-setgħa permezz tal-kompetenzi ewlenin, fosthom sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija, li huma meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem, b’mod kunfidenti, fl-ekonomija u s-soċjetà tal-lum ibbażati fuq l-għarfien;

F.  billi l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha dwar ''Ħiliet ġodda u l-impjiegi'', ''Aġenda Diġitali għall-Ewropa'', ''Unjoni ta' Innovazzjoni'', u ''Żgħażagħ Attivi'', kif ukoll l-appoġġ immirat għal imprendituri nisa u persuni żvantaġġati u b'diżabbiltà, tippromwovi s-sens ta' inizjattiva u intraprenditorija, billi trawwem attitudni intraprenditorjali u l-għarfien relatat, il-ħiliet u l-kompetenzi relatati li jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir li jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi;

G.  billi l-intraprenditorija hija mutur importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta' ħolqien ta' impjiegi peress li toħloq kumpaniji u impjiegi ġodda, tiftaħ swieq ġodda, issaħħaħ il-kompetittività, ittejjeb il-produttività u l-innovazzjoni, issaħħaħ il-kompetittività Ewropea u toħloq il-ġid u għandha għalhekk tkun aċċessibbli b'mod ugwali għal kulħadd;

H.  billi l-intraprenditorija, u b’mod partikolari l-intraprenditorija soċjali huma muturi importanti ta’ koeżjoni soċjali u sostenibbiltà li jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin jittaffew id-deprevazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-problemi soċjali oħra;

I.  billi l-intraprenditorija u partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jirrappreżentaw l-aktar sors importanti u primarju ta' impjieg ġdid; billi l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa huwa sors mhux sfruttat biżżejjed tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi;

J.  billi l-kulturi li jivvalutaw u jippremjaw il-kompetenzi intraprenditorjali u l-imġiba intraprenditorjali bħall-kreattività, l-innovazzjoni, l-inizjattiva, it-teħid tar-riskju kkalkulat, il-ħsieb indipendenti u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet, kif ukoll kwalitajiet ta' tmexxija, jippromwovu propensità għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali bl-integrazzjoni ta’ komponenti ta’ għarfien fl-edukazzjoni li jgħaqqdu t-teorija mal-prattika, u b’hekk inaqqsu l-ostakli bejn l-esperjenza tan-negozju u l-edukazzjoni; billi huwa għalhekk ta’ importanza kbira li dawn il-kompetenzi personali jiġu integrati fis-sistema edukattiva u jkunu parti mill-ħajja ta’ kuljum fil-livelli kollha;

K.  billi f’ċerti Stati Membri l-ftuħ ta’ negozji ġodda (ta’ kull tip, inkluża l-intraprenditorija soċjali jew negozju għal xi profitt personali) ma jiġux rikonoxxuti biżżejjed jew inklużi bħala karriera, u hemm ftit li xejn appoġġ għal imprendituri aspiranti fi ħdan is-sistema edukattiva;

L.  billi l-imprendituri żgħażagħ jiffaċċjaw bosta sfidi u diffikultajiet, inkluż nuqqas ta' esperjenza, ħiliet xierqa u aċċess għall-finanzi u l-infrastruttura;

M.  billi studji reċenti jissuġġerixxu li l-kompetenzi intraprenditorjali jistgħu jiġi mgħallma u li l-edukazzjoni intraprenditorjali, jekk imfassla tajjeb, implimentata u tkun aċċessibbli għal kulħadd, jista’ jkollha impatt pożittiv ħafna fuq il-ħajja tan-nies u l-impjegabbiltà tagħhom, kif ukoll ir-rati għall-bidu u r-rati ta’ sopravivenza tal-intrapriżi;

N.  billi sabiex iwasslu għal konklużjonijiet robusti, il-kejl tal-impatt tal-edukazzjoni intraprenditorjali għandu jsir b'approċċ kritiku, kif ukoll ibbażat fuq evidenza soda u li jistrieħ fuq għodod u tekniki statistiċi stabbiliti;

O.  billi l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkorpora dimensjoni soċjali inkluż it-tagħlim dwar il-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta’ negozju alternattivi bħal pereżempju, il-kooperattivi bil-għan li tinkiseb ekonomija soċjali, inklużiva u sostenibbli;

P.  billi attitudni imprenditorjali ttejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, toħloq f’dik il-persuna kwalitajiet li huma essenzjali biex jingħelbu d-diffikultajiet kemm fil-ħajja professjonali kif ukoll f'dik privata, u tgħin biex tiġi evitata żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi aċċess aktar faċli għal mekkaniżmi ta’ mikrofinanzjament jista’ jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

Q.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b’mod ġenerali huma ta’ importanza primordjali fir-rigward tal-iżvilupp personali ta’ kull individwu, u għalhekk għandhom ikunu vasti biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-iżvilupp tul il-ħajja u l-approfondiment ta’ għarfien u l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet trasversali, u prattiki biżżejjed, u b’hekk jippermettu lill-individwi jkollhom karrieri reali u ħajja professjonali u privata ta’ valur; billi hemm korrelazzjoni diretta bejn it-taħlita b’suċċess ta’ dawn iż-żewġ aspetti tal-edukazzjoni u t-tnaqqis fir-riskju tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

R.  billi l-ispirtu u l-ħiliet tal-intraprenditorija jistgħu jiġu akkwistati, mgħallma u żviluppati minn kull individwu; billi kull tip u livell ta’ edukazzjoni jikkorrispondi għal opportunità speċifika għall-bini speċifiku ta' ċerti ħiliet u kapaċitajiet għall-intraprenditorija bħala parti mill-akkwist ġenerali ta’ kompetenzi ewlenin;

S.  billi l-ħiliet intraprenditorjali huma marbuta ma’ settijiet oħra ta’ ħiliet bħall-ħiliet fl-ICT, il-ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi u l-litteriżmu finanzjarju li għandhom jiġu promossi;

T.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma ta’ importanza ewlenija f’termini ta’ motivazzjoni u ta' possibbiltajiet għaż-żgħażagħ biex jibdew il-proġetti intraprenditorjali tagħhom stess;

U.  billi l-edukazzjoni, bħala ġid pubbliku, għandha tkun kompletament inklużiva u integrata billi jsir enfasi speċjali fuq l-għoti ta’ aċċess ugwali għall-istudenti li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi differenti;

V.  billi ż-żgħażagħ ikunu f'qagħda aħjar biex jinvolvu ruħhom f'negozju fuq skala transnazzjonali jekk ikunu jafu lingwi oħrajn;

W.  billi l-gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati jeħtieġu attenzjoni speċjali u appoġġ matul l-edukazzjoni tagħhom, anke permezz tal-involviment tal-ġenituri u tal-komunitajiet fil-proċess edukattiv, kif ukoll jeħtieġu għajnuna sabiex jibdew, imexxu jew ikabbru negozju jew intrapriża;

X.  billi ż-żgħażagħ jibbenefikaw mit-taħriġ u l-edukazzjoni intraprenditorjali kif ukoll mill-esperjenza intraprenditorjali prattika, li jgħinu jiżviluppaw il-ħiliet u t-talent tagħhom filwaqt li jgħinuhom jiżviluppaw il-kunfidenza, u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' negozji ġodda, l-impjegabbiltà u l-innovazzjoni; billi l-intraprenditorija hi għażla li mhijiex sfruttata biżżejjed għal ħafna żgħażagħ b'diżabbiltà;

Y.  billi l-intrapriżi soċjali u inklużivi jipparteċipaw b'mod attiv fi tkabbir sostenibbli innovattiv, jippromwovu koeżjoni akbar fi ħdan is-soċjetà u l-komunitajiet lokali, u jistgħu joħolqu opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ, inklużi dawk li huma soċjalment vulnerabbli u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol;

Z.  billi ma hemmx biżżejjed nies li jsegwu l-ideat tagħhom biex jibdew negozju, u hemm, b’mod sproporzjonat, anke inqas nisa milli rġiel imprendituri (aktar u aktar fil-każ tan-nisa li ġejjin minn gruppi soċjali vulnerabbli u jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja), u, filwaqt li l-imprendituri nisa għandhom bħala medja edukazzjoni ogħla minn imprendituri rġiel, iżda huma wkoll aktar attivi f’setturi inqas innovattivi, li qed jikbru inqas malajr, b’kumpaniji iżgħar minn dawk tal-imprendituri rġiel; billi jeħtieġ li jiġu promossi b'mod attiv modi biex jingħelbu l-fatturi li jiskoraġġixxu partikolarment lin-nisa milli joħolqu l-intraprenditorija jew li jibbenefikaw aktar minnha(15);

AA.  billi f'ċerti Stati Membri kmamar tal-artiġjanat, l-industrija u l-kummerċ joffru programmi mmirati biex jappoġġjaw negozji ġodda;

AB.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prinċipalment kompetenzi nazzjonali u ċerti Stati Membri għad iridu jiżviluppaw politika trasversali, jew approċċ strateġiku għall-edukazzjoni jew il-kurrikuli intraprenditorjali u l-metodi ta’ tagħlim; billi mhux l-għalliema u dawk li jmexxu l-edukazzjoni kollha fl-Ewropa huma mħarrġa biżżejjed fl-edukazzjoni intraprenditorijali, jew permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu tagħhom jew permezz ta’ taħriġ inizjali, li jista' jkollu impatt fuq il-potenzjal ta’ intraprenditorija biex jiġi inkorporat biżżejjed fis-sistemi edukattivi(16);

AC.  billi l-għalliema għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw ma’ imprendituri u jiddefinixxu l-għanijiet ta’ tagħlim fi sħubija magħhom u jingħataw appoġġ u riżorsi xierqa sabiex jimplimentaw strateġiji li jiffukaw fuq l-istudent u li jadattaw il-metodi tat-tagħlim tagħhom għall-ħtiġijiet tal-istudenti vulnerabbli tagħhom;

AD.  billi l-attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali jikkomplementaw u jsaħħu t-tagħlim formali billi joffru tipi diversi ta' esperjenzi ta’ tagħlim li jagħtu s-setgħa, u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala l-aqwa sorsi li permezz tagħhom jinkisbu u jiġu żviluppati l-kompetenzi tal-intraprenditorija;

AE.  billi t-tagħlim formali u informali jista' jkollu rwol ewlieni fl-iżvilupp u s-sostenn ta' ħiliet intraprenditorjali speċjalment fost il-gruppi marġinalizzati;

AF.  billi l-attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali huma b’mod partikolari rilevanti għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet billi jipprovdulhom sors addizzjonali ta’ tagħlim u triq possibbli lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ formali;

AG.  billi t-tagħlim minn imprendituri ta' esperjenza jagħti stampa pożittiva tal-ispirtu intraprenditorjali u jiffaċilita l-pass lejn l-intraprenditorija;

AH.  billi l-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali, għandha tiġi integrata fit-taħriġ tal-għalliema u tal-konsulenti tal-karrieri;

AI.  billi s-sistemi edukattivi nazzjonali qegħdin jevolvu b’rati differenti b’reazzjoni għal bidliet fis-suq tax-xogħol;

AJ.  billi l-programm Erasmus+, li beda jopera mill-2014 sal-2020, għandu l-għan li jimmodernizza l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u huwa miftuħ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet sportivi fis-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja; billi dan se jipprovdi opportunitajiet għal aktar minn 4 miljun Ewropew biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta’ xogħol u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom;

AK.  billi l-intraprenditorija diġà għandha rwol fil-Programm Erasmus+, li huwa wieħed mir-riżultati mistennija tal-azzjonijiet ta’ mobbiltà;

AL.  billi huwa importanti li tiġi promossa u titħeġġeġ il-mobbiltà ta’ imprendituri żgħażagħ permezz ta’ programmi, bħal pereżempju l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (2009-2015), li jippermetti lill-imprendituri żgħażagħ biex jieħdu sehem fi skambji transkonfinali u biex jitgħallmu minn imprendituri ta’ esperjenza li jmexxu negozji żgħar, kif ukoll joħloq opportunitajiet biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-intraprenditorija; billi jeħtieġ li jiġu allokati aktar fondi għal programmi bħal dawn sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

AM.  billi ż-żgħażagħ huma inklinati li jesprimu preferenza li jaħdmu għal rashom u madwar 45 % taż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena jgħidu li jippreferu jaħdmu għal rashom(17);

AN.  billi l-komunità kummerċjali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew tista' tagħti kontribuzzjonijiet konsiderevoli fil-forma ta’ volontarjat ibbażat fuq il-ħiliet, is-sħubijiet mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-kollaborazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika;

AO.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu kontributi konsiderevoli (gruppi mhux governattivi bħal trejdjunjins, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u gruppi soċjali oħra), fosthom il-Junior Achievement – l-inizjattiva Young Enterprise Europe li tipprovdi edukazzjoni u taħriġ informali u tul il-ħajja dwar l-intraprenditorija; billi dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom bżonn aktar rikonoxximent, minkejja li ma jistgħux iwasslu għal kwalifika formali ċertifikata; billi dawn il-kontribuzzjonijiet isiru wkoll minn intrapriżi li jipprovdu taħriġ għalihom infushom;

Enfasi fuq il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali

1.  Jirrikonoxxi r-rwol tat-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà internazzjonali bħala fatturi li jikkostitwixxu miżura ewlenija fir-rispons tal-Ewropa għall-globalizzazzjoni u l-bidla għal ekonomiji msejsa fuq l-għarfien; jinnota, b’mod partikolari, l-importanza tas-"sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija", kif inklużi fost it-tmien "Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja – Qafas ta’ Referenza Ewropew", meqjusa meħtieġa mill-individwi kollha għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza Ewropea attiva u l-parteċipazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-ħiliet intraprenditorjali għaż-żgħażagħ permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva li tiżgura traineeships ta' kwalità li jiffukaw fuq it-tagħlim ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati bħala għodod biex irawmu l-impjegabbiltà, kif propost mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships ;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ definizzjoni wiesgħa u ċara tal-kompetenza ewlenija "sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija", li tinvolvi t-trawwim ta' attitudni intraprenditorjali kkaratterizzata mill-proattività, il-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet, u anki l-idea li l-individwu jkun konxju mill-kuntest tax-xogħol tiegħu/tagħha u li jkun kapaċi jaħtaf l-opportunitajiet li jinħolqu, fir-rigward tal-intraprenditorija kif ukoll l-attività ta' xogħol (f'dan l-aħħar każ imsejjaħ "intraprenditorija"); għandu fiduċja fis-setturi tal-industrija kreattiva u l-intrapriżi relatati mal-kultura, li jistgħu jenfasizzaw l-opportunitajiet tan-negozju, speċjalment għaż-żgħażagħ;

4.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi intraprenditorjali, billi jiżviluppaw ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni ta’ problemi, ix-xogħol f’tim u l-milja ta' riżorsi;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ wiesa’ għall-intraprenditorija bħala sett ta’ kompetenzi ewlenin trasversali għal skopijiet personali u professjonali;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ monitoraġġ organizzattiv u ħiliet ta' awditjar; jinkoraġġixxi b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ awditjar soċjali u ambjentali, bħala għodda ta’ monitoraġġ innovattiv;

7.  Jinsab konvint li l-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali kif ukoll dawk trasversali, transettorjali, speċifiċi għall-impjieg u l-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi għall-impjieg għandhom jiġu promossi sabiex jiżdiedu r-rati ta’ impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ u biex jipprovdu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa b’opportunità reali biex jibdew in-negozji tagħhom stess u sabiex jgħinu kemm lilhom infushom kif ukoll lis-soċjetà b’mod ġenerali;

8.  Jinsab konvint li l-pass meħtieġ li jmiss huwa li jiġi speċifikat fid-dettall kif il-qafas tal-kompetenzi ewlenin jista' jiġi implimentat aktar b’mod xieraq f’kull livell tal-edukazzjoni għall-kompetenza intraprenditorjali, billi jiġu inklużi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet intraprenditorjali bħala eżitu ta' tagħlim ta’ kull programm ta’ apprendistat u edukattiv speċifiku;

9.  Jenfasizza li fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni għandu jiġi pprovdut it-tagħlim ta’ ħiliet intraprenditorjali prattiċi u t-trawwim ta’ motivazzjoni, is-sens ta' inizjattiva u r-rieda, flimkien ma' sens ta' responsabbiltà soċjali; jemmen li l-moduli f'ambjent dwar il-bażi tal-finanzi, tal-ekonomija u tan-negozju għandhom jiġu integrati fil-kurrikuli tal-iskejjel, u għandhom jiġu akkumpanjati minn konsulenza, tutoring u gwida għall-karriera għall-istudenti, inklużi studenti żvantaġġati, sabiex jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-fehim tagħhom tal-proċess intraprenditorjali u jiżviluppaw attitudni intraprenditorjali; jissottolinja r-rwol tat-tagħlim informali u indipendenti, inkluż il-volontarjat, biex iż-żgħażagħ ikollhom spirtu u ħiliet intraprenditorjali;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza u r-rwol ta’ forom differenti ta’ intraprenditorija soċjali, li spiss huma mezz tajjeb biex iż-żgħażagħ Ewropej jiksbu l-ewwel esperjenza fin-negozju;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati pedagoġiji innovattivi li huma aktar parteċipattivi u ffukati fuq l-istudent, bil-għan li titħeġġeġ l-akkwiżizzjoni ta’ sett ta’ kompetenzi trasversali meħtieġa għall-iżvilupp ta’ attitudni intraprenditorjali;

12.  Jirrakkomanda li għandha titħeġġeġ l-intraprenditorija bħala parti minn edukazzjoni ogħla u proġetti ta’ gradwati, inklużi wkoll mudelli ta’ intraprenditorija soċjali;

13.  Jirrimarka li l-promozzjoni tal-intraprenditorija permezz tal-edukazzjoni tista’ tirnexxi biss b’mod sinifikanti jekk l-aspetti ekonomiċi u soċjali jidhru b’mod bilanċjat fi strateġiji edukattivi;

14.  Jenfasizza li l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar jistgħu jirnexxu l-aktar permezz tal-intraprenditorija soċjali, li tista' tagħti spinta lill-impjiegi, u bl-istabbiliment ta’ attitudni intraprenditorjali li se tkun sostanzjalment ta’ benefiċċju għal persuni żvantaġġati;

15.  Jenfasizza li t-taħriġ doppju u l-programmi ta’ studju sponsorjati mill-kumpaniji wrew li huma essenzjali biex jagħtu l-kompetenzi ewlenin tal-kumpaniji f’dawk l-Istati Membri fejn joperaw programmi bħal dawn;

16.  Iħeġġeġ impenn sħiħ u sħubija bejn il-partijiet interessati kollha u b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali lokali, in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jikkondividu l-aħjar prattiki u esperjenzi u biex itejbu l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni fl-Istati Membri kollha;

17.  Jenfasizza li rabta mill-qrib bejn it-taħriġ tal-kumpaniji u l-edukazzjoni regolari hija mudell ta’ suċċess li għandha tissaħħaħ u tiġi promossa madwar l-Ewropa u lil hinn minnha;

18.  Jappella biex ikun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib mas-settur privat u s-sħab soċjali li tinkoraġġixxi kultura ta' teħid ta' riskju, intraprenditorija u innovazzjoni (pereżempju permezz ta' impenji strutturali bħal faċilitajiet għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' ideat);

19.  Jinsab konvint li l-użu b’suċċess tal-abbiltà intraprenditorjali huwa aktar u aktar dipendenti fuq il-koeżistenza tal-midja u l-kompetenza diġitali u li din l-interrelazzjoni għandha tirċievi attenzjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ kollha bil-kompetenzi tal-ICT u l-ħiliet intraprenditorjali u trasversali li jippermettulhom jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-dinja diġitali sabiex tgħinhom joħolqu forom ġodda ta’ żvilupp, jagħtu u jippromwovu l-intraprenditorija, u b’hekk isiru aktar kapaċi jikkompetu għal impjieg, li jaħdmu għal rashom, jitgħallmu jifhmu aħjar l-imġiba tal-impjegaturi prospettivi tagħhom u l-ħtiġijiet, u jikkontribwixxu għall-kapaċità innovattiva u kompetittiva ta’ organizzazzjoni ta’ min iħaddem;

20.  Jenfasizza li l-kompetenza tal-intraprenditorija għandha tiġi żviluppata u mtejba tul il-ħajja, inkluż permezz tal-esperjenza tax-xogħol u t-tagħlim mhux formali u informali u l-validazzjoni tagħha għandha tissaħħaħ u tiġi appoġġjata peress li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-karrieri;

21.  Jirrikonoxxi li element ewlieni fit-tagħlim tal-intraprenditorija huwa t-tħejjija adegwata tal-għalliema, u b’mod partikolari l-bżonn urġenti għal taħriġ ta’ kwalità għolja sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità tal-proċess edukattiv;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-ostakli li jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ b'diżabbiltà billi jipprovdu taħriġ għall-fornituri ta' servizzi li r-responsabbiltajiet tagħhom jinkludu appoġġ għall-persuni b'diżabbiltà, u billi jadattaw il-bini li fih jingħata l-appoġġ sabiex jagħmluh aċċessibbli għal dawk li għandhom problemi ta' mobbiltà;

23.  Jinnota li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja tippermetti aktar djalogu fost iż-żgħażagħ u tħeġġeġ l-innovazzjoni;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kultura intraprenditorjali fl-edukazzjoni terzjarja billi jiġi appoġġjat u faċilitat il-ħolqien ta' kumpaniji ġodda miż-żgħażagħ abbażi tar-riċerka akkademika (spin-offs), jitnaqqas il-piż burokratiku involut fil-ħolqien ta' dawn il-kumpaniji, u jinħoloq qafas regolatorju ċar u ta' appoġġ għall-istudenti imprendituri; iqis, f'dan il-kuntest, li l-iskejjel u l-universitajiet għandhom jagħtu żmien, spazju u rikonoxximent għall-inizjattivi taż-żgħażagħ sabiex dawn jingħataw il-kunfidenza meħtieġa biex jaħdmu fuq proġetti ġodda, li tista' tkun riżorsa utli għall-ħolqien ta' negozji indipendenti; jilqa’ l-inizjattivi li jippremjaw liż-żgħażagħ għal impriżi ta’ negozju ta’ suċċess (pereżempju, premju għall-aqwa kumpanija tas-sena mwaqqfa minn student); jenfasizza wkoll l-importanza ta’ kumpaniji li jagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ li jiksbu l-ewwel esperjenza ta’ xogħol intern dirett; itenni l-bżonn li jiġu promossi żjarat tal-kumpaniji u skemi ta’ apprendistat b'dawn l-għanijiet, b’mod li ż-żgħażagħ jingħataw ħarsa ġenerali mid-dinja tan-negozju;

25.  Jenfasizza li l-komunità tan-negozji għandha rwol ewlieni fl-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali billi tipprovdi tagħlim ibbażat fuq esperjenzi li jikkumplementaw l-edukazzjoni teoretika taż-żgħażagħ;

26.  Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' għadd ta' assoċjazzjonijiet ta' imprendituri żgħażagħ fit-trawwim tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, billi joffrulhom l-opportunità li jiżviluppaw proġetti innovattivi u jiksbu esperjenza fin-negozju u jagħtuhom l-għodod u l-kunfidenza meħtieġa sabiex isiru imprendituri;

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE – koordinazzjoni, metodoloġija u għodod finanzjarji

27.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jiżviluppaw appoġġ metodoloġiku u għodod sabiex is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni jsiru disponibbli fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali, inkluża l-intraprenditorija soċjali, u biex isegwu approċċ koordinat li jitlob lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jikkooperaw aktar mill-qrib ma’ kumpaniji sabiex ixerrdu l-fatturi ewlenin meħtieġa biex jitjieb l-ambitu intraprenditorjali; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-ammont ta’ appoġġ għal imprendituri żgħażagħ taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

28.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni japplikaw perspettiva ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-metodoloġija, il-komunikazzjoni u l-għodod finanzjarji, sabiex jinkoraġġixxu involviment akbar fl-intraprenditorija tal-bniet u n-nisa żgħażagħ;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u ssaħħaħ it-traineeships intraprenditorjali u l-programmi ta’ skambju, tagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza prattika u tiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija komprensiva għall-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, l-inizjattiva, il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni, l-awtoġestjoni, l-ippjanar, it-tmexxija u l-bini ta’ tim, fil-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’kont meħud li dawn huma ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ professjonijiet u setturi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq it-titjib tal-iżvilupp u l-valutazzjoni ta’ ħiliet trasversali, inkluża l-intraprenditorija u l-kompetenza diġitali, fi ħdan il-programm Erasmus+, filwaqt li jissottolinja li dan il-programm m’għandux ikun unilateralment orjentat lejn il-kunsiderazzjonijiet tal-impjegabbiltà u li aċċess faċli għal attivitajiet intraprenditorjali għandhom jinżammu, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali u informali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi riformi tal-politika tal-edukazzjoni fl-Istati Membri li joħolqu qafas ta’ politika koerenti għall-Istati Membri u l-UE f’dan ir-rigward;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-monitoraġġ ta’ ħiliet fl-ICT, il-ħiliet għas-soluzzjoni ta’ problemi u tal-litteriżmu finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka lonġitudinali f’dan il-qasam;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-kumpaniji permezz tal-użu tal-Fond Ewropew ta’ Investiment Strateġiku u, b'mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew, biex tħeġġeġ it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-kumpaniji u trawwem il-kompetenzi intraprenditorjali fil-livell nazzjonali u lokali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni tal-Intraprenditorija, fuq linji bħal dawk tan-Netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni tal-Intraprenditorija (EE-HUB), stabbilit f’Mejju 2015 u appoġġjati minn organizzazzjonijiet Ewropej u partijiet interessati oħra fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, kif ukoll billi l-awtoritajiet edukattivi nazzjonali, li se jiġbru u jiskambjaw l-aħjar prattiki jinqasmu bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet edukattivi, istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali, in-negozji, l-awtoritajiet u s-sħab soċjali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinament koerenti u effikaċi fil-qasam tal-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kuntest tal-istrateġija usa' ta' tagħlim tul il-ħajja tal-UE, l-istrateġiji globali tal-UE u l-Pjan tal-Kummissjoni Juncker;

36.  Jipproponi li l-Kummissjoni żżomm l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali bħala wieħed mill-objettivi tal-programm futur Erasmus+ fil-perjodu finanzjarju li jmiss (wara l-2020) fl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-mobbiltà, filwaqt li jkun fih l-elementi li ġejjin:

   (i) l-evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt ta’ miżuri eżistenti li jippromwovu l-intraprenditorija permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-adattament potenzjali tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt fuq gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati,
   (ii) il-promozzjoni ta’ kontenuti tat-tagħlim u għodod definiti aħjar tal-kurrikulu tal-edukazzjoni formali u mhux formali mmirati lejn l-istudenti kollha – moduli teoretiċi u prattiċi, bħal proġetti intraprenditorjali tal-istudenti,
   (iii) appoġġ għall-kwalifiki inizjali tal-għalliema, l-edukaturi, il-ħaddiema żgħażagħ, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-edukazzjoni, u l-iżvilupp professjonali kontinwu u l-awtorizzazzjoni tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni intraprenditorjali,
   (iv) il-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali, sabiex jitfasslu korsijiet xierqa u l-istudenti jingħataw l-esperjenza prattika u l-mudelli rekwiżiti,
   (v) l-iżvilupp ta’ ħiliet fl-oqsma tal-proċessi intraprenditorjali, litteriżmu finanzjarju, litteriżmu u ħiliet tal-ICT, il-ħsieb kreattiv, il-kreattività, l-utilità kreattiva, is-soluzzjoni tal-problemi u l-attitudni innovattiva, l-awtostima, il-fiduċja fl-ideat ta' dak li jkun, l-adattabbiltà, l-ispirtu ta’ tim, il-ġestjoni ta’ proġetti, il-valutazzjoni tar-riskju u t-teħid ta’ riskju, kif ukoll ħiliet u għarfien speċifiċi tan-negozju;
   (vi) it-tneħħija tal-ostakli fiżiċi u diġitali kollha li persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw, peress li l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol tista’ tkun ta’ importanza kbira għall-promozzjoni ta’ kultura tan-negozju sostenibbli u koeżiva;
   (vii) l-enfasi fuq it-tagħlim mhux formali u informali bħala ambjent privileġġat fejn jistgħu jinkisbu kompetenzi intraprenditorjali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tindirizza l-fatturi li jiskoraġġixxu lin-nisa milli jsiru imprendituri, filwaqt li speċifikament tippromwovi l-aċċess għal finanzjament u servizzi ta’ appoġġ għal imprendituri nisa żgħażagħ;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi kooperazzjoni aħjar u l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri li diġà integraw l-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikulu tagħhom u kisbu progress aħjar fil-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ u dawk l-Istati Membri li għadhom fil-bidu ta’ dan il-proċess;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkompila, sal-aħħar tal-2017, "l-aħjar prattika" għat-tixrid tal-abbiltà intraprenditorjali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ fl-Istati Membri, tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament u tqis ir-riżultati ta’ din il-ħidma meta tevalwa l-proċeduri ta’ finanzjament tagħha stess;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali bħala mezz biex irawmu kompetenzi trasversali għal ġestjoni aħjar tal-ħajja personali u professjonali tal-istudenti;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-miżuri konkreti implimentati mill-Istati Membri b'appoġġ għall-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, tiddedika attenzjoni speċjali għall-promozzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ir-riżultati u tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet fl-iskambju ta' prattiki tajbin, il-kondiviżjoni ta' ideat, għarfien u esperjenza, u l-iffurmar ta' sħubijiet strateġiċi transettorjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw parametri referenzjarji u mudelli, kif ukoll strumenti u proġetti komuni, sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura li tittieħed mill-Istati Membri ma tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex iż-żgħażagħ li għażlu karriera fin-negozju jkunu jistgħu jiżviluppaw l-attività tagħhom fejn jixtiequ fl-Unjoni Ewropea;

Ir-rwol tal-Istati Membri

44.  Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ taħriġ għat-tnedija u l-ġestjoni ta’ negozji ġodda, inklużi l-konsulenza esperta, l-inkubaturi u l-aċċeleraturi tan-negozju, il-proġetti tal-intrapriża soċjali li jaħdmu mal-komunitajiet lokali, u l-ambjenti favorevoli għall-intraprenditorija kollha li se jiffaċilitaw in-negozji ġodda taż-żgħażagħ u jippermettu rkupru malajr f’każ ta’ tluq kmieni mill-iskola jew minn fallimenti inizjali, u b’hekk jgħinu biex tinħoloq kultura tan-negozju pożittiv, tiġi evitata perċezzjoni negattiva ta’ falliment kummerċjali u jinkoraġġixxu t-tentattiv mill-ġdid, u apparti minn dan tingħata attenzjoni speċjali biex jilħqu liż-żgħażagħ żvantaġġjati;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-imprendituri żgħażagħ ikollhom aċċess għall-finanzi li jeħtieġu u li dawn jiġu sostnuti f’kull stadju;

46.  Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jagħmlu użu mir-riżorsi tal-Fondi Strutturali tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonli u lokali, jużaw ir-riżorsi ta’ finanzjament eżistenti kollha fil-livell tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva Ewropea favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (COSME), biex iħeġġu u jappoġġjaw inizjattivi li jfittxu rabtiet aktar effikaċi u mmirati aħjar favur bejn in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattika, jinkoraġġixxu sħubiji kemm domestiċi kif ukoll transkonfinali, u jappoġġjaw intrapriżi ġodda u l-ħidma ta’ netwerks rilevanti ta' intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u aġenziji ta’ żvilupp;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu metodi innovattivi speċifiċi biex iħarrġu lill-għalliema u l-mentors fl-intraprenditorija sabiex ikunu jistgħu jrawmu u jinkoraġġixxu l-ħiliet intraprenditorjali u biex jikkunsidraw li jinkludu l-intraprenditorija bħala parti mill-kurrikulu edukattiv;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar is-sistemi tagħhom għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba fit-tagħlim mhux formali u dak informali sabiex l-impenn tagħhom għall-2018 jiġi rispettat, sabiex jagħtu lill-individwi opportunitajiet ta’ riorjentazzjoni u t-tieni ċans, kif ukoll jagħtu spinta lir-rikonoxximent tagħhom infushom u aktar tagħlim;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-involviment ta’ sħab privati fl-edukazzjoni intraprenditorjali, permezz ta’ finanzjament jew provvediment ta' taħriġ, bħala aspett tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw il-burokrazija fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ negozju miż-żgħażagħ u biex jikkunsidraw miżuri ta’ tnaqqis fiskali, u miżuri biex iħajruhom joħolqu l-ideat tan-negozju tagħhom stess; jenfasizza l-ħtieġa għal sigurtà għal negozji ġodda li jfallu;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-diffikultajiet finanzjarji li qed jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ, jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għall-kreditu u għal għotjiet speċjali, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti, u li jkun hemm ambjent regolatorju u inċentivi fiskali li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' inizjattivi intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, sabiex jiġu faċilitati t-tnedija u l-istabbilizzazzjoni tal-proġetti kummerċjali tal-imprendituri żgħażagħ;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu proattivi fit-titjib tal-oqfsa regolatorji u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-intrapriżi ta' natura soċjali, u jippromwovu u jissorveljaw il-kwalità tal-prattiki tal-impjegar ta' dawn in-negozji; jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u inklużivi joħolqu impjiegi sostenibbli, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità u jgħinu fil-promozzjoni ta' ambjent sostenibbli u fl-iżgurar ta' reżiljenza soċjali fi żmien ta' kriżi;

55.  Jappella biex is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jkunu aktar proattivi fl-għoti ta' assistenza u konsulenza lin-negozji, u b'mod partikolari lill-imprendituri żgħażagħ;

56.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali joffru lill-istudenti innovattivi aktar boroż ta' studju u skemi ta' mikrokreditu, flimkien ma' appoġġ, informazzjoni, konsulenza, assistenza multidixxiplinari u pjattaformi ta' evalwazzjoni bejn il-pari, sabiex ikunu jistgħu jibdew l-impriżi jew il-proġetti tagħhom stess, bħal dawk appoġġjati taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tal-EaSI; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għas-self u l-ħlas lura tiegħu, jippromwovu l-użu tal-finanzjament kollettiv, jiżviluppaw sħubijiet bejn l-ekonomija lokali, in-negozji u l-universitajiet, isaħħu r-rwol tan-negozji fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, u jikkonsolidaw l-Entrepreneurial Skills Pass (ESP) f'diversi livelli tal-iskola u l-edukazzjoni universitarja, speċjalment fi sħubija mal-SMEs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-twaqqif, fi ħdan l-universitajiet ta' inkubaturi tan-negozju ddedikati għall-iżvilupp sostenibbli u għal fergħat ta' studju orjentati lejn il-futur;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għal ħruġ mhux frodulenti u joħolqu ambjent ta' ħruġ favorevoli sabiex jintbagħat messaġġ ċar liż-żgħażagħ li falliment ma jkunx diżastru b'konsegwenzi għall-bqija tal-ħajja;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ jersqu lejn l-intraprenditorija billi jiffaċilitaw, fi ħdan is-sistema edukattiva, studji bbażati fuq proġetti li jirrigwardaw dixxiplini differenti u li jiġu offruti b'kooperazzjoni ma' kumpaniji;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija bħala għażla professjonali pożittiva fil-konsulenza dwar il-karrieri li tingħata fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, u jindirizzaw l-istigma negattiva prevalenti li teżisti f'xi Stati Membri fir-rigward tal-intraprenditorija bħala għażla professjonali;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' negozju fost iż-żgħażagħ b'diżabbiltà, permezz ta' azzjonijiet bħall-promozzjoni tal-karrieri ta' persuni b'diżabbiltà li diġà huma integrati fis-suq tax-xogħol u l-għoti ta' rikonoxximent pubbliku lil imprendituri b'diżabbiltà;

Passi ulterjuri ta' segwitu

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi u tiżviluppa aktar il-ħidma tagħha dwar l-Intraprenditorija 360 (skejjel u ETV) u dwar HEInnovate (edukazzjoni għolja);

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miżuri relatati mal-edukazzjoni intraprenditorjali fl-indikaturi tal-evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew li jibda fl-2016;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament sal-aħħar tat-terminu tiegħu dwar il-progress miksub fil-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u kemm irnexxielha tilħaq lill-membri tal-gruppi soċjali vulnerabbli;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni fuq livell Ewropew fl-evalwazzjoni sistematika tal-programmi u attivitajiet intraprenditorjali sabiex tippermetti l-paragunabbiltà tar-riżultati, pereżempju billi jitqabblu mudelli differenti ta’ intraprenditorija taż-żgħażagħ madwar l-Istati Membri u l-karatteristiċi ta’ imprendituri żgħażagħ f’termini ta’ varjabbli soċjodemografiċi bħall-età, is-sess u l-edukazzjoni;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-politiki bejn l-UE u tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi skambji ta’ prattiki tajbin;

o
o   o

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-pajjiżi taż-ŻEE, u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 17, 20.1.2015, p. 2.
(2) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.
(3) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(4) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(5) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(6) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(7) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(8) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0107.
(10) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 56.
(11) ĠU C 165 E, 11.6.2013, p. 7.
(12) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 89.
(13) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 8.
(14) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 33.
(15) Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2013 (SWD(2014)0142), Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Data Statistika dwar l-Imprendituri Nisa fl-Ewropa, Settembru 2014.
(16) Konklużjonijiet tas-simpożju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ta' Budapest u Istanbul.
(17) Il-Kummissjoni: Eurobarometer FL354, “L-intraprenditorija fl-UE u lil hinn”, 9 ta’ Jannar 2013.

Avviż legali