Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0207/2015

Testi mressqa :

A8-0207/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0293

Testi adottati
PDF 414kWORD 148k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa
P8_TA(2015)0293A8-0207/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa (2014/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jiddikjara li l-firmatarji huma “ispirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa”, u għal-Artikolu 3(3) TUE,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-UNESCO fl-20 ta’ Ottubru 2005,

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(1),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,(2)

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006,(3)

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE,(4)

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012,(5)

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(6),

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta’ Faro) tat-13 ta’ Ottubru 2005,(7)

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli,(8)

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-governanza parteċipatorja tal-wirt kulturali(9) u dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura għall-perjodu 2015-2018(10) u għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali msemmija fil-konklużjonijiet,

—  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/711/KE tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali,(11)

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2014 bit-titolu “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2014 imsejħa “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (COM(2014)0477),

—  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta’ Novembru 2014 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali”,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0207/2015),

A.  billi l-kultura u l-wirt kulturali huma riżorsi kondiviżi u huma beni u valuri komuni li ma jistgħux ikunu soġġetti għal użu esklussiv, u l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli għadu ma ġiex rikonoxxut u sfruttat sew, kemm fil-livell tal-istrateġiji tal-UE kif ukoll l-għanijiet ta' żvilupp ta' wara l-2015 tan-NU;

B.  billi l-impatti differenti tal-kultura fuq is-soċjetajiet għandhom jitqiesu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

C.  billi l-wirt kulturali huwa naturalment eteroġenu, jirrifletti d-diversità u l-pluraliżmu kulturali u lingwistiku, u jaffettwa l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni soċjali, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-aġenda diġitali, ir-relazzjonijiet esterni, il-kooperazzjoni doganali u r-riċerka u l-innovazzjoni;

D.  billi l-promozzjoni tal-kultura, id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali taġixxi bħala katalista għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

E.  billi t-titjib fid-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, il-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma mmirati biex jippromwovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.  billi r-riżorsi tal-wirt huma assi fit-tul li għandhom rwol li joħolqu valur u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tkabbir ekonomiku, permezz tal-promozzjoni tat-turiżmu, kif ukoll joħolqu impjiegi;

G.  billi l-proġetti għall-iżvilupp tal-wirt kulturali sikwit jirrappreżentaw eżempji ta’ attivitajiet ekonomiċi innovattivi u sostenibbli li jiżviluppaw il-kapaċitajiet kummerċjali u ta’ riċerka tal-impriżi żgħar u medji (SMEs);

H.   billi l-wirt kulturali, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, jaqdi rwol sinifikanti fil-ħolqien, iż-żamma u l-promozzjoni tal-kultura u l-valuri Ewropej u nazzjonali, reġjonali, lokali u l-identità individwali, kif ukoll l-identità kontemporanja tan-nies tal-Ewropa;

I.  billi l-politiki għall-manutenzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-isfruttament tal-wirt kulturali huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda l-wirt kulturali għandu wkoll dimensjoni Ewropea ċara u huwa indirizzat direttament f’diversi politiki tal-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw l-agrikoltura, l-ambjent, u r-riċerka u l-innovazzjoni;

J.  billi l-Artikolu 167 tat-TFUE jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt “tirriżalta l-wirt kulturali komuni”;

K.  billi l-Artikolu 167 tat-TFUE jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn it-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej, li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali ta’ importanza Ewropea;

L.  billi l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura adottat mill-Kunsill fil-25 ta’ Novembru 2014 jinkludi l-wirt bħala waħda mill-erba’ prijoritajiet għall-ħidma tal-UE dwar il-kultura għall-perjodu 2015-2018;

M.  billi n-nuqqas ta’ data kulturali disaggregata skont is-sess kif ukoll fil-qasam tal-wirt kulturali huwa fattur li jaħbi d-disparitajiet bejn is-sessi u l-isfidi minn dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet;

N.  billi l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-programmi tal-UE f’oqsma relatati mal-wirt kulturali – bħall-iżvilupp lokali u reġjonali, il-kooperazzjoni kulturali, ir-riċerka, l-edukazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u s-soċjetà ċivili, u t-turiżmu – hija disponibbli iżda frammentata;

O.  billi l-valur kulturali u turistiku tar-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-promozzjoni ta’ wirt kulturali Ewropew komuni u l-iżvilupp ta’ turiżmu kulturali sostenibbli għandhom jissaħħu;

P.  billi l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali/Premjijiet Europa Nostra jippromwovi l-eċċellenza, jispira permezz tas-“saħħa tal-eżempju” u jistimula l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-wirt madwar l-Ewropa;

Q.  billi l-Karta ta’ Venezja għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti, il-Konvenzjoni ta’ Granada għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa u l-Konvenzjoni ta’ Valletta dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku jiddefinixxu b’mod ċar standards rikonoxxuti internazzjonalment għar-restawr tal-wirt kulturali u xogħlijiet arkeoloġiċi(12);

Approċċ integrat

1.  Iqis ta’ importanza kbira li jintużaw ir-riżorsi disponibbli għall-appoġġ, it-titjib u l-promozzjoni tal-wirt kulturali fuq il-bażi ta’ approċċ integrat, filwaqt li jitqiesu l-komponenti kulturali, ekonomiċi, soċjali, storiċi, edukattivi, ambjentali u xjentifiċi;

2.  Jemmen li, fir-rigward tal-wirt kulturali, approċċ integrat huwa meħtieġ jekk wieħed jixtieq jikseb id-djalogu kulturali u l-fehim reċiproku; huwa konvint li approċċ bħal dan jista’ jwassal għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali msaħħa, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jindirizza, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-approċċ integrat il-ġdid lejn il-wirt kulturali, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li ġejjin lill-Kummissjoni:

   (a) li tistabbilixxi, f’konformità mal-pjan ta’ ħidma attwali tal-Kummissjoni dwar metodi ta’ ħidma bejn is-setturi u b’mod flessibbli, approċċ komuni fi ħdan il-Kummissjoni permezz ta’ kooperazzjoni mtejba bejn l-oqsma ta’ politika differenti li jittrattaw il-wirt kulturali, u biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni aktar mill-qrib;
   (b) li tikkomunika lill-benefiċjarji potenzjali, b’mod sempliċi u aċċessibbli bħal permezz ta’ pjattaforma unika ta’ informazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki fl-UE, rigward linji ta’ finanzjament eżistenti tal-wirt kulturali Ewropew;
   (c) li taħtar, preferibbilment għall-2018, Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, b’baġit adegwat u bil-għan, fost affarijiet oħra, ta’ tixrid u żieda fl-għarfien u l-edukazzjoni fost il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward tal-valuri tal-wirt kulturali Ewropew u l-ħarsien tiegħu, u biex tissottometti l-abbozz ta’ programm għas-Sena Ewropea lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-2016;
   (d) li tirrikonoxxi, fl-approċċ politiku u trasversali tagħha, il-wirt kulturali bħala mobbli u immobbli, tanġibbli u intanġibbli, u bħala riżorsa li ma tiġġeddidx li l-awtentiċità tagħha għandha tiġi ppreservata;

4.  Jitlob li jiġi stabbilit qafas ta’ politika għall-ambjent storiku – magħruf bħala l-wirt immobbli – fil-futur qarib, li jinkludi qafas regolatorju għal monumenti, arkeoloġija u pajsaġġi storiċi f’konformità mal-Artikolu 4 tat-TFUE;

5.  Jippromwovi l-innovazzjoni kontemporanja kreattiva fl-arkitettura u d-disinn abbażi tar-rispett kemm passati kif ukoll preżenti u fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità u koerenza;

Finanzjament Ewropew għall-wirt kulturali

6.  Jinnota l-impenn tal-Unjoni biex tippreserva u ttejjeb il-wirt kulturali tal-Ewropa permezz ta’ diversi programmi (Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020, Erasmus+, L-Ewropa għaċ-Ċittadini), finanzjament (il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) u azzjonijiet bħall-Kapitali Ewropej tal-Kultura, il-Jiem tal-Wirt Ewropej u t-Tikketta tal-Wirt Ewropew; jinkoraġġixxi attività iktar qawwija min-naħa tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri fil-qasam tal-appoġġ għar-riċerka;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex:

   (a) tistabbilixxi portal tal-UE wieħed iddedikat għall-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, li jiġbor informazzjoni mill-programmi tal-UE kollha li jiffinanzjaw il-wirt kulturali u huwa strutturat madwar tliet aspetti prinċipali: database ta’ oġġetti kulturali tanġibbli u intanġibbli, inklużi eżempji tal-aħjar prattiki fil-preservazzjoni u l-promozzjoni bir-referenzi rilevanti kollha; opportunitajiet ta’ finanzjament għall-wirt kulturali, kif ukoll data dwar l-istat tal-wirt kulturali Ewropew u d-data ta’ importanza fir-rigward tal-konservazzjoni, bħal pereżempju, id-data dwar il-klima u dettalji ta’ restawr ta’ proġetti li diġà twettqu; u aħbarijiet u links dwar l-iżviluppi tal-politika, l-azzjonijiet u l-avvenimenti li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali;
   (b) tappoġġja, b’finanzjament apposta, studji, riċerka, azzjonijiet pilota, speċifikament immirati lejn l-analiżi tal-impatti tal-proċessi tal-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali, il-ħolqien ta’ indikaturi speċifiċi u kuntestwali tal-kontribut tiegħu, dirett u indirett, għall-proċessi tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u l-appoġġ dirett tal-innovazzjoni kulturali u soċjali integrata fil-kuntesti lokali li fihom il-wirt kulturali jista’ jwassal għall-iżvilupp u jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini;
   (c) issaħħaħ il-prinċipju ta’ finanzjament multiplu li għadu kemm ġie stabbilit, li jippermetti l-użu kumplimentari ta’ fondi Ewropej differenti fl-istess proġett ta’ skala kbira;
   (d) tħeġġeġ sħubiji pubbliċi-privati;
   (e) tadatta r-rekwiżiti taż-żmien tal-ġestjoni tal-proġetti għall-Fondi Strutturali, sabiex takkomoda aħjar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-proġetti ta’ konservazzjoni, restawr u preservazzjoni;
   (f) tikkunsidra mill-ġdid il-punt ta’ riferiment ta’ EUR 5 miljun fir-rigward tal-proġetti ta’ wirt kulturali ppreżentati fil-qafas tal-azzjoni tal-infrastruttura fuq skala żgħira(13), u ġġibu tal-inqas sal-istess livell bħall-proġetti tal-UNESCO, jiġifieri EUR 10 miljun;

8.  Jinnota li l-ispirtu tar-reviżjoni tar-Regolament tal-FEŻR u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-finanzjament integrat jista’, f’każijiet speċifiċi, jiġi implimentat fil-prattika billi jiġu appoġġjati proġetti fuq skala kbira; jirrikonoxxi, madankollu, il-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati inizjattivi kulturali fuq skala żgħira, li huma ta’ importanza partikolari għall-iżvilupp endoġenu u jistgħu jgħinu biex jiġi kkonservat il-patrimonju kulturali u jitħeġġu l-iżvilupp lokali u reġjonali u t-tkabbir soċjoekonomiku b’mod ġenerali;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida li jirregolaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ fondi strutturali għall-wirt kulturali, tinkludi sistema ta’ kontroll tal-kwalità obbligatorja, biex tapplika tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett;

10.  Jenfasizza r-rwol tal-Istati Membri fl-iżgurar kemm ta’ livell għoli ta’ kapaċità u għarfien professjonali tal-ħaddiema kif ukoll ta’ struttura tan-negozju li tista’ tiżgura l-aħjar prattika fis-salvagwardja tal-wirt kulturali, anki permezz ta’ sistemi kwalitattivi xierqa kif meħtieġ mill-karti internazzjonali;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fl-atti delegati, is-sejħiet għall-espressjonijiet ta’ interess u l-inizjattivi għall-iżvilupp tar-regolamenti tal-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2014-2020, tiżgura li l-miżuri ta' konservazzjoni tal-patrimonju innovattiv u s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika b'impatt baxx għall-bini storiku jiġu ttrattati bħala eleġibbli;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jistudjaw inċentivi fiskali possibbli fir-rigward tax-xogħol ta' restawr, preservazzjoni u konservazzjoni, bħalma huma t-tnaqqis tal-VAT jew taxxi oħra, peress li l-wirt kulturali Ewropew huwa wkoll ġestit minn korpi privati;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu kont tal-aħjar prattiki fil-politiki fiskali fl-Ewropa u tirrakkomanda dawk li huma xierqa lill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex isegwu dawk ir-rakkomandazzjonijiet u jiskambjaw l-aħjar prattiki bejniethom sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ inkoraġġiment għall-appoġġ privat għal proġetti ta’ wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli u jimmassimizzaw l-impatti tal-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fuq l-ambjent lokali rilevanti;

Mudelli ta’ governanza ġodda

14.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill tal-abbozzar tal-linji gwida għall-mudelli ta’ governanza parteċipatorja l-ġodda għall-qasam tal-wirt kulturali, li jivvalorizzaw id-dimensjoni tiegħu ta' riżorsa komuni billi jsaħħu r-rabtiet bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

15.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-iżvilupp tal-għodod legali li jippermettu mudelli ta’ finanzjament u amministrazzjoni alternattivi, bħall-involviment tal-komunità, il-parteċipazzjoni tas-soċjtà ċivili u s-sħubiji pubbliċi-privati, bil-ħsieb li jimplimentaw azzjonijiet relatati mal-wirt kulturali (konservazzjoni, restawr, preservazzjoni, u promozzjoni);

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal djalogu fl-Ewropa kollha bejn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha tal-governanza, flimkien mal-industrija kulturali u dik kreattiva, in-netwerks tal-operaturi tat-turiżmu, is-sħubijiet bejn atturi privati u pubbliċi, u l-NGOs;

17.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha li jipparteċipaw fil-governanza tal-wirt kulturali biex isibu bilanċ bejn il-konservazzjoni sostenibbli u l-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-wirt kulturali;

18.  Jenfasizza li l-proġetti tal-patrimonju kulturali tal-FEŻR huma eżempju prattiku ta' governanza fuq diversi livelli u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jirrappreżentaw element importanti tal-infiq tal-FEŻR; jisħaq l-importanza ta’ proġetti kulturali transkonfinali li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-koeżjoni ekonomika u soċjali u jinkoraġġixxu l-inklużjoni; jitlob f’dan il-kuntest li jittieħdu miżuri li jsaħħu u jiżviluppaw l-appoġġ għall-iffinanzjar permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa għal mudelli ta’ governanza ġodda biex jinkludu sistema ta’ kontroll tal-kwalita fil-forom alternattivi kollha ta’ finanzjament u amministrazzjoni ta’ wirt kulturali;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-kontrolli fuq l-infiq ta’ komponenti relatati mal-wirt kulturali u biex irawmu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività irregolari oħra li sseħħ f’dan il-qasam;

21.  Jipproponi li proposti leġiżlattivi Ewropej għandhom ikunu kkomplementati minn valutazzjoni tal-impatt rigward il-wirt kulturali, u li fejn il-valutazzjoni tiżvela impatt negattiv, il-wirt kulturali għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva bħala eċċezzjoni;

Il-potenzjal ekonomiku u strateġiku tal-wirt kulturali

22.  Jinnota li l-wirt kulturali jikkontribwixxi għal impjiegi, prodotti, servizzi u proċessi innovattivi u jista’ jkun sors ta’ ideat kreattivi, irawwem l-ekonomija l-ġdida, filwaqt li – permezz ta' ġestjoni xierqa – ikollu impatt relattivament baxx fuq l-ambjent;

23.  Jirrikonoxxi li l-wirt kulturali jilgħab rwol importanti f’diversi inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, bħall-Aġenda Diġitali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi u politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni; jitlob, għalhekk, li jiġi rikonoxxut aktar l-irwol tal-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa strateġika għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020;

24.  Jinnota li l-qasam tal-wirt kulturali għandu l-kapaċità li joħloq impjiegi b’ħiliet għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iressqu inizjattivi dwar l-iżvilupp ta’ taħriġ għal ġestjoni u konservazzjoni għall-ħaddiema u r-riċerkaturi fil-qasam tal-wirt kulturali; jilqa’, b’mod partikolari, il-prospettivi ta’ finanzjament fit-tul għal netwerks ta’ riċerkaturi, bħal fil-każ ta’ għotjiet Marie Sklodowska Curie;

25.  Jisħaq fuq l-importanza għat-turiżmu Ewropew tal-wirt kulturali u l-wirt naturali, tanġibbli jew mhux tanġibbli, magħżul mill-UNESCO;

26.  Jissottolinja l-possibilità li tingħata attenzjoni aktar qawwija lit-turiżmu kulturali meta jiġu żviluppati l-istrateġiji makroreġjonali mfassla biex jagħmluh parti aktar integrali mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea;

27.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jippromwovu u jakkumpanjaw l-inizjattivi ta' "vvjaġġar ħafif" (ċirkwiti bil-mixi, biż-żwiemel u bir-roti) u b'hekk jiftħu possibbiltajiet ġodda għal turiżmu kulturali u naturali;

28.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex jimmassimizzaw il-valur tal-wirt kulturali fis-soċjetajiet tagħna u l-kontribut tiegħu għall-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

29.  Jinnota li t-turiżmu kulturali, li jammonta għal 40 % tat-turiżmu Ewropew, huwa settur ekonomiku importanti f’termini ta’ potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi, li l-iżvilupp tagħhom għandu jkun imsaħħaħ aktar permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda; jenfasizza, madankollu, l-importanza li jiġi ppreservat il-wirt kulturali u naturali billi jsawru forom ta’ turiżmu sostenibbli, inqas invażivi u li huma ta’ valur miżjud ogħla, li fihom is-settur tat-turiżmu huwa integrat fi strateġiji ta’ żvilupp lokali;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat ta’ politiki ta’ konservazzjoni, restawr, preservazzjoni u promozzjoni għall-wirt kulturali, li huwa tal-akbar importanza għall-identità Ewropea; jenfasizza li l-finanzjament għas-salvagwardja tal-wirt kulturali tnaqqas drastikament f’ċerti Stati Membri bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi u inizjattivi adegwati jkunu diretti lejn il-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi billi tippromwovi x-xogħol ta’ artisti, ħallieqa u professjonisti kulturali;

32.  Jafferma l-bżonn urġenti biex il-wirt kulturali jingħata l-post ċar tiegħu fil-Pjan ta’ Investiment tal-Kummissjoni għall-Ewropa;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa biex jittejjeb il-qafas metodoloġiku, sabiex ikun hemm statistiċi aħjar dwar il-qasam tal-wirt kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett ta’ indikaturi li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wirt kulturali u li jkun uniformi għall-Istati Membri kollha; jenfasizza n-neċessità li jinkisbu riżultati ta’ riċerka b’mod intensifikat għal diversi aspetti li huma relatati mal-wirt kulturali u li dawn jiġu assoċjati ma’ xulxin sabiex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni f’dan il-qasam; jinnota f’dan ir-rigward il-potenzjal ta’ “big data” għall-kisba ta’ aktar għarfien permezz tal-proġetti ta’ riċerka; jenfasizza li, sabiex jiġi vvalutat il-valur ekonomiku attwali u potenzjali tal-wirt kulturali, huwa essenzjali li l-istatistika tinġabar b’mod aktar sistematiku;

34.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tikklassifika l-kumpaniji u l-entitajiet involuti fid-diversi aspetti tal-konservazzjoni tal-partimonju bħala parti minn settur speċifiku, billi jintużaw metodi tradizzjonali b'valur miżjud li jiffaċilitaw il-konservazzjoni ekoloġika u sostenibbli;

35.  Jirrikonoxxi l-bżonn urġenti biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jenfasizza li l-wirt kulturali huwa qasam b’potenzjal għal aktar impjieg u li jkun aħjar, fejn jista’ jissaħħaħ il-pont bejn l-edukazzjoni u l-ħajja tax-xogħol, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ apprendistati ta’ kwalità, traineeships u negozji ġodda, fil-qasam tal-SMEs u l-ekonomija soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri f’dan ir-rigward biex jiżviluppaw opportunitajiet ta’ finanzjament ġodda u innovattivi li jappoġġjaw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni u l-mobbiltà tal-ħaddiema u r-riċerkaturi f’dan is-settur;

36.  Jissuġġerixxi li mill-Kummissjoni Ewropea jiġu inċentivati programmi konġunti ta’ wirt kulturali u turiżmu b’viżjoni integrali u bażi xjentifika li jservu bħala referenza u mudell tal-prattiki tajbin;

37.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippjanaw b’mod strateġiku proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali li jistgħu jwasslu għal żvilupp reġjonali u lokali ġenerali, programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali u interreġjonali, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, riġenerazzjoni rurali u urban sostenibbli, u l-preservazzjoni u l-promozzjoni ta’ ħiliet tradizzjonali li għandhom x’jaqsmu mar-restawr tal-wirt kulturali;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu stħarriġ ekonomiku u statistiku dwar l-impriżi, l-entitajiet ta’ ġestjoni u l-attivitajiet speċjalisti professjonali fis-settur tal-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, kif ukoll il-kontribut speċifiku tagħhom f'termini ta' produzzjoni u ħolqien ta' xogħol;

39.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu, jiġu żviluppati u mħeġġa opportunitajiet għall-mobilità u l-iskambju tal-esperjenzi ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-wirt kulturali, billi jiġi żgurat li jkun hemm reċiproċità professjonali reali, bi qbil mad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, permezz tal-identifikazzjoni u l-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ livelli ta’ ħiliet minimi (l-abbiltà u l-għarfien), b’mod partikolari għall-pożizzjoni ta’ restawratur-kuratur; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex testendi l-programmi xierqa ħalli tiġi inkluża l-mobbiltà tal-maniġers u l-impjegati tal-wirt kulturali (eż maniġers ta’ kastelli) bil-ħsieb li jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jenfasizzaw il-valur tal-assi patrimonjali tagħhom billi jippromwovu studji li jiddeterminaw il-valur ekonomiku u kulturali tal-wirt kulturali sabiex jibdlu “l-ispiża” għall-preservazzjoni tiegħu f'“investiment” għall-valur tiegħu;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jistabbilixxi, skont l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tiegħu li jmiss, Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) fil-qasam tal-wirt kulturali u l-industriji kreattivi, u b’hekk jappoġġja direttament viżjoni olistika tar-riċerka u l-innovazzjoni;

42.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-inklużjoni tal-edukazzjoni tal-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema fil-kurrikuli skolastiċi bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp tal-għarfien dwar il-wirt kulturali, il-prattika artistika u espressiva, kif ukoll il-ħiliet orjentati lejn il-kreattività u l-innovazzjoni;

43.  Tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu temi transdixxiplinari relatati mal-wirt kulturali f’diversi livelli tas-sistema edukattiva;

44.  Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti eżistenti għall-iżvilupp tal-attività imprenditorjali u ta' approċċ parteċipattiv fis-settur tat-turiżmu, b'mod partikolari għall-SMEs tas-settur turistiku, iżda wkoll għan-negozji l-ġodda, is-settur mingħajr skop ta' qligħ u organizzazzjonijiet oħra li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa; jisħaq li, minbarra l-assi kulturali, il-kwalità tas-servizz u l-livell għoli tal-ħiliet professjonali, l-eżistenza ta' speċjalisti mħarrġa tajjeb fil-qasam u l-preżenza onlajn huma fatturi ewlenin għas-suċċess u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew; jenfasizza li r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, speċjalment fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, huma essenzjali biex il-wirt kulturali jitressaq aktar qrib tan-nies; iqis ukoll li l-piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs għandhom jitneħħew fl-interess tal-kompetittività tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni li għandha effetti negattivi fuq l-SMEs fl-industrija tat-turiżmu għandha tiġi riveduta;

L-opportunitajiet u l-isfidi

45.  Jenfasizza l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, kemm bħala għodda biex nippreżervaw il-passat tagħna kif ukoll bħala sors ta’ opportunitajiet ta’ riċerka tal-edukazzjoni, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u inklużjoni soċjali aħjar, aċċess usa’ għal nies b’diżabbiltà jew nies li jgħixu f’żoni remoti, u żvilupp ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li d-diġitizzazzjoni tal-wirt teħtieġ sforzi finanzjarji konsegwenzjali għall-istituzzjonijiet kulturali ta' daqs medju u żgħir jew iżolati, u li finanzjament adegwat huwa importanti biex tiġi żgurata udjenza akbar u tixrid usa' ta’ dan il-wirt; jenfasizza li l-opportunitajiet offruti bid-diġitizzazzjoni u bit-teknoloġiji ġodda, li qatt mhux se jissostitwixxu l-aċċess għall-wirt oriġinali jew benefiċċji soċjali assoċjati ta’ forom tradizzjonali ta’ parteċipazzjoni fil-kultura, m’għandhomx iwasslu għal negliġenza fil-konservazzjoni ta' oġġetti oriġinali jew nuqqas ta’ attenzjoni għal forom tradizzjonali tal-promozzjoni tal-kultura, sew jekk matul jew wara d-diġitizzazzjoni,

46.  Jappoġġja l-innovazzjoni diġitali fis-settur tal-arti u tal-patrimonju, u jinnota li l-użu ta’ infrastrutturi elettroniċi jista' jinvolvi udjenzi ġodda u jiżgura aċċess aħjar għall-wirt kulturali diġitali u l-isfruttament tiegħu; jisħaq fuq ir-rilevanza ta’ għodod eżistenti bħall-websajt tal-Europeana u jħeġġeġ it-titjib tal-kriterji tat-tiftix ta' dak is-sit bil-għan li jkun hemm iktar użu faċli;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-livell ta' diġitizzazzjoni, preservazzjoni u disponibbiltà onlajn tal-wirt kulturali, b’mod partikolari l-wirt ċinematografiku Ewropew;

48.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata narrattiva demokratika u parteċipattiva reali għall-wirt Ewropew, inkluż dak tal-minoranzi reliġjużi u etniċi; jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza ta’ siti ta’ wirt li jinkorporaw passati differenti u kkontestati, u jenfasizza li l-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni ma għandhomx iwasslu għal soppressjoni tal-kuxjenza storika tal-komunitajiet; jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar l-etika u l-metodi ta’ preżentazzjoni tal-wirt kulturali u jqisu d-diversità tal-interpretazzjonijiet;

49.  Jafferma li l-wirt reliġjuż jikkostitwixxi parti intanġibbli mill-wirt kulturali Ewropew; jenfasizza li l-importanza ta’ postijiet, prattiki u oġġetti marbuta mal-prattiki reliġjużi ma għandhiex tiġi injorata fid-diskors tal-wirt kulturali Ewropew. Lanqas ma għandha tkun soġġetta għal xi forma ta’ trattament diskriminatorju;

50.  Iqis li l-wirt storiku reliġjuż, inklużi l-arkitettura u l-mużika għandhom jiġu kkonservati għall-valur kulturali tagħhom, indipendentement mill-kuntest reliġjuż li nħolqu fih;

51.  Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu interkulturali kemm fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha, u jemmen li l-Unjoni għandha tippromwovi djalogu bħal dan bħala għodda xierqa kontra r-radikalizzazzjoni independentement mill-oriġini;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri rigward il-wirt kulturali; jitlob, għaldaqstant, għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom u għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

53.  Jenfasizza li diskriminazzjoni kulturali kontra minoranzi reliġjużi u etniċi għandhom jiġu evitati;

54.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati attivitajiet kulturali ta’ komunitajiet migranti;

55.  Jafferma mill-ġdid il-kontribut importanti tal-wirt kulturali għall-industriji kulturali u kreattivi kif ukoll għall-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura;

56.  Jenfasizza l-importanza li titjieb l-aċċessibilità għal siti ta’ wirt kulturali għall-persuni b’diżabilità;

57.  Jindika l-importanza tal-preservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali u, b’mod partikolari, il-wirt kulturali intanġibbli li jirrappreżenta kultura ħajja u jsaħħaħ lis-snajja’ tradizzjonali u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan b’mod aktar wiesa’, fil-programmi rispettivi;

58.  Jenfasizza l-importanza tal-wirt gastronomiku, li għandu jiġi protett u appoġġat; iqis li r-riżorsi allokati għal dan il-qasam jistgħu jiġu ottimizzati permezz ta' interazzjoni ma' politiki oħra tal-UE, bħalma huma l-Politika Agrikola Komuni u l-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

59.  Josserva li l-wirt u t-turiżmu kulturali huma ta' benefiċċju reċiproku peress li, minn naħa, il-wirt kulturali jiġġenera dħul sostanzjali għall-industrija tat-turiżmu, filwaqt li, min-naħa l-oħra, it-turiżmu huwa tajjeb għall-kultura, peress li jħeġġeġ il-wiri u l-konservazzjoni tal-assi kulturali u jiġġenera d-dħul meħtieġ għall-preservazzjoni tagħhom;

60.  Jisħaq li t-turiżmu kulturali għandu rwol importanti fil-preservazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, li jinkludi mhux biss il-wirt fiżiku u l-pajsaġġi, iżda wkoll il-patrimonju intanġibbli, bħall-lingwi u t-tradizzjonijiet reliġjużi u kulinari;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw, fuq il-livelli rispettivi kollha, l-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu kulturali inklużi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352

62.  Jenfasizza, fid-dawl tat-tibdiliet profondi demografiċi u fis-soċjetà, is-sinifikat tal-wirt kulturali komuni Ewropew tagħna kif ukoll tas-Sena li hija ppjanata għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tisħiħ tal-ispirtu ta’ komunità fi ħdan l-Unjoni;

63.  Huwa tal-fehma li l-komprensjoni tal-wirt kulturali komuni fl-Ewropa joffri gwida diretta anke lill-ġenerazzjonijiet futuri u l-possibbiltà għall-formazzjoni ta’ identità Ewropea u ta’ valuri bħall-kooperazzjoni b’rispett sħiħ lil hinn mill-fruntieri tal-Istat Membru tal-individwu; waqt it-tfassil tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali jirrakkomanda fost l-oħrajn ukoll il-kunsiderazzjoni partikolari tal-ġenerazzjoni żagħżugħa minħabba din ir-raġuni;

64.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess kbir tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura; Jappella biex dawn il-bliet jiġu kkollegati bħala parti minn netwerk bil-għan li l-attenzjoni tiġi estiża għal fuq iż-żoni kkonċernati, jiġi previst skambju tal-esperjenza u l-prattika tajba, fosthom bil-ħsieb li jiġu megħjuna kandidati futuri, u biex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni tal-avvenimenti u ċ-ċirkwiti speċifiċi;

65.  Jinkoraġġixxi l-użu tal-wirt kulturali bħala għodda edukattiva biex tittratta kwistjonijiet soċjali sabiex tressaq lin-nies li jgħixu fl-Ewropa aktar qrib xulxin;

66.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddid ambjentali li jaffettwa numru importanti ta’ siti ta’ patrimonju fi ħdan l-UE, u jħeġġeġ li l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u l-pressjoni min-naħa tal-bniedem għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fl-istrateġiji ta’ finanzjament fit-tul tagħhom għall-metodi ta' preservazzjoni u restawr tal-wirt; jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-Istati Membri u l-UE għandhom jippromwovu aktar riċerka f’dan il-qasam, inter alia sabiex jinvestigaw l-effetti multipli tal-bidla fil-klima fuq il-wirt kulturali f’iktar dettall u biex jiżviluppaw kontromiżuri;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibnu fuq l-inizjattiva "The 7 Most Endangered", mibdija mill-Federazzjoni pan-Ewropea "Europa Nostra" flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, billi jidentifikaw eżempji oħra ta' wirt Ewropew li jinsabu fil-periklu, ifasslu pjanijiet ta' azzjoni u jfittxu għejun possibbli ta' finanzjament; josserva li l-iżvilupp ta' din l-inizjattiva hija mod wieħed kif jiġi attirat l-investiment privat fit-tisħiħ tal-wirt;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja aħjar l-isforzi tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra s-serq, il-kuntrabandu u t-traffikar illegali tal-assi tal-wirt kulturali ġewwa u barra l-UE; jitlob għar-ritorn ta’ oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru;

69.  Ifakkar fl-importanza tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali, mhux biss mill-effetti qerrieda taż-żmien, iżda wkoll mill-ħuliganiżmu u s-sakkeġġi; josserva li bosta siti arkeoloġiċi għadhom fir-riskju li jiġu sakkeġġati minn gruppi organizzati ta' kaċċaturi tal-fdalijiet tal-imgħoddi, partikolarment is-siti li jinsabu taħt l-ilma fejn l-aċċess u s-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet huma diffiċli; Jitlob, f'dan ir-rigward, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar effikaċi bejn l-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-irkupru ta' oġġetti kulturali u l-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta' tali oġġetti;

70.  Jenfasizza r-rwol li għandu l-wirt kulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni permezz tad-djalogu tal-politika u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lid-diplomazija kulturali; barra minn hekk, jirreferi għall-potenzjal li għandhom proġetti ta’ riċerka interdixxiplinari fir-rigward tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali li jinvolvu l-Istati Membri u l-pajjiżi li mhumiex tal-UE;

71.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, l-UE u l-komunità internazzjonali jimpenjaw irwieħhom għall-prevenzjoni, il-protezzjoni, id-dokumentazzjoni u r-restawr f'każijiet fejn il-wirt kulturali tal-UE jew tal-pajjiżi li mhumiex membri jiġi mhedded u danneġġat intenzjonalment bħala att ta’ gwerra u ta’ ksur tal-identitajiet kulturali u reliġjużi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-ICCROM, ICBS (Kumitat Internazzjonali tal-Blue Shield), l-awtoritajiet ċivili u militari, l-istituzzjonijiet kulturali u l-assoċjazzjonijiet professjonali;

72.  Jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali biex jipprevjenu t-traffikar illeċitu tal-patrimonju kulturali; jenfasizza l-ħtieġa għall-UE, flimkien man-NU u l-UNESCO, li tiddefendi l-patrimonju fil-periklu u l-ġlieda kontra s-serq u l-qerda ta’ oġġetti kulturali f’żoni ta’ kunflitt;

73.  Jinnota l-potenzjal li joħroġ mill-għarfien disponibbli fl-UE fir-rigward tal-preservazzjoni ta' artefatti kulturali danneġġati jew meqrudin minħabba t-terroriżmu u l-gwerer;

74.  Jappoġġa l-ħolqien ta' prodotti tat-turiżmu kulturali transnazzjonali li jirriflettu l-valuri u l-wirt komuni Ewropej; Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex kooperazzjoni akbar mal-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra li jifformulaw il-politiki dwar il-kultura u t-turiżmu, bħalma huma l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) u l-UNESCO, u biex tkompli tikkofinanzja u tippromwovi netwerks, proġetti reġjonali transfruntieri u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rotot Kulturali Ewropej, li huma l-aqwa eżempju ta' proġetti turistiċi tematiċi pan-Ewropej transnazzjonali;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(5) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1.
(6) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(7) Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-13 ta’ Ottubru 2005; miftuħa għall-iffirmar tal-Istati Membri f’Faro (il-Portugall) fis-27 ta’ Ottubru tal-istess sena; daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011.
(8) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36.
(9) ĠU C 463, 23.12.2014, p. 1.
(10) ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.
(11) ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.
(12) il-Karta ta’ Venezja adottata mill-ICOMOS (il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti) fl-1965; il-Konvenzjoni ta’ Granata adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1985; il-Konvenzjoni ta’ Valletta adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1992.
(13) Ara: L-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013.

Avviż legali