Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0228/2015

Testi mressqa :

A8-0228/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 30
CRE 07/09/2015 - 30

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.14
CRE 08/09/2015 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0294

Testi adottati
PDF 442kWORD 186k
It-Tlieta, 8 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 'Right2Water'
P8_TA(2015)0294A8-0228/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water" (2014/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem(1) (minn hawn ’il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(2) (minn hawn ’il quddiem "id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 intitolata "Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa" (COM(2012)0673),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" (COM(2014)0177) (minn hawn ’il quddiem "il-komunikazzjoni"),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni "Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE" (COM(2014)0363),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija qabel, maħruġa fid-19 ta' Marzu 2014(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) intitolata "L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2015",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010, intitolata "The human right to water and sanitation" ("Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità")(6), u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 2013, intitolata "The human right to safe drinking water and sanitation" ("Id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità")(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha dwar id-dritt tal-bniedem għal ilma tax-xorb sikur u s-sanità adottati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma, qabel l-approċċ ġenerali neċessarju għall-isfidi Ewropej dwar l-ilma(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0228/2015),

A.  billi r-"Right2Water" hija l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) li ssodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u li ngħatat l-opportunità li tinstema’ mill-Parlament wara li rċeviet l-appoġġ ta’ kważi 1.9 miljun ċittadin;

B.  billi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jinkludi d-dimensjonijiet ta’ disponibbiltà, aċċessibbiltà, aċċettabilità, affordabbiltà u kwalità;

C.  billi l-implimentazzjoni sħiħa tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, kif rikonoxxut min-NU u appoġġjat mill-Istati Membri tal-UE, hija essenzjali għall-ħajja, u billi l-ġestjoni korretta tar-riżorsi tal-ilma għandha rwol kruċjali fil-garanzija tal-użu sostenibbli tal-ilma u s-salvagwardja tal-kapital naturali tad-dinja; billi l-effetti kkombinati tal-attività tal-bniedem u t-tibdil fil-klima jfissru li r-reġjun tal-Mediterran tal-UE kollu u wħud mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali issa huma kklassifikati bħala reġjuni skarsi mill-ilma u semideżerti;

D.  billi, kif iddikjarat fir-rapport 2015 tal-EEA dwar l-istat tal-ambjent, ir-rati ta’ telf minħabba tnixxija mill-pajpijiet fl-Ewropa bħalissa jammontaw għal bejn 10 % u 40 %;

E.  billi l-aċċess għall-ilma huwa fost is-soluzzjonijiet kruċjali għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli; billi l-enfasi tal-assistenza għall-iżvilupp fuq it-titjib tal-provvista tal-ilma tax-xorb u s-sanità hija mod effiċjenti sabiex jintlaħqu l-objettivi fundamentali għall-qerda tal-faqar, kif ukoll għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, is-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u t-tkabbir ekonomiku;

F.  billi mill-inqas 748 miljun persuna m'għandhomx aċċess sostenibbli għal ilma tax-xorb sikur, u terz tal-popolazzjoni dinjija m'għandhiex faċilitajiet sanitarji bażiċi; billi, għaldaqstant, id-dritt għas-saħħa jinsab mhedded filwaqt li l-mard qed jinxtered, u dan qed jikkawża tbatija u mwiet u qed joħloq impedimenti kbar għall-iżvilupp; billi madwar 4 000 tifel u tifla jmutu kuljum b'mard trażmess mill-ilma jew minħabba ilma, faċilitajiet sanitarji u iġjene inadegwati; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma tax-xorb joqtol aktar tfal mill-AIDS, il-malarja u l-ġidri flimkien; billi hemm, madankollu, xejra ċara 'l isfel f'dawn iċ-ċifri u billi t-tnaqqis jista' u għandu jiġi aċċelerat;

G.  billi l-aċċess għall-ilma għandu wkoll dimensjoni ta' sigurtà li tirrikjedi kooperazzjoni reġjonali mtejba;

H.  billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma u s-sanità għandu konsegwenzi fuq il-kisba ta' drittijiet tal-bniedem oħra; billi l-isfidi tal-ilma jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa, peress li f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma tradizzjonalment responsabbli għall-provvista tal-ilma domestiku; billi n-nisa u l-bniet huma dawk li jsofru l-aktar min-nuqqas ta' aċċess għal faċilitajiet sanitarji adegwati u deċenti, u dan ta' spiss jillimitalhom l-aċċess għall-edukazzjoni u jirrendihom aktar vulnerabbli għall-mard;

I.  billi kull sena, tliet miljun u nofs persuna jmutu b'mard trażmess mill-ilma;

J.  billi l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li daħal fis-seħħ fl-2013, ħoloq mekkaniżmu għall-ilmenti li jippermetti li individwi jew gruppi jressqu lment formali dwar ksur tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, fost drittijiet oħra;

K.  billi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, id-domanda għall-ilma qiegħda tiżdied mis-setturi kollha, b'mod partikolari għall-enerġija u l-agrikoltura; billi t-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni u l-iżviluppi demografiċi jistgħu jipperikolaw id-disponibbiltà tal-ilma f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u sal-2025 madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija mistennija li se jkunu qed jgħixu f'pajjiżi fejn hemm problema tal-ilma;

L.  billi l-UE hija l-ikbar donatur fis-settur tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), b'25 % tal-finanzjament umanitarju annwali globali ddedikat speċifikament għall-appoġġ lis-sħab għall-iżvilupp f'dan il-qasam; billi, madankollu, fl-2012 Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għall-provvista tal-ilma tax-xorb u l-faċilitajiet sanitarji bażiċi fil-pajjiżi Sub-Saħarjani rrimarka l-ħtieġa li titjieb l-effikaċja tal-għajnuna u s-sostenibbiltà tal-proġetti appoġġjati mill-UE;

M.  billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjarat li "l-aċċess għall-ilma jrid ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem minħabba li huwa essenzjali għall-ħajja fuq id-dinja u huwa riżorsa li trid tinqasam bejn il-bnedmin";

N.  billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi bażiċi fl-Afrika sub-Saħarjana fid-disgħinijiet fixklet, fost l-oħrajn, il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) kemm għall-ilma kif ukoll fir-rigward tas-sanità, peress li l-enfasi tal-investituri fuq l-irkupru tal-ispejjeż, intensifikat, fost affarijiet oħra, l-inugwaljanzi fil-provvista ta' dawn is-servizzi, a skapitu ta' unitajiet domestiċi bi dħul baxx; billi fid-dawl ta' dan il-falliment tal-privatizzazzjoni tal-ilma, it-trasferiment tas-servizzi tal-ilma mill-kumpaniji privati lill-awtoritajiet lokali hija xejra li qiegħda tikber fis-settur tal-ilma madwar id-dinja kollha;

O.  billi l-provvista tal-ilma hija monopolju naturali u d-dħul miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma għandu jkopri u jiġi assenjat dejjem kemm għall-ispejjeż kif ukoll għall-protezzjoni tas-servizzi tal-ilma u t-titjib taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma, bil-kundizzjoni li l-interess pubbliku jiġi salvagwardjat;

P.  billi n-nuqqas ta’ ilma u faċilitajiet sanitarji adegwati għandu impatt serju fuq is-saħħa u l-iżvilupp soċjali, b’mod speċjali għat-tfal; billi l-kontaminazzjoni tar-riżorsi tal-ilma tikkostitwixxi kawża ewlenija ta’ dijarea, it-tieni l-akbar kawża ta’ mewt ta’ tfal fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u twassal għal mard ewlieni ieħor bħall-kolera, l-iskistosomijażi, u t-trakoma;

Q.  billi l-ilma għandu funzjonalità soċjali, ekonomika u ekoloġika u l-ġestjoni korretta taċ-ċiklu tal-ilma għall-benefiċċju ta' kulħadd se tiżgura d-disponibbiltà kontinwa u stabbli tiegħu fil-kuntest attwali tat-tibdil fil-klima;

R.  billi l-Ewropa hija partikolarment sensittiva għat-tibdil fil-klima u billi l-ilma huwa wieħed mill-ewwel setturi milquta;

S.  billi l-ECI twaqqfet bħala mekkaniżmu ta’ demokrazija parteċipattiva bl-għan li jitħeġġu dibattu fil-livell tal-UE u l-involviment dirett taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u hija opportunità eċċellenti għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom maċ-ċittadini;

T.  billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera b’mod konsistenti livelli baxxi ħafna ta’ fiduċja fl-UE fost iċ-ċittadini tal-UE matul dawn l-aħħar snin;

L-ECI bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva

1.  Huwa tal-fehma li l-ECI hija mekkaniżmu demokratiku uniku b’potenzjal sinifikanti favur l-għeluq tad-distakk bejn il-movimenti soċjali u tas-soċjetà ċivili Ewropej u dawk nazzjonali, u biex tiġi promossa d-demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE; jemmen, madankollu, li sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat aktar il-mekkaniżmu demokratiku, huwa indispensabbli li ssir evalwazzjoni tal-esperjenza tal-passat kif ukoll riforma tal-inizjattiva taċ-ċittadini, u li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni – li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, il-possibbiltà li jiġu introdotti elementi xierqa f’reviżjonijiet leġiżlattivi jew proposti leġiżlattivi ġodda – għandhom jirriflettu aħjar it-talbiet tal-ECI meta dawn ikunu jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħha, u speċjalment meta jkunu jesprimu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza matul il-fażi ta' analiżi ta' xahrejn, li ECI ta' suċċess għandha tirċievi appoġġ legali xieraq u pariri mill-Kummissjoni u għandha tkun publiċizzata kif xieraq, u li l-promoturi u s-sostenituri għandhom jinżammu mgħarrfa u aġġornati b'mod sħiħ matul il-proċess kollu tal-ECI;

3.  Jinsisti li l-Kummissjoni timplimenta b'mod effettiv ir-Regolament dwar l-ECI u timxi lejn it-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi kollha li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini meta jissottomettu u jappoġġjaw ECI, u jħeġġiġha tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' sistema ta' reġistrazzjoni komuni tal-ECI għall-Istati Membri kollha;

4.  Jilqa’ l-fatt li l-appoġġ ta’ kważi 1,9 miljun ċittadin tal-UE mill-Istati Membri kollha għal din l-ECI jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tikkonferma l-esklużjoni tas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet fi kwalunkwe reviżjoni eventwali ta’ din id-Direttiva;

6.  Iqis li hu ta' dispjaċir li l-komunikazzjoni ma fihiex ambizzjoni , ma tissodisfax id-domandi speċifiċi li saru fl-ECI u terġa’ ttenni biss l-impenji eżistenti; jenfasizza li r-reazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għall-ECI "Right 2Water" hija insuffiċjenti, peress li ma tagħmel l-ebda kontribuzzjoni ġdida u ma tintroduċix, il-miżuri kollha li jistgħu jgħinu biex jinkisbu l-għanijiet; jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward ta’ din l-ECI partikolari, biex tmexxi kampanja ta’ informazzjoni komprensiva dwar il-miżuri li diġà ttieħdu fil-qasam tal-ilma u dwar kif dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-objettivi tal-ECI "Right2Water";

7.  Jikkunsidra li ħafna mill-petizzjonijiet dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma jiġu minn Stati Membri li mhumiex rappreżentati sew fil-konsultazzjoni pubblika madwar l-UE mnedija f'Ġunju 2014, u jenfasizza li għaldaqstant jista' jkun hemm xi inkonsistenza bejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u s-sitwazzjoni enfasizzata mill-petizzjonijiet;

8.  Jittama li l-Kummissjoni u l-Viċi President responsabbli għas-sostenibilità jieħdu impenn politiku ċar biex jiżguraw li tittieħed azzjoni xierqa b'reazzjoni għat-tħassib imqajjem minn din l-ECI;

9.  Itenni l-impenn tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu li jagħti vuċi lill-petizzjonanti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali, u jfakkar li l-petizzjonanti li ppreżentaw l-ECI "Right2Water", esprimew il-qbil tagħhom mad-dikjarazzjoni tal-ilma bħala dritt tal-bniedem garantit fil-livell tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’konformità mal-objettiv primarju tal-ECI "Right2Water", tippreżenta proposti leġiżlattivi u, jekk ikun xieraq, reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex din tirrikonoxxi l-aċċess universali u d-dritt tal-bniedem għall-ilma; huwa favur, barra minn hekk, li l-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità jiġi rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jenfasizza li jekk il-Kummissjoni tinjora l-ECIs ta' suċċess u appoġġjati b’mod wiesa’ fil-qafas tal-mekkaniżmu demokratiku stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona, l-UE se tispiċċa titlef il-kredibilità f’għajnejn iċ-ċittadini;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri biex tingħata informazzjoni u edukazzjoni fil-livell tal-UE biex tkun promossa l-kultura tal-ilma bħala ġid komuni, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u promozzjoni ta' imġiba individwali aktar konxja (għall-iffrankar tal-ilma), miżuri relatati mal-iżvilupp konxjenzjuż ta' politiki li jikkonċernaw il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, u appoġġ għal ġestjoni pubblika, parteċipattiva u trasparenti;

13.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jitfasslu politiki tal-ilma li jħeġġu l-użu razzjonali, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-ilma, li huma kwistjonijiet ta' importanza vitali għal ġestjoni integrata; jemmen li dan se jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż, se jgħin biex jiġu salvati r-riżorsi naturali u se jiżgura li l-ambjent ikun ġestit b’mod xieraq;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiskoraġġixxi u tissottoponi għal studji ta’ impatt ambjentali l-prattiki tal-ħtif tal-ilma u l-fratturazzjoni idrawlika;

Id-dritt għall-ilma u s-sanità

15.  Ifakkar li n-Nazzjonijiet Uniti ssostni li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jintitola lil kulħadd għal ilma għall-użu personali u domestiku li jkun ta’ kwalità tajba, sikur, fiżikament aċċessibbli, affordabbli, suffiċjenti u aċċettabbli; jenfasizza li b'konformità ma' rakkomandazzjoni oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħlas għas-servizzi tal-ilma, fejn dan ikun previst, għandu jammonta għal massimu ta’ 3 % tad-dħul tal-familja;

16.  Jappoġġja r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u s-sanità u jenfasizza l-importanza tal-ħidma tiegħu u tal-predeċessur tiegħu dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt;

17.  Jiddeplora l-fatt li fl-UE-28 hemm aktar minn miljun persuna li għad ma għandhomx aċċess għal provvista tal-ilma tax-xorb sikura u nadifa u kważi 2 % tal-popolazzjoni ma għandhiex aċċess għal faċilitajiet sanitarji skont il-Programm tal-Valutazzjoni tal-Ilma tad-Dinja (WWAP) u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi b'mod immedjat;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità u tal-ilma bħala ġid pubbliku u valur fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-UE u mhux bħala komodità; jesprimi t-tħassib tiegħu li mill-2008, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-politiki ta’ awsterità li żiedu l-faqar fl-Ewropa u l-għadd ta’ unitajiet domestiċi bi dħul baxx, għadd dejjem jikber ta’ nies qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet tal-ilma tagħhom u li l-affordabbiltà qed issir kwistjoni ta’ tħassib dejjem jikber; jikkundanna l-qtugħ tal-ilma u t-tifi infurzat tal-provvista tal-ilma, u jitlob lill-Istati Membri biex itemmu minnufih dawn is-sitwazzjonijiet meta jkunu dovuti għal fatturi soċjoekonomiċi f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx; jilqa’ l-fatt li f’xi Stati Membri qed jintużaw "banek tal-ilma" jew kwoti minimi tal-ilma bi sforz sabiex tingħata għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli fl-ispejjeż utilitarji tagħhom, biex l-ilma jkun garantit bħala komponent inaljenabbli tad-drittijiet fundamentali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-effetti tal-kriżi ekonomika reċenti, biex tikkollabora mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex twettaq studju dwar kwistjonijiet relatati mal-faqar tal-ilma, inklużi kwistjonijiet ta’ aċċess u affordabbiltà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja u tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-operaturi tal-ilma bħala għajnuna għal dawk f’żoni rurali u anqas żviluppati sabiex tappoġġja l-aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba għaċ-ċittadini kollha li jgħixu f’dawk iż-żoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma li fihom l-iskarsità tal-ilma hija problema eżistenti jew potenzjali, u tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u liż-żoni kkonċernati, b'mod partikolari żoni rurali u żoni urbani deprivati, biex jindirizzaw din il-problema kif jixraq;

21.  Jenfasizza li l-allegata newtralità tal-Kummissjoni dwar is-sjieda u l-ġestjoni tal-ilma jidher li hi kontradittorja mal-programmi ta' privatizzazzjoni imposti fuq xi Stati Membri mit-Trojka;

22.  Jirrikonoxxi li, kif iddikjarat fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-ilma mhuwiex komodità imma hu ġid pubbliku li huwa ta' importanza vitali għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, u jfakkar lill-Kummissjoni li r-regoli tat-Trattat jeħtieġu li l-UE tibqa’ newtrali fir-rigward ta’ deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reġim ta' sjieda tal-impriżi tal-ilma, u għalhekk bl-ebda mod ma għandha tippromwovi l-privatizzazzjoni tal-impriżi tal-ilma fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament ekonomiku jew kwalunkwe proċedura oħra tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; peress li dawn huma servizzi ta’ interess ġenerali u għalhekk huma prinċipalment fl-interess pubbliku, jitlob lill-Kummissjoni biex teskludi b’mod permanenti l-ilma u s-sanità u r-rimi tad-drenaġġ tal-ilma mir-regoli tas-suq intern u minn kwalunkwe ftehim kummerċjali, u li jipprovduhom bi prezzijiet affordabbli, u jitlob kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jassiguraw li dawn ikunu ġestiti b'mod teknikament, finanzjarjament u amministrattivament effiċjenti, effettiv u trasparenti;

23.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw mill-ġdid il-politika ta' governanza tal-ilma u jistabbilixxuha mill-ġdid abbażi ta' parteċipazzjoni attiva, jiġifieri permezz ta' trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u atitudni miftuħa lejn iċ-ċittadini;

24.  Huwa tal-fehma li, fi kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni u kontroll, huwa meħtieġ li tiġi protetta s-sjieda pubblika tal-ilma, billi jiġu promossi mudelli ta’ ġestjoni pubbliċi, trasparenti u parteċipattivi li fihom, f’ċerti każijiet biss, l-awtorità ta' sjieda pubblika tkun tista’ tagħti xi kompiti ta’ ġestjoni lil inizjattivi privati, skont termini regolati b’mod strett u dejjem filwaqt li jiġi garantit id-dritt għar-riżorsa u għal faċilitajiet sanitarji adegwati.

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw provvista tal-ilma komprensiva bi prezzijiet affordabbli, kwalità għolja u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti kif ukoll li tkun suġġetta għal kontrolli demokratiċi.

26.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-promozzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini sabiex jiġu ppreservati u ma jinħlewx ir-riżorsi tal-ilma u biex jiżguraw parteċipazzjoni ċivika ikbar;

27.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ma ssirx diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi tal-ilma, filwaqt li jiġi żgurat il-forniment tagħhom għal kulħadd, inklużi l-gruppi ta’ utenti marġinalizzati;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-muniċipalitajiet fl-UE li ma għandhomx il-kapital neċessarju biex jaċċessaw l-assistenza teknika, il-finanzjament disponibbli tal-UE u s-self fit-tul b’rati ta’ interess preferenzjali, partikolarment bl-iskop li l-infrastruttura tal-ilma tinżamm u tiġġedded biex tiġi żgurata provvista ta’ ilma ta’ kwalità għolja u sabiex is-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji jiġu estiżi għall-gruppi l-iktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi l-foqra u dawk residenti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u ultraperiferiċi; jenfasizza l-importanza ta’ governanza miftuħa, demokratika u parteċipatorja biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet l-aktar kosteffikaċi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma jiġu implimentati għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw trasparenza tar-riżorsi finanzjarji ġġenerati permezz taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma;

29.  Jirrikonoxxi li s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji huma servizzi ta’ interess ġenerali u li l-ilma mhuwiex komodità imma hu ġid komuni, u għaldaqstant għandhom jiġu pprovduti bi prezzijiet affordabbli li jirrispettaw id-dritt tan-nies għal kwalità tal-ilma minima u jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ tariffa progressiva; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ sistema ġusta, ekwa, trasparenti u adegwata ta’ tariffi għall-ilma u s-sanità sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għolja lill-membri kollha tal-pubbliku, irrispettivament mid-dħul tagħhom;

30.  Jinnota li l-ilma għandu jiġi kkunsidrat bħala assi ekosoċjali minflok sempliċement bħala element ta’ produzzjoni;

31.  Ifakkar li l-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-agrikoltura sabiex jintlaħaq id-dritt għal ikel adegwat;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod qawwi l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw u jaġġornaw l-infrastruttura li tagħti aċċess għall-irrigazzjoni, is-sistema tad-drenaġġ u s-servizzi tal-provvista tal-ilma tax-xorb;

33.  Iqis li d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ikkontribwixxiet bil-qawwi għad-disponibbiltà ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja madwar l-UE u jitlob azzjoni deċiżiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jinkisbu l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa li jinħolqu meta tingħata preferenza lill-konsum tal-ilma tal-vit;

34.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabilità tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE; iħeġġiġhom biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb u l-leġiżlazzjoni relatata kollha; ifakkarhom biex jidentifikaw il-prijoritajiet tal-infiq tagħhom u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' appoġġ finanzjarju mill-UE fis-settur tal-ilma mogħti għall-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni finanzjarja (2014-2020), b'mod partikolari permezz ta' prijorità ta' investiment iffukata speċifikament fuq il-ġestjoni tal-ilma;

35.  Ifakkar il-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma mal-Politika Agrikola Komuni, li tiddikjara li "l-istrumenti attwalment użati mill-PAK biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-ilma s’issa ma rnexxilhomx jiksbu progress sinifikanti lejn il-miri ambizzjużi tal-politika ssettjati fir-rigward tal-ilma"; jemmen li l-integrazzjoni aħjar tal-politika dwar l-ilma ma’ politiki oħrajn, bħal dawk dwar l-agrikoltura, hija essenzjali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ilma madwar l-Ewropa;

36.  Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u d-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi, u jqis li huwa ta' importanza vitali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi kkoordinata aħjar ma’ dik tad-direttivi dwar l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-protezzjoni mill-għargħar; jinsab imħasseb minħabba li l-istrumenti tal-politika settorjali tal-Unjoni ma jikkontribwixxux biżżejjed għall-kisba tal-istandards ta’ kwalità ambjentali għal sustanzi prijoritarji u l-objettiv tal-eliminazzjoni gradwali għar-rilaxx, l-emissjonijiet u t-telf ta’ sustanzi perikolużi prijoritarji skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu f’moħħhom li l-ġestjoni tal-ilma għandha tiġi inkorporata bħala fattur trasversali f'leġiżlazzjoni dwar oqsma oħrajn kwintessenzjali għaliha, bħal pereżempju l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, it-turiżmu, eċċ., sabiex jiġi evitat it-tniġġis pereżempju minn siti illegali u mhux regolati ta' skart perikoluż jew minn estrazzjoni jew esplorazzjoni taż-żejt; ifakkar li l-kundizzjonalità skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tistabbilixxi rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni abbażi ta’ liġijiet eżistenti tal-UE rilevanti għall-bdiewa u regoli ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin, inkluż dwar l-ilma; ifakkar li l-bdiewa għandhom josservaw dawn ir-regoli sabiex jirċievu ħlasijiet sħaħ mill-PAK;

37.  Jistieden lill-Istati Membri biex:

   jimponu obbligu fuq il-fornituri tal-ilma biex jindikaw il-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ilma fuq il-kontijiet tal-ilma;
   jabbozzaw pjanijiet urbani skont id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma;
   iżidu l-kontrolli u l-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa, u jippjanaw azzjonijiet immedjati mmirati lejn it-tneħħija u s-sanitizzazzjoni ta’ sustanzi tossiċi;
   jieħdu azzjoni biex jitnaqqsu t-tnixxijiet konsiderevoli mill-pajpijiet fl-Ewropa u jġeddu n-netwerks inadegwati tal-provvista tal-ilma.

38.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita ordni ta’ prijoritajiet jew ġerarkija għall-użu sostenibbli tal-ilma; jistieden lill-Kummisssjoni tippreżenta analiżi u proposti kif xieraq;

39.  Jenfasizza li l-Istati Membri impenjaw ruħhom favur id-dritt tal-bniedem għall-ilma permezz tal-appoġġ tagħhom għad-Dikjarazzjoni tan-NU, u li dan id-dritt huwa appoġġjat mill-maġġoranza taċ-ċittadini u l-operaturi fl-UE;

40.  Jenfasizza li l-appoġġ għall-ECI "Right2Water" u l-objettivi tagħha ntwera ulterjorment permezz tal-għadd kbir ta’ ċittadini f’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Greċja, il-Finlandja, Spanja, il-Lussemburgu, l-Italja u l-Irlanda li tkellmu dwar il-kwistjoni tal-ilma u s-sjieda u l-provvista tiegħu;

41.  Jinnota li sa mill-1988 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu rċieva għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet miċ-ċittadini tal-UE f'ħafna Stati Membri li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-provvista u l-kwalità tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma mormi; jiġbed l-attenzjoni lejn numru ta' fatturi negattivi kkundannati mill-petizzjonanti – bħal miżbliet ta' skart, nuqqas mill-awtoritajiet biex jikkontrollaw il-kwalità tal-ilma b'mod effikaċi, u prattiki agrikoli u industrijali irregolari jew illegali – li huma responsabbli għall-kwalità tal-ilma baxxa u għaldaqstant għandhom impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali; iqis li dawn il-petizzjonijiet juru interess ġenwin min-naħa taċ-ċittadini fl-infurzar eżawrjenti u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni sostenibbli tal-UE relatata mal-ilma;

42.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tqis b'mod serju t-tħassib u t-twissijiet espressi miċ-ċittadini f'tali petizzjonijiet u taġixxi dwarhom, b'mod partikolari minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-problema tar-riżorsi tal-ilma li dejjem qed jonqsu b'riżultat ta' użu żejjed u tal-bidla fil-klima, filwaqt li għad fadal żmien għall-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-ġestjoni ħażina; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd ta' proċeduri ta' ksur b'rabta mal-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jiffinalizzaw il-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara tagħhom b'urġenza u bħala element ewlieni fl-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u biex jimplimentawhom kif suppost b'rispett sħiħ għall-kriterji ekoloġiċi prevalenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti Stati Membri qegħdin dejjem aktar jiġu kkonfrontati b'għargħar li jikkawża ħsara u li għandu impatt aħrax fuq il-popolazzjoni lokali; jirrimarka li l-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar skont id-Direttiva dwar l-Għargħar jagħtu opportunità mill-aqwa biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti, li b'hekk jgħinu biex jinkiseb ilma nadif fi kwantitajiet suffiċjenti filwaqt li jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar; ifakkar, barra minn hekk, li kull Stat Membru għandu jkollu sit elettroniku ewlieni biex jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex tiġi ffaċilitata ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni u l-kwalità tal-ilma;

Is-servizzi tal-ilma u s-suq intern

44.  Jinnota li pajjiżi madwar l-UE, fosthom Spanja, il-Portugall, il-Greċja, l-Irlanda, il-Ġermanja u l-Italja, raw it-telf ta’ sjieda pubblika potenzjali jew reali tas-servizzi tal-ilma ssir kwistjoni ewlenija ta’ tħassib għaċ-ċittadini; ifakkar li l-għażla ta’ metodu ta’ ġestjoni tal-ilma hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, li jenfasizza l-importanza speċjali tas-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Unjoni; ifakkar li l-impriżi tal-provvista tal-ilma u s-sistemi tad-drenaġġ huma servizzi ta’ interess ġenerali u għandhom il-missjoni ġenerali li jiżguraw li l-popolazzjoni kollha tkun provduta b’ilma ta’ kwalità għolja bi prezzijiet soċjalment aċċettabbli u filwaqt li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali negattivi tal-iskart tal-ilma mormi;

45.  Jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni għandha tibqa’ newtrali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri marbuta mas-sjieda tas-servizzi tal-ilma u m’għandha tippromwovi l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma la permezz ta’ leġiżlazzjoni u lanqas bi kwalunkwe mod ieħor;

46.  Ifakkar li l-possibilità tar-rimuniċipalizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma għandha tkompli tiġi żgurata fil-futur mingħajr ebda restrizzjoni, u tista’ tinżamm taħt tmexxija lokali jekk l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jiddeċiedu li jagħmlu dan; ifakkar li l-ilma huwa dritt bażiku tal-bniedem li għandu jkun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li l-ilma jkun garantit għal kulħadd indipendentement mill-operatur, filwaqt li jiġi żgurat li l-operaturi jipprovdu ilma tax-xorb sikur u faċilitajiet sanitarji mtejba;

47.  Jenfasizza li n-natura speċjali tas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji, bħalma huma l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-trattament, tagħmilha essenzjali li dawn jiġu esklużi minn kwalunkwe ftehimiet kummerċjali li l-UE qed tinnegozja jew tikkunsidra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti esklużjoni legalment vinkolanti għas-servizzi tal-ilma, is-servizzi sanitarji u s-servizzi tad-disponiment tal-ilma mormi fin-negozjati li għaddejjin għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi; Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment futuri kollha għandhom jinkludu klawsoli dwar l-aċċess ġenwin għall-ilma tax-xorb għan-nies tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim b'konformità mal-impenn fit tul tal-Unjoni favur l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem, u li l-aċċess ġenwin għall-ilma tax-xorb għan-nies tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim għandu jkun prekundizzjoni għal kwalunkwe ftehim futur ta’ kummerċ ħieles;

48.  Ifakkar fl-għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet kontra l-inklużjoni ta' servizzi pubbliċi essenzjali bħall-ilma u s-sanità fin-negozjati għat-TTIP; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-responsabilità tal-fornituri tal-ilma;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi bħala faċilitatur biex tippromwovi l-kooperazzjoni fost l-operaturi tal-ilma permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u inizjattivi regolatorji u oħrajn, it-tagħlim reċiproku u l-esperjenza komuni, u billi tappoġġja eżerċizzji volontarji ta’ valutazzjoni komparattiva; jilqa’ s-sejħa fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza fis-settur tal-ilma u jirrikonoxxi l-isforzi li saru s’issa, filwaqt li jinnota li kwalunkwe eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva għandu jkun volontarju fid-dawl tal-varjazzjoni wiesgħa fost is-servizzi tal-ilma u l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali madwar l-Ewropa; jinnota wkoll li kwalunkwe eżerċizzju bħal dan li jinkludi biss indikaturi finanzjarji m’għandux jitqies bħala ekwivalenti għal miżuri ta’ trasparenza u li għandhom jiġu inklużi kriterji oħra ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini, bħall-kwalità tal-ilma, miżuri biex itaffu l-problemi ta' affordabilità, informazzjoni dwar x'proporzjon tal-popolazzjoni għandha aċċess għal provvisti tal-ilma adegwati u l-livelli ta’ parteċipazzjoni pubblika fil-governanza tal-ilma, b’mod li jinftiehem kemm miċ-ċittadini kif ukoll mir-regolaturi;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta u miftuħa bejn il-fornituri tas-servizzi, fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni iktar rapida ta’ soluzzjonijiet innovattivi u progress tekniku, fil-promozzjoni tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-ilma, u fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi għal kooperazzjoni regolatorja fl-UE sabiex taċċellera l-valutazzjoni komparattiva, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki regolatorji;

51.  Jemmen li għandu jkun hemm valutazzjoni tal-proġetti u l-programmi Ewropej dwar l-ilma u s-sanità mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jiġu żviluppati politiki, linji gwida u prattiki xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' valutazzjoni komparattiva (għall-kwalità, l-affordabilità, is-sostenibilità u l-kopertura tal-ilma, eċċ.) sabiex titjieb il-kwalità tal-provvista tal-ilma pubblika u s-servizzi sanitarji madwar l-UE, bħala mod kif tingħata s-setgħa liċ-ċittadini;

52.  Ifakkar li l-konċessjonijiet relatati mas-servizzi tal-ilma u tas-sanità huma suġġetti għall-prinċipji stipulati fit-Trattat u għaldaqstant għandhom jingħataw skont il-prinċipji ta' trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni;

53.  Jenfasizza li l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-trattament tal-ilma u s-servizzi sanitarji jridu jibqgħu esklużi mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet u anki fi kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva;

54.  Ifakkar li d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern ġibdet oppożizzjoni qawwija min-naħa tas-soċjetà ċivili f'ħafna aspetti, inklużi kwistjonijiet relatati ma' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali bħas-servizzi ta' distribuzzjoni u provvista tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma mormi;

55.  Jenfasizza s-suċċess tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati fl-iskambju tal-aħjar prattika abbażi ta' kooperazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fost l-operaturi tal-ilma, u jilqa’ l-fatt li fil-komunikazzjoni l-Kummissjoni rrikonoxxiet, għall-ewwel darba, l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi;

56.  Jilqa’ l-isforzi b’suċċess ta’ xi muniċipalitajiet biex iżidu l-parteċipazzjoni pubblika fit-titjib tal-għoti tas-servizzi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma, u jfakkar li l-istituzzjonijiet lokali għandhom rwol importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-ġestjoni tal-ilma;

57.  Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jinvolvi aktar ruħu f'din l-ECI bl-għan li jħeġġeġ l-involviment ikbar tal-awtoritajiet reġjonali fil-kwistjoni;

58.  Ifakkar fl-obbligu ta' garanzija ta' aċċess għall-ġustizzja u l-informazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali, u ta' parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif stipulat fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom biex iħarsu l-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; ifakkar li s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom hi fundamentali sabiex tinkiseb l-akbar parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex b'mod proattiv tistabbilixxi kampanja ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-kisbiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-qasam tat-trasparenza u dwar l-għodod effikaċi diġà għad-dispożizzjoni tagħhom, u biex jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' trasparenza, responsabbiltà u parteċipazzjoni bħala mezz kif tiġi mtejba l-prestazzjoni, is-sostenibilità u l-kosteffikaċità tas-servizzi tal-ilma;

59.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jimxu lejn Ftehim Soċjali ġenwin għall-Ilma, bl-għan li jiżguraw id-disponibbiltà, l-istabbiltà u l-ġestjoni sikura tar-riżorsi u, b’mod partikolari, billi jadottaw politiki bħall-istabbiliment ta’ fondi ta’ solidarjetà dwar l-ilma u mekkaniżmi oħra għal azzjoni soċjali biex jiġu appoġġjati dawk il-persuni li ma jaffordjawx l-aċċess għas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' sigurtà tal-provvista sabiex id-dritt tal-bniedem għall-ilma ma jiġix ipperikolat; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ azzjoni soċjali bħal dawk li diġà jeżistu f’xi pajjiżi tal-UE biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tax-xorb lil ċittadini f’sitwazzjoni prekarja reali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza l-qsim ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri dwar l-aspett soċjali tal-politika tal-ilma;

61.  Jikkundanna l-fatt li ċ-ċaħda tal-provvista tal-ilma u s-sanità għal komunitajiet żvantaġġati u vulnerabbli qed tintuża b’mod koerċittiv f’uħud mill-Istati Membri; itenni li f’uħud mill-Istati Membri l-għeluq ta’ bjar pubbliċi mill-awtoritajiet għamilha diffiċli għall-gruppi l-aktar vulnerabbli biex ikollhom aċċess għall-ilma;

62.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet tal-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà u wkoll biex ikun żgurat li dawk fil-bżonn ikollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità affordabbli;

63.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jaħtru Ombudsman tas-servizzi tal-ilma sabiex jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mal-ilma bħal ilmenti u suġġerimenti dwar il-kwalità u l-aċċess tas-servizz tal-ilma jkunu jistgħu jiġu pproċessati minn korp indipendenti;

64.  Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-ilma sabiex jinvestu mill-ġdid id-dħul iġġenerat miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma fiż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma; ifakkar li l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma jinkludi l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi filwaqt li jiġu rrispettati kemm il-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza u d-dritt tal-bniedem għall-ilma kif ukoll l-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw l-irkupru tal-ispejjeż dovuti lilhom bl-aħjar mod possibbli sakemm dan ma jikkompromettix l-iskopijiet u l-kisba tal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jirrakkomanda li jintemmu l-prattiki fejn ir-riżorsi ekonomiċi jiġu ddevjati minn mis-settur tal-ilma biex jiffinanzjaw politiki oħra, inkluż meta l-kontijiet tal-ilma jinkludu tariffi ta’ konċessjoni li ma jkunux ġew allokati għall-infrastruttura tal-ilma; ifakkar fl-istat inkwetanti tal-infrastruttura f’xi Stati Membri fejn l-ilma qed jinħela minħabba tnixxijiet minn netwerks ta’ distribuzzjoni mhux xierqa u skaduti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-investiment fit-titjib tal-infrastruttura kif ukoll f'servizzi oħra tal-ilma bħala premessa biex jiġi garantit id-dritt tal-bniedem għall-ilma fil-futur;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kkonċernati l-informazzjoni kollha dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma b'mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem, u li ċ-ċittadini jkunu infurmati u kkonsultati b'mod sħiħ u fil-ħin dwar il-proġetti kollha ta' ġestjoni tal-ilma; jikkunsidra, barra minn hekk, li fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni, 80 % tal-parteċipanti qiesu li hu essenzjali li jkun hemm titjib fit-trasparenza tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi diretti u indiretti tal-UE għal proġetti għall-ġestjoni tal-ilma u tiżgura li tali finanzjament jintuża biss għall-proġetti li għalihom kien maħsub, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-aċċess għall-ilma huwa kruċjali għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn iċ-ċittadini tal-UE u għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Qorti tal-Awdituri, biex tivverifika li l-kriterji ta' effiċjenza u sostenibilità jiġu ssodisfati b'mod sodisfaċenti;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis in-nuqqas attwali ta' investiment fil-ġestjoni bilanċjata tal-ilma, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-ilma huwa wieħed mill-assi kondiviżi taċ-ċittadini tal-UE;

68.  Jitlob, għalhekk, trasparenza ikbar fost l-operaturi tal-ilma, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ governanza privata u pubblika għall-kumpaniji tal-ilma fl-UE; huwa tal-fehma li dan il-kodiċi għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ effiċjenza u dejjem skont id-dispożizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, infrastrutturali u ta’ parteċipazzjoni pubblika tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jitlob ukoll il-ħolqien ta’ regolatur nazzjonali;

69.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-setgħat u r-responsabbiltà marbuta mal-ilma, fir-rigward kemm tal-livelli varji tal-gvern kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet lokali tal-ilma li jiġġestixxu s-servizzi tal-ilma (nixxiegħat u manutenzjoni);

70.  Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Mormi Urban għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri; jitlob li r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni jintużaw bħala prijorità f’żoni fejn il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhix rispettata, inkluż it-trattament tal-ilma mormi; jinnota li r-rati ta’ konformità kienu ogħla meta l-ispejjeż ġew irkuprati u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ġie implimentat, u jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-adegwatezza tal-istrumenti attwali biex jingħata livell għoli ta’ protezzjoni u jsir titjib fil-kwalità tal-ambjent;

71.  Jinnota li, fil-każ tal-ilma, is-settur tas-servizzi joffri potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-integrazzjoni ambjentali, u għat-trawwim tal-innovazzjoni permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn is-setturi u permezz tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni applikati għaċ-ċiklu kollu kemm hu tal-ilma; jitlob, għalhekk, li jkun hemm attenzjoni partikolari sabiex tingħata spinta lill-użu sostenibbli tal-ilma bħala enerġija rinnovabbli;

72.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas leġiżlattiv Ewropew għall-użu mill-ġdid tal-ilma tad-drenaġġ ittrattat, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti l-attivitajiet u ż-żoni sensittivi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-kondivizjoni tal-esperjenzi fost l-aġenziji tas-saħħa tal-Istati Membri differenti;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex fi kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tiżgura li l-valutazzjonijiet kwantitattivi tal-problemi dwar l-affordabbiltà tal-ilma jsiru rekwiżit obbligatorju tal-eżerċizzji ta’ rappurtar mill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

74.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) timmonitorja u tirrapporta rigward kwalunkwe kwistjoni ta’ affordabbiltà tal-ilma fit-28 Stat Membru;

75.  Jirrimarka li l-ġestjoni għaqlija tal-ilma qed issir prijorità, kemm fl-ambitu ekoloġiku kif ukoll f'dak ambjentali, għad-deċennji li ġejjin, filwaqt li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' enerġija u agrikultura u tirrispondi għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali;

L-internalizzazzjoni tal-ispiża tat-tniġġis

76.  Ifakkar li, permezz tal-kontijiet tal-ilma, iċ-ċittadini tal-UE qed iġarrbu l-ispiża tal-purifikazzjoni tal-ilma u t-trattament tal-ilma, u jenfasizza li l-adozzjoni ta’ politiki li b’mod effikaċi jgħaqqdu u jirrikonċiljaw l-għanijiet tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma mal-iffrankar tal-ispejjeż, bħalma huma l-approċċi ta' “kontroll f’ras l-għajn”, huma aktar effiċjenti u finanzjarjament preferibbli; ifakkar li skont ir-rapport 2015 tal-EEA dwar l-istat tal-ambjent, aktar minn 40 % tax-xmajjar u l-ilmijiet kostali huma affettwati minn tniġġis mifrux ikkawżat mill-agrikoltura, filwaqt li bejn 20 % u 25 % huma suġġetti għal tniġġis li joriġina minn punti lokalizzati bħal strutturi industrijali, sistemi tad-drenaġġ u netwerks tal-ġestjoni tal-ilma mormi; jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, koordinazzjoni aħjar fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, aktar koerenza fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni u aktar miżuri proattivi għall-iffrankar tar-riżorsi tal-ilma u żieda sostanzjali tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-setturi kollha (l-industriji, l-unitajiet domestiċi, l-agrikoltura u n-netwerks ta’ distribuzzjoni); ifakkar li l-iżgurar tal-protezzjoni sostenibbli ta’ żoni naturali bħall-ekosistemi tal-ilma ħelu huwa wkoll importanti ħafna għall-iżvilupp u huwa kruċjali sabiex jiġu pprovduti l-provvisti tal-ilma għax-xorb, u jnaqqas l-ispejjeż għaċ-ċittadini u l-operaturi;

Il-politika esterna u dik ta’ żvilupp tal-UE fis-settur tal-ilma

77.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE għall-iżvilupp għandhom jintegraw bis-sħiħ l-aċċess universali għall-ilma u s-sanità permezz tal-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati bbażati fuq is-solidarjetà bejn l-operaturi tal-ilma u l-ħaddiema f’pajjiżi differenti, u għandhom jużaw kemm firxa ta’ strumenti biex jippromovu l-aħjar prattiki permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, kif ukoll programmi ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni f’dan is-settur; itenni li l-politki għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE għandhom jirrikonoxxu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità u li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet jeħtieġ appoġġ għall-oqfsa leġiżlattivi, finanzjament u tisħiħ tal-vuċi tas-soċjetà ċivili sabiex dawn id-drittijiet isiru realità;

78.  Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma tax-xorb fi kwantità suffiċjenti u ta' kwalità suffiċjenti huwa dritt bażiku tal-bniedem, u jqis li l-gvernijiet nazzjonali għandhom id-dmir li jwettqu dan l-obbligu;

79.  Jenfasizza b’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE u r-rekwiżiti tagħha l-importanza ta’ evalwazzjoni regolari tal-kwalità, il-purità u s-sikurezza tal-ilma u tar-riżorsi tal-ilma kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha;

80.  Jenfasizza li l-assistenza sabiex jiġu pprovduti l-ilma tax-xorb sikur u s-sanità għandha tingħata prijorità għolja fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE u fl-ipprogrammar ta’ assistenza; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura appoġġ finanzjarju adegwat għal azzjonijiet ta’ żvilupp tal-kapaċità fil-qasam tal-ilma, filwaqt li tiddependi fuq u tikkoopera mal-pjattaformi u l-inizjattivi internazzjonali eżistenti;

81.  Jinsisti li s-settur tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandu jingħata prijorità għolja kemm fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) kif ukoll fil-baġits nazzjonali; ifakkar li l-ġestjoni tal-ilma hija responsabbiltà kollettiva; huwa favur mentalità miftuħa fir-rigward ta' modalitajiet ta' għajnuna differenti, imma b'konformità stretta mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, mal-koerenza politika għall-iżvilupp u b'enfasi b'saħħitha fuq il-qerda tal-faqar u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-involviment ta' komunitajiet lokali fit-twettiq ta' proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif ukoll il-prinċipju tas-sjieda tal-komunità;

82.  Jenfasizza li għalkemm il-progress lejn l-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju dwar l-ilma tajjeb għax-xorb jinsab fit-triq it-tajba, 748 miljun persuna madwar id-dinja ma għandhomx aċċess għal provvista tal-ilma mtejba u huwa stmat li mhux inqas minn 1.8 biljun persuna jixorbu ilma li huwa kkontaminat bir-rawt, u li l-mira sanitarji għadha ’l bogħod ħafna biex tinkiseb;

83.  Ifakkar li l-iżgurar ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma ta' taħt l-art huwa indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u għal prosperità kondiviża, peress li l-ilma ta' taħt l-art għandu l-potenzjal li jipprovdi sors imtejjeb tal-ilma għax-xorb lil miljuni ta' nies fqar f'żoni urbani u rurali;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ilma bħala parti mill-Aġenda għall-Bidla, flimkien mal-agrikoltura sostenibbli;

85.  Iqis li s-suġġett tal-ilma jrid ikun fil-qalba tal-ħidma fit-tħejjija ta' żewġ avvenimenti internazzjonali ewlenin fl-2015, jiġifieri s-summit dwar l-aġenda għal wara l-2015 u l-COP21 dwar it-tibdil fil-klima; jappoġġa bil-qawwa, f’dan il-kuntest, l-inklużjoni ta’ miri ambizzjużi u wesgħin għall-ilma u s-sanità, bħall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 6 dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd sal-2030, li għandu jiġi adottat f’Settembru 2015; itenni li l-qerda tal-faqar permezz tal-proċess post-2015 tkun possibbli biss jekk niżguraw li kulħadd, kullimkien ikollu aċċess għal ilma nadif, faċilitajiet sanitarji bażiċi u iġjene; jenfasizza li t-twettiq tal-SDGs kollha jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' ħafna aktar finanzjament għall-iżvilupp minn dak attwali, kemm mill-pajjiżi żviluppati kif ukoll minn dawk li qed jiżviluppaw; jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ globali biex jiġi segwit il-progress tal-kisba għall-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi tal-ilma u t-tisħiħ ta' governanza tal-ilma ġusta, parteċipattiva u responsabbli fil-pajjiżi kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna tintefaq b'mod effikaċi u li tkun immirata aħjar għas-settur WASH fil-perspettiva tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015;

86.  Jenfasizza ż-żieda fir-riskju ta’ skarsezza tal-ilma minħabba t-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fost is-suġġetti tal-COP21, jinkludu l-ġestjoni strateġika tar-riżorsi tal-ilma u pjanijiet ta’ adattament fit-tul, sabiex jiġi inkorporat approċċ tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima fil-ftehim futur dwar il-klima globali; jenfasizza li l-infrastruttura tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima hija kruċjali għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar; itenni li mingħajr sforzi kontinwi biex jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġestjoni mtejba tar-riżorsi tal-ilma, il-progress lejn il-miri tat-tnaqqis tal-faqar, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, u l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tiegħu, jistgħu jitqiegħdu fil-periklu;

87.  Jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma u s-sanità fid-dinja li qed tiżviluppa jista’ jkollu effett sproporzjonat fuq il-bniet u n-nisa, speċjalment dawk li għadhom qed jattendu l-iskola fejn l-assenteiżmu u r-rati tal-abbandun bikri mill-iskola huma marbuta man-nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji nodfa, sikuri u aċċessibbli;

88.  Jitlob biex l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għal ilma tax-xorb sikur u s-sanità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ infrastruttura fuq skala żgħira u l-allokazzjoni ta’ aktar fondi għat-tħaddim u l-manutenzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni;

89.  Jikkonstata bi tħassib li, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, persuni li jgħixu fi kwartieri fqar ġeneralment ikollhom iħallsu aktar minn dawk li jgħixu f'residenzi formali biex imbagħad jirċievu servizzi li mhumiex regolati u ta' kwalità baxxa; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jipprijoritizzaw l-allokazzjonijiet baġitarji għal servizzi għal persuni żvantaġġati u iżolati;

90.  Ifakkar li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li, fis-sitwazzjoni inizjali, mingħajr l-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-aktar riċenti tat-trattament u l-konservazzjoni tal-ilma, bejn100 u 200 litru ilma kuljum għal kull persuna huma ottimali, filwaqt li nnutat li 50 sa 100 litru huma meħtieġa biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi u ma jinħoloqx ħafna tħassib fir-rigward tas-saħħa; jinnota li, skont id-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti, l-iffissar ta’ kwota minima għal kull persuna huwa indispensabbli biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ilma bażiċi tal-popolazzjonijiet;

91.  Jenfasizza li l-aċċess għal ilma bażiku ta' bżonn għandu jkun dritt tal-bniedem fundamentali indiskutibbli appoġġjat b'mod impliċitu u espliċitu mid-dritt internazzjonali, id-dikjarazzjonijiet u l-prattika tal-istat;

92.  Jistieden lill-gvernijiet, l-aġenziji tal-għajnuna internazzjonali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-komunitajiet lokali sabiex jaħdmu biex jipprovdu lill-bnedmin kollha l-ilma bażiku li għandhom bżonn u jiggarantixxu li l-ilma jkun dritt tal-bniedem;

93.  Jistieden lill-Istati Membri biex, skont il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jintroduċu politika tal-prezzijiet li tkun tirrispetta d-dritt tal-persuni għal kwanità minima vitali ta' ilma filwaqt li tirripressa l-ħela, filwaqt li tipprevedi l-applikazzjoni ta' tariffa progressiva proporzjonali għall-kwantità tal-ilma li jintuża;

94.  Jinkoraġġixxa t-teħid ta’ miżuri biex jiġi żgurat l-użu razzjonali tal-konsum tal-ilma, sabiex tiġi evitata l-ħela;

95.  Ifaħħar lil ċerti operaturi tal-ilma li jiddedikaw perċentwali mill-fatturat annwali tagħhom għal sħubijiet tal-ilma f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE sabiex joħolqu l-qafas legali neċessarju biex tali sħubijiet jidħlu fis-seħħ;

96.  Jitlob monitoraġġ effikaċi ta' proġetti mwettqa permezz tal-għajnuna esterna; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġiji finanzjarji u l-baġits jiġu sorveljati sabiex jiġi żgurat li l-fondi allokati jindirizzaw id-disparitajiet u l-inugwaljanzi eżistenti għall-aċċess għall-ilma u jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem ta' nondiskriminazzjoni, aċċess għall-informazzjoni u parteċipazzjoni;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel it-tiġdid tan-netwerks tal-ilma għax-xorb li qed jiqdiemu prijorità fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa billi tqiegħed dawn il-proġetti fil-lista ta’ proġetti tal-Unjoni; jenfasizza l-effett ta’ lieva li dawn il-proġetti jkollhom fuq l-impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati, li b’hekk jistimulaw l-ekonomija ekoloġika fl-Ewropa;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien biex l-Istati Membri jwettqu stħarriġ dwar il-qagħda tan-netwerks, u dan għandu jippermetti t-tnedija tal-ħidma ta’ tiġdid sabiex tintemm il-ħela;

99.  Jitlob aktar trasparenza biex il-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar l-ilma u jsir kontribut għall-ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, sabiex tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri bl-għan tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi nazzjonali relatati mat-twaqqif ta’ sistemi ta’ informazzjoni dwar l-ilma;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-opportunità li testendi għal-livell Ewropew l-istrumenti ta' appoġġ finanzjarju fis-settur tal-kooperazzjoni internazzjonali b'rabta mal-ilma u l-faċilitajiet sanititarji;

101.  Jenfasizza li l-ġestjoni effiċjenti u ġusta tar-riżorsi tal-ilma tiddependi fuq il-kapaċità tal-gvernijiet lokali li jipprovdu s-servizzi; jistieden, għalhekk, lill-UE biex tkompli tappoġġja t-tisħiħ tal-governanza u tal-infrastruttura tal-ilma fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tindirizza b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet rurali vulnerabbli;

102.  Jappoġġja l-Pjattaforma Globali ta' Solidarjetà tal-Ilma mnedija mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) sabiex l-awtoritajiet lokali jkunu involuti fit-tfittix ta' soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma; jilqa' wkoll l-inizjattiva "1 % solidarjetà għall-ilma u s-sanità" u inizjattivi oħra meħuda miċ-ċittadini u l-awtoritajiet f'xi Stati Membri sabiex jappoġġjaw proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' fondi minn tariffi tal-konsum; jikkonstata li inizjattivi bħal dawn tqiegħdu fil-prattika minn diversi kumpaniji tal-ilma; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ arranġamenti ta' solidarjetà f'dan il-qasam u f'oqsma oħra, pereżempju permezz tat-tqassim ta' informazzjoni, l-iffaċilitar ta' sħubijiet u skambji ta' esperjenzi, inkluż permezz ta' sħubijiet potenzjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'finanzjament addizzjonali tal-UE mogħti għall-proġetti implimentati permezz ta' din l-inizjattiva; iħeġġeġ, b'mod partikolari, il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-pubbliċi fil-faċilitajiet tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'konformità mal-Alleanza Globali ta' Sħubijiet tal-Operaturi tal-Ilma kkoordinata mill-UN Habitat;

103.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid l-istrument "Faċilità tal-Ilma", li wera li kien effikaċi fit-trawwim ta' aċċess aħjar għas-servizzi tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw billi ppromwova miżuri ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-komunitajiet lokali;

104.  Jilqa’ l-fatt li hemm appoġġ konsiderevoli madwar l-Ewropa għar-riżoluzzjoni tan-NU dwar ir-rikonoxximent tal-aċċess għal ilma nadif u s-sanità bħala dritt tal-bniedem;

o
o   o

105.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.
(2) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(3) ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.
(4) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(5) ĠU C 12, 15.1.2015, p. 33.
(6) A/RES/64/292.
(7) A/RES/68/157.
(8) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 33.
(9) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 9.
(10) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.

Avviż legali