Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2213(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0218/2015

Testi mressqa :

A8-0218/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 11
CRE 08/09/2015 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0307

Testi adottati
PDF 527kWORD 128k
L-Erbgħa, 9 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE
P8_TA(2015)0307A8-0218/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (2014/2213(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimi u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta' Koeżjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig: Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-ippjanar tal-ispazju u l-Koeżjoni Territorjali(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2014 dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi (COM(2014)0368),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u komunitajiet intelliġenti – sħubija Ewropea għall-innovazzjoni" (C(2012)4701),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 dwar Żvilupp Urban Sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: Qafas għal Azzjoni (COM(1998)0605),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1997 bit-titolu "Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea" (COM(1997)0197),

–  wara li kkunsidra s-sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-"Koeżjoni Ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi - Il-promozzjoni tal-iżvilupp u ta' governanza tajba f'reġjuni u bliet tal-UE", Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bl-isem "Il-bliet ta' għada: Ninvestu fl-Ewropa", Brussell, 17-18 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Futuri Diġitali – vjaġġ fil-viżjonijiet tal-2050 u l-isfidi politiċi, il-bliet, il-villaġġi u l-komunitajiet", 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bl-isem "Il-bliet ta' għada: Sfidi, viżjonijiet, it-triq 'il quddiem", Brussell, Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri lejn aġenda urbana tal-UE, adottata fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u l-Kwistjonijiet Urbani tal-10 ta' Ġunju 2015 f'Riga,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fi Brussell fid-19 ta' Novembru 2014 dwar is-Sitt Rapport dwar il-"Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi",

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza adottati fil-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-politika ta' koeżjoni tal-24 u l-25 ta' April 2014 f'Ateni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza Pollakka dwar id-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE u l-politika futura ta' koeżjoni, adottati fil-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, l-iżvilupp territorjali u urban tal-24 u l-25 ta' Novembru 2011, f'Poznań,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE 2020, miftiehma fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali tad-19 ta' Mejju 2011, f'Gödöllő,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Toledo, adottata fil-Laqgħa Informali tal-Ministri dwar l-iżvilupp urban tat-22 ta' Ġunju 2010, f'Toledo,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, adottata fil-Laqgħa Informali tal-Ministri dwar l-iżvilupp urban tal-24 u l-25 ta' Mejju 2007, f'Leipzig,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2014 intitolata "Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tat-23 ta' April 2015 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – Aspetti Prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0218/2015),

A.  billi fl-2014 nofs il-popolazzjoni dinjija(6) u 72 % tal-popolazzjoni Ewropea kienu qed jgħixu f'żoni urbani(7), u sas-sena 2050 kważi 80 % tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qed tgħix f'żoni urbani(8);

B.  billi ż-żoni urbani funzjonali fl-UE jinkludu struttura poliċentrika unika mibnija madwar bliet kbar, ta' daqs medju u żgħar u żoni ta' madwarhom, u b'hekk imorru lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tradizzjonali sabiex jinkludu diversi territorji konnessi ma' xulxin bl-isfidi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u demografiċi tagħhom;

C.  billi l-bliet u ż-żoni urbani funzjonali, bħal żoni metropolitani, mhux biss jiżvolġu rwol importanti f'demokrazija parteċipattiva iżda huma wkoll pilastri ekonomiċi kruċjali u muturi tal-impjiegi fl-UE minħabba li l-innovazzjoni u l-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda ħafna drabi joriġinaw fil-bliet; billi għalhekk jirrappreżentaw vantaġġ kbir għall-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-partijiet l-oħra tad-dinja iżda huma wkoll l-oqsma fundamentali li fihom jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli għat-tkabbir u l-impjiegi u jiġu indirizzati l-esklużjoni soċjali (pereżempju, żgħażagħ mhux imħarrġin sew fis-suq tax-xogħol), in-nuqqas ta' aċċessibbiltà u d-degrad ambjentali;

D.  billi l-bliet, iż-żoni urbani funzjonali u r-reġjuni huma responsabbli għall-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra fl-UE; billi, minn naħa, huma jaqdu rwol ewlieni fil-kisba ta' titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-awtosuffiċjenza u fl-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda (bħal forom ġodda ta' attività ekonomika) li jinkoraġġixxu l-mobilità urbana u sistemi tat-trasport kompetittivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u b'hekk jiġu promossi t-tkabbir, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u territorjali, is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà;

E.  billi l-popolazzjoni f'xi bliet qed tixjieħ u tonqos fin-numru, u tali bliet qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi minħabba d-daqs tal-faċilitajiet u tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu, u oħrajn għandhom popolazzjoni li qed tikber, fatt li jżid il-pressjoni fuq il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi eżistenti (pereżempju, l-edukazzjoni) u taggrava problemi oħra bħalma huma l-qgħad (fost iż-żgħażagħ), l-esklużjoni soċjali, il-konġestjoni tat-traffiku, l-espansjoni urbana u t-tniġġis, li jżidu b'mod sinifikanti l-ħin tal-ivvjaġġar għal xogħol u jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja ta' ħafna Ewropej;

F.  billi wħud mill-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħom il-bliet, marbuta mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, mat-tibdil fil-klima, mat-trasport u mat-tibdil demografiku, jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' sħubijiet bejn il-bliet u ż-żoni tal-periferija; billi l-espansjoni ta' oqsma interkonnessi f'dawn l-aħħar snin, minħabba l-iżviluppi fl-oqsma tat-trasport u l-komunikazzjoni b'mod partikolari, toħloq ħtieġa għall-iżvilupp ta' għodod għal promozzjoni tal-konnettività;

G.  billi l-inizjattivi politiċi Ewropej għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u l-politika urbana;

H.  billi madwar 70 % tal-politiki u tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej jiġu implimentati fil-livell lokali u reġjonali;

I.  billi għandha tiġi żgurata aktar konsistenza fil-livell tal-UE bejn id-diversi inizjattivi politiċi u programmi ta' sussidji tal-UE billi jiġi sfruttat bis-sħiħ il-Qafas Strateġiku Komuni (Titolu II, Kapitolu I, Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) u permezz ta' koordinament politiku aħjar fost u mal-partijiet interessati u livelli tal-gvern, peress li l-approċċ settorjali tal-politika tal-UE jista' jwassal għal politiki u leġiżlazzjoni li jistgħu ma jiffavorixxux iż-żoni urbani funzjonali;

J.  billi fl-1997 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar aġenda urbana għall-UE(9), iżda r-rwol tal-bliet Ewropej fit-tfassil tal-politika tal-UE għadu qed jiġi diskuss;

K.  billi fil-passat, il-Parlament appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tippreżenta "Aġenda Urbana" bħala qafas għall-politika urbana futura fil-livell Ewropew;

L.  billi s-sussidjarjetà, kif definita fit-TFUE, kif ukoll il-governanza f'diversi livelli, ibbażata fuq azzjoni koordinata mill-UE, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-prinċipju ta' sħubija, huma elementi essenzjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politiki kollha tal-UE, u billi l-impenn tar-riżorsi u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jissaħħu f'dan is-sens;

M.  billi r-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013) isaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) billi jiġu allokati mill-inqas 5 % tal-appoġġ finanzjarju tiegħu għal azzjonijiet integrati ta' żvilupp urban sostenibbli permezz tad-delega ta' kompiti ta' ġestjoni lill-awtoritajiet urbani, b'mod partikolari billi jingħataw aktar responsabbiltajiet għal kompiti relatati tal-inqas għall-għażla tal-operazzjonijiet bil-ħolqien ta' għodod bħalma huma l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u żvilupp lokali parteċipattiv (CLLD), billi jiġi allokat baġit speċifiku għal "azzjonijiet innovattivi" sabiex jiġu ttestjati soluzzjonijiet ġodda relatati mal-iżvilupp urban sostenibbli, u billi jiġi stabbilit netwerk għall-iżvilupp urban;

N.  billi l-prinċipju ta' sħubija stabbilit fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013) u l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment bikri ta' awtoritajiet urbani fil-proċess ta' tfassil ta' politika tal-UE;

Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE

1.  Huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE għandhom jappoġġaw u jippermettu lill-bliet u liż-żoni urbani funzjonali jesprimi u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala muturi għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli; jemmen, għaldaqstant, li dawn il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali jeħtieġu li jiġu assoċjati aktar mill-qrib maċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika Ewropea;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u, fejn xieraq, lill-Istati Membri jipproponu modi biex jintroduċu mekkaniżmu ta' twissija bikrija billi jadattaw l-għodod disponibbli u skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta' Sussidjarjetà u Proporzjonalità, filwaqt li l-gvern sottonazzjonali jingħata l-possibbiltà li josserva jekk il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità ġewx meqjusa, li jippermettu lill-gvernijiet sottonazzjonali jiġu involuti fil-proċessi politiċi minn stadju bikri u jippermettu strateġiji ta' żvilupp territorjali infurmati tajjeb u implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-leġiżlazzjoni futura;

Lejn Aġenda Urbana integrata Ewropea

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taħdem lejn Aġenda Urbana Ewropea; jappoġġa l-istabbiliment tiegħu bħala qafas koerenti għall-politiki tal-UE b'dimensjoni urbana bil-għan li jkun hemm rabta aħjar bejn is-soluzzjonijiet urbani u l-isfidi tal-UE, biex ikun hemm adegwament aħjar tal-politiki settorjali u tal-livelli ta' governanza, biex il-finanzjament tal-UE jkun immirat aħjar għall-isfidi urbani rilevanti u biex ikun hemm valutazzjoni aħjar tal-impatt territorjali tal-politiki settorjali; jemmen li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha, b'mod partikolari, tippromwovi l-iżvilupp tal-aħjar soluzzjonijiet ta' governanza immirati biex jintlaħqu b'suċċess l-isfidi u l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli, ekonomiċi u soċjalment inklużivi tal-bliet u taż-żoni urbani funzjonali fl-Ewropa;

4.  Jirrikonoxxi li, minkejja li m'hemm l-ebda kompetenza espliċita tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp urban, firxa wiesgħa ta' inizjattivi tal-UE għandhom impatt dirett/indirett fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali; għalhekk huwa tal-opinjoni li l-politiki urbani nazzjonali u reġjonali li huma żviluppati sew u stabbiliti huma prerekwiżit għal Aġenda Urbana Ewropea; iqis li din tal-aħħar għandha tikkostitwixxi strateġija li tindirizza l-bliet u ż-żoni urbani funzjonali fl-UE li, fuq medda twila ta' żmien, se tiżviluppa f'politika urbana fil-livell tal-UE; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-iżvilupp territorjali urban għandu jkun ibbażat fuq organizzazzjoni territorjali bbilanċjata bi struttura urbana poliċentrika skont l-Aġenda Territorjali tal-UE tal-2020;

5.  Huwa konvint li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun sforz konġunt bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati l-oħra biex jiġu razzjonalizzati, kkoordinati u implimentati l-politiki tal-UE b'dimensjoni urbana permezz ta' approċċ prattiku, integrat u kkoordinat, imma li xorta waħda jkun flessibbli, fil-bliet u ż-żoni urbani funzjonali u magħhom, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet territorjali lokali u fir-rispett tal-arkitettura istituzzjonali ta' kull Stat Membru;

6.  Jemmen li Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun kompletament konformi mal-għanijiet globali u l-istrateġija tal-UE, b'mod partikolari l-istrateġija Ewropa 2020, u l-objettivi tal-koeżjoni territorjali; jenfasizza li l-fruntieri amministrattivi qegħdin isiru inqas u inqas rilevanti fit-tentattiv li jiġu indirizzati l-isfidi tal-iżvilupp fil-livell reġjonali u lokali; jemmen, għalhekk, li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun inklużiva u tikkunsidra b'mod ċar id-diversità tal-entitajiet territorjali fl-UE u l-konnessjonijiet transkonfinali u bejn spazji rurali u urbani, inklużi s-servizzi li ż-żoni urbani funzjonali jipprovdu għall-periferiji tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ b'komunikazzjoni li tagħti dettalji tal-karatteristiċi tal-Aġenda Urbana Ewropea futura, abbażi tal-"acquis urban" u l-konsultazzjoni estensiva ma' partijiet interessati differenti, inkluzi s-sħab ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-Aġenda Urbana Ewropea fil-programm ta' ħidma annwali tagħha;

L-integrazzjoni ta' approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali fit-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika approċċ territorjali integrat ibbażat aktar fuq il-post meta jiġu konċettwalizzati inizjattivi politiċi ġodda mmirati lejn ż-żoni urbani, sabiex tkun żgurata l-konsistenza u sabiex il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali jingħataw is-setgħa li jwettqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, permezz ta', fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat tal-UE li jappoġġa proġetti intelliġenti u sostenibbli fil-bliet Ewropej, li jgħinu fil-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi, bħala regola ġenerali, valutazzjoni tal-impatt territorjali fuq id-dimensjoni urbana sabiex tkun żgurata l-fattibbiltà prattika fl-inizjattivi politiċi tal-UE rilevanti kollha fil-livell reġjonali u lokali, li tkun miftuħa għal kontribut mil-livelli deċentralizzati tal-gvernijiet fit-tfassil ta' valutazzjonijiet tal-impatt u ta' politiki ġodda (approċċ minn isfel għal fuq), u tiżgura li l-politiki settorjali rilevanti kollha tal-UE jindirizzaw b'mod adegwat l-isfidi li jiffaċċaw il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali fuq l-elementi li ġejjin: żvilupp territorjali bilanċjat, integrazzjoni territorjali, aspetti ta' governanza, regolamentazzjoni, implimentazzjoni fil-livell lokali, u koerenza ma' objettivi politiċi oħra;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissistematizza u tanalizza d-data kollha disponibbli u l-oqfsa kunċettwali komuni ("acquis urban") sabiex tipprevjeni d-duplikazzjoni u l-inkonsistenzi u tipprovdi definizzjoni ċara ta' żvilupp urban sostenibbli integrat u b'hekk tidentifika l-objettivi komuni koerenti u trasparenti tal-UE f'dan il-qasam;

11.  Huwa konvint li sabiex tkun tista' tivvaluta liż-żoni urbani b'mod aktar preċiż milli biss bl-indikatur tal-PDG, trid issir disponibbli biżżejjed data; jemmen, għalhekk, li l-Eurostat għandu jipprovdi u jikkumpila aktar data dettaljata lokali u li għandha titkompla l-ħidma fuq l-Awditjar Urban u fuq sondaġġi simili; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem fuq strumenti li jistgħu ikejlu l-progress u l-impatt ta' aġenda urbana integrata fil-livell tal-UE;

12.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE fil-livell lokali, u tiżgura li r-regolamentazzjoni futura kollha tanalizza bir-reqqa l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tagħha fil-livell lokali;

Id-dimensjoni urbana tal-istrumenti u l-finanzjament tal-politiki tal-UE

13.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-istrumenti finanzjarji tagħha huma mgħammra aħjar biex jappoġġaw strateġiji territorjali integrati kumplessi għaż-żoni urbani funzjonali permezz ta' ppjanar strateġiku u regoli komuni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti l-ġodda disponibbli bħall-ITI u s-CLLD, kif ukoll mill-programmi operattivi (PO) flessibbli l-ġodda, sabiex jappoġġaw b'suċċess l-implimentazzjoni ta' pjanijiet integrati għall-iżvilupp urban; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu sett koerenti ta' indikaturi biex jivvalutaw aħjar id-dimensjoni urbana tal-operazzjonijiet implimentati u l-inizjattivi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal tal-istrateġiji makroreġjonali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-approċċ urban integrat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u tintegra b'mod adegwat aspetti tal-Aġenda Urbana Ewropea u tenfasizza d-dimensjoni urbana fi ħdan l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE li jirrappreżentaw mudell għall-ippjanar u l-governanza f'diversi livelli;

15.  Jiddispjaċih li, għalkemm il-politika ta' koeżjoni l-ġdida tinkludi aspetti ġuridikament vinkolanti b'rabta mas-settur urban, speċjalment fir-rigward tal-involviment tal-bliet fil-fażi ta' programmazzjoni, il-parteċipazzjoni reali tar-rappreżentanti tal-bliet u dawk urbani fit-tiswir tal-politika hija skarsa, u jemmen li tista' tittejjeb permezz ta' involviment bikri fil-proċessi politiċi, pereżempju permezz ta' konsultazzjoni, l-evalwazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija (b'kunsiderazzjoni wkoll tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (l-Artikolu 5.3 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013)) meta jkunu qed jiġu implimentati programmi u proġetti appoġġati mill-fondi tal-UE, b'attenzjoni partikolari għall-involviment ta' bliet, u żoni urbani funzjonali fit-tħejjija, il-ġestjoni u l-governanza tal-programmi, inkluż fil-livell transkonfinali;

16.  Jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-bliet fil-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment; jemmen li t-tagħlimiet li jinsiltu minn dan jistgħu jservu bħala rakkomandazzjoni importanti għal politika fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana Ewropea f'għadd ta' oqsma tematiċi, li jirriflettu l-isfidi ta' żoni urbani ("Proġetti Pilota Urbani"), b'mod partikolari billi jiġi żgurat koordinament orizzontali tad-diversi politiki tal-UE, it-tneħħija ta' sovrappożizzjonijiet eżistenti u l-applikazzjoni ta' mudell ta' governanza f'diversi livelli u t-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress u r-riżultati f'dan ir-rigward fuq bażi regolari;

17.  Jitlob koordinament u integrazzjoni aħjar tal-politiki ta' investiment tal-UE li għandhom il-potenzjal li jiżguraw, żvilupp urban integrat li huwa sostenibbli u soċjalment inklużiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-qafas regolatorju sabiex jinħolqu sinerġiji bejn il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-programmi sussidjati tal-UE (bħal LIFE, Orizzont 2020, Enerġija Intelliġenti-Ewropa, eċċ.) u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll investimenti pubbliċi (jiġifieri nazzjonali), kapital privat u strumenti finanzjarji sabiex jinkiseb l-akbar effett ta' lieva tal-fondi investiti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kumplementarjetà tal-politiki kollha ta' investiment u sinerġija mtejba, u biex jiġi evitat finanzjament doppju u duplikazzjonijiet;

Mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli

18.  Ifakkar li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ewlenin tal-lum imorru lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tradizzjonali, u l-ispariġġ li qed jikber bejn l-istrutturi amministrattivi u territorjali (il-kooperazzjoni urbana u periurbana, kooperazzjoni urbana-rurali, eċċ.) jeħtieġ forom ġodda ta' governanza flessibbli sabiex ikompli l-iżvilupp territorjali integrat ta' żoni funzjonali;

19.  Jemmen li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun ibbażata fuq metodu ġdid ta' governanza f'diversi livelli, li jinvolvi l-livell lokali aktar mill-qrib fl-istadji kollha taċ-ċiklu politiku, biex b'hekk il-politiki jitressqu eqreb lejn ir-realtajiet u jsiru aktar konsistenti mat-trasformazzjonijiet kostanti fiż-żoni urbani funzjonali u jirreaġixxu fir-rigward tagħhom; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala l-korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkollhom rwol f'dan il-proċess;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissuġġerixxi elementi għal mudell ta' governanza ġdid f'diversi livelli bbażat fuq sħubijiet u kollaborazzjoni ġenwina, li tmur lil hinn minn sempliċi konsultazzjonijiet mal-partijiiet ikkonċernati, mudell li jgħaqqad flimkien strutturi governattivi formali ma' strutturi informali ta' governanza flessibbli li jikkorrispondu għar-realtajiet l-ġodda tas-soċjetà diġitalizzata tan-"netwerk", u li jkun adattat għall-iskala li fiha jeżistu l-isfidi, mudell li jtejjeb il-kooperazzjoni f'diversi livelli, kemm vertikali kif ukoll orizzontali, b'atturi governattivi u mhux governattivi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, li b'hekk iressaq il-gvern eqreb lejn iċ-ċittadini u jtejjeb il-leġittimità demokratika tal-proġett Ewropew; jirrakkomanda li dan il-mudell "sui generis" imfassal apposta jsir il-metodu ta' ħidma tal-Aġenda Urbana Ewropea futura wara l-aċċettazzjoni tagħha min-naħa tas-sħab u wara li jkunu kkonsultati l-partijiet interessati rilevanti kollha;

Il-ġestjoni tal-għarfien u l-qsim tad-data

21.  Huwa tal-fehma li pjattaformi u netwerks urbani (bħal URBACT, in-Netwerk għall-Iżvilupp Urban) u iktar programmi għall-iskambju tal-għarfien bejn il-bliet (bħal Civitas, il-Patt tas-Sindki, Mayors Adapt, l-Inizjattiva għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, il-Qafas ta' Referenza għall-Bliet Sostenibbli, ManagEnergy) offrew opportunità eċċellenti għall-involviment ta' atturi transkonfinali lokali u reġjonali fl-iżvilupp urban u l-iskambju ta' għarfien bejn l-atturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsolida u tiżgura koordinament aħjar bejn dawn il-pjattaformi sabiex jippermettu lill-atturi lokali jifhmuhom aħjar u jinvolvu ruħhom magħhom b'mod aktar effiċjenti;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttraw tajjeb il-qsim tal-għarfien u l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità li jipprovdu l-proġetti ffinanzjati mill-UE u attivitajiet ta' netwerking oħra bejn il-bliet; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi għal qsim aħjar tar-riżultati tal-proġetti fis-servizzi tagħha u biex tiżgura li r-riżultati jintużaw kemm fi żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

23.  Jemmen li sabiex jiġu fformulati politiki mfassla aħjar, jeħtieġ li d-Database tal-Awditjar Urban jiġi aġġornat u mtejjeb; jinkoraġġixxi lill-Eurostat u lill-Kummissjoni jipprovdu u jikkumpilaw data aktar dettaljata, li tinġabar fejn ikunu implimentati l-politiki – f'ħafna każijiet fuq livell lokali; jenfasizza li l-ġbir ta' data tal-fluss – il-kejl tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni tal-periferija u fi ħdan żoni urbani funzjonali – ukoll qed isir dejjem iżjed importanti sabiex jittejjeb il-fehim ta' dawn l-oqsma funzjonali kumplessi, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza dik id-data; u taqlibha f'evidenza għal żviluppi politiċi;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana Ewropea futura

24.  Jemmen li sabiex l-Aġenda Urbana Ewropea tkun għodda effikaċi, għandha tkun qafas kunċettwali komuni u aġġornat regolarment b'enfasi tematika fuq numru limitat ta' sfidi fil-kuntest usa' tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli;

25.  Jemmen bis-sħiħ li dawn l-isfidi għandhom jirrispondu għall-kriterji li ġejjin: (1) ikunu konformi mal-qafas kunċettwali komuni; (2) ikunu sfidi urbani ewlenin b'impatt sinifikanti fuq il-bliet, u ż-żoni urbani funzjonali fl-Istati Membri u bejniethom; (3) ma jkunux jistgħu jiġu solvuti mill-Istati Membri unilateralment; (4) meta l-approċċ tal-UE jkollu valur miżjud evidenti; jitlob lill-Kummissjoni tibda taħdem fuq l-immappjar ta' tali sfidi, iżda wkoll li jidentifika l-problemi li għad fadal, inkoerenzi fil-politiki jew fil-kapaċità u n-nuqqasijiet fl-għarfien, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha, b'mod partikolari dawk fil-livell lokali;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li livell ogħla ta' koordinament transsettorjali tal-politiki b'dimensjoni urbana jiġi assigurat fil-livelli kollha tal-gvern biex jippermettu l-integrazzjoni aħjar ta' żvilupp urban integrat; jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), responsabbli għal politika urbana tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp eżistenti ta' bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar l- "iżvilupp urban", biex imexxu dan il-proċess 'il quddiem u biex ikun żgurat li d-dimensjoni urbana titqies rilevanti fl-inizjattivi rilevanti ġodda kollha; jitlob lill-President tal-Kummissjoni Ewropea jaħtar tmexxija politika fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jagħti direzzjoni strateġika li l-Aġenda Urbana tal-Politiki Ewropej u biex jirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-Aġenda Urbana;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni taħtar koordinatur speċjali urban tal-UE, ibbażat fuq servizzi diġà eżistenti jew entitajiet fi ħdan il-Kummissjoni, biex jissorvelja u jivvaluta l-implimentazzjoni prattika ta' tali koordinament b'mod orizzontali (fis-setturi ta' politika rilevanti kollha) u vertikali (fil-livelli kollha ta' gvern); huwa tal-opinjoni li l-koordinatur urban speċjali tal-UE għandu, bl-għajnuna ta' grupp ta' bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-"iżvilupp urban", jistabbilixxu "punt uniku ta' servizz" dwar il-politiki urbani fi ħdan il-Kummissjoni u jiżgura l-ġbir, il-ġestjoni u d-disseminazzjoni korretta ta' data fuq il-politiki urbani fi ħdan u bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u ma' diversi partijiet interessati b'tali mod li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' twissija bikrija u ta' sensibilizzazzjoni fi stadju bikri li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċessi ta' politika b'impatt fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali;

28.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa, filwaqt li jintużaw l-istrutturi eżistenti u, pereżempju, bħala parti mill-"Proġett Pilota Urban", punti uniċi ta' informazzjoni mill-Istati Membri dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (Punti uniċi ta' servizz Urbani), bil-għan li tingħata informazzjoni komprensiva b'mod partikolari fuq inizjattivi differenti tal-UE, linji gwida u possibbiltajiet fir-rigward tal-iżvilupp urban;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza summit urban regolari li jiffoka fuq il-forum "il-bliet ta' għada", b'hekk jgħaqqad flimkien il-partijiet interessati mil-livelli kollha ta' governanza u setturi differenti; jemmen li summits bħal dawn għandhom joffru opportunità reali għall-bliet biex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv ma' dawk li jfasslu l-politika fl-oqsma ta' politika rilevanti u għandhom jgħinu sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali u kif l-aħjar li jiġu involuti fl-inizjattivi li ġejjin;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jassoċjaw b'mod sħiħ il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali mal-iżvilupp u l-programmazzjoni ta' politika strateġika u jinvolvuhom fihom b'mod vinkolanti (bħal programmi ta' riforma nazzjonali, ftehimiet ta' sħubija u programmi operttivi); jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambju ta' esperjenza tagħhom dwar il-programmi nazzjonali għall-iżvilupp urban, li jagħti s-setgħa lill-bliet biex jiksbu l-objettivi tal-Ewropa 2020, billi jistabbilixxu laqgħat regolari informali tal-Kunsill tal-ministri inkarigati mill-iżvilupp urban;

Dimensjoni esterna tal-Aġenda Urbana Ewropea

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu b'mod sħiħ ix-xogħlijiet preparatorji li għaddejjin għall-aġenda Habitat III u jiżguraw li l-Aġenda Urbana Ewropea futura tkun għalkollox kompatibbli u kkoordinata mal-għanijiet u l-objettivi ta' din l-aġenda urbana globali; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament dwar id-dimensjoni esterna tal-Aġenda Urbana Ewropea u jemmen li l-aġenda urbana tista' ssir il-kontribut tal-UE għad-dibattitu internazzjonali dwar l-"Aġenda Urbana Ġdida" tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konferenza Habitat III dwar id-Djar u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli fl-2016;

32.  Jemmen li għandu jkun hemm impenn ċar, koerenti u miftuħ tal-UE u tal-Istati Membri, b'konsultazzjoni u kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) rigward l-iżvilupp ta' standards ġodda għal żvilupp urban sostenibbli, li jirrispettaw ix-xogħol fuq linji gwida Universali tan-NU dwar l-ippjanar urban u territorjali; jenfasizza li l-itandards ISO l-ġodda għandhom jitqiesu bħala għodda ta' appoġġ u mhux leġiżlattivi;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(4) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p.10.
(5) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 95.
(6) Parag Khanna, Beyond City Limits, Foreign Policy, 6 ta' Awwissu 2010.
(7) Eurostat - City Statistics, 2014.
(8) The Vertical Farm, www.verticalfarm.com.
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1997 "Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea" (COM(1997)0197).

Avviż legali