Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2061(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0244/2015

Testi mressqa :

A8-0244/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0313

Testi adottati
PDF 450kWORD 103k
L-Erbgħa, 9 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
ŻEE-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern
P8_TA(2015)0313A8-0244/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern (2015/2061(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tat-22 ta' Lulju 1972 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari l-Anness I tiegħu dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta' sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti tal-akkwist pubbliku mill-gvern,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-26 ta' Ottubru 2004 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka skont l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (id-"Direttiva tas-Servizzi")(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar iż-ŻEE-Żvizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar l-Iżlanda u l-prospettivi postelettorali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar suq uniku estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi tal-Ewropa tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill taż-ŻEE fit-42 laqgħa tiegħu tad-19 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar reviżjoni tal-funzjonament taż-Żona Ekonomika Ewropea (SWD(2012)0425),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino — Opzjonijiet għal Integrazzjoni Eqreb mal-UE (COM(2012)0680),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2013 dwar ir-Relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino: Opzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-Suq Intern,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fl-2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-futur taż-ŻEE u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ta' daqs żgħir u l-Iżvizzera,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-26 ta' Marzu 2014 dwar il-governanza tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-politika industrijali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha għall-Istati EFTA taż-ŻEE,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Politika Barranija Żvizzera tal-14 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-35 Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 217 li jagħti d-dritt lill-Unjoni li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0244/2015),

A.  billi l-erba' Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) huma sħab kummerċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li l-Iżvizzera u n-Norveġja huma, rispettivament, ir-raba' u l-ħames sħab kummerċjali l-aktar importanti f'sens ta' volum;

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u tliet Stati Membri tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) huma bbażati fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li tipprovdi għal parteċipazzjoni fis-suq intern, bil-Ftehim ŻEE mmaniġġjat u mmonitorjat f'qafas istituzzjonalizzat sew;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Ftehim ŻEE kienet ikkontestata b'vot popolari fl-1992 u għalhekk ir-relazzjonijiet bejn l-Iżvizzera u l-UE huma attwalment ibbażati fuq iżjed minn 100 ftehim settorjali li jipprovdu għal grad estensiv ta' integrazzjoni;

D.  billi suq uniku li jiffunzjona tajjeb u effikaċi, ibbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva, huwa meħtieġ biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u biex joħloq l-impjiegi ħalli jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija Ewropea, iżda l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għandha tiġi trasposta, implimentata u infurzata kif xieraq sabiex jittieħdu l-benefiċċji kollha tagħha fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati EFTA taż-ŻEE;

Introduzzjoni

1.  Iqis il-Ftehim taż-ŻEE bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-iżjed strument estensiv u komprensiv li jestendi s-suq uniku għal pajjiżi terzi; jemmen li meta jittieħed kont tal-iżviluppi interni fl-UE, ġie ppruvat li huwa ftehim sod, effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb filwaqt li jiżgura l-integrità tas-suq uniku anke fuq terminu twil;

2.  Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE, il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u l-estensjoni tas-suq uniku, u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha, inklużi l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati impjiegi ġodda;

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE

3.  Jinnota bi tħassib li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE, id-defiċit medju attwali fit-traspożizzjoni tat-tliet Stati EFTA żdied għal 2 % minn 1,9 % f'Lulju 2014;

4.  Jilqa' l-isforzi konsiderevoli li saru fir-rigward tat-titjib tal-inkorporazzjoni rapida tal-Acquis rilevanti fil-Ftehim taż-ŻEE kif ukoll il-Ftehim reċenti dwar il-prinċipji għall-inkorporazzjoni tar-Regolamenti tal-UE li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

5.  Jirrimarka li l-Istati EFTA taż-ŻEE huma involuti f'ħafna programmi u aġenziji tal-UE u f'miżuri ta' kooperazzjoni prattika, bħas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern jew is-SOLVIT, u jikkontribwixxu għall-koeżjoni tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u tan-Norveġja; iqis li din il-kooperazzjoni trawwem il-funzjonament effikaċi ta' suq uniku mkabbar; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati EFTA taż-ŻEE jkomplu jiżviluppaw l-għodod ta' prevenzjoni u t-tweġibiet għal theddid possibbli bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija;

6.  Iqis li l-implimentazzjoni fil-ħin u kemm jista' jkun possibbli b'mod simultanju tal-leġiżlazzjoni rilevanti tas-suq uniku mill-Istati EFTA taż-ŻEE hija essenzjali u li dan il-proċess jista' jittejjeb u jiġi aċċellerat iżjed;

7.  Jenfasizza li l-atti legali pendenti li qed jistennew l-inkorporazzjoni għadhom ta' tħassib, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati EFTA taż-ŻEE biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, iżidu l-isforzi tagħhom sabiex iħarsu l-integrità tas-Suq Uniku;

8.  Jirrikonoxxi li l-ftehim minn qabel tal-Istati EFTA taż-ŻEE kollha rigward id-determinazzjoni tar-rilevanza taż-ŻEE huwa meħtieġ u li jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti tekniċi qabel l-inkorporazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, li l-ħafna talbiet għal adattamenti u eċċezzjonijiet qed iwasslu għal dewmien u jistgħu jifframmentaw is-Suq Uniku; jistieden bis-saħħa lil dawn il-pajjiżi biex isibu rimedju għal din is-sitwazzjoni u jaħdmu mill-qrib mal-UE sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku estiż;

9.  Jirrimarka li mill-iffirmar tal-ftehim ŻEE, l-UE rrikorriet għal żieda fl-użu tal-aġenziji; jilqa' l-fatt li l-Istati EFTA taż-ŻEE jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta' dawn l-aġenziji; jistieden lill-Istati EFTA taż-ŻEE u lill-Kummissjoni jkomplu jtejbu tali kooperazzjoni u parteċipazzjoni;

10.  Jirrimarka li l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka attwalment qegħdin jinnegozjaw ftehim komprensiv ta' kummerċ ħieles u ta' investiment; jenfasizza li, skont it-termini tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA taż-ŻEE japplikaw regoli tas-suq uniku u li l-impatt ta' sħubija b'suċċess ta' kummerċ u ta' investiment probabbilment se jaffettwa wkoll l-Istati EFTA taż-ŻEE; jenfasizza wkoll li l-konklużjoni tat-TTIP ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ ġodda bejn l-UE u l-Istati EFTA taż-ŻEE;

Il-Prinċipalità tal-Liechtenstein

11.  Huwa mħasseb li d-defiċit fit-traspożizzjoni tal-Liechtenstein żdied minn 0,7 % għal 1,2 %; jinsab imħasseb, ukoll, dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni tiegħu li tikkonċerna d-drittijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċerti membri tal-familja ta' ċittadini taż-ŻEE u r-restrizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini taż-ŻEE li joqogħdu fil-Liechtenstein milli jsibu impjieg fi Stat ieħor taż-ŻEE, li l-Liechtenstein iqis bħala arranġament ibbażat fuq regoli speċjali dwar il-kwoti skont il-Ftehim ŻEE, ma tidhirx li hija kompletament konformi mad-dritt taż-ŻEE;

Ir-Repubblika tal-Iżlanda

12.  Jieħu nota tal-ittra tat-12 ta' Marzu 2015 mibgħuta mill-Gvern Iżlandaż dwar il-pożizzjoni tiegħu bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Iżlanda żżid l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim taż-ŻEE meta tqis li għandha defiċit fit-traspożizzjoni ta' 2,8 %, li huwa l-ogħla fost l-Istati kollha kkonċernati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Iżlanda jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni inter alia dwar it-tħejjija għad-diżastri fiż-żona tal-Atlantiku tat-Tramuntana u jallokaw riżorsi biex jiġu affaċċjati l-isfidi relatati;

Ir-Renju tan-Norveġja

13.  Jilqa' l-fatt li n-Norveġja, li magħha ssaħħew ir-rabtiet matul is-snin li għaddew, hija parti mill-inizjattiva Frontrunners, li għandha l-għan li ttejjeb is-suq uniku; jinnota, madankollu, li d-defiċit fit-traspożizzjoni żdied għal 2 % u jħeġġeġ lin-Norveġja żżid l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward b'mod partikolari bil-ħsieb li jitlesta s-suq intern tal-enerġija; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni inter alia dwar il-politika dwar l-enerġija; jirrimarka li għad hemm kwistjonijiet ta' dazji miżjuda tal-importazzjoni fuq ċerti prodotti li jeħtieġ jiġu vvalutati;

Il-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako, ir-Repubblika ta' San Marino

14.  Jirrikonoxxi li relazzjonijiet iżjed mill-qrib jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproċi b'mod partikolari f'livelli reġjonali u lokali fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE, u għalhekk jilqa' l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni bħala pass sinifikanti 'l quddiem fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku u possibbilment f'oqsma lil hinn, filwaqt li jittieħed kont tan-natura partikolari ta' dawn il-pajjiżi;

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-Konfederazzjoni Żvizzera

15.  Ifaħħar ir-relazzjonijiet b'saħħithom, li kontinwament jiffjorixxu u dejjiema bejn l-UE u l-Iżvizzera, li kkontribwixxew għall-paċi, il-prosperità u t-tkabbir fl-Ewropa matul id-deċennji li għaddew; jinsab konvint li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jiġu approfonditi għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet billi jiġu riveduti b'mod komprensiv il-ftehimiet settorjali f'konformità sħiħa mal-prinċipji fundamentali tal-UE u jistgħu jestendu l-elementi komuni u l-interessi reċiproċi numerużi;

16.  Jilqa' f'dan il-kuntest il-ftuħ tan-negozjati f'Mejju 2014 għal qafas istituzzjonali bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta' approċċ bilaterali; jenfasizza li mingħajr ftehim qafas bħal dan, ma jista' jiġi konkluż l-ebda ftehim ieħor dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fis-suq intern; iħeġġeġ lill-Gvern Żvizzeru jżid l-isforzi tiegħu biex jipprogressa n-negozjati dwar il-kwistjonijiet pendenti;

17.  Jinnota l-eżitu tal-inizjattiva popolari tad-9 ta' Frar 2014 imsejħa "Kontra l-Immigrazzjoni tal-Massa" u d-deċiżjonijiet meħuda fil-11 ta' Frar 2015 mill-Kunsill Federali Żvizzeru fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu ta' abbozz ta' liġi ta' implimentazzjoni u miżuri ġodda ta' sostenn; jirrimarka li dawn il-miżuri jmorru kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA) u jistenna li l-Iżvizzera tirrispetta dawn l-obbligi; jirrimarka li l-kwistjoni tal-migrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi m'għandhiex tiġi konfuża mal-moviment liberu tal-persuni kif minqux fit-Trattati; jenfasizza li l-miżuri unilaterali meħuda mill-Iżvizzera sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini Kroati ma jissostitwixxux ir-ratifika tal-Protokoll li jestendi l-FMPA biex jinkludi l-Kroazja, u li jekk jiġi rratifikat dak il-Protokoll se titwitta t-triq biex l-involviment tal-Iżvizzera fil-programm Orizzont 2020 jitkompla u jiġi estiż wara l-2016 ħalli jiġi ppromoss l-aċċess tar-riċerkaturi għall-finanzjament mill-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Iżvizzera u mal-Istati Membri biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ikkonċernati filwaqt li jkun hemm aderenza mal-istat tad-dritt;

18.  Itenni mill-ġdid li l-moviment liberu tal-persuni huwa waħda mil-libertajiet fundamentali u pilastru tas-suq uniku u li dejjem kien parti inseparabbli minn u prekundizzjoni għall-approċċ bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera; għalhekk jappoġġja bis-sħiħ iċ-ċaħda tal-UE ta' Lulju 2014 għat-talba tal-Awtoritajiet Żvizzeri biex jinnegozjaw mill-ġdid l-FMPA bil-ħsieb li jintroduċu kwota jew sistema ta' preferenza nazzjonali; jinnota bi tħassib rapporti dwar l-applikazzjoni ta' xi impriżi u distretti awtonomi ta' sistema ta' preferenza nazzjonali, u jirrimarka li tali prattika hija kuntrarja għall-Ftehim dwar il-libertà ta' moviment;

19.  Jinnota li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni kif meħtieġa bir-referendum fl-Iżvizzera jirriskjaw joħolqu żbilanċ u jxekklu l-benefiċċji tal-ftehimiet għall-Istati Membri tal-UE;

20.  Jinnota li l-Iżvizzera introduċiet arranġamenti tranżizzjonali wara s-sospensjoni tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm Erasmus+; huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri x'aktarx se jkollhom impatt fuq il-movimenti tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja bejn l-UE u l-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera u l-UE jagħmlu kull sforz biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Erasmus+, sabiex tiġi żgurata r-reċiproċità tal-iskambji filwaqt li ż-żgħażagħ ma jiġux ippenalizzati;

21.  Iħeġġeġ biex il-prattika attwali fejn impriżi tat-taksis mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera mingħajr resrizzjoni għandha titkompla, peress li ilha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni Żvizzeri tal-fruntiera u hija ta' benefiċċju reċiproku;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza aktar mill-qrib l-implikazzjonijiet tax-xiri u tal-kiri tal-art minn bdiewa Żvizzeri fir-reġjuni tal-UE tal-fruntiera;

23.  Jiddeplora l-introduzzjoni u l-konsolidazzjoni sussegwenti ta' miżuri ta' protezzjoni unilaterali mill-Iżvizzera fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, bħall-impożizzjoni ta' tariffi biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi, ir-rekwiżit biex jingħataw garanziji bankarji jew taħlita ta' dawn il-miżuri, peress li dawn qegħdin serjament ixekklu l-provvista ta' servizzi fl-Iżvizzera taħt dan il-ftehim, b'mod partikolari mill-SMEs; jistieden lill-Iżvizzera tirrevedi dawn il-miżuri sabiex iġġibhom konformi mal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment;

24.  Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni fl-2013 tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kienet tardiva ferm u jitlob l-inkorporazzjoni rapida tad-Direttiva 2013/55/UE fl-Anness tal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment fl-aspettattiva li l-Iżvizzera ser issib modi kif tiżgura li l-ftehim jibqa' fis-seħħ; jinnota li l-Anness II għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni ġie reċentement aġġornat bil-għan li jiżgura koordinazzjoni aktar effikaċi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-UE u tal-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli timplimenta d-dritt tal-UE kif meħtieġa tagħmel;

25.  Huwa tal-fehma li r-reċiproċità u l-korrettezza bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzerra huma meħtieġa fir-rigward tal-użu tagħhom tas-suq uniku;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex fil-futur, tikkunsidra l-implikazzjonijiet kollha għar-reġjuni tal-UE fil-fruntiera mal-Iżvizzera tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda, bħall-emenda reċenti tal-Artikolu 561 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, li tfittex li jiġu imposti restrizzjonijiet stretti fuq l-użu għal skopijiet privati minn impjegati residenti fit-territorju doganali tal-UE ta' karozzi tal-kumpanija rreġistrati f'pajjiż terz;

27.  Jinnota li f'termini ġenerali, il-kooperazzjoni skont il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità (MRA) hi sodisfaċenti, iżda l-funzjonament tal-ftehim jista' jiġi mtejjeb b'mod sostanzjali jekk l-Iżvizzera kellha twiegħed li taġġornah b'mod konsistenti f'konformità mal-iżviluppi fid-dritt tal-UE;

28.  Jitlob li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità professjonali tranfruntiera biex is-suq intern jiġi approfondit; jenfasizza, għal dan l-iskop, dwar l-importanza tal-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u l-għoti ta' informazzjoni aħjar u ta' appoġġ prattiku lill-persuni li qed ifittxu x-xogħol, partikolarment permezz tan-netwerk EURES, fl-Iżvizzera u l-pajjiżi kollha taż-ŻEE; jilqa', għalhekk, l-involviment attiv tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tan-netwerk EURES partikolarment fir-reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli tibni s-servizzi transnazzjonali u transfruntiera EURES tagħha, f'konformità mar-Regolament attwali EURES, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema u li jinħoloq suq tal-impjiegi integrat b'mod ġenwin bejn l-UE u l-Iżvizzera; bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema, iħeġġeġ ukoll sforzi biex tiġi identifikata firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi ta' tkabbir ewlenin li fihom il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom, sabiex iqabblu aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki mal-provvista u d-domanda;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 18.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0041.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0069.

Avviż legali