Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2840(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0856/2015

Dibattiti :

PV 10/09/2015 - 5.3
CRE 10/09/2015 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.3
CRE 10/09/2015 - 8.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0316

Testi adottati
PDF 283kWORD 101k
Il-Ħamis, 10 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Ażerbajġan
P8_TA(2015)0316RC-B8-0856/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Ażerbajġan (2015/2840(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Ażerbajġan, b'effett mill-1999, kif rappreżentata bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant (SL), in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan u l-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-pajjiż tal-PEV 2014 dwar l-Ażerbajġan tal-25 ta' Marzu 2015 (SWD(2015)0064),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV bejn l-UE u l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tat-22 ta' Lulju 2015 tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wara l-laqgħa tiegħu mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev,

–  wara li kkunsidra ż-żjara f'Baku tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, mit-23 sas-26 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Settembru 2015 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, li fiha kkundanna t-trażżin li għaddej tas-soċjetà ċivili u tal-ilħna indipendenti fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn fir-rigward tad-detenzjoni, il-priġunerija, is-sentenzjar u l-omiċidji ta' ġurnalisti ewlenin u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tad-19 ta' Awwissu 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan fil-laqgħa tal-Kunsill Permanenti Speċjali tal-OSKE Nru 1064 fi Vjenna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-każ ta' Khadija Ismayilova, il-każijiet ta' Leyla Yunus, direttriċi tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija fl-Ażerbajġan, u ta' żewġha, Arif Yunus, u l-omiċidju tal-ġurnalist Ażerbajġani, Rasim Aliyev,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE fis-sessjoni annwali tagħha bejn il-5 ta' Lulju u d-9 ta' Lulju 2015, li "tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa u l-priġunerija fuq akkużi politikament motivati ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'diversi Stati parteċipanti tal-OSKE u tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha dwar l-użu ħażin kontinwu ta' leġiżlazzjoni fiskali u amministrattiva biex dawn l-atti jiġu ġustifikati",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-23 ta' Ġunju 2015 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa li tiddikjara li l-emendi reċenti għal-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi "jirrestrinġu aktar l-operat tal-NGOs fl-Ażerbajġan",

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-għaxar anniversarju ta' dawn il-linji gwida,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan iddeterjorat kontinwament matul l-aħħar snin, b'intimidazzjoni akbar u repressjoni u intensifikazzjoni tal-prattika ta' prosekuzzjoni kriminali ta' mexxejja ta' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-ġurnalista investigattiva li rebħet il-premijiet għal RFE/RL, Khadija Ismayilova ngħatat sentenza ta' seba' snin u nofs priġunerija fuq akkużi allegati ta' miżapproprjazzjoni, approprjazzjoni indebita u evażjoni tat-taxxa wara li ppubblikat diversi stejjer ta' korruzzjoni li jirrigwardaw il-familja tal-President; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Leyla u Arif Yunus, ingħataw sentenza ta' tmien snin u nofs u seba' snin priġunerija rispettivament fuq akkużi li jinkludu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fi proċess li naqas sew milli jirrispetta l-istandards internazzjonali; billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem magħruf, Rasul Jafarov, u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem irrispettat ferm, Intigam Aliyev, ingħataw sentenza fuq akkużi simili, wara proċessi mtappna bi ksur tal-proċess ġust, u attwalment qed jiskontaw pieni ta' ħabs ta' sitt snin u tliet xhur u seba' snin u nofs rispettivament; billi bosta persuni prominenti oħra tas-soċjetà ċivili tal-Ażerbajġan għadhom il-ħabs, fosthom Anar Mammadli, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Ilgar Mammadov, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov u Taleh Khasmammadov, u billi s-saħħa ta' wħud minn dawn il-priġunieri sejra lura kontinwament;

C.  billi Leyla Yunus u Rasul Jafarov, qabel ma ġew arrestati, mexxew grupp ta' difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem mill-Ażerbajġan u esperti li pproduċew lista ta' kważi mitt persuna mill-Ażerbajġan li jikkwalifikaw bħala priġunieri politiċi skont id-definizzjoni adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-2012;

D.  billi ġurnalisti u mexxejja tas-soċjetà ċivili qed ikunu soġġetti għal intimidazzjoni u fastidju kontinwi, fosthom Emin Milli, Direttur of Meydan TV, li rċieva theddid ta' mewt u li membri tal-familja tiegħu ġew arrestati fuq akkużi foloz, kif ukoll ġurnalisti li jaħdmu ma' Meydan TV fl-Ażerbajġan; billi l-fundatur tal-istitut għal-Libertà u s-Sikurezza tar-Reporters (IRFS) u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Emin Huseynov, talab kenn fl-Iżvizzera wara li kellu jaffaċċja akkużi foloz u rtirawlu ċ-ċittadinanza Ażerbajġana;

E.  billi ħafna aktar ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili qed jaffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tagħhom b'rabta mal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Gvern Ażerbajġani qed irażżan ukoll lil gruppi indipendenti permezz ta' liġijiet restrittivi ġodda li jirregolaw lill-NGOs; billi minħabba dawn il-liġijiet ħafna gruppi ġew effettivament imġiegħla jagħlqu wara li l-kontijiet bankarji tagħhom ġew iffriżati jew is-sorsi ta' finanzjament tagħhom ġew imblukkati wara r-rifjut tal-gvern li jawtorizza għotjiet ġodda minn organizzazzjonijiet ta' donaturi barranin;

F.  billi dimostranti paċifiċi ġew effettivament ipprojbiti milli jipprotestaw fiċ-ċentru ta' Baku sa mill-2006, u reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta' detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw laqgħat pubbliċi mhux awtorizzati jew jipparteċipaw fihom;

G.  billi l-President tal-IRFS, il-ġurnalist Rasim Aliyev, miet fi sptar f'Baku wara li ngħata xebgħa kbira, wara theddid u intimidazzjoni kontinwi minħabba l-kritika tiegħu tal-President Aliyev permezz tal-midja soċjali;

H.  billi l-Ażerbajġan huwa wieħed mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-mexxejja tal-UE u tal-Lvant tal-Ewropa affermaw mill-ġdid diversi drabi li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq komunità ta' valuri u fuq il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; billi l-Ażerbajġan jaspira li jsaħħaħ u japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-UE, bl-għan ta' sħubija strateġika;

I.  billi fl-2014 l-UE ma setgħetx tiżborżja 11 mit-13-il għotja tagħha lill-NGOs minħabba l-leġiżlazzjoni restrittiva, u għadha ssib limitazzjonijiet kbar fl-abbiltà tagħha li tiffinanzja lil gruppi tas-soċjetà ċivili u attivisti indipendenti fl-Ażerbajġan; billi l-biċċa l-kbira tal-persuni li jirċievu l-għotjiet tal-UE jew qegħdin il-ħabs –pereżempju l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem, Intigam Aliyev– jew ħarbu mill-pajjiż u għalqu l-operazzjonijiet tagħhom;

J.  billi l-uffiċċju tal-OSKE f'Baku ngħalaq fl-4 ta' Lulju 2015 wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li jitterminaw il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Gvern tal-Ażerbajġan u l-OSKE;

K.  billi Freedom House jikkunsidra l-Ażerbajġan bħala "mhux liberu", u jikklassifika l-istampa tiegħu bħala "mhux libera" u l-internet tiegħu bħala "parzjalment liberu"; billi l-Ażerbajġan ġarrab l-akbar deterjorament tal-governanza demokratika fil-Eurasia kollha matul l-aħħar deċennju;

L.  billi f'Novembru 2015 fl-Ażerbajġan se jsiru elezzjonijiet parlamentari; billi l-Parlament Ewropew ma bagħatx Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, billi l-valutazzjoni kienet li l-kuntest biex isiru elezzjonijiet liberi u ġusti ma jeżistix u limitazzjonijiet fuq il-libertajiet ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fil-pajjiż jagħmluha impossibbli li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati u li tiġi organizzata votazzjoni ġenwinament kompetittiva;

M.  billi l-kooperazzjoni settorjali hija ta' benefiċċju reċiproku, speċjalment fis-settur tal-enerġija; billi l-Ażerbajġan għandu l-potenzjal li jsir wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u jfakkar li l-UE torbot importanza speċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-kuntest ta' kooperazzjoni bilaterali, bħala elementi kruċjali tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll bħala pilastri fundamentali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, li tagħhom it-tnejn l-Ażerbajġan huwa membru;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni mill-ħabs tal-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi Khadija Ismayilova, Leyla Yunus u Arif Yunus, Anar Mammadli, Rasul Jafarov, Intigam Aliyev, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov, Taleh Khasmammadov u Ilgar Mammadov, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom, u li jiġu restawrati totalment id-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom kif ukoll l-immaġni pubblika tagħhom;

3.  Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni bla preċedent kontra s-soċjetà ċivili fl-Ażerbajġan; itenni t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-kollegi ta' dawk arrestati li għadhom ħielsa iżda jinsabu taħt investigazzjoni kriminali, fid-dawl ta’ rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs nazzjonali u internazzjonali dwar l-użu allegat ta’ akkużi vvintati kontra persuni politiċi, attivisti u ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex itemmu l-prattiki ta' prosekuzzjoni kriminali selettiva u ta' priġunerija ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jikkritikaw il-gvern, u biex jiżguraw li l-persuni kollha arrestati, inklużi ġurnalisti, attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet kollha ta' proċess ġust, b'mod partikolari aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u aċċess għall-familji tagħhom, u jkunu koperti minn normi oħra ta' proċess ġust;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex tim mediku Ewropew iżur lil Leyla u Arif Yunus, u jappella għar-rilaxx tagħhom, anke għal raġunijiet umanitarji; jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ priġunerija ta’ Leyla u Arif Yunus kif ukoll ta' Intigam Aliyev li wasslu għal deterjorament serju tas-saħħa tagħhom b'konsegwenzi li potenzjalment jipperikolawlhom ħajjithom; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jippermettu li tim mediku Ewropew jeżamina lil Intigam Aliyev u biex jiżguraw li fejn meħtieġ il-priġunieri kollha jirċievu l-kura tas-saħħa xierqa;

5.  Jitlob għal investigazzjoni rapida dwar il-mewt tal-ġurnalist u president tal-IRFS, Rasim Aliyev; jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet imressqa minn grupp ta' ġurnalisti li s-Sur Aliyev miet għaliex ma rċeviex għajnuna xierqa mit-tobba allokati lilu l-isptar;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet fl-Ażerbajġan li l-benesseri tal-popolazzjoni, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet, huwa komponent essenzjali ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli;

7.  Jistieden lill-Ażerbajġan biex jirrispetta u jimplimenta l-impenji tiegħu meħuda bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDK) rigward l-Ażerbajġan; jappella biex jiġu rrispettati s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2015 u s-sentenzi l-oħra kollha tal-QEDB;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkoopera bis-sħiħ u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-proċeduri speċjali tan-NU fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għaqda paċifika, il-libertà ta’ espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jadatta l-prattiki tiegħu f’konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-esperti;

9.  Jistieden lill-gvern tal-Ażerbajġan biex immedjatament itemm it-trażżin tiegħu fuq is-soċjetà ċivili u l-ħidma marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiżgura li gruppi u attivisti tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw mingħajr tfixkil mhux meħtieġ jew biża' ta' persekuzzjoni, inkluż billi jitħassru liġijiet li jirrestrinġu severament is-soċjetà ċivili, ma jibqgħux iffriżati l-kontijiet bankarji ta' gruppi mhux governattivi u tal-mexxejja tagħhom u jippermettu aċċess għal finanzjament barrani;

10.  Jiddeplora l-azzjonijiet kontinwi meħuda mill-gvern Ażerbajġani biex jaqta' l-kuntatti bejn gruppi tas-soċjetà ċivili, attivisti żgħażagħ u intellettwali fl-Armenja u l-Ażerbajġan, li huma ta' importanza kbira biex titnaqqas l-ostilità twila bejn iż-żewġ pajjiżi; f' dan ir-rigward, ifakkar għal darb'oħra fil-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam minn Leyla u Arif Yunus;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika u kemm online kif ukoll offline, sabiex jiggarantixxu l-libertà ta’ espressjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali u biex itemmu ċ-ċensura ta' kritika dwar il-gvern permezz ta' entitajiet ta' informazzjoni;

12.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ażerbajġan; jikkundanna bil-qawwa d-diskors ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTI li jiġi mill-ogħla livelli; jistieden lill-gvern Ażerbajġani biex jieqaf jostakola u jintimida d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI;

13.  Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu serju u reċiprokament rispettuż bejn l-UE u l-gvern tal-Ażerbajġan, il-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

14.  Itenni li n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika mal-Ażerbajġan għandhom jitwaqqfu immedjatament sakemm il-gvern jonqos milli jieħu passi konkreti li bihom imexxi 'l quddiem ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem;

15.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex japplikaw b'mod strett il-prinċipju "aktar għal aktar", b'iffukar speċifiku fuq is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riformi demokratiċi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif ukoll biex jistipulaw b'mod ċar il-konsegwenzi jekk jaqgħu lura fir-riformi; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid u tissospendi temporanjament, jekk meħtieġ, il-fondi kollha mhux relatati mad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni bejn il-persuni fil-livell bażiku mogħtija lill-Ażerbajġan permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, fid-dawl tal-inċidenti msemmija hawn fuq tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li sfaw fil-mira talli ddokumentaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu l-finanzjament għal kuntatti bejn il-persuni u l-kooperazzjoni f'ċerti oqsma bħas-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni u l-akkedemja, kif ukoll iż-żgħażagħ u l-iskambji tal-istudenti;

16.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex joħolqu rispons qawwi u unifikat għat-trażżin li għaddej fl-Ażerbajġan, sabiex jagħmluha ċara li s-sitwazzjoni prevalenti hija totalment inaċċettabbli u li ma jistax ikun li wieħed jaġixxi qisu xejn mhu xejn sakemm il-gvern jillibera lil dawk kollha arrestati fuq akkużi motivati politikament u jtemm it-trażżin li għaddej kontra gruppi tas-soċjetà ċivili indipendenti;

17.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fl-Ażerbajġan biex jitkellmu apertament meta jirrikjedu standards għolja tad-drittijiet tal-bniedem u biex jadottaw standards għolja ta' responsabilità soċjali korporattiva, b'kunsiderazzjoni għall-impatt tal-azzjonijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

18.  Jiddispjaċih li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem l-UE u l-Ażerbajġan ma għamel ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lis-SEAE jtejjeb dan id-djalogu bil-ħsieb li jagħmlu effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati, u jirrapporta regolarment lill-Parlament;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE biex iwettqu investigazzoni profonda tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-President Aliyev u membri tal-familja tiegħu li nkixfet mil-ħidma tal-ġurnalista investigattiva Khadija Ismaylova;

20.  Jistieden lill-Kunsill biex jevita standards doppji fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u biex jikkunsidra f’dan ir-rigward, sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet tal-viża kontra l-politiċi, l-uffiċjali u l-imħallfin kollha involuti fil-persekuzzjonijiet politiċi;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkooperaw u jiffaċilitaw żjarat minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jiddeplora bis-saħħa d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jingħalqu l-uffiċċji tal-OSKE f'Baku;

22.  Jinnota li osservaturi elettorali indipendenti, inklużi l-missjoni ta’ osservazzjoni fit-tul tal-OSKE u oħrajn nazzjonali, iddokumentaw ksur serju tal-istandards elettorali fl-Ażerbajġan għall-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari kollha mill-elezzjoni presidenzjali 'l hawn ta’ Ottubru 2003 u inkluża dik l-elezzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar jekk hemmx il-kundizzjonijiet fis-seħħ għal votazzjoni ħielsa u ġusta fl-1 ta’ Novembru 2015, minħabba li l-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati, il-midja u l-ġurnalisti mhumiex permessi li joperaw liberament u mingħajr intimidazzjoni, u klima ta’ biża’ hija prevalenti;

23.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE biex jiddeżistu minn attivitajiet ta' osservazzjoni elettorali għalissa. Jinnota li missjoni tal-ODIHR hija attwalment fis-seħħ u huwa tal-ogħla importanza li wieħed ikun jaf dwar l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

24.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jibgħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Ażerbajġan u jenfasizza l-importanza li jibgħat din id-delegazzjoni kemm jista' jkun malajr sabiex jibda djalogu mal-awtoritajiet Ażerbajġani dwar kwistjonijiet urġenti bħad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitt f'Nagorno-Karabakh;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

Avviż legali