Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0247/2015

Testi mressqa :

A8-0247/2015

Dibattiti :

PV 09/09/2015 - 17
CRE 09/09/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0320

Testi adottati
PDF 403kWORD 135k
Il-Ħamis, 10 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad
P8_TA(2015)0320A8-0247/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Intraprenditorja Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad (2014/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2010, bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tas-6 ta' Frar 2013, dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: imġiba responsabbli u trasparenti tan-negozji u t-tkabbir sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tad-19 ta' Frar 2009, dwar l-Ekonomija Soċjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-kontribut tal-kooperattivi biex tingħeleb il-kriżi(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' April 2013, dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-20 ta' Novembru 2012, dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-20 ta' Mejju 2014, dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Diċembru 2013, dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI"), li introduċa l-assi ta' mikrofinanzjament u intraprenditorija soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-25 ta’ Ottubru 2011, bit-titolu "Inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali" (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192);

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 bit-titolu “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (COM(2013)0083),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0247/2015),

A.  billi l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE; billi hemm 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-UE, li jirrappreżentaw 10 % tal-intrapriżi fl-Unjoni;

B.  billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;

C.  billi dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja kienu l-aktar gruppi esklużi u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b'diżabilità, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-nisa, dawk qiegħda għal żmien fit-tul u l-ħaddiema żvantaġġjati;

D.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja għandha titqies bħala opportunità biex titwettaq ħidma lejn mudell ekonomiku aktar sostenibbli tal-UE li jieħu kont akbar tal-koeżjoni soċjali u territorjali u s-sostenibbiltà ambjentali; billi kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja għandu jkun ikkomplementat minn appoġġ qawwi għal impjiegi inklużivi, sostenibbli u ta' kwalità; billi l-ekonomija soċjali u solidali tista' tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan u għandha titqies ukoll bħala sewwieq f'din it-tranżizzjoni, u kapaċi tgħin sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi;

E.  billi l-fornituri ta’ appoġġ soċjali u ta’ servizzi tas-saħħa, li ħafna minnhom huma intrapriżi soċjali, jirrappreżentaw wieħed mill-oqsma prinċipali ta’ tkabbir tal-impjieg fl-UE, li ħoloq 1.3 miljun impjieg bejn l-2009 u l-2013; billi dan juri l-kapaċità doppja tas-settur li joħloq kemm impjiegi ġodda, anki fi żminijiet ta’ kriżi, u li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jgħin sabiex l-utenti tas-servizzi jsibu impjieg;

F.  billi fil-konferenza “L-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali għat-tkabbir tal-UE” li saret f'Ruma fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2014, ġie rikonoxxut li l-ekonomija soċjali u solidali għandha rwol ewlieni fil-pajjiżi Ewropej u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ diversi għanijiet ewlenin tal-UE bħall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni soċjali, l-iżvilupp rurali u reġjonali jew il-protezzjoni ambjentali;

G.  billi ż-żieda tar-rata ta’ xogħol tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena minn 69 % għal mill-inqas 75 % u t-tnaqqis b’25 % tan-numru ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-linja tal-faqar nazzjonali, billi jitneħħew mill-faqar iktar minn 20 miljun persuna, huma għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għadhom ma nkisbux;

H.  billi d-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu ta’ Jannar 2014 tiddikjara li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom jaqdu rwol aktar importanti fil-futur tal-Ewropa;

I.  billi l-UE hija r-reġjun bl-akbar popolazzjoni anzjana u b’żieda tal-popolazzjoni l-aktar baxxa fid-dinja; billi, skont it-tbassir, sal-2050 l-età medja fl-UE se taqbeż il-50 sena; billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ, flimkien mal-bidliet demografiċi, joħolqu sfida għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali;

J.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali mhux biss għadhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, iżda jistgħu joffru wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli u innovattivi u jistgħu jkunu aktar kapaċi li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali;

K.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-governanza demokratika tagħhom, involviment qawwi tal-membri jew is-sħab tagħhom fil-ġestjoni tal-kumpanija, u trasparenza għolja tal-operazzjonijiet tagħhom u jirrispondu għad-domanda li dejjem tikber taċ-ċittadini għal imġiba b'etika intraprenditorjali, soċjali u li tħares l-ambjent;

L.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jkopru firxa wiesgħa ta' soċjetajiet, u ħafna minn dawn il-kumpaniji mhumiex rikonoxxuti minn qafas legali fil-livell Ewropew u huma rikonoxxuti biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri, li għandhom forom legali differenti;

M.  billi l-kooperattivi jipprovdu impjiegi ta’ kwalità li mhumiex vulnerabbli għar-rilokazzjoni, miftuħa għal kulħadd u reżiljenti għall-kriżi; billi, bis-saħħa tal-mudell kummerċjali kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, u kellhom anqas fallimenti u sensji;

N.  billi r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) jiddefinixxi "intrapriżi soċjali" u "innovazzjonijiet soċjali" fl-Artikolu 2(1) u 2(5) tiegħu;

O.  billi l-innovazzjoni soċjali tirreferi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

P.  billi l-investimenti soċjali huma investimenti fil-persuni mfassla biex isaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom u jappoġġjawhom biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja tax-xogħol u soċjali; billi l-investimenti soċjali ġeneralment jirreferu għal politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg u r-riabilitazzjoni;

Q.  billi n-nuqqas ta' rikonoxximent li jħabbtu wiċċhom miegħu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li xi drabi lanqas biss jiġu rikonoxxuti bħala partijiet ekonomikament interessati, jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jkollhom aċċess għal finanzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati; billi l-Fondi Strutturali u l-programmi Ewropej għandhom jikkontribwixxu għall-immodernizzar tal-istrutturi ekonomiċi, inkluża l-ekonomija soċjali u solidali, li hija rappreżentata minn tipi u daqsijiet differenti ta' intrapriżi (kooperattivi, intrapriżi mutwi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u forom ġodda ta' intrapriżi soċjali u solidali), ħafna minnhom SMEs u mikrointrapriżi;

R.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu oqsma ta’ prijorità f'termini tal-iżvilupp tal-kultura tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

S.  billi d-disparità bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali hija iżgħar minn dik fil-forom tradizzjonali ta’ intraprenditorija; billi l-intraprendituri soċjali nisa jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-esklużjoni soċjali u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp ġodda;

T.  billi huwa meħtieġ li jingħataw taħriġ u taħriġ mill-ġdid fis-settur soċjali għan-nies qiegħda fit-tul sabiex jingħatawlhom opportunitajiet ġodda f’ambjent innovattiv bħal dak tal-ekonomija soċjali u solidali;

U.  billi l-ekonomija soċjali u solidali, u b’mod partikolari l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, joffru opportunitajiet ta’ xogħol speċjalment għal dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol, u li għalihom il-qgħad sikwit jinbidel f'qgħad fuq żmien fit-tul; billi l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw modi kif jiġu appoġġjati intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali li jirreklutaw nies qiegħda jew biex minnhom jibbenefikaw dawk li jirrikorru għall-għajnuna, anki, fejn ikun il-każ, permezz tat-tnaqqis fit-taxxi u tal-primjums soċjali;

V.  billi l-effett komplementari u supplimentari tal-ekonomija soċjali u solidali huwa importanti wkoll flimkien ma’ miżuri oħra li jippromwovu l-impjieg; billi għandha tiġi ffukata aktar attenzjoni għas-soluzzjonijiet li jippromwovu r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni mingħajr il-kapaċitajiet l-aktar bażiċi u l-mezzi suffiċjenti ta’ kompetittività sabiex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mis-soluzzjonijiet l-aktar innovattivi tal-ekonomija soċjali u solidali;

W.  billi d-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE u huwa kruċjali għall-promozzjoni kemm tal-kompetittività kif ukoll tal-korrettezza; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali fi ħdan it-tfassil ta’ politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;

X.  billi l-akkwist spiss jieħu l-forma ta’ offerti kbar ta’ darba għal servizzi jew provvisti li jistgħu jeskludu atturi iżgħar;

Introduzzjoni

1.  Jinnota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx għalfejn ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' profitt, huma negozji li l-objettiv tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-għanijiet; jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:

   il-preċedenza tal-individwu u tal-għanijiet soċjali fuq l-interessi tal-kapital;
   il-governanza demokratika mill-membri;
   l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;
   is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabilità;
   l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f’miri ta’ żvilupp fit-tul, jew fil-provvista ta' servizzi ta’ interess għall-membri jew ta' servizzi ta’ interess ġenerali;
   is-sħubija volontarja u miftuħa;
   il-ġestjoni awtonoma u indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi.

2.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħraf id-diversità tal-intrapriżi soċjali u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet fil-livell tal-UE li jappoġġjaw l-intrapriżi soċjali u solidali ta' kull tip;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'konsistenza l-miżuri kollha stipulati fl-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali tal-2012 mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tieni stadju tal-inizjattiva mill-aktar fis possibbli, fi sħubija mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ewlenin fl-ekonomija soċjali u solidali, biex l-ambitu tagħha jitwessa' u jsir aktar intensiv;

4.  Jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali ma tistax tieħu post l-istat soċjali u s-servizzi pubbliċi;

5.  Jinnota li l-mudell tal-intraprenditorija soċjali sikwit jappella liż-żgħażagħ u jagħtihom l-opportunità li jipprovdu reazzjonijiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali;

6.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji tal-bżonnijiet speċifiċi u li jistgħu joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, u b'hekk itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali; iqis li l-kooperazzjoni tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bejn il-konfini ta' bejn il-pajjiżi u s-setturi għandha tiġi promossa, sabiex ikun jista' jseħħ skambju ta' għarfien u prattiki b'mod li jkun jista' jiġi appoġġjat b’mod partikolari t-tkabbir ta' dawn l-intrapriżi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu pjanijiet u miżuri biex itejbu l-organizzazzjoni territorjali, speċjalment f’żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, li mhux biss jgħinu sabiex jitwaqqfu u jiżviluppaw l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija soċjali, iżda wkoll jgħinu biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali fl-UE u jagħmluha aktar faċli li jiġu indirizzati b'suċċess l-isfidi demografiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-għadd ta' intrapriżi konvenzjonali li japplikaw strateġiji tar-responsabilità soċjali tan-negozji fi ħdan il-programmi kummerċjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-applikazzjoni tal-istrateġiji tar-responsabbiltà soċjali tan-negozji mhijiex fiha nnifisha kundizzjoni suffiċjenti biex titqies bħala intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali;

9.  Jemmen li huwa importanti li jiġu determinati l-oriġini tad-disparità iżġħar bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali sabiex ikun jista’ jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi minn dawk li jfasslu l-politiki filwaqt li tiġi promossa l-intraprenditorija soċjali u tradizzjonali;

10.  Jemmen li l-innovazzjoni soċjali tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tqegħid tas-sisien għal tkabbir li jkun ta' servizz għal soċjetà aktar sostenibbli, inklużiva u li tiġġenera koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jemmen li l-innovazzjoni soċjali għandha timmira li ttejjeb il-kwalità tas-servizzi b’mod effiċjenti aktar milli sempliċement tnaqqas l-ispejjeż;

11.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni li erba’ Stati Membri tal-UE (Spanja, Franza, il-Portugall u l-Belġju) għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-ekonomija soċjali u solidali, filwaqt li l-Polonja nediet strateġija biex tiżviluppa l-ekonomija soċjali u solidali u r-Rumanija qed tiddiskuti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni biex tirregola l-ekonomija soċjali u solidali;

12.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol tal-fornituri ta’ servizzi soċjali mhux għall-profitt, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-iskambji fost intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali innovattivi, skejjel, id-dinja akkademika, u l-partijiet interessati tal-investiment soċjali, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tas-soċjetà, sabiex jiżdiedu l-ħiliet intraprenditorjali, u jissaħħew il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiżviluppaw u jikbru, kif ukoll jinħolqu ċentri ta’ innovazzjoni soċjali; iqis importanti li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-mudell ta’ intraprenditorija kooperattiva;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas meħtieġa għal sistema ta' innovazzjoni soċjali fl-Istati Membri kollha, billi l-ekonomija soċjali u solidali waħedha ma tistax tiġġieled is-sintomi u l-kawżi tal-aktar problemi soċjali urġenti.

L-Istrateġija Ewropa 2020

15.  Jirrikonoxxi li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment dawk relatati mal-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali tikkontribwixxi mhux biss għal mudell ekonomiku aktar sostenibbli, intelliġenti u inklużiv, iżda wkoll għall-mudell soċjali Ewropew, u hija parti mis-suq uniku, u ħaqqha tkun rikonoxxuta u appoġġjata bis-sħiħ mill-UE u l-Istati Membri, kif previst fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE; jitlob, għalhekk, li jitqies li l-ekonomija soċjali u solidali tiġi kkunsidrata fir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-kontribut sinifikanti li tista' tagħti biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija;

16.  Jirrimarka li x-xejriet demografiċi huma relatati ma’ mudelli ġodda ta’ konsum, u li t-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi żviluppati qed iwassal għal żieda fid-domanda fuq is-servizzi soċjali, iżda se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex jinħolqu negozji soċjalment responsabbli;

17.  Jenfasizza li l-ekonomija soċjali u solidali, minħabba l-karattru soċjali u inklużiv tagħha, tipprovdi impjiegi għall-gruppi li fil-maġġoranza tal-każijiet huma esklużi mis-suq tax-xogħol miftuħ, biex b’hekk tagħti kontribut għas-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku;

18.  Jemmen li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jistgħu jiżviluppaw proċessi li jippermettu ġestjoni aktar effiċjenti, responsabbli u trasparenti tar-riżorsi li qed jonqsu, u jistgħu jżidu l-implimentazzjoni ta’ miżuri soċjalment responsabbli;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fi pjanijiet ta' azzjoni għall-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali, kif ukoll fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, bil-għan li jiġi liberat u sfruttat il-potenzjal tagħhom ta' ħolqien ta' impjiegi u l-kontribut li jistgħu jagħtu biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020;

20.  Jilqa' l-fatt li l-baġit ta’ prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ żdied bi 30 %; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw miżuri biex jippromwovu l-intraprenditorija soċjali mal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni fil-Programmi Operazzjonali nazzjonali tal-FSE; iħeġġeġ sabiex l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu implimentati b'mod aktar effettiv u effiċjenti;

Akkwist pubbliku

21.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-kuntratti pubbliċi, bħal ostakli li huma relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tad-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni (id-Direttivi 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2014/23/UE) sabiex tintlaħaq parteċipazzjoni ikbar minn impriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, titjieb l-assenjazzjoni ta' kuntratti għal dawn l-intrapriżi, jitrawwem ir-rwol tagħhom, u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali; jappella għal azzjoni li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' dawn l-intrapriżi fl-akkwist pubbliku billi jingħataw pariri xierqa, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitfasslu offerti b’tali mod li dawn ikunu aċċessibbli għal operaturi iżgħar; jappella li fl-akkwist pubbliku jipprevalu l-offerti li jġibu iktar valur ekonomiku u soċjali iktar mill-prezz l-aktar baxx, filwaqt li jiġu inklużi kriterji soċjali jew ambjentali fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riforma tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni, li tinkludi klawżoli u kriterji soċjali biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, kif ukoll kuntratti maħsuba biex jippromwovu l-impjieg tal-persuni l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-prinċipji ta' akkwist kif suppost fil-proċeduri kollha tal-offerti u tas-selezzjonijiet, bl-użu wiesa' tal-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, f'konformità mal-obbligi tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu klawżoli u kriterji soċjali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex issaħħu l-pożizzjoni tal-persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jissimplifikaw il-proċeduri u jieħdu miżuri aktar effettivi kontra l-korruzzjoni;

23.  Jiddispjaċih li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni ma ssemmix l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li dik l-istrateġija ma tqisx il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess sħiħ, ugwali u mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd għat-teknoloġiji, s-swieq u t-telekomunikazzjoni diġitali ġodda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità; jenfasizza li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bbażati fuq it-teknoloġija jista' jkollhom rwol kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà b'mod sempliċi u kosteffettiv;

Finanzjament

24.  Jiddispjaċih li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali saħansitra jkollhom problemi aktar mill-intrapriżi tradizzjonali biex jiffinanzjaw lilhom infushom, sew mil-lat pubbliku kif ukoll privat, u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji adegwati li jappoġġaw b’mod effettiv lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istadji kollha tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom, speċjalment waqt it-twaqqif tagħhom, u joħolqu qafas sabiex jinġiebu flimkien investituri potenzjali u fondi speċjalizzati;

25.  Jirrimarka li l-aċċess għall-finanzjament huwa mxekkel mill-fatt li l-amministraturi tal-intermedjarji finanzjarji ftit li xejn għandhom għarfien tar-realtà tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb it-taħriġ ta' dawn l-amministraturi fir-rigward ta' dawn l-intrapriżi, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jitlob, għalhekk, li jiġi introdott siġill ta’ kwalità għall-"Intraprenditorija Soċjali", li jagħmilha aktar faċli għall-investituri sabiex jidentifikaw fondi b’portafoll li jinkludi intrapriżi tal-ekonomija soċjali, b'referenza partikolari għall-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew;

26.  Jenfasizza l-bżonn ta’ stimolu akbar għall-ħolqien u l-appoġġ ta’ netwerks ta’ intrapriża soċjali, sabiex jiġu promossi sinerġiji fl-organizzazzjoni, l-iskambju u t-tixrid tat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi fost il-produtturi f'reġjuni differenti;

27.  Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni ta’ djalogu aktar strutturat bejn l-SMEs, l-intrapriżi soċjali u solidali u l-istituzzjonijiet finanzjarji, permezz ta’ pjattaformi onlajn iddedikati;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropej;

29.  Jilqa' l-fatt li parti mill-fondi għall-programm EaSI huma maħsuba biex jgħinu sabiex jipprovdu aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza r-rwol li għandu jkollu l-assi intraprenditorija soċjali tal EaSI, il-FSE u l-programmi kollha l-oħra rilevanti tal-UE fit-titjib tal-funzjonament ta' dawn l-intrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sensibilizzazzjoni rigward l-opportunitajiet ta’ finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali jew one-stop-shops biex jgħinu lill-atturi tal-ekonomija soċjali u solidali jaċċessaw l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-limitu massimu stabbilit skont l-EaSI għas-self lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u tiddetermina jekk dan jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet tas-suq;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiġu appoġġjati b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, billi jinħolqu sinerġiji fost id-diversi tipi ta' intrapriżi; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-fatt li l-finanzjament meħtieġ għandu jsir disponibbli; iqis bħala neċessarju, għalhekk, li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-ekonomija soċjali u solidali permezz ta' mezzi varji, bħall-fondi Ewropej, fondi ta' kapital ta' riskju, mikrokreditu u finanzjament kollettiv;

32.  Jitlob lill-Istati Membri jsaħħu, permezz tal-awtoritajiet lokali, is-servizzi pubbliċi (pereżempju s-saħħa u l-edukazzjoni), u jużawhom bħala forza mexxejja biex itejbu l-kwalità tas-servizzi sabiex jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol u jgħollu l-livell tas-servizzi mogħtija bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

33.  Jindika li r-regoli dwar l-għajnuna statali ma għandhomx ikunu impediment għall-finanzjament pubbliku għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u s-servizzi soċjali; f'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni tapplika flessibilità fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali għal dawn l-intrapriżi u s-servizzi, u tgħin sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jifhmu u japplikaw b'mod korrett l-għajnuna statali maħsuba għalihom;

34.  Jiddispjaċih li r-regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jirreferi biss għas-settur tal-ekonomija soċjali u solidali fil-premessi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-approċċ ta’ investiment soċjali kif ippreżentat fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali, kif ukoll li jiġu kkunsidrati l-proġetti relatati mal-ekonomija soċjali u solidali meta jiġu vvalutati l-proġetti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

35.  Jikkritika l-fatt li l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, imwaqqfa abbażi ta' sħubiji bejn intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, huma ġeneralment esklużi mill-aċċess għall-fondi għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi eċċezzjoni ġdida għad-definizzjoni legali ta' "SME", simili għal dawk li diġà japplikaw għall-korporazzjonijiet tal-investiment pubbliku, il-kumpaniji tal-kapital ta’ riskju, u l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ, sabiex jingħata lok li intrapriża tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema tkun kwalifikata bħala intrapriża awtonoma, anke meta intrapriża oħra jkollha, waħedha jew flimkien ma’ intrapriżi oħra, 25 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot fi ħdan il-bord amministrattiv tagħha;

Taħriġ

36.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu kultura intraprenditorjali u l-mudell ta' intrapriża kooperattiva u li jinkludu l-intraprenditorija soċjali, kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija soċjali u solidali, fil-kurrikuli tal-edukazzjoni u ta' taħriġ; jistedinhom ukoll jinkoraġġixxu t-twaqqif ta' inkubaturi tan-negozji fi ħdan l-universitajiet għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

37.  Jirrimarka li l-ekonomija soċjali u solidali tista’ tgħin biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni akbar tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ sistemi ta’ taħriġ duwali;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jgħammru liċ-ċentri tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jipprovdu tagħrif effikaċi għall-persuni li jkun biħsiebhom jaħdmu fis-settur tal-intraprenditorija soċjali u solidali;

39.  Jinnota li xi intrapriżi soċjali u solidali huma kompetittivi u għandhom pożizzjoni ta' tmexxija fis-settur tagħhom, filwaqt li oħrajn jeħtieġu għarfien speċjalizzat biex iniedu, jiżviluppaw u jamministraw in-negozji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ immirati u mfassla speċifikament għall-intraprendituri tas-settur soċjali, u b’referenza partikolari għall-gruppi b’rati ta’ impjieg aktar baxxi bħalma huma l-ħaddiema nisa, żgħażagħ u dawk żvantaġġati, bil-ħsieb li jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien bażiku ta’ ġestjoni tan-negozju;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-gwida tal-karriera għall-ħaddiema akbar fl-età, dawk li jkunu qiegħda fit-tul u l-persuni b'diżabilità, permezz ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, u b'hekk jgħinuhom jidħlu fis-suq tax-xogħol;

41.  Jirrimarka li fehim tajjeb tad-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex ifasslu programmi ta’ taħriġ sabiex iħarrġu lil professjonisti fis-settur soċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta’ programmi bħal Erasmus +, u b’hekk jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ studenti u għalliema kif ukoll intraprendituri innovattivi oħra;

43.  Jirrimarka li s-setturi b’firxa wiesgħa ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi, bħas-settur "abjad" u s-settur "aħdar" huma setturi fejn l-ekonomija soċjali u solidali hija preżenti ħafna; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ f’dawk is-setturi;

Appoġġ u promozzjoni

44.  Jiddispjaċih għal-livell baxx ta' rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u solidali fil-livell Ewropew; huwa tal-fehma li t-titjib fil-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika fil-livell Ewropew, flimkien ma' kopertura aktar wiesgħa mill-midja tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-kisbiet tagħha, jgħinu biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà fl-ekonomija soċjali u solidali, biex b'hekk jiġi żgurat li tinftiehem u tiġi rikonoxxuta aktar u tingħata viżibbiltà aħjar;

45.  Jaqbel mal-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali multilingwi għall-iskambju tal-informazzjoni mmirata lejn l-intrapriżi soċjali, l-inkubaturi tan-negozji, ir-raggruppamenti kummerċjali u l-investituri fl-intrapriżi soċjali, u li jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aċċess għall-appoġġ mill-programmi tal-UE; jemmen li l-iżvilupp ta’ tali pjattaforma għandu jkun ippreċedut minn konsultazzjonijiet mal-gruppi interessati;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv tas-sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tal-ekonomija soċjali u solidali u biex tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ inkubaturi tan-negozju għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll biex jimplimentaw u jippromwovu b’mod effettiv il-pjattaforma tal-Internet għall-iskambju tad-data bejn investituri soċjali u intraprendituri soċjali (il-Pjattaforma għall-Innovazzjoni Soċjali tal-Ewropa ), li d-dettalji tagħha diġà hemm qbil dwarhom.

48.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tal-aħjar prattika fir-rigward ta' mezzi possibbli ta' appoġġ għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-investiment soċjali, inklużi, fejn applikabbli, eżenzjonijiet tat-taxxa jew inċentivi għall-intrapriżi li jittrattaw ma' gruppi vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’attenzjoni l-miżuri prattiċi implimentati mill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li l-persuni li jkunu għażlu t-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jgawdu mill-istess drittijiet ta’ protezzjoni soċjali, protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fix-xogħol bħal ħaddiema oħrajn;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura implimentata mill-Istati Membri ma tkun ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, u li b’hekk kull min għażel it-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jkun jista’ jwettaq l-attività tiegħu fejn jixtieq fit-territorju tal-Unjoni;

51.  Jappoġġja l-idea li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jiffurmaw kategorija speċifika ta’ kumpanija bl-istatus legali proprja tagħha, iddefinita bħala waħda b'objettivi oħrajn apparti s-sempliċi qligħ għall-partijiet interessati; jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Istrateġija ta' Ruma adottata mir-rappreżentanti Ewropej tal-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tippreżenta qafas legali għal dawn l-intrapriżi, li għandu jintlaħaq permezz tal-istatut Ewropew għas-soċjetajiet kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi mutwi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu soċjali fl-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tiffaċilita l-innovazzjoni soċjali u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiżgura li jkun hemm għarfien sħiħ tal-potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi tas-settur;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottat, P7_TA(2013)0049.
(2) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p.16.
(3) Testi adottat, P7_TA(2013)0301.
(4) Testi adottat, P7_TA(2012)0429.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p.187.
(6) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.

Avviż legali