Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2235(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0222/2015

Testi mressqa :

A8-0222/2015

Dibattiti :

PV 09/09/2015 - 17
CRE 09/09/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0321

Testi adottati
PDF 522kWORD 180k
Il-Ħamis, 10 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21
P8_TA(2015)0321A8-0222/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi (2014/2235(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2014(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji l-ġodda joħolqu l-impjiegi?"(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjon tiegħu tad-29 ta’ April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda fl-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ(3);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta’ Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra waħda mill-prijoritajiet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta’ Ġunju 2014: biex jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ ħiliet, u jsir disponibbli talent u bidliet fil-ħajja għal kulħadd permezz tal-promozzjoni tal-ħiliet adattati għall-ekonomija moderna u għat-tagħlim tul il-ħajja,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2014 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol (COM(2014)0006),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0222/2015),

A.  billi l-eżistenza ta’ xogħlijiet fejn il-postijiet tax-xogħol vakanti li ma jistgħux jimtlew minħabba nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor;

B.   billi, skont il-Kummissjoni(8), sa 12.4 miljun ruħ ilhom qiegħda għal aktar minn sena u, minnhom, 6 miljuni għal aktar minn sentejn; billi l-qgħad fuq terminu twil għandu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali u tista’ ssir problema strutturali;

C.  billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ domanda domestika u l-investiment qed ikollhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li s-suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jqis li dawn it-tliet fatturi jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-impjieg u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-Ewropa 2020;

D.  billi t-talba għal ħaddiema b’livell baxx ta’ kwalifiki qiegħda tonqos filwaqt li d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ kwalifiki qiegħda tikber b’mod konsiderevoli; billi din l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew tirrikjedi t-teħid ta’ azzjoni fuq il-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll taħriġ inizjali u vokazzjonali;

E.  billi, fl-2012, wieħed minn kull tliet impjegati Ewropej kienu jew kwalifikati żżejjed jew mhux kwalifikati biżżejjed għax-xogħlijiet tagħhom(9); u billi l-impjegati żgħażagħ huma tipikament aktar probabbli li jkunu formalment kwalifikati żżejjed, filwaqt li huwa wkoll aktar probabbli li jaħdmu f’xogħlijiet anqas imqabbla mal-ħiliet tagħhom minn ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien;

F.  billi xi studji jissuġġerixxu li parti rilevanti tax-xogħlijiet eżistenti se tisparixxi jew tonqos ħafna fil-kwantità minħabba l-awtomatizzazzjoni;

G.  billi l-ispinta lejn ekonomija b’livell ogħla ta’ ħiliet tfisser li matul il-ħames snin li ġejjin, ħafna aktar negozji jistennew li jżidu n-numru ta’ impjiegi li jeħtieġu ħiliet ta' tmexxija, ta' ġestjoni u livell ogħla ta’ ħiliet;

H.  billi l-mobilità tal-ħaddiema Ewropej iżżid l-impjegabilità tagħhom u ttejjeb il-kompetittività tas-suq tax-xogħol Ewropew;

Il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi tagħha

1.  Jinnota li fid-dawl tal-kriżi ekonomika u l-kriżi finanzjarja Ewropea u t-tnaqqis konsegwenti fir-ritmu ekonomiku, għadd ta’ Stati Membri qed jissieltu ma’ livelli għolja ta’ qgħad (UE28: 9,8 % kif ukoll ma’ dejn pubbliku, tkabbir baxx u investiment insuffiċjenti; jinnota t-tnaqqis fin-nefqa pubblika; huwa ulterjorment ikkonċernat li f'ħafna Stati Membri r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (UE 28: 20,9 %) huma ħafna ogħla u li każijiet ta' titjib u rati aktar baxxi huma rari;

2.  Iqis li huma meħtieġa politiki ekonomiċi u soċjali u riformi tas-suq tax-xogħol ambizzjużi sabiex tingħata spinta lil tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu aktar xogħlijiet li jwasslu għal impjieg ta' kwalità u sostenibbli; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa għal sistemi ta' sigurtà soċjali li jinkludu t-titjib tal-ħiliet tad-diżokkupati, filwaqt li titrawwem l-impjegabilità ta' persuni nieqsa minn kwalifiki jew li għandhom kwalifiki verament baxxi, kif ukoll jingħataw inċentivi u opportunitajiet ta' xogħol;

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE

3.  Jinnota li anki jekk il-provvista ta' ħaddiema hija biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda għall-ħaddiema, jista’ xorta jkun hemm nuqqasijiet kwalitattivi minħabba li dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu ma jkunux adattati għall-pożizzjonijiet miftuħa, bħala riżultat ta’ diskrepanza bejn is-setturi, l-okkupazzjonijiet jew ir-rekwiżiti tal-ħiliet;

4.  Huwa mħasseb li r-rati tal-qgħad fl-UE baqgħu relattivament għolja (Marzu 2015, UE 28: 9,8 %, u naqsu b'mod sinifikanti fi ftit pajjiżi biss, u jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, bir-rati ta' qgħad l-aktar baxxi fil-Ġermanja u fl-Awstrija (madwar 5 %) u bl-ogħla fil-Greċja u fi Spanja (26 % u 23 % rispettivament(10)); billi dawn id-differenzi enormi jżidu r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom u jheddu l-istabilità ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata medja tal-impjieg tan-nisa fl-UE hija aktar minn 10 punti perċentwali anqas minn dik tal-irġiel u jenfasizza li l-kisba tal-mira ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % kif spjegat fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 hija kondizzjonali fuq iż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa permezz ta’ politiki mmirati b’mod partikolari lejn ir-rikonċiljazzjoni tad-dmirijiet tax-xogħol u tad-dar;

6.  Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja b'mod sinifikanti fl-UE, b'rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-età ta’ bejn is-16 u l-25 sena ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri; jenfasizza li livelli għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-fatt li dawn jaffettwaw ġenerazzjoni sħiħa, jheddu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet;

7.  Jenfasizza li għad hemm differenza ta’ 26 % fir-rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità meta mqabbla mar-rata tal-impjieg medja tal-UE, b’rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità ta’ anqas minn 50 %;

8.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa; jissottolinja f'dan ir-rigward l-importanza tal-edukazzjoni duwali bħat-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistati fit-tqabbil tal-ħiliet taż-żgħażagħ mat-talbiet tas-suq tax-xogħol;

9.  Jenfasizza li elementi bħal forza tax-xogħol kwalifikata, il-kapaċità tal-innovazzjoni, iż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist u l-ambjent soċjoekonomiku u politiku stabbli huma indispensabbli sabiex tinħoloqklima ta’ investiment tajba;

10.  Jinnota l-livell għoli ta’ qgħad fit-tul, u jwissi dwar il-bżonn li jiġi miġġieled immedjatament, fid-dawl tar-reżiljenza li hija assoċjata miegħu;

11.  Jinnota li bosta sfidi importanti qed jaffettwaw is-suq tax-xogħol tal-Ewropa, inklużi l-globalizzazzjoni, is-soċjetà li qed tixjieħ, bidliet teknoloġiċi rapidi bħad-diġitizzazzjoni u r-robotizzazzjoni, id-diskrepanza bejn ħiliet u impjiegi u domanda dejjem tikber għal ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, bi provvista eċċessiva ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, li jikkawżaw polarizzazzjoni fil-pagi;

12.  Jinnota madankollu r-riskji enfasizzati mis-CEDEFOP rigward il-kontinwazzjoni tad-diskrepanza fil-ħiliet u l-obsolexxenza tal-ħiliet minħabba d-domanda baxxa li twassal għal livell għoli ta’ qgħad;

13.  Jenfasizza d-differenzi konsiderevoli fl-opportunitajiet tal-impjiegi bejn l-Istati Membri, jissottolinja f’dan ir-rigward li l-opportunitajiet tal-impjiegi huma element kruċjali għal suq tax-xogħol dinamiku li jlaqqa’ l-ħiliet u l-impjiegi u li joħloq opportunitajiet u possibilitajiet għan-negozji u għall-impjegati, u huwa mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni statika fis-swieq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri; jitlob għalhekk punt ta’ riferiment Ewropew dwar l-opportunitajiet tal-impjiegi fl-Istati Membri; data għal dan il-punt ta' riferiment tista' tinġabar kull sena permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u għandha bħala minimu tkejjel: in-numru ta' opportunitajiet tax-xogħol fi Stat Membru; id-durata medja tal-qgħad;

14.  Jinnota li l-Ewropa għandha 24 miljun persuna qiegħda, inklużi 7,5 miljun NEETs, u min-naħa l-oħra żewġ miljun post tax-xogħol vakanti, u li l-kumpaniji Ewropej huma affettwati minn nuqqas kbir ta’ persuni kwalifikati u ta' forza tax-xogħol b’ħiliet trasferibbli;

15.  Jirrimarka li, minkejja r-rati għolja ta' qgħad f'xi Stati Membri u postijiet tax-xogħol vakanti f'oħrajn, il-mobilità tax-xogħol ġewwa l-UE għadha baxxa (UE 27: 0,29 %), bħala riżultat fost l-oħrajn tal-ostakli eżistenti, u b'paragun internazzjonali, kważi 10 darbiet aktar baxxa milli fl-Istati Uniti u 5 darbiet aktar baxxa milli fl-Awstralja; jiġbed l-attenzjoni għas-seba' miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu, sa mill-2013, fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom; ifakkar li attwalment fl-UE hawn aktar minn żewġ miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol ġusta fl-Unjoni sabiex din id-diskrepanza tintemm;

16.  Jinnota li s-suq tax-xogħol tal-UE jista' jgħin fl-assorbiment ta' konċnetrazzjonijiet kbar ta' qgħad eżistenti f'għadd ta' reġjuni tal-Ewropa;

17.  Jemmen li s-suq tax-xogħol Ewropew se jadatta għall-kultura, il-mudell ta’ produzzjoni u l-istruttura tan-negozji tar-reġjuni differenti Ewropej, u li d-differenzi bejniethom se jitqiesu fl-adozzjoni ta' miżuri li jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar flessibbli;

18.  Ifakkar li waqt perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-individwi jaffaċċjaw sfidi akbar biex isibu l-impjiegi u li xi drabi jkollhom jaċċettaw impjiegi b'rekwiżiti edukattivi aktar baxxi minn dawk li diġà jkollhom; jenfasizza li t-tkabbir permezz tal-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin u l-isforzi għall-istimulazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-faċilitazzjoni tal-investiment f'setturi ġodda għaldaqstant huwa mod rilevanti biex tittaffa l-prevalenza ta' soprakwalifiki fi ħdan l-ekonomiji tal-UE;

It-trawwim ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE

19.  Jemmen li sabiex jinkiseb suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE, riformi ambizzjużi huma meħtieġa biex tiżdied l-inklużività, il-flessibbilità intelliġenti, l-innovazzjoni u l-mobilità, jissaħħaħ ir-rwol tad-djalogu soċjali, jiġi stimulat il-ħolqien ta' aktar impjiegi li jwasslu għal impjieg ta' kwalità għolja u sostenibbli, tingħata spinta lill-produttività u kontribut lill-iżvilupp tal-kapital uman, fid-dawl tas-swieq tax-xogħol u tax-xejriet ta' produzzjoni li kontinwament qed jinbidlu;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kontinwi biex l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-swieq tax-xogħol jitlaqqgħu flimkien, u jtenni li l-ġenerazzjoni ta' tkabbir, kompetittività u ħolqien tax-xogħol intelliġenti, sostenibbli u inklużivi fl-Ewropa għandhom jinkisbu permezz ta' approċċ olistiku li jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jappoġġa gruppi vulnerabbli permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għoti ta' inċentivi;

21.  Jenfasizza li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg għandhom rwol importanti fl-iżgurar li r-ritorn għat-tkabbir tal-impjiegi ma jseħħx għad-detriment tat-tlaqqigħ tal-ħiliet ta’ kwalità baxxa;

22.  Jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tax-xogħol issir tinftiehem aktar għall-ħaddiema u għal min iħaddem, li jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, li tkun promossa s-sigurtà ġuridika għall-kumpaniji u għall-impjegati;

23.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ sikwit jesperjenzaw diffikultajiet li dejjem jikbru fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għax-xogħol u għaldaqstant sikwit ikunu aktar vulnerabbli għall-qgħad u aktarx isibu ruħhom f'impjiegi ta' kwalità baxxa jew prekarji;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), li tidentifika u tikkategorizza ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-bniedem, tal-flessibilità tal-karriera u tal-impenn personali; ifakkar f’dan ir-rigward li l-mobilità professjonali hija fattur essenzjali u li jinħtieġ investiment sostanzjali biex tiġi appoġġata b’mod attiv l-impjegabilità u l-adattabilità u jiġi evitat l-eżawriment ta’ ħiliet fost dawk qiegħda;

26.  Jenfasizza l-importanza ta’ investimenti soċjali li jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ stat ta’ attivazzjoni li jipprovdi lill-ħaddiema bi strumenti li jippermettulhom adattament faċli għal kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li jinbidlu kif ukoll għad-domandi tas-swieq tax-xogħol;

27.  Jemmen li bażi tal-ħiliet internazzjonalment kompetittiva se tippermetti lill-Istati Membri biex jaqbdu segmenti ta’ valur għoli tas-suq globali;

28.  Jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li toħloq miljuni ta’ impjiegi madwar l-UE u twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

29.  Ifakkar l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema, ġeografikament u f'setturi differenti, bħala għażla għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa għat-tnaqqis ta' ostakli amministrattivi u lingwistiċi li jaf ikunu responsabbli għar-restrizzjoni tagħha, u biex jiġu żviluppati għodod għall-faċilitazzjoni tal-mobilità bħar-rikonoxximent rapidu ta' kwalifiki formali, mhux formali u informali bejn l-Istati Membri, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-CV Ewropew u l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, kif ukoll l-għoti ta' korsijiet tal-lingwa speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-kommunikazzjoni interkulturali; jinkoraġġixxi li tiżdied is-sensibilizzazzjoni, u li jkun hemm titjib ulterjuri, tal-portal tax-xogħol EURES madwar l-UE, filwaqt li tiġi żgurata b’mod partikolari l-formazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ konsulenti tal-EURES, maqsuma ugwalment fuq it-territorju kollu tal-UE, sabiex il-EURES ikun għodda indispensabbli fis-suq tax-xogħol tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mtejba fost is-servizzi nazzjonali pubbliċi tal-impjieg u l-inklużjoni futura ta' servizzi privati ta' impjieg u partijiet ikkonċernati oħra fin-netwerk tal-EURES; jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi tal-UE li jimmiraw li jagħmlu s-suq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi aktar trasparenti, jistimolaw il-mobilità u joħolqu opportunitajiet bħalma huma l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass-CV, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Portal għall-Mobilità tal-Impjiegi fl-Ewropa (EURES), l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jitlob promozzjoni aħjar ta' dawn l-inizjattivi sabiex jittejjeb is-suq tax-xogħol fl-Ewropa;

30.  Itenni li l-potenzjal ekonomiku kbir tan-nisa għandu jiġi sfruttat fl-Ewropa u li huwa meħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għan-nisa għal-progress fil-karriera tagħhom u biex ifittxu pożizzjonijiet ogħla f’kumpaniji jew biex jibdew in-negozji tagħhom stess; jenfasizza l-ħtieġa li tintemm id-diskrepanza bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u s-sehem u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; ifakkar l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-qerda tad-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa, kif ukoll it-tisħiħ tal-politiki ta' bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali, bħala parti mill-kisba tal-miri għall-impjiegi tal-Ewropa 2020;

31.  Jilqa r-riżultati pożittivi miksuba mill-iskema pilota tal-mobilità tal-impjiegi "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" (YfEj), li kapaċi tilħaq b’mod effikaċi liż-żgħażagħ u tiżviluppa servizzi mfassla kemm għal min qed ifittex impjieg kif ukoll għal min iħaddem; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali pożittivi bejn l-iskema YfEj u l-EURES;

32.  Fil-kuntest ta' dan l-isfond, jenfasizza l-importanza tal-politiki attivi tax-xogħol, tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll tat-titjib tal-kapaċità tal-persuni għall-adattabilità għall-bidla teknoloġika; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-firxa u l-effiċjenza tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

33.  Iqis li strateġija koerenti u komprensiva lejn forom aktar effettivi u ta’ benefiċċju reċiproku ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, billi jsir użu sħiħ mill-potenzjal ta’ għarfien tal-ħaddiema u billi tiżdied il-kwalità tal-impjiegi tagħhom se tgħin lir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol; jistgħu jiġu żviluppati forom ta’ organizzazzjoni tax-xogħol aktar parteċipattivi u li jagħtu l-awtonomija biex isaħħu l-involviment tal-impjegati fl-innovazzjoni, jappoġġaw l-involviment tal-ħaddiema u l-iżvilupp tal-użu tal-ħiliet, u għalhekk, il-prestazzjoni tal-kumpaniji;

34.  Jenfasizza, li minħabba bidliet mgħaġġla mbassra fis-suq tax-xogħol, huwa fiż-żgħażagħ tal-lum li l-investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huma meħtieġa; jenfasizza li politiki tal-ħiliet m’għandhomx ikunu mmirati biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biss, iżda biex jgħammru lill-individwi bil-kompetenzi trasversali meħtieġa biex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ la huma sempliċement strument tas-suq tax-xogħol u lanqas huma maħsuba biex jedukaw il-ħaddiema tal-futur, iżda jikkostitwixxu l-ewwel u qabel kollox dritt fundamentali u għandhom valur fihom infushom;

L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri

35.  Jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet għall-ġejjieni, il-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati, għandhom ikunu involuti b’mod qawwi fil-livelli kollha, b’mod partikolari fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kwalifiki vokazzjonali, li jipprovdu tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni formali għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol;

36.  Jitlob għal fehim aħjar tal-ħtiġijiet preżenti u futuri ta' ħiliet u għat-tisħiħ tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE eżistenti sabiex jiġu identifikati aħjar il-lakuni fil-ħiliet u n-nuqqasijiet f'setturi u impjiegi speċifiċi, kif ukoll f'reġjuni speċifiċi u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar mudelli dejjem jevolvu ta' ħtiġijiet ta' ħiliet tiġi miġbura, proċessata u disseminata fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjegaturi sabiex jiġu antiċipati b'mod aktar effikaċi ix-xejriet tal-futur;

37.  Jemmen li l-edukazzjoni hija kruċjali fl-ixprunar tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, u b'hekk tkompli żżid aktar il-possibilitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet u fl-istess waqt tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

38.  Jenfasizza l-importanza ta' sħubijiet aktar integrati u ta' fiduċja bejn l-iskejjel, l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla, in-negozji u awtoritajiet relevanti oħrajn bil-ħsieb li jiġu stmati l-ħtiġijiet tax-xogħol għall-futur, rieżaminati u implimentati programmi ta' taħriġ vokazzjonali ġodda u titrawwem kooperazzjoni u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol fil-livell reġjonali u lokali; ifakkar li fl-istess waqt hija meħtieġa r-responsabilità soċjali mill-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-involviment tagħhom fl-iżvilupp ulterjuri tal-għodod ta' monitoraġġ u previżjoni;

39.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom rwol importanti biex jiżguraw li jkun hemm provvista adegwata ta’ għalliema kemm tax-xjenza kif ukoll tal-matematika sabiex jgħammru liż-żgħażagħ b’għarfien u entużjażmu għas-suġġetti STEM;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-tfal fl-iskola minn età żgħira ħafna; jirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw miżuri innovattivi u li jinkorporawhom fil-proċessi tat-tagħlim fl-iskola u barra minnha, u jirriformaw jew jaġġornaw l-ambjent tal-iskola, il-metodi tat-tagħlim u l-kompetenzi tal-għalliema; jissuġġerixxi li l-kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri jiġu adattati biex jinkludu żjarat tat-tfal f'pajjiżi oħra matul is-sena skolastika, sabiex l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-klassi anke fi stadju bikri ħafna fl-edukazzjoni;

L-importanza ta’ edukazzjoni u taħriġ kontinwu u taħriġ għall-atturi kollha tas-suq tax-xogħol

41.  Ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali u jenfasizza li l-ħtieġa li nistinkaw għal approċċ aktar flessibbli u individwali għall-iżvilupp tal-karriera u għall-edukazzjoni matul il-ħajja u t-taħriġ tul il-karriera u jirrikonoxxi r-rwol li kemm il-partijiet pubbliċi u dawk privati jista' jkollhom f'dan, filwaqt li jkun rikonoxxut li l-gwida u l-pariri li jindirizzaw il-ħtiġiet individwali u jiffokaw fuq il-valutazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali għandhom ikunu element ċentrali tal-politiki tal-edukazzjoni u tal-ħiliet minn stadju bikri;

42.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-trawwim ta’ apprendistati tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol bħala rotta alternattiva għall-impjieg;

43.  Jinnota li l-politiki Ewropej għall-Gwida Tul il-Ħajja kellhom impatt konsiderevoli fuq il-politiki nazzjonali ta' gwida u li gwida tul il-ħajja effettiva teħtieġ programmi f’perspettiva trasversali f’kull livell;

44.  Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm varjetà ta’ toroq disponibbli għaż-żgħażagħ, u li d-definizzjonijiet ta’ dawn it-toroq (apprendistati) ivarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa;

45.  Jemmen li programmi ta’ taħriġ u ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid għal persuni qiegħda, speċjalment dawk qiegħda fit-tul, kif ukoll programmi tal-valutazzjoni tal-ħiliet, għandhom jiġu offruti lil persuni biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u għandhom jiġu mfassla u implimentati b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament aħjar tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati programmi speċjali biex jgħinu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa biex il-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-Pjanijiet tal-Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istabbiliment effikaċi tagħhom fil-post; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex telabora Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) lil Stati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-kwalità tal-impjieg;

47.  Jenfasizza li t-tħassib tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif espress fir-rapport tagħha "Żgħażagħ u mingħajr impjieg fl-Ewropa: ostakli għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE", b'mod partikolari dwar l-adegwatezza tal-finanzjament sħiħ għall-iskema, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba", u l-mod kif il-Kummissjoni timmonitora u tirraporta dwar ir-riżultati;

48.  Ifakkar li huwa ta’ importanza kbira li jingħataw gwida u pariri mfassla apposta lil dawk li qed ifittxu x-xogħol dwar kif għandhom ifittxu impjieg jew dwar liema edukazzjoni avvanzata u taħriġ għandhom jieħdu, u biex jiġi żgurat li l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ikunu rikonoxxuti u vvalidati permezz tal-ʻpassaporti tal-kompetenzi’ li jirriflettu l-ħiliet u l-kompetenzi miksuba kemm permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali kif ukoll informali;

49.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-adattabilità tal-forza tax-xogħol bħala mod li bih jiġu miġġielda n-nuqqasijiet tal-futur; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, għal dan il-għan;

50.  Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ta’ importanza speċjali għall-persuni li jkunu qiegħda fit-tul; ifakkar li l-persuni qiegħda fit-tul jibbenefikaw minn approċċ li jimmiraw lejn il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u mhux minn miżuri standard; jenfasizza li l-persuni qiegħda fit-tul għandhom bżonn ikunu jafu dwar id-dritt tagħhom għat-taħriġ, li l-miżuri li huma mmirati lejhom iridu jirrispettaw l-għażliet ta' parteċipazzjoni u li t-taħriġ jeħtieġ li jkun affordabbli, deċenti u li jindirizza l-ħtiġiet attwali tagħhom; ifakkar li jekk dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu, il-persuni qiegħda fit-tul se jkunu kapaċi jużaw it-titjib tal-ħiliet bħala opportunità biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom;

51.  Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala għodda biex tgħin liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u biex jiksbu l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex isibu xogħol ta’ kwalità tajba permezz ta’ apprendistat, taħriġ prattiku jew edukazzjoni kontinwa;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u l-għoti ta' appoġġ effettiv fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u fil-faċilitazzjoni tal-aċċess għax-xogħol;

It-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri jiġu msaħħa u mmirati aħjar bl-għan li jnaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-iskola (ESL) għal inqas minn 10 % sal-2020, kif maqbul fl-istrateġija Ewropa 2020, waqt li jitqies li t-ESL hija problema persistenti fl-UE li għandha impatt detrimentali fuq l-impjegabilità u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ ikkonċernati;

54.  Jemmen li t-taħriġ vokazzjonali duwali permezz tal-apprendistati u sistemi tat-tagħlim simili bbażati fuq ix-xogħol għandhom jingħataw aktar konsiderazzjoni u għandhom iżommu l-kwalità bħala prijorità, mingħajr preġudizzju akkademiku, peress li għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tranżizzjoni iżjed faċli mill-edukazzjoni għax-xogħol u wrew li huma effettivi fit-trawwim tal-impjieg fost iż-żgħażagħ;

55.  Jemmen li s-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali li jeżistu llum huma riżultat ta’ ċerti forzi storiċi u kulturali li ġew iffurmati minn normi legali, tradizzjonijiet, prinċipji pedagoġiċi prevalenti u strutturi istituzzjonali;

56.  Jenfasizza d-data preokkupanti ħafna dwar ir-rata ta’ żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEETs), li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jeċċedu l-10 %; jenfasizza r-rabta diretta bejn il-livelli għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tluq bikri mill-iskola; jenfasizza li mingħajr azzjoni urġenti u deċiżiva kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, ġenerazzjoni sħiħa ta’ Ewropej żgħażagħ huma f’riskju li jiġu mċaħħda minn livelli suffiċjenti ta’ edukazzjoni u taħriġ u għaldaqstant li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b’riperkussjonijiet drammatiċi fuq in-nisġa soċjali, fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali u fuq is-sostenibilità tal-mudell ekonomiku Ewropew kollu kemm hu;

57.  Jissottolinja li kull sistema ta' taħriġ vokazzjonali nazzjonali hija għodda għall-kisba ta’ ċerti objettivi li jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u li kull wieħed minnhom jista’ għalhekk jiġi ġġudikat biss mis-suċċess tiegħu fil-kisba ta’ dawk l-objettivi; jenfasizza li l-esportazzjoni ta’ sistema tat-taħriġ vokazzjonali minn pajjiż għal ieħor hija possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi rispettivi jkunu komparabbli jew ikunu jistgħu jiġu adattati;

58.  Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għat-titjib tal-impjegabilità u għat-tħaffif tal-ksib tal-kwalifiki professjonali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rilevanza tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom parti integrali mis-sistema edukattiva u jiggarantixxu standards ta' kwalifiki għoljin u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan ir-rigward;

59.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li flimkien ma' żewġ miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE, hemm ħafna żgħazagħ kwalifikati żżejjed diżokkupati li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mal-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol; jissottolinja, għaldaqstant, l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn is-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol, inkluża l-espożizzjoni għall-post tax-xogħol, apprendistati u l-kooperazzjoni man-negozji sabiex jiġi promoss u miżjud b'mod sinifikanti l-livell tal-impjieg u jiġu maħluqa raggruppamenti tal-innovazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollhom in-negozji billi jinvolvu ruħhom mas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri tagħhom; jenfasizza li strateġija komprensiva fuq terminu twil, imlaqqa' ma' miżuri immedjati, hija meħtieġa għall-adattament tas-sistemi edukattivi fil-livelli kollha, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tal-impjieg;

60.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA), li għandha l-għan li ġġib flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-VET, ir-rappreżentanti żgħażagħ, u atturi ewlenin oħra sabiex jippromwovu l-iskemi tal-apprendistati u l-inizjattivi madwar l-Ewropa;

61.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni duwali u programmi ta' taħriġ li jlaqqgħu it-teorija mat-taħriġ prattiku, bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw programmi bħal dawn ġol-kurrikuli tagħhom sabiex jipprovdu l-esperjenza prattika meħtieġa li tħaffef tranżizzjoni bla skossi minn edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol;

62.  Jenfasizza l-importanza ta' orjentazzjoni tal-karriera u esperjenza tax-xogħol permezz ta' valutazzjoni u pariri għall-karriera li jiffukaw fuq ħiliet u ħtiġijiet individwali pprovduti minn konsulenti kwalifikati ta' livell għoli speċjalizzati fil-qasam tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bl-informazzjoni, il-pariri u l-gwida xierqa biex jagħmlu għażliet tal-karriera tajba;

63.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ għandhom fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' kwalità għolja mmirati ta' gwida fil-karriera matul iċ-ċiklu edukattiv sabiex jgħinu liż-żgħażagħ jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-edukazzjoni u l-karriera tagħhom;

64.  Jinnota li għal transizzjoni b'suċċess lejn l-impjieg, huwa ta' importanza kbira li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati, li jiġi żviluppat sens ta’ iniżjattiva u li jiżdiedu l-motivazzjoni u l-konoxxenza proprja, filwaqt li għandu jkun disponibbli wkoll appoġġ xieraq f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza ta' transizzjonijiet ta' kwalità għolja, inklużi t-transizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol u bejn l-impjieg u pawżi fil-karriera;

65.  Ifakkar li l-investiment fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp ta' ħiliet li jwieġbu għad-domandi tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà huwa essenzjali għat-tkabbir u l-kompetittività, kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni Ewropea, l-iżvilupp personali u l-awtostima; jirrimarka li l-intraprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul aktar bikri tagħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li tali investiment għandu jiġi appoġġat minn sinerġiji aktar qawwija bejn l-inizjattivi Ewropej u nazzjonali u s-setturi varji tal-edukazzjoni u t-taħriġ u setturi rilevanti oħra, bħall-impjieg, il-politika soċjali, il-politika taż-żgħażagħ u l-kultura u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti bħalma huma l-imsieħba soċjali u n-negozji sabiex il-kurrikuli jibqgħu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

66.  Itenni l-impenn tal-Istati Membri li jinvestu fl-edukazzjoni għolja u jitlob għalhekk it-titjib gradwali tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sistemi edukattivi Ewropej kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment essenzjali u jimpenjaw ruħhom li jinvestu mill-inqas 2 % tal-PDG fis-settur u jissalvagwardjaw lis-settur mit-tnaqqis fl-infiq; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tal-edukazzjoni fl-istrateġija Ewropa 2020 billi tassoċja l-objettivi ġenerali tal-qafas strateġiku Edukazzjoni u Taħriġ 2020 (ET 2020) mar-reviżjoni tal-Ewropa 2020;

67.  Jenfasizza li l-investiment tul il-ħajja fil-kapital uman u fil-ħiliet, u, b'mod partikolari, fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u tal-ħaddiema bla sengħa, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u biex jiġi pprovdut aċċess aktar wiesa' għal impjiegi ta' kwalità; jistieden lill-UE tistabbilixxi objettivi ċari dwar il-metodi tat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħiliet neqsin u biex tespandi t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-komunikazzjoni, il-lingwi u l-ħiliet diġitali għall-ħaddiema ta' età akbar u b'mod partikolari għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki ta' età akbar minn 30 sena u studenti li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat u l-adozzjoni, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u minn dawk li jħaddmu individwalment, ta' skemi ta' taħriġ u ta' apprendistat ta' kwalità kif ukoll ta' tagħlim ibbażat fl-iskola; ifakkar li dawn il-programmi għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi tal-protezzjoni soċjali;

69.  Jemmen li jinħtieġu sħubijiet mill-qrib u sistematiċi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ sabiex jiġu żviluppati strateġiji għal żmien fit-tul għas-swieq tax-xogħol nazzjonali kkonċernati u l-aħjar modi ta' kif tiġi indirizzata l-problema ta' diskrepanza tal-ħiliet fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu tali kooperazzjoni;

70.  Jemmen li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija l-ewwel pass lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-impjieg; ifakkar l-obbligu ta' min iħaddem biex jipparteċipa fil-proċess biex jipprovdi liż-żgħażagħ bi programmi ta' taħriġ vokazzjonali aċċessibbli u apprendistati ta' kwalità; jenfasizza li l-aspett kwalitattiv ta' xogħol deċenti għaż-żgħażagħ m'għandux ikun kompromess, u li l-istandards tax-xogħol ewlenin u standards oħra relatati mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali u s-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li jsiru;

It-trawwim tal-mobilità tax-xogħol

71.  Ifakkar li fil-preżent fl-UE, hemm iktar minn 2 miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol fl-Unjoni sabiex jimtela dan il-vojt, u jtenni l-importanza tal-ERASMUS + u l-EURES f'dan ir-rigward;

72.  Ifakkar l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera permezz ta' informazzjoni dwar l-eżistenza tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES li huma mfassla biex iħeġġu u jneħħu l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera billi joffrulhom l-informazzjoni u pariri dwar opportunitajiet ta' xogħol u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; f'dan ir-rigward, il-EURES-T hija għodda importanti għall-kontroll aħjar tat-tqassim ta' sorsi potenzjali ta' impjiegi ġodda u lejn suq tax-xogħol tal-UE integrat aħjar;

73.  Ifakkar il-mobilità ta' ħaddiema b'ħiliet minn pajjiżi terzi bħala waħda mit-tweġibiet għall-isfidi demografiċi, nuqqasijiet u nuqqas ta' tlaqqigħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu minimizzati l-effetti tal-eżodu ta' mħuħ;

74.  Jinnota li l-UE nbniet fuq il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari tal-ħaddiema; jitlob li jiġi mħeġġeg l-istudju u l-użu ta' ilsna barranin bl-għan li tiżdied il-mobilità; jinnota l-importanza li t-tagħlim tal-lingwi, b'mod partikolari dawk Ewropej, isir element tat-tagħlim tul il-ħajja li għandu jiġi mħeġġeġ bħala mezz ta' faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema u ta' twessiegħ tal-ispettru tal-prospetti tal-impjiegi;

L-iskambju u l-validazzjoni tal-aħjar prattiki fl-UE

75.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir skambju u validazzjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll li jsir paragun bejn u tkejjil tal-effikaċja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' edukazzjoni duwali u vokazzjonali u sistemi ta' apprendistat u traineeships u kurrikuli, riżultati tat-tagħlim ta' tagħlim mhux formali u informali, strateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet ta' kull suq tax-xogħol u ta' kull sistema edukattiva; jindika l-pjattaform tal-Ewro Apprendistat bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-iżvilupp ta' sħubijiet Ewropej u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-apprendistati;

76.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, tal-volontarjat u tat-tagħlim matul il-ħajja fl-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kwalifiki, b'mod partikolari ħiliet trasversali bħall-ħiliet intraprenditorjali, l-ICT, u l-kompetenzi personali u ta' lingwa li huma applikabbli b'mod wiesa'; jistieden lill-UE ttejjeb l-aċċess għat-tagħlim tal-adulti u għal edukazzjoni li tagħti t-tieni opportunità; jitlob il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali mill-impjegaturi u mill-fornituri tal-edukazzjoni;

77.  Jinnota l-importanza li jingħata impetu ġdid lill-Proċess ta' Bolonja, billi tittieħed l-opportunità mressqa mill-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan ta' Mejju 2015 għal impenji ta' kooperazzjoni ġodda u aktar avvanzati li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien;

78.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni xierqa tal-programm Erasmus+ bl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-parti tal-programm dedikata għall-isport; iqis importanti s-simplifikazzjoni tal-metodi ta' aċċess sabiex il-programm jilħaq l-akbar numru possibbli ta' individwi u organizzazzjonijiet;

It-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iċ-ċittadini: L-SMEs u l-mikroimpriżi

79.  Jemmen li hemm bżonn li jittejbu t-tmexxija, il-ġestjoni finanzjarja u t-trawwim tal-edukazzjoni intraprenditorjali minn età bikrija biex jintlaħaq il-potenzjal taż-żgħażagħ biex ikunu mgħammra ħalli jsiru impjegaturi, mhux biss impjegati, u jkunu kapaċi li jibdew negozji ġodda u jieħdu vantaġġ minn swieq ġodda;

80.  Jilqa' skemi bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ li għandhom l-għan li jgħinu lil imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni ta' negozju, u jemmen li programmi bħal dawn għandhom jiġu promossi ulterjorment sabiex aktar imprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi; jemmen li miżuri speċjali ta' appoġġ għandhom jiġu introdotti għall-intraprendituri żgħażagħ biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni kif ukoll għall-finanzi u għall-finanzjament, inklużi s-servizzi ta' 'one-stop-shop' għall-informazzjoni u l-appoġġ immirati lejn iż-żgħażagħ f'korpi intraprenditorjali eżistenti ta' appoġġ;

81.  Jemmen li edukazzjoni mhux formali, partikolarment kif żviluppata fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, trawwem il-kreattività, is-sens ta' inizjattiva u l-awtoresponsabbiltà, u tista' żżid l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

82.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta' elementi ta' taħriġ intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li t-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħar fi stadju bikri huwa mod effettiv li bih jiġi miġġieled il-qgħad u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żagħżagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, djalogu attiv u kooperazzjoni bejn il-komunità akkademika u l-komunitajiet tan-negozju immirati għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa;

83.  Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares lejn il-ġejjieni u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tmexxi l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet għall-Impjiegi Nazzjonali filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-Pakkett tal-Impjiegi;

84.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ u inċentivar għal start-ups, SMEs, mikrointrapriżi u atturi fl-ekonomija soċjali sabiex jiġu faċilitati l-istabbiliment u l-operat tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li jinkorporaw u li jaħdmu fuq il-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u li jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta' ħaddiema kwalifikati u t-taħriġ tal-impjegati; għal dan l-għan, jenfasizza li l-piż tat-taxxa għandu jiġi trasferit mix-xogħol għal sorsi oħra ta' tassazzjoni li huma anqas detrimentali għall-impjieg u għat-tkabbir, filwaqt li tiġi mħarsa protezzjoni soċjali adegwata;

85.  Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol;

86.  Ifakkar li kważi 99 % tal-kumpaniji Ewropej huma SMEs u huma mutur ewlieni fil-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi bbażata fuq il-prinċipju ta' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” sabiex jitneħħew l-ostakli burokratiċi li jiffaċċaw l-SMEs u jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

87.  Jemmen li l-intraprendituri għandhom jinvestu fit-taħriġ u l-apprendistati għall-impjegati u li l-inċentivi għandhom jiġu introdotti u żviluppati ulterjorment fejn ikun xieraq għal dan l-għan, peress li dan jippermettilhom jespandu u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda; jemmen li l-iżvilupp ta' netwerks ta' min iħaddem jista' jgħin lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi biex jaċċessaw il-provvista u l-appoġġ tat-taħriġ li jeħtieġu;

L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni: ħiliet u impjiegi ġodda

88.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni għat-tkabbir u għall-produttività u għal soċjetà aktar ġusta, aktar sostenibbli u inklużiva, u, f'dan ir-rigward, tal-ħtieġa li jingħataw l-għarfien, il-kreattività u l-ħiliet li huma meħtieġa, kif ukoll ta' motivazzjoni u determinazzjoni min-naħa ta' impjegati u ta' impjegati prospettivi u ta' min iħaddem bil-ħsieb li jinħolqu prodotti u servizzi diġitali innovattivi u kreattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jintemm id-"distakk diġitali" u l-ħtieġa ta' ħiliet diġitali bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja u l-integrazzjoni ta' midja ġdida u teknoloġiji ġodda ġol-kurrikuli; jenfasizza, ulterjorment, il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' tagħlim u l-estensjoni tad-disponibilità onlajn u ta' tagħlim mill-bogħod permezz ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) li jiffaċilitaw l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd;

89.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi tat-tkabbir ewlenin li l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuqhom biex jiżviluppaw il-bażi tal-ħiliet tagħhom;

90.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi offrut bil-kompletar tas-suq uniku diġitali, bl-istabbiliment ta' unjoni tal-enerġija, bil-ħolqien ta' impjiegi permezz tal-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, bil-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura soċjali u bit-trawwim tan-netwerks tat-trasport;

91.  Jenfasizza t-tendenza reċenti tal-kumpaniji li qed jirritornaw il-produzzjoni u s-servizzi għall-UE u l-opportunitajiet li dan joħloq għall-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċelleraw din it-tendenza tar-ritorn tal-impjiegi billi jiżguraw li l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħna taqbel mal-ħtiġiet tan-negozji;

92.  Jenfasizza l-importanza tal-istudji STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, u Matematika) u jenfasizza r-rwol li għandhom f'li jippermettu li l-Ewropa jkollha parti importanti fix-xena globali fir-rigward tal-iżviluppi tat-teknoloġija li qed javvanzaw;

93.  Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea f'kooperazzjoni mat-Triju ta' Presidenzi biex tippromwovi mentalità intraprenditorjali fl-Ewropa u tiżviluppa ħiliet trasferibbli għall-ħajja;

94.  Jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiltaqa' ma' nuqqas ta' ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) waqt li għandha provvista żejda ta' gradwati fix-xjenzi soċjali; hu tal-fehma li huma meħtieġa inizjattivi supplementari fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jirrispondu għall-imblokki li jeżistu fl-impjiegi u l-istudji relatati ma' suġġetti STEM; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex is-suġġetti STEM ikunu aktar attraenti u jikber il-valur tagħhom u jħeġġu liż-żgħażagħ, inklużi n-nisa, biex jibdew studji fis-suġġetti STEM;

95.  Jirrimarka li anke fis-seklu XXI għad hemm relevanza għall-kompetenzi tradizzjonali li joħolqu impjiegi stabbli li ma jistgħux ikunu esternalizzati u li huma l-bażi ta' numru ta' oqsma li fihom l-Ewropa teċċella; jitlob appoġġ għall-preservazzjoni ta' dawn il-kompetenzi tradizzjonali u t-trażmissjoni tagħhom lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni permezz tat-taħriġ, filwaqt li jiġu kkombinati meta possibbli ma' kompetenzi ġodda, b'mod partikolari dawk diġitali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom;

Il-miżuri fir-rigward ta' ħaddiema iżgħar u dawk aktar imdaħħla fiż-żmien, u ħaddiema b'diżabilitajiet

96.  Jenfasizza l-ħtieġa għal, u l-importanza ta', miżuri speċjali u appoġġ għal min iħaddem, b'mod partikolari l-SMEs, biex jiġu megħjuna jtejbu l-kwalità u l-impjieg sostenibbli, jiżguraw taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol u joffru opportunitajiet għal żvilupp fil-karriera għal gruppi li jkunu żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħal żgħażagħ, ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, nisa, migranti, persuni b'diżabilità u dawk qiegħda fit-tul; jirrikonoxxi u jappoġġa r-rwol tas-servizzi tax-xogħol pubbliċi kif ukoll privati fil-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol kompetittivi u inklużivi; ifakkar fl-importanza tar-responsabilità soċjali u ekonomika min-naħa ta' min iħaddem u mill-istituzzjonijiet edukattivi, lejn l-impjegati kollha kif ukoll lejn is-soċjetà; jemmen li din ir-responsabilità soċjali għandha tkun meħtieġa wkoll mill-istituzzjonijiet responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

97.  Jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċaw iż-żgħażagħ meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, ifakkar l-importanza li jiksbu l-ewwel esperjenza tax-xogħol waqt l-istudji biex jiksbu ħiliet tal-impjegabilità u biex jagħmlu t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol aktar effiċjenti u effettiva; jirrimarka dwar il-potenzjal sottostanti għall-intraprenditorjat taż-żgħażagħ, u għaldaqstant jappella għar-responsabilità ta' min iħaddem u tal-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ bl-opportunità li jiksbu din l-esperjenza u li jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jiksbu l-aħjar ħiliet; jenfasizza ulterjorment l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u dawk li jħaddmu f'dan ir-rigward, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex isiru aktar favorevoli għan-negozju u biex jappoġġaw żgħażagħ fit-trasformazzjoni tal-ideat tagħhom fi pjanijiet ta' negozju ta' suċċess;

Proposti tal-politika u Rakkomandazzjonijiet

98.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestu f'setturi ekonomiċi ġodda innovattivi u promettenti sabiex iħeġġu l-investiment fl-UE bl-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjieg ġdid, ta' kwalità u sostenibbli li jwassal għal soċjetà aktar ġusta, sostenibbli u inklużiva; ikompli jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ekonomiċi u finanzjarji u biex iwettqu riformi fis-suq tax-xogħol li huma bbażati fuq indikaturi ċari, ibbażati fuq id-data u li jistgħu jitkejlu li bihom tista' tiġi ppruvata l-effikaċja;

99.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li, apparti l-promozzjoni aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi ta’ kwalità, inaqqsu s-segmentazzjoni, itejbu l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, inaqqsu l-faqar fost il-ħaddiema u jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma impjegati għal rashom;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni bikrija tat-tfal, u f'tagħlim bikri ta' lingwi barranin u ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fl-edukazzjoni primarja;

101.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-importanza tal-awtomatizzazzjoni bħala tendenza li tista' tnaqqar mill-importanza kwantitattiva ta' ħafna impjiegi, u biex il-programmi tat-taħriġ għall-persuni qiegħda jkunu diretti lejn it-tagħlim tal-ħiliet utli f'impjiegi mhux ta' rutina;

102.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jitgħallmu dwar l-aħjar prattiki u jieħdu l-pass minn dawn l-azzjonijiet ta' politika li jżid ir-rati tal-impjieg u jnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza u jimpenjaw ruħhom għal riformi aktar ambizzjużi li jkunu jserħufuq dawn il-prattiki; jistieden ulterjorment lill-Istati Membri jikkomparaw u jkejlu l-effikaċja ta' tali prattiki, biex jiżguraw il-bilanċ xieraq bejn l-adattabilità u s-sigurtà għall-ħaddiema u għan-negozjanti u biex iqisu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi fl-Istati Membri;

103.   Jistieden lill-ibliet u lir-reġjuni sabiex jiffokaw fuq edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, jiġġieldu kontra t-tluq bikri mill-iskola u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għaliex iż-żgħażagħ jeħtieġu bʼmod urġenti prospetti ġodda u għandu jsir dak kollu possibbli sabiex jiġu appoġġati;

104.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi kollettivi bħal netwerks ta' min iħaddem sabiex ikissru l-ostakli li jipprevjenu lil min iħaddem milli jwettaq pjanijiet aktar ambizzjużi għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol;

105.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu u jappoġġaw intrapriżi soċjali li jqisu r-responsabilità tagħhom rigward l-ambjent, il-konsumaturi u l-impjegati;

106.  Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu pagi minimi fil-kuntest tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-pagi, ibbażat fuq livell bażi għal kull Stat Membru li jiżgura dħul ta' paga diċenti permezz ta' mezzi legali jew permezz ta' ftehim b'konformità mal-prattiki nazzjonali;

107.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu t-tmexxija, il-ġestjoni u l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, pariri dwar start-ups tan-negozju u teknoloġiji tal-komunikazzjoni fil-programmi edukattivi tagħhom, inklużi strateġiji għat-tagħlim matul il-ħajja, u li jiġi prijoritizzat l-iżvilupp ulterjuri ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali u edukattiv (VET) inkluż it-titjib tal-artiġjanat Ewropew, filwaqt li jqisu d-differenzi bejn l-Istati Membri fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi edukattivi, u jevitaw approċċ ta' "wieħed tajjeb għal kulħadd";

108.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma Ewropea għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' ħiliet komuni għal attivitajiet u professjonijiet speċifiċi li tinkorpora r-rikonoxximent ta' ħiliet miksuba mix-xogħol volontarju;

109.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali bħala mod kif jirrikonoxxu l-kompetenzi miksuba permezz ta' edukazzjoni mhux formali, partikolarment fis-settur tal-volontarjat u taż-żgħażagħ, u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja;

110.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-involviment mill-qrib u sistematiku tal-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-impjegati, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u s-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, inkluż l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni bejniethom, sabiex jitrawmu rabtiet eqreb bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-post tax-xogħol, biex jiġu mqabbla l-provvista u d-domanda u biex jiġu antiċipati u pjanati l-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet u tal-kwalifiki fis-suq tax-xogħol;

111.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu inċentivi finanzjarji u ekonomiċi li jappoġġaw il-parteċipazzjoni f'edukazzjoni u taħriġ kontinwi sabiex tiġi żgurata fil-futur forza tax-xogħol b'ħiliet għolja; jirrakkomanda li tali inċentivi jiġu bbażati fuq indikaturi li jistgħu jiġu mkejla u bbażati fuq id-data li l-effikaċja tagħhom tista' tiġi pruvata;

112.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u tal-mexxejja tal-edukazzjoni sabiex jgħinuhom jużaw l-aktar metodi xierqa tat-tagħlim u jippermettu l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu XXI fost iż-żgħażagħ tal-Ewropa. jenfasizza ulterjorment l-importanza li l-għalliema jiġu pprovduti b'għarfien ibbażat fuq know-how li jorbot il-prattika mat-teorija, speċjalment fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jwasslu dan l-għarfien lill-istudenti;

113.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu passi rapidi u konkreti biex jimplimentaw politiki u leġislazzjoni attwali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u t-titoli akkademiċi madwar l-UE, bħala mezz għat-trawwim ta' mobilità intra-UE ġusta u l-indirizzar tal-problema ta' postijiet tax-xogħol battala;

114.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu previżjonijiet dwar swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, b'mod partikolari rigward sfidi li qed jinħolqu mill-globalizzazzjoni, kif ukoll previżjonijiet dwar impjiegi u ħiliet f'kull Stat Membru u b'mod wiesa' matul is-setturi;

o
o   o

115.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0110.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0010.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0037.
(6) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(7) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(8) Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" ta' Marzu 2015 maħruġ mill-Kummissjoni.
(9) Kummissjoni Ewropea (2013), L-iżviluppi fl-Impjieg u fis-Sitwazzjoni Soċjali fl-Ewropa
(10) Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" tat-13 ta' April 2015 tal-Kummissjoni Ewropea.

Avviż legali