Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2801(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0989/2015

Testi mressqa :

B8-0989/2015

Dibattiti :

PV 07/10/2015 - 17
CRE 07/10/2015 - 17

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0349

Testi adottati
PDF 281kWORD 92k
Il-Ħamis, 8 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija
P8_TA(2015)0349B8-0989/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija (2015/2801(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbiliti fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva u li min iniġġes għandu jħallas,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta' Barċellona) u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 fuq skart perikoluż(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE fuq skart perikoluż(2) (Lista Ewropea tal-Iskart),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat-18 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta' skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Motivata mibgħuta mill-Kummissjoni f'Ġunju 2015 lill-Ungerija fejn talbitha ttejjeb l-istandards ambjentali f'sit ieħor ta' tailings tat-tajn aħmar(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE(5) (id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li tipprevedi kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprevedi kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri​(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(8) (is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(9) (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE tal-20 ta' April 2009 dwar il-linji gwida tekniċi għall-istabbiliment tal-garanzija finanzjarja skont id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kunċett ta' faċilità għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali fl-UE kollha(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "L-isfidi u l-ostakoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali" (rapport finali mħejji għall-Kummissjoni - DĠ Ambjent, 2013),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija (O-000096/2015 – B8-0757/2015 u O-000097/2015 – B8-0758/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-4 ta' Ottubru 2010, il-kollass ta' ġibjun tal-iskart fl-Ungerija rrilaxxa madwar miljun metru kubu ta' tajn aħmar b'livell għoli ta' alkalina, għarraq diversi rħula, ħalla għaxar persuni mejta u kważi 150 midruba, u niġġes żoni kbar ta' art, inklużi erba' siti ta' Natura 2000;

B.  billi t-tajn aħmar f'dan il-ġibjun tal-iskart kien skart perikoluż skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE;

C.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tindika b'mod ċar li t-tajn aħmar għandu jiġu kklassifikat bħala skart perikoluż fin-nuqqas ta' prova għal kuntrarju; billi din id-Deċiżjoni ilha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2015;

D.  billi hemm riskju li, fil-passat, it-tajn aħmar seta' ġie kklassifikat b'mod żbaljat bħala skart mhux perikoluż anke fi Stati Membri oħra, u b'hekk ta lok għal permessi difettużi;

E.  billi t-tajn aħmar huwa skart tal-estrazzjoni skont id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sikurezza dwar l-immaniġġar tal-iskart tal-estrazzjoni, inter alia fuq il-bażi tal-aħjar tekniki disponibbli;

F.  billi hemm ukoll problemi serji ta' tniġġis ambjentali minħabba attivitajiet ta' estrazzjoni oħrajn (pereżempju l-użu taċ-ċjanur fit-tħaffir għad-deheb) jew skart perikoluż trattat b'mod mhux xieraq f'diversi Stati Membri;

G.  billi r-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE hija mmirata li ssaħħaħ il-konformità u tikkontribwixxi għal implimentazzjoni u infurzar aktar konsistenti tal-liġi ambjentali tal-UE;

H.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008, il-Parlament iddeskriva l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fl-Istati Membri bħala mhux kompluta u inkonsistenti, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali qabel l-aħħar tal-2009;

I.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jiddikjara li l-UE se testendi r-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għall-ġabra usa' ta' liġi ambjentali, u tiżviluppa ulterjorment il-kapaċità ta' appoġġ għall-ispezzjoni fil-livell tal-UE;

J.  billi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (DRA) hija mmirata li tistabbilixxi qafas ta' responsabbiltà ambjentali bbażat fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", u tesiġi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' strumenti u swieq ta' sigurtà finanzjarja mill-operaturi ekonomiċi u finanzjarji xierqa; billi l-Artikolu 18(2) obbliga lill-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill qabel it-30 ta' April 2014, li sa issa għadu ma ġiex sottomess;

K.  billi r-rapport tal-2013 imħejji mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali kkonkluda li "it-traspożizzjoni tad-DRA fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri ma rriżultatx f'kundizzjonijiet ekwi" iżda "f'mużajk ta' sistemi ta' responsabbiltà biex tiġi evitata u rimedjata l-ħsara ambjentali madwar l-UE";

L.  billi fl-2010, b'reazzjoni għad-diżastru tat-tajn aħmar, il-Kummissjoni ddikkjarat li se terġa' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata anki qabel ir-rieżami tad-DRA li għandu jsir sal-2014;

1.  Jinnota li d-diżastru tat-tajn aħmar tal-2010 kien l-agħar katastrofi industrijali tal-Ungerija, u jfakkar il-vittimi fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju minn dan l-avveniment traġiku;

2.  Jirrikonoxxi l-interventi rapidi u effikaċi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-fażi tar-rispons għall-kriżi u l-isforzi kbar magħmula mis-soċjetà ċivili waqt id-diżastru bla preċedent;

3.  Ifakkar li l-Ungerija skattat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u ospitat tim Ewropew ta' esperti inkarigati biex joħorġu b'rakkomandazzjonijiet, inter alia dwar kif għandhom jitfasslu l-aqwa soluzzjonijiet sabiex jiġu evitati u jittaffew id-danni;

4.  Jinnota li d-diżastru tat-tajn aħmar jista' jiġi marbut mal-implimentazzjoni fqira tal-liġijiet tal-UE, in-nuqqasijiet fl-ispezzjonijiet, id-disparitajiet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-prestazzjoni tal-operatur tas-sit;

5.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li jidher li kważi ma tgħallimna ebda lezzjoni fl-aħħar ħames snin, peress li implimentazzjoni fqira tal-liġijiet tal-UE rilevanti u tal-konvenzjonijiet internazzjonali kif ukoll nuqqasijiet fl-ispezzjoni jibqgħu jippersistu u kważi ebda lakuna ma ngħalqet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

6.  Jidentifika d-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri u l-Lista Ewropea tal-Iskart bħala oqsma ta' tħassib partikolari;

7.  Huwa mħasseb li jeżistu siti simili f'bosta Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jitwettqu l-ispezzjonijiet xierqa;

8.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li għandhom għadajjar tat-tajn aħmar jagħmlu analiżi dwar jekk it-tajn aħmar ġiex korrettament ikklassifikat bħala perikoluż u jirrevedu kwalunkwe permess ibbażat fuq klassifikazzjonijiet żbaljati mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jieħdu azzjoni u jirrappurtaw lill-Kummissjoni kif xieraq, u jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2016;

9.  Iqis li huwa essenzjali li titqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tad-diżastri, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li seħħew ukoll xi inċidenti ambjentali simili fi Stati Membri oħra;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-UE u tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha fir-rigward mhux biss tal-produzzjoni tal-aluminju u tal-immaniġġar ambjentalment korrett tat-tajn aħmar, iżda wkoll għall-immaniġġar ambjentalment korrett ta' skart perikoluż b'mod ġenerali;

11.  Jenfasizza li l-aħjar tekniki disponibbli fil-ġestjoni tal-iskart tal-estrazzjoni għandhom jiġu applikati b'mod strett, u jitlob li jkun hemm bidla sħiħa għall-użu tat-teknoloġiji tar-rimi niexef sal-aħħar tal-2016, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal tniġġis fl-arja jew fl-ilma;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fil-prevenzjoni u t-trattament tal-iskart perikoluż;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq linji gwida għat-twettiq ta' testijiet tal-istress fuq minjieri eżistenti b'għadajjar ta' tailings kbar;

14.  Jemmen li prevenzjoni tat-tniġġis effikaċi teħtieġ regoli stretti għall-ispezzjonijiet ambjentali u azzjoni xierqa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-korpi ta' spezzjoni ambjentali nazzjonali tagħhom biex ikunu jistgħu jwettqu kontrolli trasparenti, regolari u sistematiċi tas-siti industrijali, inter alia billi jiżguraw indipendenza, jipprovdu riżorsi xierqa u jiddefinixxu responsabbiltajiet ċari, u billi jippromwovu kooperazzjoni msaħħa u azzjonijiet koordinati;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu s-sorveljanza, jibnu fuq strumenti eżistenti vinkolanti u mhux vinkolanti, filwaqt li jevitaw piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

17.  Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali li ma tpoġġix piż finanzjarju addizzjonali fuq l-industrija;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-kriterji vinkolanti għall-ispezzjonijiet tal-Istati Membri biex ikopru ġabra usa' tal-acquis ambjentali tal-UE, u biex jiżviluppaw kapaċità ta' appoġġ ta' spezzjoni ambjentali fil-livell tal-UE;

19.  Huwa mħasseb li differenzi sinifikanti bejn is-sistemi ta' responsabbiltà jistgħu jfixklu l-istandards komuni tal-UE u jesponu lil xi Stati Membri u reġjuni għal riskju akbar ta' diżastri ambjentali u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom;

20.  Iqis li hu ta' dispjaċir li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan qabel tmiem l-2015;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, waqt ir-rieżami kontinwu tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, li l-proposta għal reviżjoni timplimenta bis-sħiħ il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga kif id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE ġiet implimentata fl-Istati Membri u jekk il-limiti għall-istrumenti ta' sigurtà finanzjarja stabbiliti humiex suffiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza fl-aspetti finanzjarji tar-rimedju tad-diżastru ambjentali, inkluż il-kumpens finanzjarju lill-vittmi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan qabel tmiem l-2016;

25.  Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart perikoluż, u fl-ippjanar ta' miżuri tal-ġestjoni tar-riskju;

26.  Jistieden lill-awtoritajiet responsabbli biex b'mod regolari jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-istat ta' tniġġis u l-impatti possibbli fuq il-fawna u l-flora, kif ukoll fuq is-saħħa tal-popolazzjonijiet lokali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora aktar il-kunċett ta' faċilità għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali madwar l-UE kollha, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, sabiex ikopri l-ispejjeż possibbli lil hinn minn livell għoli ta' garanziji finanzjarji obbligatorji;

28.  Iqis li tali faċilità speċjalizzata għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali bbażata fl-UE għandha tkopri wkoll ir-rimedju ta' piżijiet ambjentali antiki li għadhom jikkostitwixxu perikli għas-soċjetà u li għalihom, minħabba l-qafas ġuridiku eżistenti, ma hemm ebda waħda oġġettivament responsabbli li tista' tkopri l-ispejjeż tar-riabilitazzjoni;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà fil-livell tal-UE f'każ ta' diżastri ambjentali u industrijali;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.
(2) ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.
(3) ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44.
(4) Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda Informattiva: Il-pakkett ta' proċeduri ta' ksur għax-xahar ta' Ġunju: id-deċiżjonijiet ewlenin; http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5162_mt.htm
(5) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(6) ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41.
(7) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 67.
(8) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(9) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(10) ĠU L 101, 21.4.2009, p. 25.
(11) Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents. Rapport finali. Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, 17 ta' April 2013; http://ec.europa.eu/environment/archives/liability/eld/eldfund/pdf/Final%20report%20ELD%20Fund%20BIO%20for%20web2.pdf

Avviż legali