Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0277/2015

Testi mressqa :

A8-0277/2015

Dibattiti :

PV 27/10/2015 - 14
CRE 27/10/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 28/10/2015 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0384

Testi adottati
PDF 384kWORD 132k
L-Erbgħa, 28 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020
P8_TA(2015)0384A8-0277/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 (2014/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-istabbiliment u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-iżvilupp u ta' governanza tajba f'reġjuni u bliet tal-UE", tat-23 ta' Lulju 2014 (minn hawn' il quddiem "is-Sitt Rapport ta' Koeżjoni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8),

–  wara li kkunsidra t-tmien rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat "Id-dimensjoni reġjonali u urbana tal-kriżi" tas-26 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' Programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2011 intitolata "Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti finanzjarji innovattivi - il-pjattaforma tal-UE tal-ekwità u tad-dejn" (COM(2011)0662),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 intitolata 'L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-patt tal-istabbiltà u tkabbir' (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni) fid-19 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali(14),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma intitolat "Pjan ta' Azzjoni għal strateġija Ewropa 2020 riveduta: il-kontribut tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 tal-Kumitat tar-Reġjuni"(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Jannar 2015 dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni tal-Kummissjoni(16),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2015 intitolata "Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 intitolata 'L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir' (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0277/2015),

A.  billi l-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-UE għall-investiment, it-tkabbir u l-iżvilupp allinjata mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u li għandha l-għan li tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni u tippromwovi l-konverġenza, b’baġit ta’ EUR 351,8 biljuni sa tmiem l-2020; billi l-UE qed tkompli tħabbat wiċċha mal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja — livell għoli ta’ qgħad, u pass irregolari u kajman ta' rkupru ekonomiku; u billi l-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tiżgura li l-enerġiji u l-kapaċitajiet kollha jiġu mobilizzati u ffokati fuq il-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

B.  billi huwa kruċjali li l-inizjattivi differenti tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll għall-ħarsien ambjentali u tal-klima, iżommu approċċ koerenti; billi l-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiżvolġu rwol ewlieni għat-titjib tal-koordinazzjoni fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; billi m’hemm ebda mekkaniżmu espliċitu integrat fid-dispożizzjonijiet tal-programmazzjoni jew tar-rappurtar li jiffoka b’mod espliċitu fuq l-inizjattivi emblematiċi f’termini tal-kontribut tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għat-twettiq tagħhom; billi se jkun hemm bżonn li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jindirizza l-implimentazzjoni tal-inizjattivi emblematiċi u jimmira li jsib bilanċ bejn il-miżuri finanzjarji, fiskali u ekonomiċi fuq in-naħa l-waħda u l-aspetti soċjali, edukattivi, ambjentali u tal-ugwaljanza (speċjalment l-ugwaljanza bejn is-sessi) fuq in-naħa l-oħra;

C.  billi teżisti ħtieġa dejjem tikber għal sjieda konġunta aktar soda tal-istrateġija min-naħa tal-livelli differenti tal-governanza u tal-atturi differenti involuti, u għal responsabilità kondiviża bid-drittijiet u l-obbligi korrispondenti fil-livelli kollha ta’ implimentazzjoni; billi l-governanza u s-sħubija fuq diversi livelli jeħtieġ li jissaħħu, peress li dawn il-prinċipji għandhom il-potenzjal li jindirizzaw in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva;

D.  billi l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni bla dubju ta’ xejn evolvew maż-żmien biex jappoġġaw l-investiment fil-prijoritajiet ewlenin tal-UE, u wrew l-adattabilità u l-effikaċja tagħhom, filwaqt li żammew it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni bħala l-objettiv ċentrali, saħħew il-potenzjal tar-reġjuni u ppromovew l-iżvilupp sostenibbli; billi l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jintroduċi elementi ġodda fl-istrateġija ġenerali tal-UE mmirata lejn il-ħolqien ta' tkabbir innovattiv, sostenibbli u inklussiv u impjiegi bi kwalifiki għoljin;

E.  billi r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jqis l-effetti serji u inugwali li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha fuq l-Istati Membri u r-reġjuni, u għandu jkun intelliġenti u bbilanċjat għal raġunijiet ta’ koerenza u effikaċja; billi jista’ madankollu jikkunsidra miżuri oħra, bħal pereżempju l-infrastruttura, is-suq intern u miżuri tal-kapaċità amministrattiva; billi għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi territorjali differenti, u tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni tal-UE msemmija fl-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE;

F.  billi r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, għalkemm ġie postpost fl-2015, hu fuq kollox opportunità biex jiġi vvalutat (u rikonoxxut) il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni biex jinkisbu l-miri tal-istrateġija u biex jitjiebu l-interazzjonijiet u r-rabtiet eżistenti bejn diversi politiki tal-UE u mal-baġit tal-UE, bil-ħsieb li dawn jaġixxu bħala xprun effettiv għall-implimentazzjoni tal-istrateġija; billi dan l-istadju huwa essenzjali għat-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni futura, bħala politika tal-investiment fil-livell tal-UE, filwaqt li tingħata prijorità għat-tnaqqis tad-disparitajiet tal-iżvilupp u jiġi aċċellerat mill-ġdid il-proċess ta’ konverġenza;

L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-interrelazzjoni tagħha mal-politika ta' koeżjoni

1.  Ifakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija strateġija komprensiva u fit-tul għal "tkabbir u impjiegi" tal-Unjoni Ewropea, imsejsa fuq ħames objettivi ambizzjużi: l-impjiegi, l-innovazzjoni, it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà tal-enerġija, l-edukazzjoni, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li l-objettivi huma akkumpanjati minn seba’ inizjattivi emblematiċi u jinnota li l-isfidi identifikati fl-2010 ġew indirizzati b’mod inugwali u li l-progress fil-livell tal-UE fir-rigward tal-ilħuq ta’ wħud minnhom, bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-qgħad, għadu moderat; jenfasizza li l-UE għandha tikkonċentra fuq it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll fuq impjiegi deċenti sabiex jinkisbu benefiċċji fit-tul mill-investimenti tagħha;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-progress fl-ugwaljanza bejn is-sessi jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali;

3.  Jirrimarka li qafas tal-governanza ekonomika tal-UE u l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni tiegħu, is- "Semestru Ewropew", ġew stabbiliti fl-2010 biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali tal-Istati Membri, ir-riformi strutturali u allinjament aħjar tal-politiki baġitarji nazzjonali dwar it-tkabbir u l-impjiegi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-istrateġija; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li għad iridu jiġu indirizzati l-isfidi ta' koordinazzjoni u ta' sinkronizzazzjoni ulterjuri;

4.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għall-2007-2013, allinjata mal-predeċessur tagħha, l-Istrateġija ta' Lisbona u bl-istess objettivi ewlenin, kienet diġà fil-fażi ta' implimentazzjoni meta tnediet l-Istrateġija Ewropa 2020, u li programmazzjoni mill-ġdid skont l-objettivi tal-istrateġija l-ġdida għalhekk kienet tkun diffiċli u kontroproduttiva; jirrimarka, madankollu, li, fi żmien ta’ kriżi ekonomika globali, il-politika ta’ koeżjoni ma kinitx biss l-uniku sors ta’ investiment għal ħafna Stati Membri, iżda wkoll, permezz tas-sistema ta' allokazzjoni rikjesta mill-Istrateġija ta’ Lisbona, appoġġat u kkontribwiet b’mod sostanzjali għall-politiki tal-pajjiżi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, kif juri s-sitt rapport ta’ koeżjoni u bosta komunikazzjonijiet u studji tal-Kummissjoni; ifakkar li maż-żmien l-Istrateġija ta’ Lisbona tilfet l-impenn tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet, u li governanza tal-Ewropa 2020 hija partikolarment konsistenti mal-prinċipji u l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, li jista’ jiżgura impenn ta' sjieda konġunta fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet ex post għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, biex tipprovdi informazzjoni dwar l-output u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati kif ukoll il-kontribut konkret tal-politika ta' koeżjoni għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza kemm hu importanti li jinftehmu r-realtajiet u l-limitazzjonijiet tal-evidenza disponibbli dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-ilħuq tal-objettivi komprensivi tal-istrateġija u li jitqies it-taqlib li ġarrbu l-ekonomiji tal-UE, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-pajjiżi li ntlaqtu ħażin ħafna waqt il-kriżi; japprezza li dawk il-konklużjonijiet jafu jkunu siewja għall-implimentazzjoni attwali tal-istrateġija;

6.  Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija l-istrument ewlieni tal-UE, li jkopri r-reġjuni kollha, għal investiment fl-ekonomija reali, u sservi bħala l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea billi testendi t-tkabbir u l-prosperità u tnaqqas id-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali; jindika li l-politika ta’ koeżjoni hija kompletament allinjata mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tipprovdi l-qafas ta’ investiment meħtieġ, iżda mhix sempliċiment għodda għall-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li permezz tal-konċentrazzjoni tematika, il-Fondi SIE skont l-arkitettura l-ġdida huma orjentati lejn 11-il objettiv tematiku derivati direttament mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li l-prekundizzjonijiet marbuta direttament ma’ dawn l-objettivi tematiċi ġew stabbiliti sabiex jiġi żgurat li l-investimenti jsiru b’mod li jimmassimizza l-effikaċja tagħhom; jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan l-approċċ ġdid, li se jikkontribwixxi biex tiżdied l-effikaċja tal-infiq;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-politika ta’ koeżjoni qed tiżviluppa sinerġiji ma’ politiki oħra tal-UE bħas-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija, is-suq uniku tal-kapital u l-politika soċjali u li, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tagħha, inklużi l-istrateġiji makroreġjonali, l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, tkabbir intelliġenti u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, qed tikkontribwixxi sostanzjalment biex jissaħħaħ is-suq uniku u biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob f’dan il-kuntest lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Ewropa biex ifasslu strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u jisfruttaw is-sinerġiji bejn id-diversi strumenti tal-UE, nazzjonali u reġjonali, kemm pubbliċi kif ukoll privati;

8.  Jindika l-konnessjoni ma’ proċess ta’ governanza ekonomika usa’ permezz ta’ miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika soda; jistieden lill-Istati Membri jaġixxu b’responsabilità sħiħa sabiex safejn ikun possibbli tiġi evitata l-applikazzjoni tagħhom u sabiex ikunu prevenuti l-impatti negattivi fuq l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE u fuq l-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li għandu jingħata appoġġ lill-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet baġitarji temporanji; jilqa’ l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (COM(2015)0012) bil-għan li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-investiment, ir-riformi strutturali u l-użu tar-riżorsi biex ikun promoss it-tkabbir sostenibbli fit-tul u jiġi faċilitat il-progress lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020;

9.  Jenfasizza bi tħassib id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; jirrimarka li, għalkemm maġġoranza kbira tal-programmi operazzjonali issa ġew miftiehma, l-implimentazzjoni nnifisha għadha fi stadju bikri ħafna; jenfasizza, madankollu, li jistgħu jsiru valutazzjonijiet fir-rigward tal-orjentar tar-riżorsi tal-politika lejn prijoritajiet li jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u impjiegi; jinnota, f'dan il-kuntest, li skont l-ewwel evalwazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni, l-ammonti allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs, l-ICT, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-bini tal-kapaċità żdiedu sostanzjalment meta mqabbla mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, filwaqt li l-livell ta' appoġġ għat-trasport u l-infrastruttura ambjentali naqas; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-mument tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE 2014-2020 jaf xorta tkun għadha nieqsa, u li, bħala riżultat, evalwazzjoni konkreta tal-kontribut ta’ dawn il-fondi biex jinkisbu l-miri tal-istrateġija jaf xorta ma tkunx possibbli f’dak l-istadju; japprezza l-fatt li l-Istati Membri ħadu azzjoni, pereżempju biex jiżguraw li 20 % tar-riżorsi tagħhom jintefqu fuq l-azzjoni klimatika;

10.  Jirrikonoxxi li t-twaqqif ta’ qafas tal-prestazzjoni u l-introduzzjoni ta' kundizzjonalitajiet ex ante u rabtiet mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 jistgħu jipprovdu ambjent ta’ investiment aħjar għall-massimizzazzjoni tal-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-kisba tal-miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Il-momentum tar-rieżami u l-isfidi relatati

11.  Ifakkar li l-Kummissjoni nediet il-proċess ta' rieżami tal-istrateġija fl-2014 billi ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha intitolata "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", u jħoss li hi ħasra li ma saritx referenza biżżejjed għall-politika ta' koeżjoni u l-istrumenti assoċjati f'dak id-dokument; japprezza l-fatt li l-proċess kompla b'konsultazzjoni pubblika li saret bejn Mejju u Ottubru 2014 bil-għan li tinġabar evidenza għall-proċess ta' rieżami, u jilqa' l-fatt li r-rilevanza tal-istrateġija u s-sinifikat tal-għanijiet u l-prijoritajiet tagħha ġew ikkonfermati;

12.  Jinnota li jitqies li l-inizjattivi emblematiċi qed iservu l-iskop tagħhom, iżda jenfasizza wkoll il-fatt li l-viżibbiltà tagħhom hi meqjusa pjuttost baxxa; jiddispjaċih li l-kriżi ekonomika u finanzjarja aggravat id-disparitajiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li ma sar biżżejjed progress fir-rigward ta' bosta mill-miri ewlenin tal-istrateġija, speċjalment dawk relatati mal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-faqar u l-esklużjoni soċjali; jilqa' l-konklużjoni magħmula dwar il-ħtieġa li jissaħħu s-sjieda u l-involviment fil-post, billi jiġu kkonsolidati s-sħubiji vertikali u orizzontali bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istrateġija; jenfasizza li l-istrateġija għandha tinkoraġġixxi l-bidla minn orjentazzjoni tal-proċess u l-eżitu għal approċċ ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati reali sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ effiċjenza u l-effikaċja possibbli għall-politiki tal-UE marbuta magħhom;

13.  Jilqa' l-pubblikazzjoni regolari mill-Eurostat ta' indikaturi tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob, madankollu, ammont akbar ta' dettalji reġjonali, u li dawn ikunu aktar preċiżi, fir-rigward tad-data pprovduta fil-livelli NUTS II u NUTS III, li se tkun ta’ importanza dejjem akbar minħabba l-problemi ekonomiċi u soċjali mhux previsti f’diversi reġjuni tal-UE, irrispettivament mil-livell ta’ żvilupp tagħhom; jirrimarka, barra minn hekk, t-tliet dimensjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni: ekonomika, soċjali u territorjali — u jqis, fid-dawl ta’ dan, li m’għandux jitkejjel biss fuq il-bażi ta’ indikaturi ekonomiċi; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu d-diskussjoni u jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni aktar effiċjenti fl-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi aktar inklużivi li jikkomplementaw il-PDG, bil-ħsieb li jkunu aktar rilevanti għall-evalwazzjoni tal-progress li sar għall-ilħuq tal-objettivi prijoritarji tal-Istrateġija Ewropa 2020;

14.  Jinnota li l-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 hi mistennija qabel tmiem l-2015 u jiddispjaċih dwar dan id-dewmien, peress li inizjalment kienet ipprogrammata għall-bidu tal-2015; jenfasizza li, għal darba oħra, din se sseħħ f’mument pjuttost "inopportun" fiċ-ċiklu tal-politika ta’ koeżjoni, meta jkun qed jiżvolġi l-proċess ta’ implimentazzjoni effettiva; jenfasizza, barra minn hekk, li programmazzjoni mill-ġdid bikrija tkun kompletament kontroproduttiva għall-ippjanar strateġiku fit-tul tal-politika ta' koeżjoni;

15.  Jilqa’ t-twaqqif ta’ task force għal implimentazzjoni aħjar tal-fondi tal-UE; jilqa’ wkoll it-twaqqif tas-'Servizz ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali', li uffiċjalment beda jiffunzjona fl-1 ta’ Lulju 2015 u li se jipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri bil-għan ta' implimentazzjoni aktar effettiva tar-riformi strutturali u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

16.  Jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li jeħtieġ titqies l-evoluzzjoni tal-perspettiva ekonomika, l-użu ta' strumenti ġodda, il-progress li jkun sar lejn l-objettivi tal-istrateġija u l-ħtieġa konsegwenti li jsiru aġġustamenti operazzjonali;

17.  Jitlob għalhekk li l-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 ikun intelliġenti u bbilanċjat, u li jkun iffokat fuq titjib fl-interrelazzjonijiet bejn il-ħames objettivi tal-istrateġija u l-inizjattivi emblematiċi tagħha u fuq l-identifikazzjoni ta' metodi ta' kif jistgħu jiġu implimentati u evalwati aħjar mingħajr ma jinħolqu saffi addizzjonali ta' kumplessità u piż amministrattiv eċċessiv; jenfasizza li dan għandu jqis il-punti sodi u d-dgħjufijiet tal-ekonomija tal-UE, l-inugwaljanzi li qed jikbru (bħal pereżempju fil-ġid), il-livell għoli ta’ qgħad u l-livell għoli ta’ dejn pubbliku; jenfasizza li, b’mod parallel mal-enfasi fuq il-kriterji makroekonomiċi tal-governanza fiskali u ekonomika, għandha ssir ħidma biex jitlaħqu l-miri ewlenin kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020; iqis li għandha tingħata wkoll attenzjoni lil sostenibbiltà ambjentali u soċjali akbar, u aktar inklużjoni soċjali u ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ kontinwu mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fit-titjib tal-kapaċità amministrattiva;

18.  Itenni t-talbiet tiegħu biex jissaħħu d-dimensjonijiet tar-responsabbiltà, tas-sjieda, tat-trasparenza u tal-parteċipazzjoni tal-istrateġija billi jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet konċernati u interessati rilevanti kollha tas-soċjetà ċivili mit-tfassil tal-miri u l-iżvilupp tal-objettivi sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija; jinsisti dwar l-importanza kruċjali ta’ struttura tal-governanza msaħħa bbażata fuq il-governanza f’diversi livelli, strutturi ta’ inċentivi, approċċ effettiv b'taħlita tal-approċċi minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq, il-mudell ta’ sħubija tal-politika ta’ koeżjoni u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat b’mod ġenerali, għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati kollha, sabiex tiġi żgurata kapaċità effettiva biex jinkisbu l-għanijiet fit-tul; ifakkar li, skont l-oqfsa istituzzjonali u legali tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll għall-investiment pubbliku u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

19.  Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-partijiet konċernati fil-proġett tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jiġi mġedded fil-forma ta’ patt bejn dawk is-sħab, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, sabiex tkun żgurata s-sjieda u l-parteċipazzjoni, filwaqt li għandu jiġi adottat kodiċi ta’ kondotta simili għal dak dwar is-sħubija, introdott permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ġenwinament territorjali għall-istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li l-interventi u l-investimenti pubbliċi jiġu aġġustati skont il-karatteristiċi territorjali u l-ħtiġijiet speċifiċi differenti; iqis li huwa ta’ importanza kbira li jitqarrbu lejn xulxin l-approċċ ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-approċċ territorjali tal-Aġenda Territorjali 2020 (TA 2020); huwa tal-fehma, barra minn hekk, li miri reġjonali volontarji mfassla apposta tal-Ewropa 2020 għandhom ikunu possibbli, u għandhom jiġu diskussi fil-livell reġjonali mingħajr ma jiżdied il-piż burokratiku fil-post; jenfasizza li tali miri reġjonali speċifiċi volontarji għandhom ikunu konsistenti mal-arkitettura ġenerali tal-istrateġija u jiġu inklużi fi ħdan il-miri ddefiniti minn qabel; ifakkar ukoll, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ strateġiji tal-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

21.  Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti tal-bliet u ż-żoni urbani bħala xprun għat-tkabbir u l-impjiegi, u jesiġi li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jqis ukoll approċċ olistiku usa' għall-iżvilupp futur tal-bliet bħala entitajiet li jaqdu rwol attiv fl-ilħuq tal-objettivi tal-Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tqis kif jixraq id-Dikjarazzjoni ta’ Riga dwar l-Aġenda Urbana, fid-dawl tar-rwol fundamentali li jiżvolġu ż-żoni urbani, ikunu ta' liema daqs ikunu; jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal strateġija li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta' żoni urbani żgħar u ta’ daqs medju fuq il-bażi ta’ approċċ li jibni sinerġiji mal-Aġenda Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar ir-rwol ta' aspetti territorjali bħala fatturi ta' tkabbir ekonomiku, ħolqien ta' impjiegi u żvilupp sostenibbli, u jesiġi li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jindirizza l-impatti territorjali u jipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati; itenni l-importanza ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward, minħabba li dawn għandhom irwol importanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp territorjali; jenfasizza wkoll ir-rwol li l-istrateġiji makroreġjonali u l-kooperazzjoni territorjali Ewropea b’mod ġenerali jista’ jkollhom fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, peress li ħafna proġetti tal-iżvilupp jinvolvu żoni transkonfinali, inklużi bosta reġjuni u pajjiżi, u huma kapaċi jiżviluppaw reazzjonijiet ibbażati fuq il-post għall-isfidi fit-tul;

23.  Jinnota l-importanza tal-istrument tal-investiment ġdid tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li se jappoġġa l-mobilizzazzjoni ta’ massimu ta' EUR 315 biljun f’investimenti, bil-għan li titnaqqas id-differenza fl-investiment fl-UE u li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-infiq pubbliku; jenfasizza li l-FEIS għandu jkun addizzjonali għall-Fondi SIE, u jikkomplementahom; jiddispjaċih dwar il-fatt li mhuwiex marbut b’mod ċar mal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jqis li, permezz tal-objettivi tiegħu u l-għażla ta’ proġetti sostenibbli u vijabbli għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija f’oqsma speċifiċi;

24.  Jenfasizza, barra minn hekk, li huwa essenzjali li jiġu żgurati koerenza u s-sinerġiji totali bejn l-istrumenti kollha tal-UE, billi jiġu kkunsidrati l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala wieħed mill-istrumenti ta’ investiment ewlenin, sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta’ implimentazzjoni tal-politiki; jitlob, għaldaqstant, li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jikkonfermaha bħala l-qafas strateġiku fit-tul tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi u jindirizza din l-isfida ta' koordinazzjoni tal-istrumenti tal-politiki, inkluż l-FEIS, bil-ħsieb li r-riżorsi disponibbli kollha jintużaw b'mod effettiv u li jinkisbu r-riżultati mistennija fir-rigward tal-miri strateġiċi komprensivi;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tal-UE u fil-perspettiva tar-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, biex meta tkun qed tirrieżamina l-miri u l-għanijiet tal-istrateġija tqis il-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet ta’ territorji speċifiċi, bħal dawk taż-żoni rurali, iż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, il-gżejjer, ir-reġjuni transkonfinali, ir-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE, f’konformità mal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE; jindika, f’dan il-kuntest, il-potenzjal ta' dawn ir-reġjuni f’oqsma bħall-bijoteknoloġija, l-enerġija rinnovabbli u l-bijodiversità;

26.  Jenfasizza r-riżultati mtejba li jirriżultaw meta tiżdied il-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, permezz tal-użu koordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-programm Orizzont 2020 fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex issaħħaħ l-interazzjonijiet u s-sinerġiji kollha possibbli bejn dawn iż-żewġ oqfsa politiċi importanti fir-rieżami tal-miri u l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li twaqqaf sistema ta’ rintraċċar ibbażata fuq l-internet għall-identifikazzjoni ta' każijiet ta’ taħlit ta’ finanzjament mill-Fondi SIE ma' Orizzont 2020, FEIS u programmi oħra ffinanzjati mill-Komunità; jilqa’ wkoll il-pjan li jiġi introdott "siġill ta’ eċċellenza" għal dawk l-applikanti li jiġu evalwati bħala eċċellenti iżda ma jkunux jistgħu jiksbu finanzjament minn Orizzont 2020, sabiex jgħinuhom jaċċessaw il-Fondi SIE;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi proċess kontinwu ta’ valutazzjoni koerenti sabiex jivvaluta regolarment il-progress tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jissuġġerixxi miżuri xierqa għall-kisba tagħhom, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-PE li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ta’ koeżjoni b’mod koordinat, mhux biss fi ħdan il-Parlament, iżda wkoll mal-istituzzjonijiet rilevanti kollha; jitlob, f’dan ir-rigward, l-involviment f’waqtu tal-Parlament fid-diskussjonijiet rilevanti kollha mmirati lejn it-tfassil tal-politiki koperti mill-istrateġija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tagħhom; jindika l-importanza li f’dawn l-iskambji ta' fehmiet jiġu mobilizzati wkoll il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u reġjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali,u l-partijiet konċernati interessati oħra;

Il-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni — titwila aktar fit-tul

28.  Iqis li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020, li probabbilment se jsir qabel it-tnedija tal-proposta għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2014-2020, se jipprovdi l-bażi għall-arkitettura ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020, kif ukoll għal strumenti oħra tal-QFP; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tħassib kollu msemmi hawn fuq, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-approċċ strateġiku; ifakkar, barra minn hekk, il-valur miżjud ta’ politika ta’ koeżjoni mifruxa mal-UE kollha, li jeħtieġ li tibqa' wieħed mill-istrumenti prinċipali ta’ investiment tal-UE għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni tal-klima, filwaqt li tiżgura żvilupp bilanċjat u armonjuż fl-UE, bħala katalista għall-bidla u stimolu tal-prosperità, anke fir-reġjuni inqas żviluppati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell sostenibbli ta’ finanzjament għall-Fondi SIE wara l-2020;

29.  Jirrimarka li kemm il-politika ta’ koeżjoni ġejjiena kif ukoll l-istrateġija fit-tul tal-UE ġejjiena għandhom jiġu abbozzati qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Kummissjoni, peress li se jkun hemm l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019, u li dan jimponi restrizzjonijiet ta’ żmien speċifiċi sinifikanti fuq il-koleġiżlaturi fir-rigward tal-kalendarju għan-negozjati, u fuq il-Kummissjoni l-ġdida u l-Istati Membri fir-rigward tal-preparazzjoni u l-adozzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija ġodda u l-programmi operazzjonali ġodda qabel il-bidu tal-QFP li jmiss; jinnota, fl-istess ħin, li se jkunu bdew in-negozjati dwar il-QFP ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tqis ir-restrizzjonijiet speċifiċi kollha li jinħolqu minħabba l-interkonnessjonijiet u r-rekwiżiti tal-koordinazzjoni taż-żmien u biex tiżviluppa approċċ koerenti fir-rigward tal-istrateġija ġejjiena fit-tul għat-tkabbir u impjiegi sostenibbli tal-UE, il-baġit tal-UE, il-politika ta' koeżjoni b'mod partikolari u strumenti oħra taħt il-QFP;

o
o   o

30.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(8) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0002.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0015.
(11) Testi adottati, P7_TA(2014)0132.
(12) Testi adottati, P8_TA(2014)0068.
(13) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98.
(14) ĠU C 19, 21.1.2015, p. 9.
(15) https://portal.cor.europa.eu/europe2020/SiteCollectionDocuments/2459-brochure-BlueprintEU2020.pdf
(16) ĠU C 242, 23.7.2015, p. 43.

Avviż legali