Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1093/2015

Testi mressqa :

B8-1093/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0389

Testi adottati
PDF 275kWORD 87k
Il-Ħamis, 29 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol
P8_TA(2015)0389B8-1093/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (2015/2820(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2015 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (COM(2015)0462),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (COM(2014)0902),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) tad-9 ta’ Marzu 2015 bit-titolu “L-istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2015: Gwida politika dwar politiki soċjali u dawk dwar l-impjiegi(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Istudju tal-European Social Policy Network (ESPN) intitolat "Integrated support for the long-term unemployed: a study of national policies – 2015)",

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar l-integrazzjoni ta’ persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (O-000121/2015 – B8-1102/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, b’riżultat tal-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi tagħha, il-qgħad fit-tul irdoppja mill-2007 ’l hawn u jkopri nofs il-qgħad totali, jew ’il fuq minn 12-il miljun ruħ, li jirrappreżenta 5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE; billi fl-2014 aktar minn 60 % tal-persuni qiegħda fit-tul kienu mingħajr xogħol għal mill-anqas sentejn konsekuttivi;

B.  billi r-rata tal-qgħad fit-tul hija ferm differenti fost l-Istati Membri, u tvarja minn 1.5 % fl-Awstrija għal 19.5 % fil-Greċja; billi l-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ qgħad fit-tul huma l-Italja, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Kroazja, Spanja u l-Greċja; billi jeħtieġ li l-irkupru ekonomiku jżid ir-ritmu, peress li bħalissa mhuwiex qed jagħti biżżejjed spinta biex jonqsu b’mod sinifikanti r-rati għolja tal-qgħad strutturali;

C.  billi n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta' proporzjon kbir tal-persuni qiegħda fit-tul u n-nuqqasijiet metodoloġiċi relatati mal-ġbir tad-data jfissru li l-istatistiċi uffiċjali jissottovalutaw is-sitwazzjoni;

D.  billi l-qgħad fit-tul spiss iwassal għall-faqar, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali u jaffettwa b’mod sproporzjonat lill-persuni vulnerabbli li huma f’pożizzjoni żvantaġġjata fis-suq tax-xogħol;

E.  billi l-qgħad fit-tul progressivament ibiegħed lill-persuni mis-suq tax-xogħol minħabba t-tnaqqis tal-ħiliet u tan-netwerks professjonali u t-telf ta’ ritmu tax-xogħol, u jista' jwassal għal spiral ta’ rtirar mis-soċjetà, tensjonijiet domestiċi u sentimenti ta’ aljenazzjoni; billi kull sena wieħed minn kull ħames persuni qiegħda fit-tul jaqtgħu qalbhom u jsiru inattivi bħala riżultat tal-isforzi ta’ tfittxija ta’ impjieg li ma jkunux irnexxew;

F.  billi l-konsegwenzi tal-qgħad fit-tul huma partikolarment gravi f'familji mingħajr xogħol u sikwit iwasslu għal riżultati edukattivi baxxi, qtugħ mid-“dinja tax-xogħol”, iktar problemi mentali u tas-saħħa, l-esklużjoni soċjali u, fl-agħar każijiet, il-faqar li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra;

G.  billi l-perjodi ta’ qgħad fit-tul ħafna drabi jkollhom konsegwenzi negattivi fit-tul għall-prospetti ta’ impjieg, il-progress fil-karriera, il-profili tal-pagi u l-pensjonijiet (“scarring effect”);

H.  billi l-qgħad fit-tul għandu spejjeż enormi għas-soċjetà minħabba l-ħela tal-ħiliet u ż-żieda fl-ispiża soċjali, minbarra l-prezz mhux monetarju kkawżat mill-fatt li persuni jitilfu l-fiduċja fihom infushom u ma jilħqux il-potenzjal personali tagħhom, u t-telf tal-koeżjoni soċjali;

I.  billi l-livelli għoljin kontinwi tal-qgħad fit-tul qed jipperikolaw il-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li 75 % ta’ dawk bejn l-20 u l-64 sena jkunu impjegati, u li jkun hawn tal-anqas 20 miljun ruħ inqas li jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

J.  billi ż-żamma tal-kompetenzi fl-eventwalità tat-telf tal-impjieg, kif ukoll l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid li jantiċipaw il-ħtiġijiet ta' ħiliet fil-ġejjieni, huma element importanti biex jiġi evitat u rimedjat il-qgħad fit-tul;

K.  billi din ir-rakkomandazzjoni għandha xebh mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; billi għandhom jittieħdu lezzjonijiet mill-ewwel esperjenzi bl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li, kieku l-proposta ġiet rilaxxata aktar kmieni u ntlaħaq qbil fil-Kunsill, setgħet ġiet evitata parti mill-qgħad fit-tul osservat illum; jesprimi tħassib dwar il-fatt li rakkomandazzjoni tal-Kunsill tista’ ma tkunx biżżejjed biex tirrimedja b'ħeffa s-sitwazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiksbu riżultati konkreti;

2.  Jappoġġja t-tliet komponenti ewlenin tal-proposta: (i) żieda b’mod ambizzjuż fir-reġistrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul permezz ta’ servizz tal-impjiegi bl-objettiv ta’ kopertura sħiħa; (ii) valutazzjoni tal-potenzjal, il-ħtiġijiet u l-preferenzi ta’ impjieg individwali tal-persuni qiegħda fit-tul qabel ma jilħqu t-18-il xahar qiegħda; u (iii) offerta ta’ “ftehim dwar l-integrazzjoni professjonali” li jkun imfassal apposta, ibbilanċjat u komprensibbli bejn il-persuni qiegħda fit-tul u s-servizzi involuti, mhux aktar minn meta l-persuna kkonċernata tilħaq 18-il xahar ta’ impjieg; jenfasizza, madankollu, li valutazzjoni individwali għandha ssir qabel ma l-persuna tilħaq it-12-il xahar ta’ qgħad, sabiex jiġi żgurat li l-ftehim dwar l-integrazzjoni professjonali jkun jista' jsir qabel ma dawn jilħqu t-18-il xahar ta’ qgħad; jinsisti li, fejn applikabbli, l-approċċ fi tliet stadji għandu jintegra lill-atturi mhux statali, bħall-NGOs soċjali li jaħdmu mal-persuni qiegħda fit-tul, fil-proċess kollu;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħqu dawk kollha qiegħda fit-tul, inklużi dawk li mhumiex reġistrati, u mhux biss lill-persuni li jkunu qiegħda għal 18-il xahar jew aktar; iqis li huwa ta’ importanza fundamentali li l-politiki tal-Istati Membri mmirati lejn il-qgħad fuq perjodu qasir (< 12-il xahar) u lejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ (inkluża l-Garanzija għaż-Żgħażagħ) ikunu perfettament konformi mal-politiki bl-objettiv li jindirizzaw il-qgħad fit-tul;

4.  Japprova l-appell għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet kollha involuti fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fit-tul (inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fejn applikabbli), kif ukoll il-koordinazzjoni effettiva tagħhom, u sabiex jiġu stabbiliti punti uniċi ta' servizz fejn il-persuna qiegħda jkollha amministratur tal-każ professjonali wieħed (“punt ta’ kuntatt uniku”), u fejn dan l-isforz ta’ integrazzjoni mill-ġdid ma jiġix imfixkel f’każ ta’ bidla fir-reġim ta’ benefiċċju għall-persuna qiegħda;

5.  Jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ individwali biex jiġu vvalutati l-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tal-persuni qiegħda fit-tul rigward l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol – approċċ li għandu jirrispetta d-drittijiet eżistenti tagħhom u li jqis is-sitwazzjoni personali usa’ tagħhom u kwalunkwe ħtieġa relatata oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed persunal bi kwalifiki suffiċjenti u għoljin u li jkunu kapaċi joffru approċċ individwali lill-persuni qiegħda fit-tul, li jiffurmaw grupp eteroġenju;

6.  Jinnota r-rakkomandazzjoni li jiġi introdott “ftehim dwar l-integrazzjoni professjonali” komprensibbli u bil-miktub li jispjega d-drittijiet u r-responsabilitajiet rispettivi kemm tal-persuna qiegħda kif ukoll tal-awtoritajiet kif rappreżentati mill-amministratur tal-każ, u b’hekk jistabbilixxi aspettattivi ċari għall-partijiet kollha involuti, ikun ġust mal-persuna qiegħda u jirrispetta l-kwalifiki personali u d-drittijiet ta’ ħaddiem tagħha; iħeġġeġ li dan il-ftehim jiġi aġġornat regolarment;

7.  Iqis li huwa kruċjali li kwalunkwe programm li jintegra mill-ġdid lill-persuni qiegħda fit-tul ikun immirat lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jitfassal f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali; jistieden lill-Istati Membri jimmotivaw lil dawk li jimpjegaw il-ħaddiema, anke fl-ispirtu ta’ responsabilità soċjali korporattiva, biex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv billi joffru opportunitajiet tax-xogħol lill-persuni qiegħda fit-tul, u, fejn meħtieġ, biex jaħtru konsulenti biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid bla xkiel ta’ persuni qiegħda fit-tul fil-post tax-xogħol; jitlob lis-servizzi tal-impjiegi tal-Istati Membri jgħinu lill-SMEs fl-iffaċilitar ta' tali konsulenza; ifakkar li l-persuni qiegħda fit-tul għandhom bżonn mhux biss ta’ impjiegi iżda wkoll ta’ konsulenza komprensiva u t-tħejjija għal riintegrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol;

8.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jissupplimentaw il-finanzjament tal-UE – b’mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew – tal-politiki nazzjonali tagħhom biex jindirizzaw il-qgħad fit-tul permezz ta’ finanzjament nazzjonali adegwat ta’ ammont simili; jenfasizza li l-limitazzjonijiet baġitarji ffaċċjati minn xi Stati Membri (speċjalment dawk li għaddejjin minn Programmi ta’ Aġġustament Ekonomiku) jeħtieġ li ma jostakolawx l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet għal aċċess rapidu għall-finanzjament tal-UE u timmobilizza riżorsi addizzjonali fejn possibbli, kif sar fil-każ tal-Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa, f’għadd ta’ Stati Membri, li jiġu allokati fondi adegwati għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tas-servizzi tal-impjiegi;

9.  Jitlob, b'mod partikolari, li jsir titjib fil-kapaċitajiet finanzjarji u amministrattivi tas-servizzi ta' akkwist pubbliku biex ikun żgurat li jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni ta' din il-proposta;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw kif jistgħu jagħtu appoġġ għal programmi speċifiċi ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll l-iżvilupp tan-negozju u pjanijiet ta’ investiment li ħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għall-persuni qiegħda fit-tul;

11.  Jenfasizza li għal implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjoni huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u, fil-livell nazzjonali, bejn is-sħab soċjali (settorjali), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni qiegħda, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjieg, il-fornituri ta’ servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, u l-istituti lokali u reġjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif inhuwa wkoll l-involviment attiv ta’ dawk li jimpjegaw il-ħaddiema sabiex jifhmu aħjar ir-rekwiżiti u l-ħtiġijiet tan-negozju;

12.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri li tinsisti fuq miżuri speċifiċi biex il-persuni qiegħda fit-tul jitħarsu mill-esklużjoni soċjali u biex jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, bir-rispett dovut tat-Trattati;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu d-differenzi reġjonali, inklużi d-differenzi bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, meta jkunu qed ifasslu l-approċċ nazzjonali tagħhom biex jindirizzaw il-qgħad fit-tul;

14.  Jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita, permezz tas-Semestru Ewropew u l-Kumitat għall-Impjiegi, sorveljanza multilaterali tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni; jinsisti li din is-sorveljanza jeħtieġ li ssir bir-reqqa u, jekk ikun meħtieġ, tkun segwita b’istruzzjonijiet fir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri speċifiċi għall-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita proċessi ta’ tagħlim reċiproċi li jlaqqgħu flimkien lil dawk l-Istati Membri b’rati għolja ta’ qgħad fit-tul u dawk li kellhom suċċess fir-riintegrazzjoni rapida tal-persuni qiegħda (fit-tul) fis-swieq tax-xogħol tagħhom;

15.  Jistieden lill-ministri tal-impjieg u l-affarijiet soċjali jqisu l-kontribut tal-Parlament qabel ma jilħqu ftehim dwar ir-rakkomandazzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0068.
(2) Dokument tal-Kunsill 6147/15.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0261.

Avviż legali