Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2243(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0261/2015

Testi mressqa :

A8-0261/2015

Dibattiti :

PV 29/10/2015 - 4
CRE 29/10/2015 - 4

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0390

Testi adottati
PDF 643kWORD 122k
Il-Ħamis, 29 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-użu sikur ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili
P8_TA(2015)0390A8-0261/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-użu sikur ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), komunement magħrufa bħala inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (2014/2243(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2014 intitolata "Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sikur u sostenibbli" (COM(2014)0207),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4(2)(g) u 16 u Titolu VI tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari tal-Artikoli 7 u 8 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni lill-Parlament u lill-Kunsill intitolata “Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sikur u sostenibbli”,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Tmexxija Ewropew tal-RPAS intitolat “Roadmap for the integration of civil Remotely-Piloted Aircraft Systems into the European Aviation System” (Pjan direzzjonali għall-integrazzjoni ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod fis-Sistema Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Riga dwar l-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (drones) intitolata “Framing the future of aviation” (Tfassil tal-futur tal-avjazzjoni),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-House of Lords intitolat “Civilian Use of Drones in the EU” (L-Użu Ċivili ta' Drones fir-Renju Unit),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) intitolata “Concept of Operations for Drones – A risk based approach to regulation of unmanned aircraft” (Il-kunċett ta’ operazzjonijiet għad-drones – approċċ ibbażat fuq ir-riskju għar-regolazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ)”.

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago tas-7 ta' Diċembru 1944,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0261/2015),

A.  billi mudelli tal-inġenji tal-ajru żgħar, ikkontrollati bir-radju, ilhom jittajru minn dilettanti għal bosta għexieren ta' snin; billi f'dawn l-aħħar 15-il sena kien hemm tkabbir rapidu fl-użu tal-RPAS, magħrufa aħjar bħala UAVs jew drones; billi b'mod partikolari l-RPAS żgħar, iddisinnjati kemm għal skopijiet ta' delizzju kif ukoll ta' rikreazzjoni saru dejjem aktar popolari;

B.  billi t-teknoloġija żviluppata primarjament għal skopijiet militari issa qed tiġi applikata b'mod kummerċjali, u dan qed iwessa' l-limiti leġiżlattivi; billi llum l-RPAS użati f’kuntest professjonali jipprovdu wkoll benefiċċji sinifikanti għal użi ċivili differenti, li l-valur miżjud tagħhom jiżdied mad-distanza bejn l-inġenju tal-ajru u l-pilota mill-bogħod (operazzjoni BVLOS (lil hinn mil-linja tal-vista)); billi l-applikazzjonijiet RPAS, li huma varjati ħafna u li jistgħu jiġu estiżi għal ħafna aktar oqsma fil-ġejjieni, jistgħu jintużaw, pereżempju, għal spezzjonijiet tas-sikurezza u l-monitoraġġ tal-infrastruttura (linji tal-ferrovija, digi, u faċilitajiet tal-enerġija), għall-valutazzjoni ta’ diżastri naturali, għal operazzjonijiet tal-biedja bi preċiżjoni (ambjentalment responsabbli) u l-produzzjoni tal-midja, termografija tal-ajru, jew il-konsenja ta’ pakketti f’reġjuni iżolati; billi l-iżvilup rapidu ta’ applikazzjonijiet ġodda jista’ jiġi previst fil-futur qrib, li jiddimostra n-natura innovattiva u dinamika tal-industrija tal-RPAS;

C.  billi t-tekonoloġija tal-RPAS tista' tieħu post intervent uman dirett f’ċirkostanzi perikolużi;

D.  billi hemm żewġ tipi ta' applikazzjonijiet tal-RPAS, applikazzjonijiet tal-RPAS professjonali u applikazzjonijiet tal-RPAS rikreattivi; billi dawn iż-żewġ kategoriji, li huma intrinsikament differenti minn xulxin, għandhom jiġu regolati minn rekwiżiti differenti fi ħdan l-istess qafas regolatorju tal-UE;

E.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE attwali tistipula li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) hija, fil-prinċipju, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għall-RPAS b'piż massimu fit-tluq ta' iżjed minn 150 kg; billi l-RPAS ta' 150 kg jew inqas jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru;

F.  billi r-regolamenti tal-RPAS jeżistu jew qed jiġu żviluppati fl-Awstrija, id-Danimarka, Franza(1), il-Ġermanja, l-Italja, l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit(2); billi hemm skejjel tat-titjir approvati fid-Danimarka, fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi, u aktar minn 500 pilota tal-RPAS liċenzjati fil-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit li diġà qed joperaw;

G.  billi r-regoli kollha tal-RPAS fis-seħħ fl-Ewropa huma mfassla biex jivvalutaw ir-riskju tal-operazzjoni; billi tali regoli tal-RPAS huma “ċentrati fuq l-operatur” u mhumiex “ċentrati fuq l-inġenju tal-ajru” kif isir fl-avjazzjoni bl-ekwipaġġ; billi r-riskju jiddependi mhux biss fuq it-tip ta' magna u l-karatteristiċi tagħha (il-piż, il-veloċità, eċċ.), iżda wkoll fuq fatturi addizzjonali, bħaż-żona fejn issir it-titjira, l-altitudini, l-għarfien espert tal-operatur u t-tip partikolari ta' operazzjoni u l-abilità tal-operatur li jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti;

H.  billi l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku f'din l-industrija, mill-manifattur sal-utent aħħari huwa enormi, kemm għall-intrapriżi l-kbar u għall-katina tal-provvista magħmula minn eluf ta' SMEs kif ukoll minn negozji innovattivi li għadhom jibdew; billi huwa essenzjali li jinżammu standards ta’ livell mondjali ta’ manifattura u ta’ operazzjonijiet filwaqt li ssir promozzjoni ta’ pożizzjoni fuq quddiem tal-Ewropa f’din l-industrija;

I.  billi b'rikonoxximent tal-iżvilupp rapidu ta' dan is-suq, l-RPAS ġustament qed jiġu inkorporati fi programmi eżistenti tal-avjazzjoni, bħal pereżempju l-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) u Orizzont 2020; billi l-industrija diġà investiet riżorsi finanzjarji sinifikanti u tkun imħeġġa tirdoppja l-investiment tagħha kieku l-SMEs, li jiffurmaw il-maġġorparti tagħha, kienu kapaċi jiksbu finanzjament aktar faċilment; billi finanzjament addizzjonali għal aktar riċerka u żvilupp se jkun kruċjali biex din l-industrija ġdida tiġi appoġġjata u għall-integrazzjoni sikura tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru;

J.  billi anke f'dan l-istadju bikri l-Istati Membri, l-industrija u l-Kummissjoni lkoll irrikonoxxew il-potenzjal ta' dan is-suq u huma ħerqana li jenfasizzaw li kwalunkwe qafas ta' politika għandu jippermetti lill-industrija Ewropea tikber sabiex tkun tista' tikkompeti globalment;

K.  billi s-suq emerġenti joffri opportunitajiet sinifikanti għall-investiment, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi matul il-katina ta’ provvista, u għall-benefiċċju tas-soċjetà, filwaqt li jirrikonoxxi fl-istess ħin li l-interess pubbliku jeħtieġ li jiġi ssalvagwardat, inkluż b’mod partikolari il-kwistjonijiet relatati mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data, ir-responsabilità li wieħed iwieġeb għal għemilu u r-responsabilità ċivili;

L.  billi, minkejja l-potenzjal ekonomiku tal-RPAS, l-iżvilupp tal-RPAS se jkun wieħed mill-isfidi l-aktar importanti tal-ġejjieni fir-rigward tas-sikurezza tal-industrija tal-avjazzjoni u sikurezza u s-sigurtà tal-persuni u l-kumpaniji;

M.  billi l-UE għandha, malajr kemm jista’ jkun, tipproduċi qafas leġiżlattiv purament għall-użu ċivili tal-RPAS;

N.  billi minn naħa waħda jeħtieġ li l-qafas leġiżlattiv Ewropew jippermetti lill-industrija tkompli tagħmel innovazzjonijiet u tkompli tiżviluppa taħt kundizzjonijiet ottimi u, min-naħa l-oħra, jagħti lill-pubbliku l-assikurazzjoni li d-data rigward il-ħajja u l-proprjetà kif ukoll id-data personali u l-privatezza, jiġu protetti b’mod effettiv;

Id-dimensjoni internazzjonali

1.  Jinnota li l-Istati Uniti huma meqjusa minn ħafna bħala s-suq ewlieni għall-użu tal-RPAS, għalkemm għal operazzjonijiet militari; jenfasizza, madankollu, li l-Ewropa hija minn ta’ quddiem fis-settur ċivili b’2 500 operatur (400 fir-Renju Unit, 300 fil-Ġermanja, 1 500 fi Franza, 250 fl-Iżvezja, eċċ.) meta mqabbel ma’ 2 342 operatur fil-bqija tad-dinja, u għandha tagħmel ħilitha kollha biex tagħti spinta lill-pożizzjoni b’saħħitha tagħha;

2.  Jinnota li l-Ġappun għandu għadd kbir ta' operaturi tal-RPAS u żewġ deċennji esperjenza, l-aktar f'operazzjonijiet ta' preċiżjoni tal-RPAS fil-qasam tal-biedja, bħall-bexx tal-uċuħ tar-raba'; ifakkar li dan kien l-ewwel pajjiż li ppermetta li t-teknoloġija tal-RPAS tintuża f'attivitajiet tal-biedja matul nofs is-snin disgħin u n-numru ta' operaturi mmultiplikaw fi ftit snin;

3.  Jinnota li l-Iżrael għandu industrija tal-manifattura attiva ħafna, iżda b'konċentrazzjoni diretta fuq l-RPAS militari; jenfasizza l-fatt li s-servizz ta' navigazzjoni tal-ajru ċivili-militari integrat issa jagħmilha aktar faċli li l-RPAS jiġu integrati fl-ispazju tal-ajru Iżraeljan;

4.  Jinnota li l-Awstralja, iċ-Ċina (fejn jiġu manifatturati bosta mill-RPAS żgħar ħafna) u l-Afrika t'Isfel huma fost il-50 pajjiż ieħor li attwalment qed jiżviluppaw RPAS;

5.  Jenfasizza li d-dimensjoni globali tal-RPAS għandha tiġi rikonoxxuta u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont sħiħ ta' dan;

Is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri tal-UE

6.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom xi attivitajiet tal-RPAS, fil-manifattura u/jew attivitajiet operazzjonali;

7.  Jenfasizza l-fatt li sakemm ma tingħatax eżenzjoni, l-attivitajiet operazzjonali huma legali biss jekk ikun hemm leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ; ifakkar li din hija bbażata fuq ir-regola tal-ICAO li l-operazzjonijiet kollha mwettqa minn vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ għandhom jiksbu awtorizzazzjoni speċifika(3);

8.  Jinnota li minħabba li m’hemmx regoli armonizzati fil-livell tal-UE, l-iżvilupp ta’ suq tad-drones Ewropew jista’ jixxekkel, peress li l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali mhumiex ġeneralment rikonoxxuti reċiprokament fost l-Istati Membri;

Kwistjonijiet ewlenin

9.  Jikkunsidra li s-settur tal-RPAS jitlob b'mod urġenti regoli Ewropej u globali sabiex jiġi żgurat żvilupp transkonfinali tal-RPAS; iqis li hemm bżonn ta’ qafas legali Ewropew ċar sabiex ikun żgurat investiment u żvilupp ta’ settur tal-RPAS Ewropew kompetittiv; jissottolinja l-fatt li jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-pront, hemm riskju li l-potenzjal ekonomiku u l-effetti pożittivi tal-RPAS ma jiġux realizzati bis-sħiħ;

10.  Ifakkar fl-importanza ekonomika ta’ dan is-settur, u jenfasizza l-ħtieġa ta' politiki xierqa biex tiġi protetta l-privatezza u jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data, is-sigurtà u s-sikurezza, li huma proporzjonati għall-għan tagħhom mingħajr ma fl-istess ħin jiġi impost piż żejjed fuq l-SMEs;

11.  Jemmen li qafas Ewropew, jekk ikun ċar, effettiv, affidabbli, u li jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien, jista’ jgħin id-diskussjonijiet dwar tfassil ta’ regoli globali għall-użu ta’ drones;

12.  Iqis li l-leġiżlazzjoni futura ta’ dan it-tip jeħtieġ li tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn l-użu professjonali u dak rikreattiv ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod;

13.  Jissottolinja l-fatt li s-sikurezza u s-sigurtà huma importanti ħafna għal kwalunkwe operazzjoni u regola tal-RPAS u li dawn għandhom ikunu proporzjonati mar-riskji; iqis li l-qafas regolatorju Ewropew tal-ġejjieni għandu jiġi adattat għar-riskji speċifiċi assoċjati ma’ titjiriet BVLOS mingħajr, madankollu, ma jservi ta’ deterrent għal titjiriet bħal dawn;

14.  Jenfasizza l-fatt li s-suġġett tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza huwa essenzjali sabiex jiġi promoss appoġġ pubbliku wiesa’ għall-użu tal-RPAS ċivili, u għalhekk huwa wkoll kruċjali sabiex jiġu ffaċilitati t-tkabbir u l-integrazzjoni sikura tal-RPAS fl-avjazzjoni ċivili, filwaqt li tiġi rispettata strettament id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-protezzjoni tal-ħajja privata, stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (KDF), id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li, fl-iżvilupp ta’ kwalunkwe politika tal-UE dwar l-RPAS, il-garanziji tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data jkunu inkorporati f’konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-iżvilupp ta’ standards dwar il-kunċetti ta’ privatezza bid-disinn u privatezza b’mod awtomatiku;

15.  Jaqbel ma' u jappoġġja bis-sħiħ il-ħames prinċipji essenzjali għall-iżvilupp futur tal-RPAS stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Riga:

   l-RPAS jeħtieġ li jiġu trattati bħala tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru b'regoli proporzjonati bbażati fuq ir-riskju ta' kull operazzjoni;
   jeħtieġ li jiġu żviluppati regoli tal-UE għall-forniment sikur ta' servizzi tal-RPAS biex l-industrija tkun tista' tinvesti;
   jeħtieġ li jiġu żviluppati t-teknoloġija u l-istandards għal integrazzjoni sħiħa tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru Ewropew;
   l-aċċettazzjoni mill-pubbliku hija essenzjali għat-tkabbir tas-servizzi tal-RPAS;
   l-operatur ta' RPAS huwa responsabbli għall-użu tas-sistema;

16.  Jenfasizza li f'perjodu qasir, mill-perspettiva tal-ATM, proċeduri operazzjonali huma diġà fis-seħħ biex jippermettu lill-RPAS itiru 'l barra miż-żoni speċifiċi u ristretti; ifakkar li bosta RPAS ċivili u militari jittajru bl-użu ta' kurituri dedikati permezz taż-żieda fil-kriterji ta' separazzjoni standard normalment użati għall-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ;

17.  Jenfasizza l-importanza ta’ titjiriet “barra mill-vista” (“out-of-sight” flights) għall-iżvilupp tas-settur; iqis li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tiffavorixxi dan il-modus operandi;

18.  Jirrikonoxxi li l-impatt tal-RPAS fuq it-traffiku bl-ekwipaġġ huwa limitat minħabba l-proporzjon żgħir tal-RPAS meta mqabbel mal-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ; jinnota, madankollu, li l-pressonijiet tal-ATM jistgħu jiżdiedu minħabba t-tkabbir tal-RPAS għall-isport jew għar-rikreazzjoni, li ntlaqa’ tajjeb, u li jista’ f’ċerti ċirkostanzi jkun ta’ theddida għas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru, u jitlob li l-awtoritajiet rilevanti u r-regoli futuri tal-UE jieħdu kont ta' dan il-fattur sabiex jiġi żgurat standard effiċjenti kontinwu tal-ATM madwar l-Istati Membri;

19.  Jenfasizza l-fatt li fit-terminu twil, is-soluzzjonijiet tekniċi u regolatorji preferibbilment għandhom jippermettu lill-RPAS jużaw l-ispazju tal-ajru flimkien ma' utenti oħra tal-spazju tal-ajru mingħajr ma jimponu rekwiżiti ta' tagħmir ġodda fuq dawn tal-aħħar; jinnota li hemm għadd kbir ta' RPAS żgħar li joperaw taħt il-500 pied, flimkien mal-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ; jenfasizza li għalkemm il-Fornituri ta’ Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (l-ANSPs) ma jipprovdux servizzi tal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru (ATC) f'dawn l-altitudnijiet, dawn xorta għandhom responsabilità li jipprovdu informazzjoni suffiċjenti għaż-żewġ tipi ta' inġenji tal-ajru biex jikkoeżistu fl-istess spazju tal-ajru; jinnota li l-EUROCONTROL qed jappoġġja stati biex joħolqu fehim komuni tal-kwistjonijiet involuti u biex jippromwovu l-armonizzazzjoni kemm jista' jkun;

20.  iqis li l-kwistjoni ta’ identifikazzjoni ta’ drones, ta’ kwalunkwe daqs, hija waħda kruċjali; jissottolija li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jqisu l-użu rikreattiv jew kummerċjali tad-drones;

Soluzzjonijiet għall-futur

21.  Jemmen li għandu jiġi żviluppat qafas regolatorju Ewropew u globali ċar, armonizzat u proporzjonat fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li jevita regolamenti sproporzjonati għan-negozji li jiskoraġġixxu l-investiment u l-innovazzjoni fl-industrija tal-RPAS, filwaqt li jħares b’mod adegwat liċ-ċittadini u joħloq impjiegi sostenibbli u innovattivi; iqis li valutazzjoni rigoruża tar-riskji għandha tkun ibbażata fuq “il-kunċett ta’ operazzjonijiet” stabbilit mill-EASA u għandha tqis il-karatteristiċi tal-RPAS (il-piż, l-ambitu tal-operazzjoni, il-veloċità) u n-natura tal-użu tagħhom (rikreattiv jew professjonali); jemmen li dan il-qafas għandu jkun parti minn perspettiva fit-tul, li tieħu kont tal-iżviluppi futuri possibbli u aspetti oħra ta’ dawn it-teknoloġiji;

22.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-limitu minimu ta’ 150 kg u li tissostitwih b’qafas regolatorju tal-UE koerenti u komprensiv li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, lill-korpi jew l-assoċjazzjonijiet kwalifikati jieħdu f’idejhom attivitajiet ta’ validazzjoni u ta’ sorveljanza; iqis li l-proporzjonalità tar-regoli għandha tiġi kkumplimentata bil-flessibilità neċessarja fil-proċessi u l-proċeduri;

23.  Iqis li l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-EASA fil-qasam tal-RPAS għandu jiġi kkunsidrat fil-baġit tal-Aġenzija sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ twettaq il-missjonijiet li ġew assenjati lilha;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fl-iżvilupp ta' kwalunkwe politika tal-UE dwar l-RPAS jiġu integrati l-garanziji tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data billi, bħala rekwiżit minimu, il-valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll il-privatezza jsiru obbligatorji fid-disinn u b’mod awtomatiku;

25.  Jinsab imħasseb dwar l-użi illegali u mhux sikuri tal-RPAS (jiġifieri, li l-RPAS jiġu trasformati minn għodda ċivili f’arma li tintuża għal skopijiet militari jew oħrajn, jew l-RPAS jintużaw biex jimblukkaw sistemi ta’ navigazzjoni jew ta’ komunikazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa biex tiżgura s-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza fl-operazzjoni tal-RPAS, inkluż permezz ta’ fondi ta’ Orizzont 2020 diretti primarjament lejn ir-riċerka u l-iżvilupp f’sistemi, teknoloġiji, eċċ. li jistgħu jintużaw biex isaħħu l-privatezza bid-disinn u b’mod awtomatiku, u tappoġġja l-iżvilupp ta’ teknoloġiji bħall-“identifikazzjoni u l-evitar” (“detect and avoid”), il-konfini ġeografiċi virtuali (geo-fencing), is-sistemi kontra l-imblukkar u anti-hijacking, kif ukoll il-privatezza bid-disinn u b’mod awtomatiku li jippermettu l-użu sikur tal-RPAS ċivili;

26.  Jinkoraġġixxi teknoloġiji innovattivi fil-qasam tal-RPAS li għandhom potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi “ekoloġiċi”, minħabba li dan jinkludi professjonijiet minn spettru wiesa’; jinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-esplorazzjoni tal-potenzjal kbir li jiġu involuti l-SMEs fir-rigward tas-servizzi kkonċernati bil-produzzjoni ta’ partijiet u materjali speċjalizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati u promossi ċentri għall-kwalifiki u t-taħriġ;

27.  Jikkunsidra li r-regoli fil-livell tal-UE u nazzjonali għandhom jindikaw b’mod ċar id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-RPAS fir-rigward tas-suq intern u l-kummerċ internazzjonali (il-produzzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, il-kummerċ u l-użu tal-RPAS) u d-drittijiet fundamentali tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data; jemmen ukoll li dawn ir-regoli għandhom jikkontribwixxu għall-infurzar korrett tal-protezzjoni tal-privatezza, tad-data u kwalunkwe liġi oħra relatata mar-riskji u r-responsabilitajiet differenti assoċjati ma’ titjir tal-RPAS, bħalma huma l-liġi kriminali, il-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tal-avjazzjoni u l-liġi tal-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe persuna li topera RPAS għandha tkun konxja tar-regoli bażiċi applikabbli għall-użu tal-RPAS, u li dawk ir-regoli għandhom jiġu speċifikati f’avviż għax-xerrejja;

28.  Jikkunsidra li l-industrija, ir-regolaturi u l-operaturi kummerċjali għandhom jingħaqdu flimkien sabiex jiggarantixxu ċertezza legali biex jiffavorixxu l-investiment u biex tiġi evitata l-problema “tal-bajda u t-tiġieġa”', fejn l-industrija ssibha bi tqila tinvesti fl-iżvilupp ta' teknoloġiji meħtieġa mingħajr ma jkollha ċ-ċertezza dwar il-mod li bih se jiġu regolati, filwaqt li r-regolaturi jsibuha bi tqila jiżviluppaw standards qabel ma l-industrija tipproponi teknoloġiji għall-awtorizzazzjoni; jenfasizza li l-SMEs għandhom ikunu marbuta ma’ dan il-proċess ta’ standardizzazzjoni b’mod ġenwin;

29.  Iqis li “approċċ ibbażat fuq ir-riskju” f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Riga u l-kunċett ta’ operazzjonijiet kif żviluppati mill-EASA, huwa bażi solida biex tiġi żgurata l-operazzjoni sikura tal-RPAS, u li r-rekwiżiti regolatorji Ewropej jeħtieġ li jkunu bbażati fuq approċċi ta’ każ b’każ jew approċċ ibbażat fuq it-tip/il-klassi, skont kif xieraq, u li jiżgura livell għoli ta’ sikurezza u interoperabilità; iqis li sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-manifatturi u l-operaturi tal-RPAS, huwa essenzjali li r-rekwiżiti ta' standardizzazzjoni tal-Organizzazzjoni Ewropea għal Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (EUROCAE) jiġu validati mill-korp regolatorju rilevanti;

30.  Jikkunsidra li r-regoli futuri Ewropej u globali tal-RPAS għandhom jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma':

   l-ajrunavigabiltà;
   l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni;
   l-użu kummerċjali u rikreattiv;
   l-identità tad-drone u s-sid/l-operatur;
   l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ għall-piloti;
   it-taħriġ u l-liċenzji tal-piloti;
   l-operazzjonijiet;
   ir-responsabilità u l-assigurazzjoni
   il-protezzjoni tad-data u l-privatezza
   il-“geofencing”;
   iż-żoni ta’ projbizzjoni għat-titjir (ta’ esklużjoni);

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li meta jiġi provdut taħriġ għall-utenti professjonali u s-sidien tal-RPAS, dan jinkludi taħriġ speċifiku dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u li l-utenti professjonali tal-RPAS jiġu soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri bil-għan li tiġi eliminata kwalunkwe restrizzjoni tas-suq;

32.  Jenfasizza li l-RPAS li jtiru lil hinn mil-linja tal-vista (BVLOS) għandhom ikunu mgħammra b'teknoloġija “identifika u evita” (“detect and avoid”) sabiex jiġu skoperti inġenji tal-ajru li jużaw l-istess spazju tal-ajru, li jiżgura li l-RPAS ma jpoġġux fir-riskju l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ, u barra minn hekk, jittieħed kont taż-żoni b’densità qawwija ta’ popolazzjoni, żoni fejn it-titjir huwa pprojbit, bħall-ajruporti, impjanti tal-enerġija, impjanti nukleari u kimiċi, u infrastrutturi kritiċi oħra; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi għal baġits ta’ riċerka u żvilupp meħtieġa permezz tal-Impriża Konġunta SESAR;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-korpi u l-kumpaniji kkonċernati jagħtu spinta lill-programmi tagħhom ta’ riċerka u żvilupp; iqis li, meta jittieħed kont tal-effetti ekonomiċi indiretti mistennija minn dan is-settur, l-UE għandha tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji Ewropej, pereżempju permezz ta’ Orizzont 2020; jitlob li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ skoperta u qbid ta’ drones fil-programmi ta’ riċerka;

34.  Ifakkar li l-programm Ewropew GNSS EGNOS li żied is-sinjal tal-GPS ġie ċċertifikat għall-avjazzjoni ċivili fl-2011 u li Galileo fis-snin li ġejjin se jidħol fil-fażi ta’ esplojtazzjoni gradwalment; jemmen f’dan ir-rigward li sistema avvanzata ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kif ukoll applikazzjonijiet għall-RPAS ibbażati fuq programmi GNSS Ewropej se jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal operazzjoni sikura tal-RPAS;

35.  Jinnota li l-RPAS f’konformità ma’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju għandhom ikunu mgħammra b’ċippa ta’ identità u jkunu rreġistrati biex jiġu żgurati t-traċċabilità, ir-responsabilità u l-implimentazzjoni xierqa ta’ regoli ta’ responsabilità ċivili;

36.   Jappoġġja l-kunċett ta’ operazzjonijiet għal drones żviluppati mill-EASA li jiddefinixxi tliet kategoriji differenti ta’ RPAS u r-regoli korrispondenti;

37.  Jinnota li l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni tal-RPAS huwa essenzjali għall-integrazzjoni sikura tal-RPAS u s-suċċess tagħhom fl-ispazju tal-ajru Ewropew;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed mezzi ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-RPAS;

39.  Jenfasizza li l-Awtoritajiet Konġunti għat-Tfassil tar-Regoli dwar Sistemi mingħajr Ekwipaġġ (JARUS) huwa korp ta' sħubija volontarja internazzjonali magħmul minn awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili minn 22 pajjiż tal-UE, pajjiżi mhux tal-UE u aġenziji/korpi regolatorji; ifakkar li JARUS huwa mmexxi minn rappreżentant tal-EASA, l-Aġenzija li se tittratta r-regolazzjoni futura tal-RPAS; ifakkar li l-għan ta’ JARUS huwa li jiżviluppa rekwiżiti tekniċi, ta' sigurtà u operattivi għaċ-ċertifikazzjoni u l-integrazzjoni sikura tal-RPAS kbar u żgħar fl-ispazju tal-ajru u fl-ajrudromi;

40.  Iqis li JARUS jista’ jiżgura li kwalunkwe regola futura tal-UE tkun ikkoordinata ma' arranġamenti internazzjonali f'pajjiżi oħra, permezz ta' proċess ta' rikonoxximent reċiproku;

41.  Iqis li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex jaqsmu data u l-aħjar prattiki, u jiżguraw konformità ma’ gwidi u regolamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-Direttiva 95/46/KE;

42.  Jenfasizza l-fatt li l-użu tal-RPAS mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta’ intelligence għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data, il-libertà ta’ moviment u l-libertà ta’ espressjoni, u li r-riskji potenzjali marbuta ma’ dan l-użu tal-RPAS, kemm rigward is-sorveljanza ta’ individwi u gruppi u kemm rigward il-monitoraġġ ta’ spazji pubbliċi bħalma huma l-fruntieri, jeħtieġ li jiġu indirizzati;

43.  Jemmen li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri għandhom jaqsmu l-gwidi speċifiċi eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data għall-RPAS kummerċjali, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data b'tali mod li din tindirizza bis-sħiħ it-tħassib tal-pubbliku dwar il-privatezza kif ukoll ma twassalx għal piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-operaturi tal-RPAS;

44.  Jirrakkomanda bil-qawwa li d-diskussjonijiet attwali bejn l-UE u dawk li jfasslu l-politika u r-regolaturi nazzjonali, l-industrija, l-SMEs u l-operazzjonijiet kummerċjali għandhom isiru aktar miftuħa, u li hemm bżonn li jinbeda dibattitu politiku bil-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u partijiet interessati rilevanti oħra, bħalma huma NGOs (inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet ċivili) u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, sabiex jiġu kkunsidrati u indirizzati l-preokkupazzjonijiet rigward il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u r-responsabilitajiet u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-atturi differenti fis-salvagwardja ta’ dawn id-drittijiet u tiġi protetta s-sigurtà taċ-ċittadini meta jintużaw l-RPAS;

45.  Huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-pakkett tal-avjazzjoni tagħha, u b'hekk iwieġeb għat-talba tal-industrija għal gwida ċara;

46.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' qafas ġuridiku ċar ibbażat fuq kriterji rilevanti rigward l-użu ta’ kameras u sensuri, b’mod speċjali minn RPAS kummerċjali u privati, li se jiżgura l-protezzjoni effettiva tad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data kif ukoll biex tiġi salvagwardata s-sigurtà taċ-ċittadini, filwaqt li jitqies id-daqs tal-komponenti tal-RPAS li kulma jmur qed jiċkienu, li jwassal għal apparati aktar mobbli u li ma jistgħux jiġu skoperti;

47.  Jappella lill-Kumitati TRAN u LIBE jorganizzaw sessjoni ta’ smigħ konġunta b’rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ protezzjoni tal-privatezza, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni u NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mekkaniżmu ta’ rappurtar regolari li jqis l-iżviluppi tekniċi kif ukoll l-iżviluppi tal-politika u l-aħjar prattika fil-livell nazzjonali, u li jindirizza wkoll l-inċidenti tal-RPAS, u biex tippreżenta deskrizzjoni ġenerali u analiżi tal-approċċi regolatorji fil-livell tal-Istati Membri, sabiex tippermetti li jsir tqabbil u jiġu identifikati l-aħjar prattiki.

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.developpement-durable.gouv.fr/Quelle-place-pour-les-drones-dans.html
(2) http://www.caa.co.uk/default.aspx?catid=1995&pageid=16012
(3) http://www.icao.int/Meetings/UAS/Documents/Circular%20328_en.pdf

Avviż legali