Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2241(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0258/2015

Testi mressqa :

A8-0258/2015

Dibattiti :

PV 29/10/2015 - 5
CRE 29/10/2015 - 5

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0391

Testi adottati
PDF 448kWORD 192k
Il-Ħamis, 29 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa
P8_TA(2015)0391A8-0258/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa (2014/2241(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

–  Wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Is-Sikurezza tas-Servizzi tal-Akkomodazzjoni Turistika” (COM(2014)0464),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE ("Better regulation for better results – An EU aġenda") (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b’diżabilità(3),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 195 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0258/2015),

A.  billi l-miżuri meħuda fil-livell tal-UE taħt l-Artikolu 195 tat-TFUE għandhom jikkumplementaw l-azzjoni tal-Istati Membri fis-settur tat-turiżmu, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet;

B.  billi t-turiżmu huwa qasam ta' tkabbi potenzjali ewlieni tal-ekonomija Ewropea, li jiġġenera 'l fuq minn 10 % tal-PDG tal-UE jekk wieħed iqis ukoll is-setturi marbuta mat-turiżmu; billi t-turiżmu huwa wkoll xprun ta’ għadd sostanzjali ta’ impjiegi, peress li jimpjega b’mod dirett 13-il miljun ħaddiem u konsegwentement huwa responsabbli għal mill-inqas 12 % tal-impjiegi fl-UE;

C.  billi l-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika numru wieħed fid-dinja fejn għandha sehem tas-suq ta' 52 %; billi l-istatistika turi li l-maġġoranza tal-vjaġġi barra l-pajjiż minn residenti tal-UE għadhom qed ikunu lejn destinazzjonijiet fi ħdan l-UE, u billi l-għadd ta’ turisti internazzjonali li jaslu fl-UE huwa previst li se jiżdied b’140 miljun kull sena sal-2025;

D.  barra minn hekk it-turiżmu jirrappreżenta attività soċjoekonomika maġġuri fl-UE, b'impatt mifrux ħafna fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali, u billi jista' jkun għalhekk għodda importanti fl-indirizzar tal-kriżi ekonomiku u tal-impjiegi li għaddejja bħalissa;

E.  billi t-turiżmu kostali u marittimu huwa l-akbar attività marittima fl-Ewropa, u billi jirrappreżenta aktar minn terz tal-ekonomija marittima, fejn jaffettwa b'mod dirett ħafna setturi oħra tal-ekonomija tal-UE u jimpjega 3,2 miljun ruħ, l-aktar bejn l-etajiet ta’ 16 u 35 sena; billi għandu jiġi nnutat ukoll li dan is-settur kien ta' xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment fir-reġjuni tal-Atlantiku u l-Mediterran;

F.  billi l-prijoritajiet tal-politika tat-turiżmu jikkontribwixxu għal mill-inqas tliet prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker, jiġifieri tkabbir u impjiegi sostenibbli, suq uniku diġitali konness, u suq intern aktar profond u ġust;

G.  billi l-azzjonijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 bit-titolu “L-Ewropa, id-destinazzjoni turistika Nru 1 fid-dinja” jinkoraġġixxu l-objettiv ambizzjuż li tibqa' tinżamm il-pożizzjoni dominanti tal-Ewropa fid-dinja bħala destinazzjoni turistika;

H.  billi ma hemm l-ebda linja ddedikata għat-turiżmu fil-baġit tal-UE, u billi l-azzjonijiet f’dan il-qasam jaqgħu taħt diversi fondi, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji;

I.  billi l-industrija tat-turiżmu fl-Ewropa tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi ġodda, fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-kanali ta’ distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-settur ġdid tal-ekonomija kollaborattiva, iż-żieda fil-kompetizzjoni minn destinazzjonijiet ta' suq terz inqas għalja li qed jitfaċċaw, it-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi, it-tranżizzjoni għal ekonomija ta' esperjenzi, id-domanda għal servizz tal-klijent ta' kwalità, il-ħtieġa li jiġi attirat u miżmum persunal ikkwalifikat, il-bidliet demografiċi, u l-istaġjonalità;

J.  billi dawk li jfasslu l-politika tat-turiżmu jistgħu jindirizzaw sfidi bħalma huma t-tibdil demografiku u l-istaġjonalità fit-turiżmu billi jiżviluppaw prodotti u servizzi li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-għadd dejjem jikber ta’ anzjani li jistgħu jivvjaġġaw waqt l-istaġun baxx;

K.  billi l-SMEs fis-settur tat-turiżmu jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli bħala riżultat ta’ piż regolatorju kbir;

L.  billi l-promozzjoni tal-Ewropa permezz tal-promozzjoni tad-destinazzjoni turistika tagħha stess u l-istrateġija tal-marka tagħha sservi bħala għodda importanti biex jissaħħu d-dehra, il-profil u l-kompetittività tagħha bħala sett ta’ destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja, tippermetti lid-destinazzjonijiet Ewropej jiddistingwu lilhom infushom minn destinazzjonijiet internazzjonali oħra u tgħin biex jinġibdu t-turisti internazzjonali, b'mod partikolari mis-swieq terzi emerġenti;

M.  billi l-konflitti qrib il-fruntieri tal-UE, pereżempju fl-Ukraina u fil-Lvant Nofsani, flimkien mat-theddidiet terroristiċi, għandhom impatt negattiv fuq is-settur tat-turiżmu u għalhekk jeħtieġu kontromiżuri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew;

N.  billi t-turiżmu sostenibbli, aċċessibbli u responsabbli li jkun f’armonija man-natura u l-pajsaġġ u mad-destinazzjonijiet urbani, u li jiddependi mill-effiċjenza tar-riżorsi, il-mobilità sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima, jgħin biex jiġu ppreservati l-ambjent lokali, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-muntanji u dawk tal-kostali u fil-gżejjer, u biex jinkisbu riżultati dejjiema f’dak li hu tkabbir reġjonali, jakkomoda d-domandi dejjem akbar tal-vjaġġaturi għall-kwalità u jgħin lill-kumpaniji jikkompetu;

O.  billi t-turiżmu kulturali Ewropew jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa, isaħħaħ l-identità Ewropea u jippromwovi l-iskambji transkulturali u l-fehim multikulturali;

P.  billi r-reġjuni jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mat-turiżmu fil-livell reġjonali;

Q.  billi l-ekonomija kollaborattiva tirrappreżenta bidla lejn mudelli ta’ negozju ġodda bħala riżultat tat-tibdil rapidu tat-teknoloġija ġdida, u billi bosta mill-atturi fl-ekonomija kollaborattiva jiffurmaw parti mill-ekonomija tas-servizz tal-ivvjaġġar;

R.  billi, għalkemm l-informazzjoni hija mxerrda u konsegwentement huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi, huwa probabbli ħafna li l-impatt ekonomiku tal-ekonomija kollaborattiva għandu effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri ekonomiku;

S.  billi l-offerta ta' servizzi ta’ standard għoli u l-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu l-ogħla prijorità għal dawk kollha li jipprovdu servizzi marbuta mat-turiżmu, inkluż fis-settur li jinvolvi l-kondiviżjoni u l-użu tat-teknoloġiji tal-Internet l-aktar riċenti;

T.  billi l-ivvjaġġar u t-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-iktar affettwati mid-diġitalizzazzjoni, u billi dan jiftaħ għadd ta’ opportunitajiet għal-kumpaniji tal-ivvjaġġar mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fid-dinja;

Il-qafas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010 msemmija hawn fuq u dwar l-użu tal-allokazzjonijiet tal-baġit taħt il-Fondi Strutturali u l-programmi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), u l-proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji rispettivi, fil-forma ta’ rieżami fattwali li jkun jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-azzjonijiet għall-promozzjoni tat-turiżmu u l-ikkonsolidament tal-kompetittività tas-settur tat-turiżmu tal-UE;

2.  Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-allokazzjoni futura tar-riżorsi mid-diversi fondi promozzjonali għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kumpaniji fis-settur turistiku tal-UE tibqa’ possibbli;

3.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill- Kummissjoni teżamina l- possibilità li tinħoloq taqsima fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss li tkun iddedikata esklussivament għat- turiżmu, fuq il-bażi li t-turiżmu għandu jiġi rikonoxxut aħjar bħala attività ekonomika individwali f’dawk li huma baġit u azzjonijiet, minflok ma jiġi ffinanzjat mill-baġits ta’ oqsma oħra ta’ politika;

4.  Ifakkar li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għadhom l-akbar għajn ta’ finanzjament estern għall-attivitajiet maħsuba biex jistimulaw is-settur tat-turiżmu f’ċerti Stati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura trasparenza akbar fil-mod li bih il-fondi strutturali jintużaw mill-amministrazzjonijiet lokali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet responsabbli għat-turiżmu, flimkien mal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, jagħmlu l-aktar użu sħiħ possibbli tal-opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament taħt il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, speċjalment permezz tal-banek ta’ investiment nazzjonali u reġjonali, sabiex jagħtu qabża kwalitattiva lill-azzjoni tal-UE b’appoġġ għat-turiżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ xenarji pilota relatati mat-turiżmu taħt il-programm Orizzont 2020;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tittraduċi l-gwida tal-appoġġ finanzjarju fil-24 lingwa uffiċjali tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs, peress li l-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill- ostakoli ffaċċjati f’dan is-settur;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni taħtar esperti indipendenti biex jivvalutaw l-impatt ta’ politiki oħra tal-UE dwar it-turiżmu u janalizzaw it-theddidiet reali u potenzjali għat-turiżmu bħala riżultat tal-konflitti li hemm fil-pajjiżi u r-reġjuni ġirien tal-UE, u tirrapporta lura lill-Parlament bi proposti għal miżuri biex jissaħħaħ l-impatt pożittiv fuq it-turiżmu u jitnaqqas l-impatt negattiv;

9.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali ta’ data aġġornata abbażi tar-Regolament il-ġdid dwar l-Istatistika tat-Turiżmu;

10.  Jinnota li hemm bżonn ta’ aktar sforz biex jiġi żviluppat approċċ integrat għat-turiżmu, li jiżgura li l-interessi u l-ħtiġijiet ta’ dan is-settur jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu fformulati u implimentati politiki oħra tal-UE (eż. it-trasport, il-politika rurali);

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida għat-turiżmu tal-UE biex tissostitwixxu jew taġġorna l-Komunikazzjoni tal-2010;

12.  Jistenna lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri implimentattivi dettaljati għall-ġabra l-ġdida ta’ azzjonijiet komuni fil-kuntest tal-Forum Ewropew dwar it-Turiżmu li jmiss;

13.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tittrasferixxi riżorsi umani suffiċjenti għall-politika tat-turiżmu tagħha, minħabba l-importanza tat-turiżmu bħala fattur essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa; jikkritika l-fatt li s-suġġett tat-turiżmu mhuwiex elenkat b’mod viżibbli biżżejjed fuq il-websajt tad-DĠ GROW il-ġdid; jirrakkomanda wkoll li din il-websajt issir multilingwi;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni fost is-servizzi u d-dipartimenti tal-Kummissjoni;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra tnaqqasx il-piż regolatorju sproporzjonat, li għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-SMEs fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu, u mhux iżidu, il-piż regolatorju eżistenti;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni li t-turiżmu huwa settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea, u li konsegwentement huwa meħtieġ li tittejjeb b’mod konsiderevoli l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet finanzjarji u li tinħoloq sinerġija bejn is-settur pubbliku u dak privat tat-turiżmu; Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha biex isibu mekkaniżmu għal koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi f’dan is-settur;

17.  Iqis li, fil-qafas ta’ kooperazzjoni u relazzjonijiet kordjali tajba ta’bejn il-ġirien, l-UE għandha tiżviluppa azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tat-turiżmu f’pajjiżi terzi bil-ħsieb li jkun jista' jsir żvilupp ibbilanċjat tal-ekonomiji tagħhom, ħaġa li se tgħin ukoll biex jittaffew it-tensjonijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet kordjali ta' bejn il-ġirien u biex jittejbu l-attrattiva tar-reġjun u l-fluss tat-turisti li jżuru l-pajjiż;

18.  Iqis li l-indikazzjoni ta’ Sena Ewropea tat-Turiżmu se tgħin sabiex tiġi promossa d-diversità tat-turiżmu Ewropew u jitgħolla l-profil tad-diversi partijiet interessati attivi fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra inizjattiva bħal din;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li titwaqqaf Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu;

L-immarkar/il-promozzjoni konġunta tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika

20.  Jinkoraġġixxi b’mod qawwi lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (ETC), li jgħaqqad flimkien l-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu, tkompli u tapprofondixxi l-promozzjoni tal-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni turistika fid-dinja taħt l-umbrella ta’ approċċ Ewropew komuni; jitlob b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-strateġija fit-tul varata mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu fi Frar 2014, “Destinazzjoni Ewropa 2020”, li tinkludi ġabra ta’ azzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, immarkar u promozzjoni għall-Ewropa bħala destinazzjoni turistika;

21.  Jitlob b'mod partikolari għall-ħolqien ta' marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa” bil-għan li jiġu kkumplementati u mtejba l-attivitajiet promozzjonali tal-organizzazzjonijiet tat-turiżmu li joperaw fil-livell nazzjonali, reġjonali, transfruntier u dak lokali, u tal-industrija Ewropea tat-turiżmu, għall-benefiċċju tal-viżibilità u l-kompetittività tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej, speċjalment fis-swieq l-aktar imbiegħda; Jenfasizza li l-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa" teħtieġ approċċ inklużiv li jiġġenera vantaġġi kemm għad-destinazzjonijiet Ewropej stabbiliti u kemm għal dawk inqas magħrufa filwaqt li tiġi ppreservata d-diversità inerenti ta’ reġjuni Ewropej differenti peress li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-marka territorjali tagħhom stess, u li din trid tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri skont l- Artikolu 195 TFUE;

22.  Jirrikonoxxi li jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar objettivi komuni u li jiġu analizzati l-potenzjal u l-valur miżjud ta' marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa", skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti speċifiċi espressi mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li, biex jinkisbu dawn ir-riżultati, jeħtieġ li jitmexxew aktar konsultazzjonijiet profondi mal-industrija, l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ manwal tal-marka, li għandu jispeċifika l-modalitajiet ta’ promozzjoni li jkun sar qbil dwarhom;

23.  Jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni lill-kwestjoni ta' kif is-settur privat jista' jsir involut fl-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni tal-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa", u kif jista' jikkontribwixxi finanzjarjament għall-iżvilupp u l-għanijiet tal-istrateġija; jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-privati u konsegwentement jissuġġerixxi li jiġi żviluppat programm ta’ Sħubija Pubblika Privata Speċjali tat-Turiżmu (Special Public-Private Partnership of Tourism - SPOT); jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali rispettivi tagħhom f’dan il-proċess, u jikkooperaw b’mod kostruttiv mal-industrija sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi;

24.  Jitlob għat-tisħiħ tal-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa" bħala l-aktar reġjun tal-vaganzi fid-dinja li hu tajjeb għall-familji, għat-tfal u għall-ġenerazzjonijiet;

25.  Iqis li huwa essenzjali li wieħed mill-elementi ewlenin tal-marka “Destinazzjoni Ewropa” tkun is-sigurtà tat-turisti; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, biex jimplimentaw strateġiji (inklużi kampanji ta’ informazzjoni turistika) bl-objettiv li t-turisti jingħataw l-esperjenza l-aktar sikura possibbli fid-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kuxjenza politika dwar il-fatt li l-promozzjoni tal-Ewropa f’pajjiżi terzi sservi bħala għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-objettiv li jiżdied il-għadd ta’ turisti li jiġu l-Ewropa, u b’hekk tgħin biex iġġib benefiċċju ekonomiku mhux biss lid-destinazzjonijiet inqas magħrufa u lill-pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi, iżda wkoll lill-UE kollha kemm hi; iqis li politika tal-viża stretta hija ostaklu għat-turiżmu lejn l-Ewropa minn pajjiżi terzi; jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni fl-2014 bil-ħsieb li jinħarġu viżi turistiċi ġodda u tiġi ffaċilitata l-mogħdija tat-turisti miż-żona ta’ Schengen; iħeġġeġ lill-Kunsill, f’dan ir-rigward, jilħaq qbil rapidu mal-Parlament sabiex l-UE tkun tista’ tibbenefika minn influss ikbar ta’ turisti minn ċerti pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ interess potenzjali li jżuru l-UE;

27.  Ifakkar li l-UE għandha tibda tinvesti bil-għan li tkun lesta biex tisfrutta l-potenzjal ta’ pajjiżi terzi b’popolazzjoni kbira u ekonomiji emerġenti, b'mod partikolari l-pajjiżi BRIC, fejn il-għadd ta' turisti li jsiefru barra minn pajjiżhom qed jiżdied; jindika l-ħtieġa ta' inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tat-turiżmu u l-ħtieġa ta' flessibilità u konsistenza akbar fir-rigward tal-arranġamenti tal-viża turistika u l-qsim minn naħa għal oħra tal-fruntieri; jenfasizza li l-promozzjoni ta’ għadd akbar ta’ pjattaformi tat-Turiżmu bil-Viża, flimkien ma’ approċċ kawt lejn is-semplifikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi, hija komponent importanti biex jikber il-għadd ta’ turisti minn barra l-Ewropa u tiżdied il-viżibilità tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej; jenfasizza l-potenzjal ta' viżi itineranti għal gruppi ta' turisti li jkunu diġà ġew fil-pajjiż, u l-importanza tal-implimentazzjoni ta' aktar ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża sabiex isir l-aħjar użu mill-wasliet ta' turisti internazzjonali; jikkunsidra li huwa rakkomandabbli, bir-rispett dovut għad-dritt u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dħul mill-fruntieri tagħhom stess, li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jiżviluppaw, fil-kuntest tal-politika komuni dwar il-viżi, strateġija fit-tul għal proċeduri tal-viża koordinati u semplifikati aħjar;

Il-prodotti turistiċi pan-Ewropej u transnazzjonali

28.  Huwa tal-fehma li l-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw prodotti turistiċi Ewropej transnazzjonali ġodda, filwaqt li jqisu b’mod sħiħ ir-rwol tal-istrateġiji makroreġjonali fl-iżvilupp tagħhom; jinnota li l-makroreġjuni bħalma hu l-makroreġjun Adrijatiku-Joniku joffru bażijiet naturali, kulturali u storiċi distintivi għall-iżvilupp ta’ prodotti bħal dawn; jistieden lill-partijiet pubbliċi u privati ikkonċernati fl-istrateġiji makroreġjonali tal-UE għall-Baltiku, għad-Danubju, għall-Adrijatiku-Joniku u għall-Alpi jfasslu, kull waħda fiż-żona tagħha stess, strateġiji konġunti għall-iżvilupp tat-turiżmu;

29.  Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ħolqien ta’ itinerarji tematiċi transnazzjonali (fil-livell ta’ għadd akbar ta’ pajjiżi Ewropej) sabiex jiġu amplifikati l-elementi sperimentali li jimmotivaw iż-żjarat lejn ċerti destinazzjonijiet (definiti fil-livell tal-Istat), tiżdied il-mobilità ta' dawk li jmorru għal vaganza, jinkiseb livell medja ogħla ta’ nfiq u titwessa’ l-pjattaforma promozzjonali (b’mod partikolari fir-rigward tal-viżitaturi minn swieq imbiegħda lejn l-Ewropa);

30.  Jenfasizza ż-żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali mal-feġġ ta’ destinazzjonijiet barra mill-Ewropa; Iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li tiġi mrawma kooperazzjoni akbar bejn id-destinazzjonijiet Ewropej permezz tar-raggruppamenti u n-netwerks tat-turiżmu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonal u fi ħdan il-baċiri marittimi;

31.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ prodotti turistiċi transnazzjonali fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali; jinsab konvint, għalhekk, li l-inizjattivi implimentati fi ħdan l-oqfsa ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzati għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ inċentivi adegwati;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu rotot turistiċi ġodda billi jiġġeneraw mill-ġdid iż-żoni li m’għadhomx jintużaw, toroq, rotot ferrovjarji, mogħdijiet abbandunati u rotot antikwati;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tal-Kumissjoni Ewropea għat-Turiżmu jappoġġjaw il-mandat eżistenti tagħha biex tgħin fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' prodotti u servizzi tat-turiżmu transnazzjonali u pan-Ewropej b'mira speċifika, flimkien mat-turiżmu kostali u marittimu, permezz ta’ portal visiteurope.com avvanzat, imtejjeb u għalkollox aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-portal visiteurope.com ikun jista’ jsir aċċess għalih ukoll minn fuq it-terminals komuni kollha mobbli u li jistgħu jinġarru permezz ta’ applikazzjoniu (app) li tkun ipprogrammata apposta;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU, flimkien ma’ sħab internazzjonali oħra, sabiex jissaħħu l-isforzi biex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu transnazzjonali u pan-Ewropej ġodda;

35.  Jenfasizza, filwaqt li jikkunsidra l-fatt li llum il-ġurnata l-konsumaturi għandhom it-tendenza li jfittxu esperjenza turistika pjuttost milli sempliċement destinazzjoni, li strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni li tkun ta' suċċess għall-promozzjoni tal-prodotti turistiċi Ewropej jeħtieġ li tikkorrispondu għall-ħtiġijiet ta’ segmenti u swieq differenti tal-ivvjaġġar f’pajjiżi terzi;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jippromwovu n-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 fuq is-siti elettroniċi rilevanti u fuq il-biljetti elettroniċi, u fid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin tagħna;

37.  Jilqa’ l-inizjattiva tat-turiżmu soċjali Calypso, li jippermetti li l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni bi dħul iktar baxx u l-persuni b’diżabilità jmorru fuq btala barra mill-istaġun għoli; Jenfasizza li din l-inizjattiva għandha l-potenzjal li tegħleb il-problema tal-istaġjonalità, b’mod partikolari fid-destinazzjonijiet inqas magħrufa;

38.  Jemmen, madankollu, li biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità fl-Ewropa hemm bżonn li jkun hemm enfasi akbar fuq l-iżvilupp ta' prodotti tat-turiżmu b'mira speċifika li joffru lill-vjaġġaturi esperjenza turistika speċifika u jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri u l-industrija tat-turiżmu fil-ħolqien ta’ aktar prodotti diversifikati u b'miri speċifiċi madwar temi speċifiċi bħalma huma l-wirt rurali, kulturali u industrijali, l-istorja, ir-reliġjon, is-saħħa, l-esperjenzi ta’ spa u wellness, l-isport, l-inbid u l-ikel, il-mużika u l-arti bħala forom ta’ turiżmu alternattiv li jgħinu biex jinġieb valur miżjud lejn iż-żona kkonċernata permezz tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħha u billi l-impjiegi jsiru inqas staġjonali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, għal dan l-għan, biex jagħmlu użu xieraq tal-fondi tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni testendi l-objettivi għall-azzjoni taħt il-programm COSME kif xieraq; jikkunsidra li l-festivals tal-isport, il-mużika u l-arti għandhom potenzjal qawwi li jimmobilizzaw turisti mill-Ewropa u minn pajjiżi barranin;

39.  Jenfasizza li d-diversità u l-multikulturaliżmu tal-Ewropa joffru potenzjal kbir għall-iżvilupp tat-turiżmu tematiku, u jippermettu l-promozzjoni kkoordinata ta' skambji turistiċi u kulturali alternattivi u sostenibbli; iħeġġeġ inizjattivi biex tinħoloq rabta bejn l-attrazzjonijiet turistiċi bil-għan li jiġu stabbiliti prodotti u itinerarji tat-turiżmu tematiċi fuq skala Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali, u dan billi jiġu sfruttati l-komplementarjetà u l-ispeċifiċitajiet tad-diversi attrazzjonijiet turistiċi Ewropej sabiex tiġi provduta l-aqwa esperjenza possibbli għat-turisti;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa u enfasizzata r-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew, bl-użu bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO bħala propożizzjoni ta’ bejgħ uniku iżda wkoll inklużi s-siti li jistgħu jkunu anqas magħrufa jew mhux faċilment aċċessibbli, speċjalment peress li t-turiżmu kulturali jammonta għal madwar 40 % tat-turiżmu Ewropew u b’hekk jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali, reġjonali, urban u rurali, filwaqt li jnaqqas l-impatt tal-istaġjonalità; jenfasizza wkoll, f’dan il-kuntest, ir-rwol ewlieni li jaqdu l-garanziji fil-preservazzjoni tal-wirt tal-Ewropa u fil-għajnuna mogħtija lill-Istati Membri biex jerfgħu l-piż tal-ispejjeż;

41.  Jenfasizza li l-promozzjoni tal-avvenimenti kulturali fuq diversi livelli tista' tikkontribwixxi għall-ġibda tad-destinazzjonijiet turistiċi, u għalhekk jissuġġerixxi li tiġi mistħarrġa l-possibilità li jinħoloq kalendarju ta’ avvenimenti madwar l-Ewropa, li jiġi ppubblikat fuq il-portal visiteurope.com, sabiex jittejbu s-servizzi ta’ informazzjoni turistika;

42.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu jagħtu viżibilità adegwata fuq l-internet lill-inizjattivi u premjijiet li jenfasizzaw il-wirt kulturali Ewropew, u jrawmu inizjattivi u attivitajiet ta’ promozzjoni relatati (bħalma hu ċ-ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u r-Rotot Kulturali Ewropej);

43.  Itenni l-importanza tal-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali kontra l-effetti ta’ ħsara possibbli tal-bidliet strutturali kkawżati mill-attivitajiet turistiċi, u kontra r-riskji kkawżati mit-turiżmu tal-massa, speċjalment matul l-eqqel tal-istaġun turistiku; jagħti prijorità lill-kwalità tax-xogħol imwettaq u mhux lill-kost tiegħu; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq ir-rwol li jista' jaqdi l-patroċinju fil-għajnuna li jagħti għall-konservazzjoni tal-wirt Ewropew u l-kumpens tiegħu għat-tnaqqis fil-baġits pubbliċi allokati għal dan l-iskop;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjoni intiża biex tipproteġi l-monumenti u s-siti Ewropej li jinsabu f'periklu bil-għan li jiġi salvagwardjat u promoss il-wirt kulturali u, b'hekk, jiġi mħeġġeġ it-turiżmu kulturali;

45.  Jenfasizza r-rwol importanti li jaqdi t-turiżmu kulturali Ewropew fl-iżvilupp u l-għarfien personali ulterjuri, speċjalment fost iż-żgħażagħ, billi jippromwovi r-rikkezza tad-diversità kulturali u tal-wirt kulturali nazzjonali u lokali, jagħti kontribut lit-tagħlim interkulturali, jipprovdi opportunità għan-netwerking, isaħħaħ l-identità Ewropea u jesprimi valuri Ewropej;

46.  Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu kulturali biex jittaffa l-faqar; jappella, f'dan ir-rigward, għat-trawwim tal-industriji kreattivi tal-Istati Membr u tat-turiżmu rurali bil-għan li tiġi promossa r-rikkezza kulturali straordinarja tal-Ewropa u jiġu miġġielda l-faqar u l-qgħad;

47.  Jenfasizza li l-akkwist konġunt ta’ passes u biljetti tal-ivjaġġar għandu jiġi ssimplifikat bħala forma ta’ appoġġ għall-kampanji kulturali;

48.  Jenfasizza li l-firxa wiesgħa ta' lingwi tal-Ewropa – uffiċjali, kouffiċjali, il-lingwi minoritarji u dawk inqas magħrufa – jiffurmaw il-pedament tal-wirt kulturali tagħha u huma wkoll kruċjali għal turiżmu sostenibbli u responsabbli;

49.  Jinnota l-opportunitajiet offruti mill-avvenimenti u s-siti storiċi sinifikanti, bħalma huma s-Siti tal-Kuxjenza, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni sensittiva u programmi edukattivi; iħeġġeġ l-użu tal-wirt kulturali u t-turiżmu sabiex jitrawwem id-djalogu interkulturali u jqarreb lin-nies tal-Ewropa aktar lejn xulxin;

50.  Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu sportiv, li fil-ġejjieni jista' jsir wieħed mis-setturi l-aktar dinamiċi fl-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar li qed tiżviluppa, u jitlob li jiġu introdotti politiki speċifiċi għall-promozzjoni u s-sostenn tal-iżvilupp tiegħu; ifakkar fir-rwol importanti tal-attivitajiet sportivi biex jiġbdu t-turisti lejn ir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fit-tħejjija għall-avvenimenti sportivi u waqt dawn l-avvenimenti, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni mbiegħda; jenfasizza li l-potenzjal tat-turiżmu sportiv għadu mhux sfruttat biżżejjed;

Il-kwalità

51.  Jinsab konvint li t-turiżmu għandu jagħmel tranżizzjoni minn mudell ta’ tkabbir kwantitattiv għal mudell kwalitattiv li jwassal għal żvilupp stabbli u sostenibbli , u li hemm, fil-fatt, il-ħtieġa li tinbena industrija tat-turiżmu li tippermetti l-ħolqien ta’ aktar impjiegi kwalifikati li huma remunerati b’mod xieraq; jemmen li d-diversifikazzjoni ekonomika tat-turiżmu fiż-żoni rurali u kostali toffri opportunitajiet għal impjiegi ġodda u sostenibbli;

52.  Jirrikonoxxi d-differenza fl-istandards tal-kwalità tas-servizzi fis-settur tat-turiżmu, u huwa tal-fehma li l-istandards tal-kwalità huma importanti bħala mezz ta' ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi u ta' żieda tat-trasparenza għall-konsumatur, u b’hekk jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-partijiet kollha; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżvolġu aktar id-diskussjoni dwar kif l-UE tista’ tippromwovi standards tal-kwalità li jkun sar qbil dwarhom għas-servizzi tat-turiżmu;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tvara Marka Ewropea ta' Turiżmu ta' Kwalità sabiex tippremja l-isforzi rigorużi min-naħa tal-professjonisti fil-qasam tat-turiżmu fis-sostenn tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu bbażati fuq l-ogħla rispett għall-wirt kulturali u naturali, fit-titjib tal-kwalità tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu, fit-tisħiħ tal-aċċessibilità għal kulħadd u fil-promozzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali tal-komunitajiet lokali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodott billi tiġi protetta l-marka “magħmul fi” (made in);

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mal-assoċjazzjonijiet tat-turiżmu, u flimkien jiddefinixxu sistema Ewropea komuni għall-klassifikazzjoni tal-infrastruttura tat-turiżmu (lukandi, ristoranti, eċċ.); Iqis li l-inizjattiva Hotelstars Union immirata biex b'mod gradwali tarrmonizza s-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa kollha għandha tingħata aktar promozzjoni, biex b'hekk ikun jista' jsir paragun aħjar tal-offerta tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa u jingħata kontribut għall-kriterji komuni tal-kwalità tas-servizzi;

56.  Jemmen li ż-żamma ta’ standards ta’ sikurezza fis-servizzi tat-turiżmu fl-UE huwa ingredjent essenzjali tal-kwalità tajba; jilqa’, għalhekk, il-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata “Is-Sikurezza tas-Servizzi tal-Akkomodazzjoni Turistika”; jinnota s-sottomissjonijiet minn ħafna gruppi tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tas-sikurezza ta' kontra n-nirien u organizzazzjonijiet tas-settur tat-turiżmu li jappoġġjaw l-azzjoni fil-livell tal-UE dwar is-sikurezza tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposti għal standards minimi għas-sikurezza tat-turiżmu fl-UE, b’mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza ta' kontra n-nirien u s-sikurezza ta' kontra l-monossidu tal-karbonju fl-akkomodazzjoni turistika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir ġbir sistematiku tad-data dwar is-sikurezza tal-akkomodazzjoni;

57.  Jenfasizza l-fatt li s-servizzi tat-turiżmu ta’ kwalità għolja huma ggarantiti jekk ikunu kkombinati ma’taħriġ xieraq u kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u li jekk il-ħiliet rekwiżiti u l-kisbiet soċjali fis-settur jiġu injorati, u mdgħajfa, dan ikun kontroproduċenti;

58.  Huwa tal-fehma li l-investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni huwa element essenzjali fil-provvediment ta’ servizzi ta’ kwalità f’settur li jimpjega l-aktar persuni żgħażagħ, tipikament bejn l-etajiet ta’ 16 u 35 sena; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni taħdem ma’ entitajiet privati u korpi pubbliċi oħra biex jinħolqu programmi ta’ apprendistat u ta’ taħriġ fl-istaġun baxx sabiex is-settur isir aktar attraenti u inqas staġjonali; iqis li dan it-taħriġ għandu jenfasizza kwalifiki ogħla u l-iżvilupp tal-ħiliet personali, li jwasslu għal prospetti aħjar ta’ xogħol fis-settur kollu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġja l-isforzi tas-settur tat-turiżmu biex itejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ min iħaddem u tal-impjegati sabiex jantiċipa x-xejriet u l-ħiliet meħtieġa tal-ġejjieni; huwa tal-fehma li l-istatistika dwar l-impjiegi fis-settur turistiku għandha tiġi mtejba;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tappoġġja l-industrija tat-turiżmu billi telimina l-lakuni li hemm fil-ħiliet u tagħti spinta lir-relevanza tas-suq tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħroġ u tqassam gwida dwar l-aħjar prattika u l-opportunitajiet ta’ taħriġ disponibbli fl-UE, biex b’hekk tippermettu livell ogħla ta’ professjonaliżmu u mobilità volontarja akbar fost il-professjonisti fi ħdan l-UE;

60.  Jenfasizza l-importanza li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri tal-kwalifiki professjonali fl-industrija tat-turiżmu sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jidentifikaw l-aħjar prospetti ta' karriera possibbli, u b'hekk tiġi mħeġġa l-mobilità tagħhom;

61.  Jilqa' l-għodod tal-mobilità, kif ukoll il-proġetti ta' kooperazzjoni bħalma huma l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali taħt l-Erasmus+ u l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, bħala mezzi effiċjenti biex il-ħaddiema tas-settur tat-turiżmu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha jiskambjaw l-aħjar prattiki, itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom u jiksbu għarfien prattiku tat-turiżmu kulturali; jinsab imħasseb, madankollu, minħabba li fost iż-żgħażagħ hemm nuqqas ta' interess li jibdew karriera f'ċerti setturi tat-turiżmu; jisħaq fuq il-vantaġġi ta' sistema ta' "edukazzjoni doppja" fis-settur tat-turiżmu u l-importanza li t-tagħlim jiġi kkombinat mal-esperjenza prattika tax-xogħol, biex b'hekk jittejbu kemm l-għarfien teoretiku kif ukoll il-ħiliet prattiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Fond Soċjali Ewropew u minn fondi oħra tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali.

62.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f’taħriġ ta’ kwalità għolja għall-gwidi turistiċi u jinkoraġġixxu approċċ multilingwistiku sabiex is-siti ta’ interess jippromwovuhom aħjar għat-turisti barranin; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-istandards Ewropej tal-kwalità għall-gwidi turistiċi, u hekk jiżguraw ir-rispett tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt li għandhom fuq il-kompetittività tal-Ewropa bħala destinazzjoni t-taxxi u l-imposti miġbura minn fuq prodotti u servizzi tat-turiżmu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza li jnaqqsu r-rati tal-VAT minn fuq is-servizzi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu sabiex jgħinu biex jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali u biex jiġu sostnuti t-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll l-importanza li l-Ewropa tiġi megħjuna tibqa’ kompetittiva fis-suq globali;

L-isfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu kostali u marittimu

64.  Jirrikonoxxi l-importanza li għandha għaż-żoni kostali u tal-ġżejjer l-Istrateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Kostali u Marittimu (skont l-istrateġija tat-Tkabbir Blu u l-Istrateġija Ewropa 2020), li tippreżenta ġabra ta’ tweġibiet komuni għall-ħafna sfidi li huma jiffaċċjaw;

65.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex jakkumpanja l-14-il azzjoni deskritti fl-imsemmija Strateġija tat-turiżmu kostali u marittimu, b’għanijiet u skedi ta’ żmien konkreti, u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress miksub fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi seminar annwali, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kostali u tal-baħar u r-reġjuni rispettivi, bil-għan li jiġi promoss djalogu pan-Ewropew u tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul;

67.  Ifakkar fl-importanza tal-konnettività u l-aċċessibilità, u jinnota li dawn ivarjaw bejn l-istaġun għoli u dak baxx fir-reġjuni ultraperiferiċi u tal-gżejjer, li jiddependu fil-biċċa l-kbira mit-trasport bil-baħar u bl-ajru; jenfasizza wkoll l-importanza li jinħolqu pjani reġjonali li jippromwovu l-mobilità fi ħdan id-destinazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni li l-Azzjoni 12 tal-istrateġija tat-turiżmu kostali u marittimu msemmija hawn fuq tqis l-effiċjenza tal-għajnuna mill-Istat fir-reġjuni kostali u dawk marittimi;

68.  Iħeġġeġ bis-saħħa lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċċernati fis-settur tat-turiżmu nawtiku u marittimu, tivvaluta l-ħtieġa li jinħolqu strateġiji intelliġenti u innovattivi bħala soluzzjoni biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità li hija adattata kemm għall-istaġun għoli u kemm għal dak baxx u tieħu kont tal-gruppi varji li jkunu fil-mira; Jitlob lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu sforzi biex jinħolqu esperjenzi, prodotti u servizzi kumplementari li jkunu integrati mal-prodotti lokali, partikolarment b’rabta mal-wirt marittimu u l-kultura, l-isports akkwatiku, in-navigazzjoni għar-rikreazzjoni, l-osservazzjoni tal-ħajja u n-natura tal-baħar, ix-xemx u l-attivitajiet relatati mal-baħar, is-sajd artiġjanali, l-ikel u s-saħħa;

69.  Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu tal-kruċieri għat-tkabbir tas-settur tat-turiżmu fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, flimkien mal-Istati Membri, tivvaluta r-riżorsi meħtieġa u l-infrastruttura tal-port u dik nawtika eżistenti, u jistandardizzaw is-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, sabiex jinħolqu azzjonijiet innovattivi ta’ ppjanar għal dawn l-oqsma billi jiġi żviluppat il-kunċett tal-belt portwarja intelliġenti;

70.  Jenfasizza li l-ippjanar konġunt u l-azzjoni konġunta huma meħtieġa għall-aċċettazzjoni tat-turiżmu mill-popolazzjoni daqs kemm huma meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tiegħu;

It-turiżmu sostenibbli, responsabbli u soċjali

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-turiżmu sostenibbli, responsabbli u ekoloġiku b’kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi bħalma hi l-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u partijiet ikkonċernati oħra permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti speċifiċi ġodda u l-promozzjoni ta’ dawk eżistenti, u jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ pjattaforma tal-internet madwar l-Ewropa kollha li tkun aċċessibbli għalkollox u li tiġbor flimkien l-informazzjoni eżistenti dwar prodotti ċċertifikati, forom ġodda ta’ turiżmu, destinazzjonijiet u rotot, u dwar servizzi speċifiċi bħalma huma l-mezzi tat-trasport u gwidi turistiċi, f’database waħda b’aċċess permezz tal-portal visiteurope.com;

72.  Jemmen li għandha tiġi allokata żieda fil-(ko)finanzjament għall-proġetti tat-turiżmu sostenibbli taħt il-programm COSME;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza l-Karta Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli u tkompli tagħti appoġġ finanzjarju lil inizjattivi u netwerks importanti bħalma huma EDEN (Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza) u l-itinerarji kulturali Ewropej;

74.  Jinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu, fuq il-bażi ta’ standards proposti mill-Kummissjoni, jistabbilixxu portal uniku speċifiku fil-livell nazzjonali dwar it-turiżmu sostenibbli u responsabbli sabiex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażla infurmata bejn prodotti u destinazzjonijiet nazzjonali u transnazzjonali b'miri speċifiċi;

75.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli, fejn il-kunċett ta’ “destinazzjon intelliġenti" għandu jkun ċentrali għall-iżvilupp tad-destinazzjoni, u li għandu jgħaqqad flimkien l-aspetti tas-sostenibilità, t-turiżmu tal-esperjenzi u l-użu xieraq tar-riżorsi naturali, flimkien mat-teknoloġiji ġodda, inklużi l-aspetti tal-aċċessibilità fiżika u tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni; jinsab konvint li n-netwerks tal-informazzjoni dwar proġetti tat-turiżmu mhux aggressiv joffru opportunitajiet tajba biex jingħata sostenn lill-SMEs, lill-iżvilupp sostenibbli lokali, lill-impjiegi sostenibbli u lill-ekonomiji stabbli;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar iċ-ċertifikati ta' sostenibbiltà għas-servizzi tat-turiżmu mhux aggressiv, inkluża analiżi tal-istrumenti volontarji li jindikaw liema strumenti kienu ta’ suċċess;

77.  Jitlob għall-promozzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' għażliet li jkunu jiffavorixxu lit-tfal u lill-familji fis-settur tat-turiżmu, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ siġill Ewropew tat-turiżmu li jiffavorixxu l-familja;

78.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi programmi biex faċilitajiet ta' lukandi li żmienhom ikun għadda jiġu rriġenerati skont il-kriterji tat-turiżmu ekosostenibbli;

79.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdi t-turiżmu Ewropew fir-riġenerazzjoni taż-żoni rurali u urbani, bil-għan li jinkiseb żvilupp lokali u reġjonali sostenibbli;

80.  Jitlob għall-iżvilupp ta’ servizzi tat-turiżmu sostenibbli f’dawk ir-reġjuni li, minkejja li għandhom potenzjal turistiku u kulturali kbir, sofrew dannu lill-immaġini tagħhom bħala riżultat ta’ konċentrazzjoni akbar fuq setturi oħra u l-iżvilupp tagħhom, inkluż is-settur industrijali;

81.  Jenfasizza l-importanza tal-għarfien li t-turiżmu ma għandux ikollu impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti; iqis li, għall-kuntrarju, il-popolazzjoni residenti għandha tiġi integrata b’mod pożittiv mal-fenomenu tat-turiżmu u għandha tkun tista' tipparteċipa fih;

82.  Jenfasizza li l-wirt naturali u kulturali u l-protezzjoni tal-bijodiversità jikkostitwixxu kapital prezzjuż għas-settur tat-turiżmu, u għalhekk jappoġġja lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lin-negozji tat-turiżmu fil-promozzjoni tal-ekoturiżmu u fir-rispett tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE meta jkunu qed jiddeċiedu dwar proġetti ta’ infrastruttura u jeżegwixxuhom; jistieden lill-Istati Membri jintegraw inizjattivi tal-wirt naturali fl-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tagħhom tat-turiżmu;

83.  Jenfasizza l-importanza ta’ turiżmu sostenibbli u responsabbli għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt naturali u kulturali reġjonali; Jinsab konvint, għalhekk, li l-prodotti tat-turiżmu reġjonali u żjajjar qosra għandhom jiġu appoġġjati u promossi permezz ta’ miżuri xierqa;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw netwerks ta’ rotot ekoloġiċi li jinkorporaw żoni rurali u żoni msaġġra u siti naturali minuri, permezz tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti ma' soluzzjonijiet ekosostenibbli ġodda;

85.  Jenfasizza li t-turiżmu tas-sajd sostenibbli jista' jagħti kontribut importanti lill-ekonomija taż-żoni rurali fl-Ewropa; jenfasizza li din il-forma ta’ turiżmu tista’ tibqa’ teżisti biss jekk l-ispeċijiet tal-ħut li ninsabu fil-periklu tal-estinzjoni jiġu ġestiti b’mod aktar sostenibbli fl-ilmijiet interni Ewropej;

86.  Jinnota li l-agroturiżmu huwa wieħed mill-forom l-aktar bażiċi ta’ turiżmu alternattiv fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tappoġġa l-azzjonijiet imfassla biex jipprovdu inċentivi biex jiġu żviluppati ulterjorament l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà ta’ dan is-settur;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ulterjorment tippromwovi żoni lokali u speċjalitajiet billi tinkoraġġixxi t-turija, u tiżgura l-protezzjoni, tal-prodotti lokali bħalma huma l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) agrikoli u dawk mhux agrikoli;

88.  Iqis li r-reġjuni sensittivi bħalma huma l-gżejjer, il-kosti u l-muntanji, u b'mod partikolari r-reġjuni mbiegħda u ultraperiferiċi, spiss jiddependu ferm min-negozju tat-turiżmu u huma l-ewwel li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima; Jinsab konvint, għalhekk, li l-ħarsien tal-klima għandu jkun prijorità u għandu jiġi integrat b’aktar saħħa fil-politiki tat-turiżmu u t-trasport Ewropej, nazzjonali u reġjonali, inkluż permezz ta’ konċentrazzjoni fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-ġestjoni tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kif it-tibdil fil-klima jaffettwa t-turiżmu f’dawn ir-reġjuni sensittivi – ekonomikament, ambjentalment u soċjalment – u tal-influwenza li se jkollu fil-ġejjieni;

89.  Jissottolinja l-bżonn ta’ promozzjoni tal-potenzjali tat-turiżmu rurali remot, daj tak-ġżejjer, dak tal-kosta u dak taż-żoni muntanjużi, iħeġġeġ l-iżvilupp tat-turiżmu marittimu u tal-baħar sostenibbli fl-UE, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw infrastruttura sostenibbli u jtejbu l-konnettività transfruntiera bħala mezz biex jissaħħu l-ġibda u l-aċċessibilità tagħhom;

90.  Jenfasizza l-fatt li l-gżejjer għandhom il-problemi partikolari tagħhom, speċjalment f'dawk li huma konnessjonijiet bejn il-gżejjer iżgħar u t-territorju prinċipali, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tingħata spinta lill-investiment f'dak il-qasam;

91.  Iqis li l-introduzzjoni ta’ "kontrolli ambjentali" volontarji bil-għan li tittejjeb il-kwalità ambjentali fl-industrija tat-turiżmu huma kontribut utli min-naħa tal-industrija, u jirrakkomanda li l-kumpaniji li juru impenn partikolari jiġu rikonoxxuti;

92.  Jistieden lill-awtoritajiet u l-operaturi responsabbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jagħmlu sforz akbar biex jippromwovu n-netwerks ta' mingħajr vetturi bħalma huma l-mogħdijiet Ewropej għaż-żwiemel, ir-rotot tal-mixi, ir-rotot tal-pellegrinaġġi u l-passaġġi taċ-ċikliżmu, flimkien mas-servizzi ferrovjarji transfruntieri kollha, inklużi dawk ta’ veloċità għolja u l-ferroviji ta’ billejl; Ifakkar li l-interoperabbiltà tat-trasport ma' modi oħra għandha dejjem tiġi esplorata wkoll; jirrakkomanda l-eliminazzjoni taż-żidiet fit-tariffi fuq il-meded tal-fruntieri, li huma wieħed mill-ostakoli għall-użu iktar mifrux tal-ferroviji mit-turisti fiż-żoni tal-fruntieri;

93.  Jirrikonoxxi li t-turiżmu urban sostenibbli huwa negozju li qed jikber b’rata mgħaġġla u li l-politika tal-mobilità u tat-trasport fiċ-ċentri urbani turistiċi għandha tkun effiċjenti u sostenibbli u li twassal għal sitwazzjonijiet fejn jirbħu kemm il-viżitaturi u kemm dawk li jkunu laqgħuhom;

94.  Jappoġġja l-iżvilupp ta’ forom ta’ trasport multimodali integrati għat-turisti permezz tal-ħolqien ta’ biljetti li jippermettu li jintużaw mezzi tat-trasport differenti skont rekwiżiti differenti; jenfasizza li l-progress fis-servizzi integrati tal-ħruġ ta’ biljetti ikun inċentiv qawwi għat-turiżmu transfruntier;

95.  Jenfasizza li l-vetturi elettriċi joffru soluzzjoni dejjem aktar attraenti kemm għat-turiżmu rurali u kemm għal dak urban f’dik li hi l-mobilità flessibbli ġdida, u li din l-għażla ta' mobilità għandha tiġi offruta dejjem aktar fil-postijiet ta’ villeġġjatura;

96.  Jenfasizza kemm hu importanti li jiġi ffaċilitat l-użu tat-trasport pubbliku mill-utenti tar-roti;

97.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tagħmel is-Sistema Ewropea ta’ Indikaturi tat-Turiżmu strument tal-UE biex tgħin lid-destinazzjonijiet turistiċi jikkontrollaw, jimmaniġġjaw, jivvalutaw u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom f'dik li hi sostenibilità;

98.  Jistieden lill-Istati Membri jgħaddu l-esperjenzi pożittivi ta’ ġestjoni ta' turiżmu sostenibbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali barra l-pajjiż;

99.  Huwa tal-fehma li l-aċċessibilità sħiħa u l-affordabilità fit-turiżmu huma parti integrali mis-sostenibilità tas-settur; jafferma li l-prinċipju tat-“turiżmu għal kulħadd” jippermetti u jagħti s-setgħa lin-nies, partikolarment lil dawk bi bżonnijiet speċifiċi (bħalma huma l-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-familji bi dħul baxx, u familji bit-tfal), igawdu d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini, u li konsegwentement jeħtieġ li jkun ir-referenza għal kwalunkwe azzjoni nazzjonali, reġjonali, lokali jew Ewropea relatata mat-turiżmu; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu enfasi partikolari fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda meta jkunu qed jiżviluppaw kunċetti tat-turiżmu għall-anzjani u għall-persuni b’xi diżabilità speċifika;

100.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw sistema ta’ identifikazzjoni uniformi u trasparenti fl-Ewropa kollha għal għażliet aċċessibbli u jistabbilixxu pjattaformi tal-internet korrispondenti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq suġġerimenti skont dawn il-linji;

101.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu l-istabbiliment tal-aċċessibilità bħala kriterju ta’ eliġibilità għall-industrija tat-turiżmu fil-kuntest tal-programmi ta’ żvilupp ekonomiku;

102.  Jenfasizza li l-fiduċja tal-konsumatur fil-kumpaniji li jipprovdu servizzi fis-settur tat-turiżmu tiddependi wkoll mill-ħila tal-kumpaniji li joffru lill-konsumaturi mezzi alternattivi sempliċi, effikaċi u rapidi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet tal-konsumaturi, u minn kemm il-kumpaniji jipproteġu d-data personali u finanzjarja tal-konsumaturi;

103.  Huwa tal-fehma li, bil-għan li t-turiżmu Ewropew isir aċċessibbli, il-linji tal-ajru għandhom jieqfu jwettqu l-prattika mgħawġa u spiss mifruxa ħafna li jallokaw aktar spazju għall-"business class" milli għall-"economy class";

104.  Jisħaq fuq il-kontribut tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni ta' forom ġodda ta' turiżmu permezz tan-netwerks soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, l-assoċjazzjonijiet kulturali u sportivi, il-gruppi ta' azzjoni taċ-ċittadini, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, in-nisa u l-komunitajiet espatrijati;

105.  Jitlob biex ikun hemm rikonoxximent akbar tar-rwol vitali li jwettaq is-settur tal-volontarjat fl-iżvilupp u s-sostenn tas-settur tat-turiżmu permezz tal-volontarjat kulturali;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu attenzjoni u appoġġ lill-potenzjal tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u responsabbli;

107.  Iqis li t-turiżmu għandu valur soċjali importanti għaż-żgħażagħ, dawk li jaqilgħu paga u l-persuni rtirati, u jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE għall-iżvilupp ta' turiżmu relatat mas-saħħa u rikreattiv;

108.  Jenfasizza li l-kriżi tal-immigrazzjoni li għadha għaddejja fl-Ewropa taffettwa b’mod partikolari ż-żoni kostali, fejn it-turiżmu huwa element importanti tad-dħul tar-residenti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-impatt li qed ikollu l-influss mhux ikkontrollat ta’ immigranti għal ġol-UE fuq is-settur tat-turiżmu;

L-ekonomija kollaborattiva

109.  Jilqa’ l-opportunitajiet maħluqa mill-ekonomija kollaborattiva għall-intrapriżi li jkunu għadhom qed jibdew u għall-kumpaniji innovattivi fis-settur tat-turiżmu; jirrikonoxxi l-komplementarjetà ta’ dawn is-servizzi ma’ offerti oħra tat-turiżmu rigward il-lok fejn jinsabu u l-persuni li huma jimmiraw għalihom;

110.  Ifakkar li l-ekonomija kollaborattiva, jew il-konsum kollaborattiv, huwa mudell soċjo-ekonomiku ġdid li rnexxielu jibda jseħħ bis-saħħa tar-rivoluzzjoni teknoloġika, u l-internet li jgħaqqad lin-nies permezz ta’ pjattaformi onlajn li fuqhom jistgħu jitmexxew b'mod sigur u trasparenti transazzjonijiet li jinvolvu oġġetti u servizzi;

111.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali mhijiex adattata għall-ekonomija kollaborattiva, u li għal din ir-raġuni l-gvernijiet lokali u nazzjonali bdew janalizzaw tali pjattaformi onlajn u qed jippruvaw jirregolaw l-effetti tagħhom, spiss billi japplikaw miżuri sproporzjonati li huma ftit jew wisq spariġġati fi ħdan l-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tanalizza l-aħjar inizjattivi possibbli li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; jirrakkomanda li tingħata konsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' qafas regolatorju xieraq fi ħdan ġenerali l-istrateġija komprensiva tas-suq uniku diġitali tal-UE;

112.  Jenfasizza li t-tweġiba għall-qawmien tal-“ekonomija kollaborattiva” għandha l-ewwel tiġi analizzata qabel ma jittieħdu miżuri regolatorji; iqis, madankollu, li kwalunkwe azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li tkun proporzjonali u flessibbli sabiex tippermetti qafas regolatorju li jassigura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji, u b’mod partikolari ambjent tan-negozju pożittiv li jkun ta' appoġġ għall-SMEs u għall-innovazzjoni fl-industrija; iqis, barra minn hekk, li għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, ir-regolamenti tas-sigurtà, is-sikurezza u s-saħħa applikabbli għas-settur tat-turiżmu tradizzjonali għandhom japplikaw ukoll għas-servizzi turistiċi pprovduti fuq bażi kummerċjali fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva;

113.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-fornituri jeħtieġ li jiġu kkategorizzati b’mod korrett bil-għan li ssir distinzjoni ċara bejn servizzi tan-negozju ta' kondiviżjoni u professjonali ad hoc jew permanenti, li għalihom għandhom japplikaw regolamenti xierqa;

114.  Jenfasizza wkoll li l-pjattaformi jeħtieġ li jkunu għalkollox aċċessibbli u li l-konsumaturi li jużaw tali siti għandhom jiġu infurmati b'mod korrett u mhux imqarrqa, u li l-privatezza tad-data tagħhom għandha tiġi protetta; jenfasizza l-importanza ta’ sistema vijabbli u trasparenti ta’ reċensjonijiet, u li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux penalizzati mill-fornituri tas-servizzi talli jħallu reċensjonijiet negattivi;

115.  Jenfasizza li l-kumpaniji tat-teknoloġija li jaġixxu bħala intermedjarji jeħtieġ li l-fornituri jinfurmaw lill-fornituri bl-obbligi tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur, u li jipprovdi informazzjoni affidabbli u aċċessibbli dwar it-tariffi kollha u l-kosti moħbija kollha assoċjati mat-tmexxija tan-negozju, u dwar kif għandhom jibqgħu josservaw kompletament il-liġijiet lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi fiskali u l-osservanza tan-normi li jirrigwardaw is-sikurezza tal-konsumatur u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jipprovdu servizzi turistiċi;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ekonomiku u soċjali tal-ekonomija kollaborattiva u l-implikazzjonijiet tagħha għall-industrija tat-turiżmu, il-konsumaturi, il-kumpaniji tat-teknoloġija u l-awtoritajiet pubbliċi, u tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-eżitu tal-inizjattivi li ħadet sa issa, inkluża l-ħidma tat-task force imwaqqfa mid-DĠ GROW;

Id-diġitalizzazzjoni

117.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod konġunt mal-industrija u mal-assoċjazzjonijiet tat-turiżmu pjan direzzjonali intelliġenti ta’ inizjattivi li jiffukaw fuq il-firxa usa’ tal-innovazzjoni (il-proċess, l-ICT, ir-riċerka) u fuq il-ħiliet meħtieġa, sabiex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu jadottaw l-għodod diġitali u jużawhom b’mod aktar effiċjenti; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni tista’ tagħmel sforz ikkonċentrat biex ixxerred l-aħjar prattiki f’dan il-qasam;

118.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjattaforma tat-Turiżmu Diġitali tal-Kummissjoni u l-objettivi tagħha li (i) issaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni u diġitizzazzjoni tal-SMEs relatati mat-turiżmu bl-iskop li jiġi attivat is-settur tat-turiżmu, u (ii) tiġġenera proposti dwar kif għandhom jiġu adattati u msawra politiki sostenibbli, kompetittivi u ffukati fuq il-konsumatur bl-għan li jiżviluppaw aktar is-settur tat-turiżmu; jinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali bil-għan li s-settur tat-turiżmu Ewropew isir iktar attraenti u kompetittiv; iqis li l-promozzjoni tat-tagħlim elettroniku u żieda fl-użu tat-teknoloġiji diġitali jkomplu jmexxu dan l-għan 'il quddiem;

119.  Jinsab konxju li l-SMEs (li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mikrointrapriżi) u l-kumpaniji li għadhomqed jibdew fis-settur tat-turiżmu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli biex jippromwovu s-servizzi tagħhom barra mill-pajjiż u biex jadattaw għall-kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu malajr; jinnota li l-għodod il-ġodda tal-IT bħalma hu l-Portal għan-Negozji tat-Turiżmu żviluppat mill-Kummissjoni, flimkien ma’ webinars, jistgħu jgħinuhom jisfruttaw l-opportunitajiet diġitali; jenfasizza li jekk il-Portal għan-Negozji tat-Turiżmu jsir disponibbli bil-lingwi kollha tal-Istati Membri dan se jkompli jippromwovi aktar benefiċċji territorjali ta’ dawn l-azzjonijiet; iħeġġeġ li jittieħdu inizjattivi simili fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

120.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli trawwem il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet pubbliċi u privati kkonċernati fl-ivvjaġġar u t-turiżmu sabiex tiġi ffaċilitata r-riċerka u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali minn kumpaniji Ewropej; jenfasizza, b’mod partikolari, l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tat-turiżmu fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali, l-operaturi turistiċi, is-settur tal-ospitalità u n-negozji diġitali;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni tassisti s-settur fil-kostruzzjoni ta’ għodod li se jagħmluha possibbli li jiġu mmonitorjati d-destinazzjonijiet tal-viżitaturi, jinbena l-profil tagħhom u tiġi ttraċċata l-mobilità tagħhom, sabiex jiġu identifikati l-interessi tagħhom u jiġu żviluppati prodotti xierqa, u toħloq għodod li joffru destinazzjonijiet à la carte jew il-monitoraġġ ta’ netwerks bil-għan li jiġu aċċertati l-opinjonijiet tal-viżitaturi tagħna;

122.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta rapport komprensiv li jiġbor fih valutazzjoni tal-qagħda attwali fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni fis-suq tat-turiżmu tal-UE, bil-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet għad-diversi atturi pubbliċi u privati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; iqis li tali rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet xierqa bil-għan li jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha u biex jiġu protetti l-konsumaturi billi jsir provvediment għat-trasparenza, in-newtralità u l-aċċessibbiltà;

123.  Jinnota ż-żieda fil-prenotar onlajn ta’ servizzi turistiċi direttament mill-utent u r-riskji li dan jista’ joħloq għall-konsumaturi, li ħafna drabi mhumiex konxji tad-drittijiet tagħhom u tal-leġiżlazzjoni applikabbli; jitlob li l-Kummissjoni ssegwi fid-dettall kwalunkwe abbuż li jista' jinħoloq f’dan il-qasam, b’mod partikulari li jkun jinvolvi x-xiri kombinat mingħand diversi fornituri tas-servizzi (biljetti tal-ajru u kiri ta’ karozza, pereżempju), u tadatta u tiżviluppa dawn il-modi ġodda ta’ servizzi ta’ prenotazzjoni fiż-żmien tar-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż;

124.  Jilqa' l-konklużjoni riċenti tan-negozjati tat-trilogu dwar Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż riveduta; jitlob li din tiġi trasposta u applikata meta jkun il-waqt u b'mod effikaċi bil-għan li tittrasforma s-settur u tipproteġi l-konsumaturi fl-ambjent diġitali;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka mill-ġdid fondi u programmi bil-għan li tappoġġja aħjar id-diġitazzjoni tal-kumpaniji tat-turiżmu Ewropej;

126.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fornituri tas-servizzi jingħataw aċċess ġust u ugwali għad-data rilevanti mill-operaturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tas-servizzi multimodali diġitali ta’ informazzjoni u ta’ ħruġ ta' biljetti; jinnota l-importanza tas-sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) fil-fatt li jipprovdu data eżatta u fil-ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar għall-iżvilupp ta’ servizzi integrati ta’ mobilità li se jkunu ta' ġid għall-iżvilupp tat-turiżmu Ewropew;

127.  Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jappoġġjaw inizjattivi madwar l-UE kollha li jrawmu l-użu tal-infrastruttura diġitali u l-interoperabilità fost il-pjattaformi differenti; jistieden lill-Istati Membri, f’dan il-kuntest, jipprovdu servizz ta' Wi-Fi bla ħlas fiż-żoni turistiċi u jabolixxu l-ħlasijiet tar-roaming sal-15 ta’ Ġunju 2017, kif ġie deċiżi, kif ukoll l-imblukkar ġeografiku;

128.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiżguraw li l-istazzjonijiet kollha kif ukoll il-pjattaformi kollha ta' usil, tluq u trasferiment ikunu mgħammra b'uffiċċji tal-informazzjoni li jkunu jinkorporaw persunal imħarreġ li kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar destinazzjonijiet ewlenin, il-mezzi ta’ trasport u faċilitajiet turistiċi, flimkien ma’ sistemi ta’ informazzjoni diġitali multilingwi li joffru aċċess b'xejn u mingħajr limiti għal netwerks tal-Wi-Fi li jistgħu jintużaw ukoll minn persuni b’diżabilità;

129.  Jenfasizza li l-vjaġġaturi xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet, termini u kundizzjonijiet differenti meta jkunu qed jagħmlu prenotazzjoni ta' akkomodazzjoni jew ta' mezz ta' trasport online; jilqa', għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa"; jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta komprensiva biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat tal-aċċess għal prodotti, servizzi u l-aħjar rata disponibbli abbażi tal-lok ġeografiku jew il-pajjiż ta' residenza;

130.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-aċċess għall-broadband ta' veloċità għolja bħala prijorità għaż-żoni turistiċi remoti u ultraperiferiċi bħalma huma l-gżejjer u ż-żoni kostali, tal-muntanji u żoni rurali sabiex isaħħu t-tkabbir tan-negozji tat-turiżmu u jnaqqsu d-distakk diġitali fl-UE;

131.  Jistieden lill-Istati Membri u l-atturi involuti jiżviluppa mezzi effettivi jiġġieldu lin-nuqqas ta’ ħiliet fil-partijiet kollha fl-industrija tat-turiżmu, b’mod partikolari fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni;

132.  Jinsab inkwetat li ħafna mill-benefiċċji ekonomiċi ta’ distribuzzjoni onlajn mhumiex qed jiġu sfruttati fl-Ewropa; huwa tal-fehma li l-gvernijiet Ewropej għandhom jagħmlu aktar biex jagħtu s-setgħa lill-intraprenditorija u, b'mod partikolari, lis-soluzzjonijiet orjentati lejn it-teknoloġija fl-Ewropa;

o
o   o

133.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 41.
(2) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(3) ĠU C 134, 7.6.2003, p. 7.

Avviż legali