Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2237(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0310/2015

Testi mressqa :

A8-0310/2015

Dibattiti :

PV 23/11/2015 - 15
CRE 23/11/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2015 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0401

Testi adottati
PDF 344kWORD 162k
It-Tlieta, 24 ta' Novembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal
P8_TA(2015)0401A8-0310/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (2014/2237(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u d-Direttiva dwar il-Qafas ta' Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ) (2013/112/UE),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummisjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2012' (L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2011 bit-titolu "Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal" (COM(2011)0060),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2006 "Lejn Strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal" (COM(2006)0367),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar 'Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:L-impatti tal-kriżi),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 dwar 'Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Social inequalities' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:Inugwaljanzi soċjali),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE(6) ;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: Lejn strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Save the Children (2014) 'Child poverty and social exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF tal-2014 'Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries' (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EAPN u l-Eurochild (2013) 'Towards children's well-being in Europe - explainer on child poverty in the EU' (Lejn il-benessri tat-tfal fl-Ewropa - l-ispjega dwar il-faqar fost it-tfal fl-UE),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni Eurochild (2014) bit-titolu 'The 2014 National Reform Programmes (NRP) and National Social Reports (NSR) from a child poverty and well-being perspective' (Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 (PNR) u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali (RSN) minn perspettiva tal-faqar u l-benessri fost it-tfal),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-ħdax-il konferenza tal-Eurochild, li saret mis-26 sat-28 ta' Novembru 2014 f'Bukarest,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru tar-Riċerka Innocenti tal-UNICEF tal-2012 'Measuring child poverty: New league tables of child poverty in the world's rich countries' (Inkejlu l-faqar fost it-tfal: Klassifiki ġodda tal-faqar fost it-tfal fil-pajjiżi sinjuri tad-dinja),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Xjentifiku Finali DRIVERS: L-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa u l-iżvilupp bikrija tat-tfal: analiżi sistematika fl-Ewropa kollha, Londra, Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) 2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu 'Work and poverty: towards the necessary holistic approach' (Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2010 dwar 'Child poverty and children's well-being' (Il-faqar fost it-tfal u l-benessri tagħhom),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar European minimum income and poverty indicators' (Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi bit-titolu "L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ - Studju ta' politiki nazzjonali min-Netwerk Ewropew ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0310/2015),

A.  billi għandha tingħata viżibilità politika akbar għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-ogħla livell politiku tal-UE, jekk l-UE trid tissodisfa l-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tnaqqis tan-numru ta' persuni milquta mill-faqar b'mill-inqas 20 miljun sal-2020;

B.  billi, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), it-tfal kollha għandhom jiġu garantiti d-dritt għall-edukazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa, dar, protezzjoni, parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, divertiment u ħin liberu, dieta bilanċjata u li jirċievu l-kura f'ambjent ta' familja;

C.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri s'issa ma tantx kienu lesti li jużaw il-fondi strutturali tal-UE għall-ġlieda kontra r-rati allarmanti u li għadhom qed jikbru tal-faqar fost it-tfal fl-Ewropa u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-benesseri ġenerali tagħhom;

D.  billi aktar inugwaljanzi soċjali, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għaż-żieda fil-faqar fost it-tfal, u billi t-tfal jinsabu fl-akbar riskju ta' faqar f'19-il Stat Membru;

E.  billi, skont il-Eurostat, il-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-faqar fost it-tfal huma l-politiki ta' ridistribuzzjoni tal-ġid, l-effikaċja tal-intervent min-naħa tal-gvern permezz ta' appoġġ għall-introjtu, il-forniment ta' servizzi ta' sostenn, il-politika dwar ix-xogħol(11) u l-qagħda fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri, li hija marbuta mal-livell ta' edukazzjoni tagħhom u l-kompożizzjoni tal-unità domestika li fiha jgħixu t-tfal; billi żieda fl-impjiegi tikkostitwixxi strument effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar;

F.  billi persuna minn ħamsa tal-popolazzjoni totali tal-UE għandha inqas minn 18-il sena; billi, minkejja l-impenji li ttieħdu, fl-UE aktar minn wieħed minn kull erbat itfal jgħixu fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

G.  billi l-Parlament sejjaħ ripetutament biex issir implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali, u japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ), li tipproponi qafas ta' politika komprensiv biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal u jiġi promoss il-benessri tat-tfal, abbażi ta' tliet pilastri, li huma l-aċċess għal riżorsi adegwati fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew, l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u inklużivi, u l-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u li jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi ta' drittijiet; jiddispjaċih, madankollu li l-UE ma ħaditx passi konkreti biex timplimenta dan matul is-Semestru Ewropew;

H.  billi, għalkemm it-tfal ta' ġenituri b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna huma 56,7 % aktar probabbli li jkunu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, il-familji b'intensità tax-xogħol għolja għadhom f'riskju ta' faqar fost it-tfal illum (ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, il-Latvja, is-Slovakkja, il-Polonja u l-Lussemburgu);

I.  billi l-faqar fost it-tfal ġej mill-faqar tal-familji, billi familji bi dħul baxx u li huma numerużi huma għalhekk aktar f'riskju ta' faqar, filwaqt li d-distribuzzjoni tal-introjtu għandha impatt kbir biex jitnaqqsu ċ-ċikli tal-inugwaljanza soċjali, u billi l-politiki dwar il-paga nazzjonali kif ukoll is-sistemi tal-protezzjoni soċjali li qed jiddeterjoraw qed iżidu r-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, li jikkontribwixxi biex jikber il-faqar fost it-tfal, kif deher fl-Istati Membri bl-inqas rata ta' faqar fost it-tfal, li huma wkoll dawk bl-inqas livelli ta' faqar ġenerali u ta' inugwaljanza;

J.  billi bejn l-2008 u l-2012, in-numru ta' tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ewropa (UE27+in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera) żdied bi kważi miljun, b'żieda ta' nofs miljun bejn l-2011 u l-2012 biss(12); billi fl-2013, skont id-data tal-Eurostat, 26,5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali. billi fl-UE27, ir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali żdied bejn l-2008 u l-2012 minn 26,5 % għal 28 %; billi fl-2013, fl-Istati Membri tal-UE28, 28 % tal-popolazzjoni totali taħt it-18-il sena kienet f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u, fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hija akbar għat-tfal milli għall-adulti;

K.  billi n-nisa huma f'riskju akbar ta' faqar mill-irġiel u billi l-indirizzar tal-faqar fost in-nisa huwa importanti mhux biss fih innifsu imma wkoll hu ta' importanza vitali fl-isforzi biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

L.  billi hemm inugwaljanza li qed tikber bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE; billi hu allarmanti li l-persentaġġ ta' tfal li jsofru minn malnutrizzjoni qed jiżdied u dan qed jikkawża li jerġgħu jidhru patoloġiji li kienu sparixxew fl-UE (eż. rachitis); billi hu sintomatiku li, skont il-UNICEF(13), f'pajjiżi bħall-Estonja, il-Greċja u l-Italja, il-percentwali ta' tfal li ma jistgħux jieklu laħam, tiġieġ jew ħut għal jumejn wara xulxin irdoppja b'mod drammatiku mill-2008;

M.  billi fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni dwar l-aħħar rapporti perjodiċi ta' wħud mill-pajjiżi, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal esprima tħassib dwar iż-żieda fir-rata tal-faqar u/jew tar-rata ta' tfal li jinsabu f'riskju tal-faqar minħabba l-kriżi ekonomika, li taffettwa l-fatt li dawn igawdu ħafna mid-drittijiet minquxa fil-UNHRC, partikolarment id-drittijiet għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u inkoraġġixxa l-awtoritajiet jiżguraw li l-linji baġitarji għat-tfal ikunu protetti, u billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għal deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u għall-emerġenza ta' grupp ġdid, magħruf ukoll bħala 'ġdid fil-bżonn';

N.  billi ambjent intraprenditorjali favorevoli jistimula t-tkabbir tal-impjiegi fl-Istati Membri, u jwessa' l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ġenituri, li jistgħu mbagħad jservu bħala mudelli aċċettabbli, speċjalment f'komunitajiet milquta b'mod negattiv mill-faqar multiġenerazzjonali u l-esklużjoni;

O.  billi l-familji b'ġenitur wieħed, speċjalment familji mmexxija minn ommijiet waħedhom, huma f'riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49,8 % meta mqabbla ma' 25,2 %), għalkemm hemm differenzi enormi bejn il-pajjiżi, skont il-EU-SILC(14)li huma relatati mal-femminizzazzjoni tal-faqar, ir-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa fix-xogħol prekarju u bħala ħaddiema part-time b'mod involontarju, il-ħin sproporzjonat li jagħmlu n-nisa f'xogħol mhux imħallas, interruzzjonijiet fil-karrieri tan-nisa biex jieħdu ħsieb it-tfal jew membri oħra tal-familja, u d-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa;

P.  billi l-faqar fost it-tfal jista' jitnaqqas billi jitjiebu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari tan-nisa, permezz ta' żvilupp pożittiv fil-kura tat-tfal;

Q.  billi t-tfal u l-ġenituri tagħhom, ġenituri tar-rispett u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal iridu jkunu protetti minn kull diskriminazzjoni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali etnika jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew status ieħor, u billi t-tfal minn gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni jinsabu f'riskju akbar ta' marġinalizzazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, kif konfermat mill-aħħar rapporti mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-Persuni Mingħajr Dar li jenfasizzaw żieda fin-nisa, iż-żgħażagħ u l-familji bit-tfal (speċjalment familji migranti) li jittieħdu f'xelters għal persuni mingħajr dar; billi familji kbar b'paga waħda huma iktar f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, minħabba l-politiki ta' degradazzjoni tal-pagi u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

R.  billi l-effetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal jistgħu jdumu tul ħajjithom u jirriżultaw f'qgħad u faqar interġenerazzjonali; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntesti soċjoekonomiċi differenti żdied (fi 11-il pajjiż, l-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għal dawk bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin tkopri mhux aktar minn 15 %);

S.  billi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tat-tfal, minħabba li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin u billi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja jistabbilixxi s-sisien għas-suċċess aktar tard fil-ħajja f'termini ta' edukazzjoni, benesseri, impjegabbiltà, u integrazzjoni soċjali, u għandu impatt sinifikanti fuq l-awtostima speċjalment għat-tfal minn kuntest żvantaġġat; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntest soċjoekonomiku differenti żdied; billi ġenituri li jaħdmu li ma jkollhomx aċċess għal skola tat-trabi ta' spiss ikollhom iħallu t-tfal fil-kura ta' tfal oħra, jew jirrikorru għal netwerks tal-kura informali mħallsa u mhux iċċertifikati, u dan jippreġudika s-sikurezza u l-benessri tat-tfal tagħhom; billi l-edukazzjoni preprimarja jista' jkollha rwol sinifikanti fl-ikkumpensar għall-istatus soċjoekonomiku baxx ta' tfal mhedda mill-faqar u tikkostitwixxi fattur li jiffaċilita r-ritorn tal-ġenituri għas-suq tax-xogħol(15); billi l-edukazzjoni inklussiva tindirizza u tirrispondi għad-diversità tal-bżonnijiet tal-istudenti kollha permezz ta' parteċipazzjoni akbar fit-tagħlim, il-kulturi u l-valuri komunitarji, u għalhekk tirrappreżenta għodda b'saħħitha fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

T.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ħidma kontra l-faqar fost it-tfal u l-isfruttament tagħhom u għalhekk għandhom responsabbiltà kruċjali fil-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali u billi dawn għandhom jiġu pprovduti b'mezzi suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jilħqu dawn l-għanijiet, kull meta jkun xieraq;

U.  billi l-infiq fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' materjali skolastiċi u t-trasport, essenzjalment jitħallas mill-familji fil-maġġoranza tal-pajjiżi; billi dan l-infiq hu wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għat-tluq bikri mill-iskola; billi għad hemm ostakli finanzjarji, amministrattivi u ostakli prattiċi oħrajn għall-edukazzjoni għal tfal minn gruppi emarġinati;

V.  billi l-ambjent soċjoekonomiku li jgħixu fih it-tfal jaffettwa l-kwalità ta' ħin mgħoddi fl-iskola u l-kwalità tal-ħin matul il-vaganzi skolastiċi, u billi livell baxx ta' stimulazzjoni waqt il-ħin liberu għandu l-effett mhux mixtieq li jżid id-differenzi bejn it-tfal, speċjalment fl-edukazzjoni tagħhom;

W.  billi, fl-2012, ir-rata medja ta' tluq bikri mill-iskola kienet 13 % għall-UE u aktar minn 20 % f'xi pajjiżi (il-Portugall, Spanja u Malta)(16);

X.  billi, anki f'pajjiżi fejn id-dritt għas-saħħa huwa mnaqqax fil-liġi, hemm ħafna tfal li ma għandhomx aċċess għal kura tas-saħħa xierqa, filwaqt li hemm xi tfal li għandhom aċċess estremament limitat għal servizzi lil hinn mill-kura ta' emerġenza, bħal dawk għal tabib tal-mediċina ġenerali jew dentist, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' servizzi pubbliċi disponibbli; billi t-tfal imwielda fil-faqar huma f'riskju akbar li jiġu affettwati b'mard kroniku u li jkollhom aktar problemi ta' saħħa, li jwassal għat-tkomplija tal-inugwaljanza;

Y.  billi l-problemi finanzjarji tal-familji jikkontribwixxu għal żieda fil-problemi ta' saħħa mentali fil-ġenituri u għal każijiet ta' tkissir tal-familja, u dan għandu riperkussjonijiet evidenti fuq il-benessri psikoloġiku u soċjali tat-tfal;

Z.  billi l-ambjent li jgħixu fih it-tfal, inkluż il-perjodu ta' qabel it-twelid, għandu influwenza deċiżiva fuq l-iżvilupp tas-sistema konjittiva, fuq il-komunikazzjoni u l-lingwa, u fuq il-ħiliet soċjali u emozzjonali, li jkollhom impatt fuq is-saħħa, il-benessri, il-parteċipazzjoni fil-komunitajiet u l-kapaċitajiet ta' tagħlim(17);

AA.  billi t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkunu protetti mill-abbuż, il-vjolenza u n-negliġenza u billi r-riċerka kkonkludiet li l-pressjoni finanzjarja fil-familji, it-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u żieda fil-faqar jistgħu jwasslu għal vjolenza akbar kontra t-tfal;

AB.  billi l-faqar fost it-tfal huwa fenomenu multidimensjonali li jeħtieġ rispons multidimensjonali; billi l-impjieg huwa fattur importanti, iżda mhux dejjem jiggarantixxi ħelsien mill-faqar għall-familja tat-tfal ikkonċernati;

AC.  billi l-faqar fost it-tfal għandu piż ekonomiku kbir fuq soċjetajiet, partikolarment rigward infiq akbar fuq l-appoġġ soċjali;

AD.  billi huwa aktar probabbli li l-familji li jgħixu f'riskju ta' faqar ikunu jgħixu f'żoni mhux sanitarji u mhux sikuri, u billi 17 % tat-tfal fl-UE28 għadhom jgħixu f'tali kundizzjonijiet, bi 15-il pajjiż aktar mill-medja; billi n-numru dejjem jikber ta' tkeċċija minħabba l-inabbiltà li jitħallsu l-ispejjeż tad-djar wassal biex it-tfal ikollhom imorru jgħixu f'kundizzjonijiet ta' abitazzjoni dejjem aktar instabbli li mbagħad ikollhom impatti negattivi fuq l-iżvilupp u l-opportunitajiet tal-ħajja tat-tfal;

AE.  billi, skont l-Istatistika Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU SILC) tal-Eurostat, 2012, il-faqar enerġetiku huwa realtà li taffettwa l-Istati Membri kollha; billi wieħed mill-konsegwenzi taż-żieda fil-prezz tal-enerġija jfisser li ħafna tfal jgħixu fi djar mingħajr tisħin, u billi dan iżid in-numru ta' mard respiratorju u kardjovaskolari;

AF.  billi familji bi tfal bi problemi ta' saħħa, u bl-istess mod ġenituri li jkollhom problemi ta' saħħa, aktar spiss jiffaċċjaw ir-riskju tal-faqar, it-tkissir tal-familja u diffikultà biex jistabbilixxu lilhom infushom fis-suq tax-xogħol;

AG.  billi l-aġenda li jmiss ta' wara l-2015tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-universalità tagħha tipprovdi opportunità biex jiżdiedu l-investimenti fit-tfal u d-drittijiet tagħhom;

AH.  billi t-tfal migranti huma rappreżentati żżejjed fil-grupp f'riskju ta' faqar u hemm aktar diskriminazzjoni kontrihom minħabba ostakli lingwistiċi, u billi s-sitwazzjoni hija agħar għat-tfal ta' immigranti illegali; billi, bl-intensifikazzjoni tal-flussi migratorji, attwalment hemm numru dejjem jikber ta' każijiet li fihom it-tfal ta' immigranti jibqgħu fil-pajjiż tat-twelid tagħhom taħt il-kura ta' membri oħra tal-familja jew ta' partijiet terzi, u billi dan għandu influwenza negattiva fuq l-iżvilupp tat-tfal, b'mod partikolari fil-livell emozzjonali;

AI.  billi l-enfasi qawwija ta' politika fuq il-faqar fost it-tfal fis-snin reċenti fi ħdan l-UE u d-dikjarazzjonijiet politiċi ta' appoġġ mill-Kapijiet ta' Stat tal-UE għadhom ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-livelli ta' faqar fost it-tfal;

AJ.  billi għandu jkun hemm appoġġ finanzjarju akbar għal programmi ta' għajnuna għall-ikel immirati lejn il-familji żvantaġġati, peress li numru dejjem jikber ta' tfal ikollhom aċċess għall-ikel fl-iskola biss; billi dawn il-programmi huma importanti, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala soluzzjoni fit-tul;

AK.  billi kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis, it-traffiku, l-art kontaminata u l-ilma mhux tajjeb għax-xorb ta' spiss jaffettwaw b'mod sproporzjonat it-tfal li jgħixu fil-faqar.

1.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri biex jieħdu impenn reali billi jiżviluppaw politiki li jiġġieldu l-faqar tat-tfal li l-enfasi tagħhom tkun li jikkoreġu fatturi li jaffettwaw il-faqar tat-tfal u jżidu l-effikaċja, il-kwantità, l-ammonti u l-ambitu tal-appoġġ soċjali dirett speċifikament lejn it-tfal, iżda anke lejn il-ġenituri li huma qiegħda u l-fenomenu tal-ħaddiema fqar (bħall-benefiċċji tal-qgħad u introjtu minimu adegwat) u biex jippromwovu liġijiet tax-xogħol li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali inkluż paga minima adegwata statutorja bi qbil mal-prattiki nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi, li tipprovdi aktar sigurtà lill-familji u tiġġieled l-impjieg prekarju, filwaqt li jippromovu x-xogħol bi drittijiet soċjali adegwati;

2.  Jitlob li jkun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan l-appoġġ, sabiex jiġu adattati l-politiki għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni u t-tluq bikri mill-iskola għall-ħtiġijiet eżistenti ta' ugwaljanza soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u japplikaw proċessi ta' ġbir ta' evidenza differenti adatti għal kull stadju tal-intervent;

3.  Jirrakomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi mal-Istati Membri pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-approċċ fuq tliet pilastri li hemm fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 'Ninvestu fit-tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ' f'termini ta' aċċess għar-riżorsi, is-servizzi u l-parteċipazzjoni tat-tfal; iqis li, sabiex ikun hemm riżultati aħjar b'approċċ fuq tliet pilastri, ikun utli li jiġu żviluppati indikaturi preċiżi u speċfiċi tal-livell tal-faqar tat-tfal u tal-oqsma l-aktar affettwati minn dan il-fenomenu; jistieden lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv aspetti rilevanti tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali u r-rakkomnadazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali b'mod komprensiv u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira sekondarja tal-Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, u sabiex tara li l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali jkunu viżibbli u espliċiti fl-istadji kollha tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal permezz tal-investiment fit-tfal għandu jkun propost bħala prijorità ewlenija għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016, u bħala mezz ewlieni għall-progress fuq il-mira tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ u rappurtar annwali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni permezz tal-pjan direzzjonali u biex tuża l-Fond Soċjali Ewropew sabiex timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u twettaq valutazzjoni tal-effetti fuq il-faqar ta' riformi proposti fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw ukoll, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal, il-pożizzjoni tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tfal u l-membri tal-familja bi bżonnijiet speċjali u b'diżabilità;

5.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri, meta jużaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew u jiżviluppaw politiki soċjali, għandhom jiddedikaw aktar attenzjoni biex jipproteġu l-familji (speċjalment familji b'ġenitur wieħed) bi tfal bi problemi ta' saħħa kontra l-faqar;

6.  Itenni l-importanza ta' politiki pubbliċi preventivi li jinvestu f'politiki intelliġenti għall-benesseri tat-tfal u li jappoġġaw l-iżvilupp ta' individwi awtonomi biex ikunu kapaċi jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, pjuttost milli politiki li jiffokaw fuq il-konsegwenzi tal-esklużjoni soċjali u l-faqar fost it-tfal;

7.  Iqis li mingħajr ma tiġi traskurata l-ħtieġa ta' appoġġ lit-tfal li huma foqra, li telqu kmieni mill-iskola jew huma esklużi soċjalment, il-politiki li jappoġġaw it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikunu mmarkati bis-sħiħ mill-prevenzjoni, inklużi strateġiji fit-tul għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza soċjali;

8.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw jew itejbu benefiċċji soċjali universali immirati lejn it-tfal, bħall-għoti ta' ikliet sussidjati jew mingħajr ħlas għalihom, speċjalment għat-tfal żvantaġġati u dawk foqra, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp b'saħħtu tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri attivi dwar l-impjiegi bħala parti minn strateġiji u politiki komprensivi biex jappoġġaw l-aċċess tal-ġenituri għal impjiegi ta' kwalità tajba u introjtu adegwat, u aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja (partikolarment il-kura tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, u l-attivitajiet ta' divertiment), li jiffaċilitaw l-allinjament tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal u l-familji tagħhom fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn il-politiki; jenfasizza li soluzzjonijiet universali għandhom jinqgħaqdu flimkien ma' miżuri ffukati biex jappoġġaw il-gruppi ta' tfal u adolexxenti l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati; jiddispjaċih għat-tendenza dejjem tikber ta' gvernijiet tal-Istati Membri li jitbiegħdu minn politiki ta' appoġġ universali u jmorru lejn appoġġ ibbażat fuq ittestjar akbar tal-meżżi billi l-evidenza turi li l-politiki ta' appoġġ universali joffru protezzjoni aħjar kontra l-faqar fost it-tfal(18);

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar standards tal-UE, jew jistabbilixxu metodoloġija maqbula għad-determinazzjoni tal-kost tat-trobbija ta' tarbija u biex jiġu definiti riżorsi adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tirrakkomanda tfassil mill-ġdid u tnaqqis fis-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, milli tippromwovi relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, li wasslu b'mod inekwivoku sabiex jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tat-tfal;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn ta' investimenti fis-settur tal-edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas, billi tfassal metodi ta' tagħlim speċifiċi għall-aktar gruppi soċjalment vulnerabbli bħall-immigranti jew persuni b'diżabilitajiet ta' tipi differenti. iqis li l-edukazzjoni tista' tkun element ewlieni u ta' prijorità sabiex it-tfal jiksbu l-kompetenzi li jistgħu jippermettulhom li jkollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol kwalifikati u mħallsa tajjeb, billi dan jippermettilhom jwittu t-triq mis-sitwazzjonijiet ta' faqar għalihom infushom.

12.  Ifakkar li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jitlob l-adozzjoni ta' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja li jinkludi t-tkissir taċ-ċiklu interġenerazzjonali tar-riskji tal-faqar, li jirrifletti l-ħtiġijiet differenti tat-tfulija bikrija, it-tfulija primarja u l-adoloxxenza, filwaqt li japplika approċċ orjentat lejn it-tfulija kollha kemm hi billi jitkejjel l-għadd ta' deprivazzjonijiet li jesperjenzaw kull tifel u tifla b'mod simultanju, b'hekk jiġu żvelati dawk l-aktar imċaħħda, u jitkejjel mhux biss il-faqar monetarju imma wkoll id-deprivazzjonijiet multidimensjonali;

13.  Jirrakkomanda li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba f'dan l-istadju kruċjali fl-iżvilupp tagħhom; iqis li s-saħħa, l-edukazzjoni, l-appoġġ tal-ġenituri u l-familja, l-akkomodazzjoni u l-protezzjoni huma servizzi ewlenin li ta' spiss jingħataw mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-pjanijiet sabiex jittaffa l-faqar multidimensjonali fost it-tfal, titqiegħed enfasi fuq id-drittijiet intrinsiċi tat-tfal, u jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal b'enfasi espliċita fuq, u bi prijoritizzazzjoni ta', dawk it-tfal li jgħixu fl-ogħla riskji ta' faqar; ifakkar l-importanza għall-Istati Membri li jipprovdu, għall-inqas fil-livelli ta' qabel il-kriżi, in-nefqa reali dwar il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni soċjali għall-benefiċċju tal-aktar tfal żvantaġġati;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu pjanijiet sabiex itaffu s-sens ta' esklużjoni soċjali tat-tfal b'diżabilità intellettwali, billi jistabbilixxu moduli ta' taħriġ aktar effikaċi li jiffaċilitaw il-proċessi ta' tagħlim tagħhom;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huma ostakli ċentrali li jridu jingħelbu jekk iridu jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tar-rata tal-impjiegi, l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddedikaw aktar attenzjoni għall-ħolqien u d-disponibbiltà ta' klima favorevoli barra mill-iskola fejn it-tfal ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom b'mod sinifikanti u stimolanti barra l-ħinijiet tal-iskola u matul il-vaganzi skolastiċi, u biex jiddedikaw attenzjoni akbar għad-disponibbiltà ta' kura tas-saħħa bażika għat-tfal f'żoni żvantaġġati u f'reġjuni remoti u inaċċessibbli;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jevitaw li jiżolaw f'gettos lil tfal li qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jintroduċu standards minimi għall-akkomodazzjoni tat-tfal, filwaqt li jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tfal u billi jiggarantixxu akkomodazzjoni f'dar xierqa li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom u tiżgura l-benessri tagħhom, il-privatezza u l-kwalità tal-ħajja, u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Parlament jieħdu l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali biex jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew u l- Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u biex jiċċekkjaw jekk it-tfal humiex prijorità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni, b'attenzjoni partikolari għall-obbligu li jitwaqqgħu gradwalment istituzzjonijiet residenzjali kbar (infurzabbli mill-2014), sabiex jissaħħaħ l-istatus ta' ġenituri adottivi u tar-rispett biex b'hekk orfni u tfal żvantaġġati jistgħu attwalment jikbru f'ambjent ta' familja jew f'ambjent tipiku ta' familja; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni toħloq indikaturi li janalizzaw il-faqar fost it-tfal;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk l-istrateġiji bbażati fuq l-ikel bħad-diversifikazzjoni tad-dieta u t-tisħiħ tal-ikel, kif ukoll l-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika u l-miżuri tas-sikurezza tal-ikel, u finalment is-supplimentazzjoni, għandhomx jiġu indirizzati għal gruppi partikolari tal-popolazzjoni sabiex jimpedixxu l-effetti negattivi ta' malnutrizzjoni jew nuqqas ta' nutrizzjoni fuq is-saħħa tat-tfal;

21.  Jirrakkomanda li l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri jkun fihom dispożizzjonijiet viżibbli, trasparenti, parteċipattivi u b'responsabbiltà għall-approprijazzjonijiet u l-ispejjeż biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal u biex iwettqu d-dmir tagħhom li jipproteġu t-tfal, inkluż ukoll żieda fl-infiq pubbliku sabiex jintlaħqu dawn il-miri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-akbar użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew, partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jimplimentaw it-tliet pilastri li jinvestigaw ir-rakkomnadazzjoni dwar it-tfal;

22.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida li jappoġġaw il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, b'hekk tistabbilixxi mekkaniżmi li jippromwovu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u li jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, filwaqt li jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

23.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw, fejn meħtieġ, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' entitajiet u istituzzjonijiet li jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ kulturali jew sportivi, u l-integrazzjoni tat-tfal, u li jiġġieldu l-faqar tagħhom; jirrakkomanda, madankollu, li l-Istati Membri jiżguraw is-superviżjoni, il-kwalità, is-sostenibbiltà u r-rilevanza ta' dan l-appoġġ, kif ukoll tar-riżultati attwali tiegħu;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw leġiżlazzjoni speċifika li tipproteġi u żżid id-drittijiet tal-maternità u l-paternità, anke permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti effikaċi ta' konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja, u li tissalvagwardja r-ritorn lejn ix-xogħol għan-nisa wara l-liv tat-tqala u tal-maternità, u tappoġġa l-familji b'ġenitur wieħed; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità jagħti spinta importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi b'pagi differenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-trattament inugwali u l-fastidju tal-impjegati ma jistax jiġi ġġustifikat mill-impjegaturi b'referenza għal tqala, trobbija tat-tfal jew kwistjonijiet relatati mal-familja;

26.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki soċjali proattivi, universali u integrati li jimpedixxu l-faqar u t-tneħħija tat-tfal mill-ambjent familjari tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonalizzazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ tintuża biss bħala l-aħħar għażla, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, u li jintużaw il-fondi strutturali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal dawk tal-familja u għal servizzi bbażati fil-komunità;

27.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jitbiegħdu mill-kura istituzzjonali favur sistemi stabbli ta' foster care li jippreparaw aħjar lit-tfal u ż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti, tagħlim kontinwu jew xogħol;

28.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi integrati ta' protezzjoni tat-tfal biex iħarsu lit-tfal kontra l-vjolenza, l-abbuż, l-isfruttament u t-traskuraġni b'mod li jiġi żgurat li dawk li huma responsabbli u l-komponenti tas-sistema jaħdmu flimkien fis-setturi u l-aġenziji billi jaqsmu r-responsabbiltajiet biex jiffurmaw ambjent protettiv u jagħtu awtonomija lit-tfal kollha;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu politiki li jiffaċilitaw il-ħolqien u ż-żamma ta' postijiet tax-xogħol diċenti kif ukoll jiżviluppaw sistemi għat-taħriġ, b'hekk itejbu l-kwalifiki u l-kumditajiet bħal telexogħol jew ħin flessibbli li jiffaċilitaw id-dħul jew ir-ritorn tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol wara waqfa fil-karriera professjonali tagħhom;

30.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-aġenziji tal-UE, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra biex jiżviluppaw rwoli, responsabbiltajiet, djalogu regolari u proċeduri ċari applikati meta t-tfal ikunu fil-bżonn ta' protezzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

31.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiggarantixxu li t-tfal kollha jingħataw aċċess għal edukazzjoni pubblika, inklussiva u ta' kwalità mingħajr ħlas fl-etajiet kollha, inkluż edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija, kif ukoll edukazzjoni formali u mhux formali, filwaqt li jippromovu l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, konjittiv u fiżiku tagħhom, u jistabbilixxu proporzjonijiet xierqa bejn l-għalliema u l-istudenti u jippromovu taħlit soċjali fl-edukazzjoni sabiex jissalvagwardaw is-sikurezza u l-benessri tat-tfal, ikun żgurat li t-tfal kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni inklussiva ta' kwalità għolja u għalhekk jimmassimizzaw l-impatt tas-sistemi ta' edukazzjoni fuq l-opportunitajiet indaqs u jkissru ċ-ċiklu tal-faqar;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tas-servizzi edukattivi offruti permezz ta' approċċ individwali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-għalliema, il-ħaddiema soċjali u l-ġenituri sabiex jiġi evitat li t-tfal u ż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni tagħhom;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' edukazzjoni u kura affordabbli u aċċessibbli fit-tfulija bikrija (ECEC), u jirrikonoxxuha bħala investiment soċjali bl-għan li tindirizza l-inugwaljanza u l-isfidi partikolarment dawk li jiltaqgħu magħhom it-tfal minn familji żvantaġġati, kif ukoll biex iżidu l-għarfien tal-ġenituri dwar il-benefiċċji ta' parteċipazzjoni attiva fil-programmi ECEC;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu skola inklużiva, li għandha tinvolvi mhux biss iż-żieda fl-għadd ta' għalliema tal-edukazzjoni speċjali, iżda wkoll l-integrazzjoni ta' tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali fi klassijiet normali;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aċċess universali u ugwali għal crèches u preprimarji għat-tfal mill-gruppi soċjali kollha;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu parteċipazzjoni sħiħa tat-tfal kollha billi jipprovdu materjali skolastiċi, ikliet nutrittivi u t-trasport meħtieġ għall-iskola għat-tfal fqar jew f'riskju ta' faqar, iżidu l-effikaċja tal-investimenti pubbliċi preżenti fis-settur u jiġġieldu kontra t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar b'mod aktar effettiv;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu kura tas-saħħa universali, pubblika, mingħajr ħlas u ta' kwalità fir-rigward tal-prevenzjoni, il-programmi ta' immunizzazzjoni u l-kura primarja, l-aċċess għal dijanjożi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, u jipprovdu terapiji tad-diskors u psikoloġiċi għat-tfal, jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva billi tiġi żgurata l-kura tas-saħħa għat-trabi, il-kura tal-maternità u ż-żjarat fid-dar fil-perjodu ta' kura ta' qabel u wara t-twelid, partikolarment fil-każ ta' twelid qabel iż-żmien, l-aċċess għal tobba tal-familja, infermiera, dentisti, servizzi tal-counseilling għall-familja, speċjalisti tas-saħħa mentali għat-tfal kollha u l-familji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintegraw dawn l-aspetti fl-istrateġiji tas-saħħa pubblika nazzjonali u tal-UE;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ biex jiżguraw id-dritt għall-kultura, l-isport u d-divertiment, aċċess għal spazji miftuħa u għal ambjent san għat-tfal kollha, b'enfasi fuq l-iżgurar ta' aċċess ugwali u ta' kwalità għat-tfal fil-faqar, it-tfal f'żoni remoti, it-tfal b'diżabilitajiet, tfal minn minoritajiet nazzjonali, etniċi, reliġjużi, lingwistiċi jew tfal migranti, tfal li jiċċaqalqu fl-UE irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u t-tfal li tħallew fil-pajjiż; ifakkar id-dritt għar-rikreazzjoni kif stabbilit fil-UNCRC;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' protezzjoni msaħħa tat-tfal li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-vjolenza domestika;

40.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk fejn l-inugwaljanzi soċjali huma akbar, biex isaħħu d-drittijiet soċjali u l-aċċess għal servizzi u l-protezzjoni soċjali, li għandhom jiġu ggarantiti mill-Istat, billi jiżdied in-numru ta' impjegati u professjonisti fis-servizzi tas-sigurtà soċjali li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal u l-familji tagħhom, u tiżdied il-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal billi tiġi indirizzata lejn dawk l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari lejn it-tfal u b'approċċ ta' intervent bikri;

41.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jippromwovu u jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u biex jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

42.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi d-drittijiet tat-tfal u l-organizzazzjonijiet kontra l-faqar, biex tiġi żgurata l-koerenza politika tal-UE, u jitlob għal djalogu ċivili aktar b'saħħtu dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-Istati Membri;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal prijorità espliċita;

44.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għal kwalunkwe forma ta' sfruttament, inkluż ix-xogħol, iż-żwieġ furzat, l-adozzjoni illegali, l-attivitajiet illegali u l-isfruttament sesswali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-funzjonament tan-netwerks Ewropej u transnazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ; iwissi li l-integrazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u r-reġjuni l-aktar żvantaġġati f'dawn in-netwerks u l-istituzzjonijiet għandha tkun appoġġata b'mod partikolari;

46.  Iqis id-dritt għal sistemi ta' edukazzjoni, saħħa u sigurtà soċjali bla ħlas u universali bħala kundizzjonijiet bażiċi biex jiġi miġġieled il-faqar, partikolarment fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'dan l-objettiv quddiemu, u minħabba li s-servizzi pubbliċi ddgħajfu, biex jintroduċu garanzija tat-tfal sabiex it-tfal kollha fil-faqar jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti mill-pjan ta' integrazzjoni Ewropea li jiġġieled il-faqar tat-tfal u li jinkludi kemm il-Garanzija tat-Tfal kif ukoll programmi li joffru sostenn u opportunitajiet għall-ġenituri li joħorġu minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u jintegraw fis-suq tax-xogħol;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-muniċipalitajiet tagħhom, ċentri lokali għall-appoġġ tat-tfal u l-familji tagħhom, b'mod partikolari fil-komunitajiet u/jew żoni l-aktar milquta mill-kwistjoni tal-faqar fost it-tfal, biex jipprovdu mhux biss għal għajnuna legali u/jew parir, parir għall-ġenituri u appoġġ fl-iskola, iżda wkoll għall-edukazzjoni u gwida dwar stil ta' ħajja b'saħħtu u dwar l-użu sikur tal-internet, fost affarijiet oħra;

48.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw metodi ta' statistika li jintegraw l-indikaturi multidimensjonali, disaggregati skont l-età, il-ġeneru u gruppi żvantaġġati partikolari, fil-kejl tal-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-benessri tat-tfal (l-introjtu tal-ġenituri, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet soċjali u kulturali, l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni formali u informali adegwati, l-espożizzjoni għar-riskju fiżiku, is-sikurezza, ambjent stabbli tal-familja u l-livell ta' sodisfazzjon tal-ħajja) u biex jinfurmaw l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq evidenza sabiex jitqiesu l-limitazzjonijiet tal-kejl tal-faqar relattiv u l-ħidma tal-UNDP, l-UNICEF u l-OECD, u s-Sottogrupp tal-Indikaturi tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, li jmorru lil hinn mill-indikaturi AROPE (f'riskju ta' faqar u/jew ta' esklużjoni soċjali); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw risposti bbażati fuq approċċ komprensiv u biex jagħmlu użu sħiħ tad-data miġbura taħt inizjattivi bħall-Multi-Overlapping Deprivation Analysis (MODA) żviluppata mill-UNICEF; jenfasizza li aktar indikaturi għandhom jiġu żviluppati biex itejbu l-valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi, ir-riżultati u l-aċċess għas-servizzi, pereżempju fir-rigward tal-istatus soċjo-ekonomiku u l-isfond tal-ġenituri (migranti jew minoranza), sess, diżabilità u l-aspetti ġeografiċi;

49.  Jistieden lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni jabbozzaw opinjonijiet dwar l-investiment fit-tfal;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0070.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0328.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0266.
(4) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.
(6) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 25.
(7) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.
(8) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.
(9) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.
(10) Netwerk ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali, Rapport ta' sinteżi Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage – A study of national policies' (L-Investiment fit-tfal:Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ - Studju ta' politiki nazzjonali), Brussell, 2014.
(11) Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5
(12) Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5
(13) Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF (2014) "Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries" (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri), Karta tar-Rapport Innocenti 12, Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF, Firenze, paġna 2
(14) 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 14
(15) Rapport tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu 'Study regarding funds for implementing policy regarding child poverty (Studju dwar il-fondi għall-implimentazzjoni tal-politika dwar il-faqar fost it-tfal) 2008, p. 9
(16) EU-SILC (2013) Statistics on Income and Living Conditions (Statistika tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien)
(17) Drivers, 2014, 'Universal, quality early childhood programmes that are responsive to need promote better and more equal outcomes in childhood and later life' (Programmi universali ta' kwalità tat-tfulija bikrija li jirrispondu għal bżonn li jiġu promossi riżultati aħjar u aktar ugwali fit-tfulija u aktar tard fil-ħajja).
(18) Ibbażat fuq ir-riċerka tal-Eurofound.

Avviż legali