Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2247(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0314/2015

Testi mressqa :

A8-0314/2015

Dibattiti :

PV 23/11/2015 - 16
CRE 23/11/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2015 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0402

Testi adottati
PDF 395kWORD 152k
It-Tlieta, 24 ta' Novembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati
P8_TA(2015)0402A8-0314/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati (2014/2247(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 151, 153, 162 u 174 sa 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti,

–  wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokoll Nru 12 għal dik il-konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-5 ta' Jannar 2011 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE2020(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE(13),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat, 'Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni',

–  wara li kkunsidra l-Iskema ta' Gwida Tematika tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2014 dwar ir-Rom u l-Komunitajiet Emarġinati (Objettiv Tematiku 9 – Inklużjoni Soċjali u Faqar),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2014 intitolata 'Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom' (COM(2014)0209),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2012 intitolata 'Strateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE' (COM(2012)0226),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 intitolata 'Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju' (COM(2010)0715),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2010 intitolata 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(14),

–  wara li kkunsidra n-'Nota ta' Gwida dwar l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fl-indirizzar tas-segregazzjoni edukattiva u spazjali (Abbozz)' tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2015 dwar finanzjament għall-komunitajiet emarġinati (E-002782/2015),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'Strateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom'(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0314/2015),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha l-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jitnaqqsu d-disparitajiet soċjali, inklużi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar u l-esklużjoni, u li dan jeħtieġ il-prevenzjoni tas-segregazzjoni u l-promozzjoni ta' aċċess u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-komunitajiet l-aktar emarġinati kif ukoll gruppi u individwi ta' kull età li jħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali u nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni, kif definita fl-Att Uniku Ewropew tal-1986, hija dwar it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jżid aspett ieħor għall-koeżjoni, billi jirreferi għall-"koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali";

C.  billi l-objettiv tal-koeżjoni soċjali jeħtieġ rwol Ewropew fil-politiki għall-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati, u jesiġi li l-Istati Membri jużaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam biex jieħdu azzjoni ta' appoġġ u azzjoni wkoll skont programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali kif ukoll programmi nazzjonali;

D.  billi opportunitajiet ta' finanzjament għal komunitajiet emarġinati ġew introdotti fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-2010; billi l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020 joffri approċċ strateġiku;

E.  billi r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 jistipula li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa ta' benefiċċju għall-persuni, inklużi gruppi żvantaġġati bħal dawk qiegħda fit-tul, persuni b'diżabilitajiet, migranti, minoranzi etniċi, komunitajiet emarġinati u persuni ta' kull età li qegħdin jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

F.  billi tal-anqas 23,1 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni se jiġi allokat għal investimenti mill-FSE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; billi l-FEŻR u l-FSE jaqdu rwol speċifiku u sinifikanti, b'mill-inqas 20 % tal-FSE allokat f'kull Stat Membru għall-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni, u b'hekk jirrappreżentaw għodda kruċjali fil-promozzjoni ta' inklużjoni akbar ta' komunitajiet emarġinati;

G.  billi r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxi numru ta' prekundizzjonijiet relatati man-nondiskriminazzjoni, il-ġeneru u d-diżabilità li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom(16);

H.  billi s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali wera li l-kriżi ekonomika żiedet il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

I.  billi l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis baġitarju u l-miżuri ta' awsterità konsegwenti wasslu għal bosta problemi, li ta' spiss jirriżultaw fi problemi baġitarji kbar għall-muniċipalitajiet, iwasslu għal nuqqas ta' alternattivi meta jiġu ttrattati l-gruppi emarġinati u wieħed jipprova jtejjeb l-inklużjoni tagħhom u jevita s-segregazzjoni, billi tali politiki huma prinċipalment, u xi drabi esklużivament, dipendenti fuq il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

J.  billi l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi ppeġġoraw is-sitwazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati;

K.  billi n-nisa f'komunitajiet emarġinati jġarrbu diskriminazzjoni multipla aktar intensa u għandhom rata ta' impjieg aktar baxxa mill-irġiel f'dawk il-komunitajiet u minn nisa oħra;

L.  billi għadd kbir ta' atturi pubbliċi u privati f'livelli u f'setturi differenti, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, huma involuti u ta' spiss jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' inklużjoni, u b'hekk jirrikjedu approċċ koerenti u kkoordinat sew;

M.  billi attwalment m'hemm l-ebda definizzjoni ta' komunità emarġinata fil-livell tal-Unjoni Ewropea; billi biex wieħed jifhem ir-rapport irid l-ewwel jifhem l-emarġinazzjoni abbażi ta' analiżi ta' attributi u karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi emarġinati, li tqis is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, aċċess limitat għall-edukazzjoni u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-impjiegi, it-tluq bikri mill-iskola, flimkien ma' esklużjoni strutturali u sistematika u għandha l-għan li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjoekonomika effettiva tagħhom;

N.  billi l-Kummissjoni ma pprovdietx definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, filwaqt li ħalliet ir-responsabilità f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar definizzjoni abbażi tal-indikaturi nazzjonali tagħhom; jinnota, madankollu, li l-emarġinazzjoni tista' tiġi stabbilita billi jiġi kkunsidrat sett ta' indikaturi rilevanti bħall-esklużjoni soċjali, rata għolja ta' qgħad fit-tul, livell baxx ta' edukazzjoni, kundizzjonijiet (estremament) ħżiena ta' akkomodazzjoni, livell għoli ta' diskriminazzjoni, u esponiment eċċessiv għal riskji għas-saħħa u/jew nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, jiġifieri dawk il-popolazzjonijiet meqjusa l-aktar vulnerabbli u l-aktar fil-bżonn ta' għajnuna;

O.  billi l-emarġinazzjoni hija fenomenu soċjali li fih individwi jew komunitajiet jiġu soċjalment esklużi u sistematikament imwaqqfa milli jipparteċipaw, jew jiġu mċaħħda l-aċċess għall-parteċipazzjoni, fil-proċessi soċjali u politiċi li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjali tagħhom; billi "komunitajiet emarġinati" tirreferi għal diversi gruppi u individwi, bħalma huma l-minoranzi, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-migranti, ir-rifuġjati u l-gruppi soċjalment esklużi fis-soċjetà; billi r-razziżmu, il-patrijarkija, l-omofobija, l-iżvantaġġi ekonomiċi u fatturi diskriminatorji oħra jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' saffi ta' inugwaljanza u dinamika fejn titnaqqas is-setgħa għan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

P.  billi karatteristiċi komuni kondiviżi minn komunitajiet emarġinati jinkludu komunitajiet ta' postijiet, bħal komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali u kwartieri żvantaġġati; komunitajiet ta' interessi, bħar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil, u minoranzi etniċi u lingwistiċi; u persuni b'diżabilitajiet, l-anzjani, il-persuni mingħajr dar, kif ukoll il-popli indiġeni; billi tipi differenti ta' komunitajiet emarġinati jikkondividu diffikultajiet komuni u kollha jġarrbu forom multipli ta' stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni;

Q.  billi hemm għadd kbir ta' gruppi emarġinati fl-Ewropa; billi fosthom ir-Rom, terminu li huwa mifhum b'mod differenti madwar l-Ewropa, huma l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa u waħda mill-komunitajiet l-aktar emarġinati;

R.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tindirizza l-komunitajiet emarġinati fid-diversità tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi; billi l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fil-finanzjament tirrikjedi li jsiru sforzi fil-livelli kollha, li jinkludu approċċ koerenti u integrat fit-tul, soluzzjonijiet permanenti, l-emanċipazzjoni, l-isfruttar tal-esperjenza u l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità, anke għan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati, it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità, sabiex tintemm is-segregazzjoni u tinkiseb in-normalizzazzjoni;

S.  billi l-istrateġiji tal-politika ta' koeżjoni Ewropea għall-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jridu jqisu s-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed jixjieħu, in-nisa b'diżabilità, in-nisa li jindukraw u n-nisa bi problemi ta' saħħa mentali;

T.  billi l-proġetti bbażati fuq l-arti u l-kultura li jippromwovu l-iskambji interkulturali, l-emanċipazzjoni tal-parteċipanti, l-iżvilupp ta' ħiliet kreattivi u soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-komunità lokali huma fost l-aktar għodod effettivi biex jiġu indirizzati l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali;

U.  billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla, f'termini tal-ħolqien ta' djalogu, il-ftuħ u l-ftehim bejn il-komunitajiet, u f'termini tal-emanċipazzjoni tal-komunitajiet emarġinati; billi perspettiva tal-ġeneru fl-edukazzjoni, u r-rwol tagħha fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-komunitajiet emarġinati, m'għandhiex tintesa;

Prinċipji ġenerali

1.  Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-komunitajiet emarġinati; jissottolinja r-rwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ tal-inklużjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħhom;

2.  Ifakkar li l-komunitajiet emarġinati ġew introdotti bħala prijorità tal-miżuri tal-politika ta' koeżjoni minħabba tħassib dejjem jikber dwar, u l-impenn li tiġi miġġielda, l-esklużjoni soċjali, inkluż tħassib dwar is-sitwazzjoni tar-Rom u l-appell li ilu li sar biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, li tispeċifika sett ta' attributi u karatteristiċi ta' gruppi emarġinati, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni, l-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull grupp destinatarju potenzjali bl-għan tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjoekonomika tagħhom, u tal-involviment ta' rappreżentanti ta' dawk il-komunitajiet; jenfasizza li tali gwida tkompli żżid l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea kollha;

4.  Jilqa' l-fatt li l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni tal-2014-2020 introduċa elementi ġodda li jikkonsolidaw l-approċċ inizjali billi jestendu l-opportunitajiet ta' finanzjament u jdaħħlu mekkaniżmi li jiżguraw li l-appoġġ għall-komunitajiet emarġinati jikkonforma mal-valuri u l-objettivi Ewropej u jqis il-ħtieġa li jiġu involuti dawn il-gruppi fil-proċess sħiħ;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata rigward l-adozzjoni ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-komunitajiet emarġinati; jitlob li titwettaq analiżi li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet xierqa u li jiġu identifikati l-ostakli li qed jipprevjenu aktar adozzjoni jew l-aħjar riżultati possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu effettiv tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew fir-rigward tal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tas-soċjetà ċivili; ifakkar li l-prinċipji orizzontali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) – li jinkorporaw drittijiet fundamentali bħall-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli – iridu jiġu applikati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi taħt il-FSIE; ifakkar li l-azzjonijiet tal-Istati Membri kollha, li huma ffinanzjati taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE, għandhom jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet fundamentali u m'għandhom qatt jikkontribwixxu għal segregazzjoni b'xi mod;

7.  Jenfasizza li l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni huma inkorporati fir-regoli ta' fianzjament tal-FSIE bl-għan li jiġu eliminati il-kawżi sistemiċi tal-inugwaljanza, kemm jekk ekonomika, soċjali jew abbażi tal-ġeneru, kif ukoll dwar l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni; jenfasizza li l-fehim ta', u s-sensibilizzazzjoni dwar, il-ksenofobija u r-razziżmu sistemiċi għandhom ikunu punt ewlieni fl-analiżi tal-għeruq tal-esklużjoni;

8.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju li japplika b'mod orizzontali għall-politika ta' koeżjoni; jiddeplora d-diskriminazzjoni multipla mġarrba b'mod partikolari min-nisa, il-migranti u l-persuni b'diżabilità fil-komunitajiet emarġinati;

9.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni trid tittratta l-isfida kruċjali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' żgħażagħ u tfal, adulti u persuni b'diżabilità, inkluża t-tranżizzjoni minn kura u servizzi istituzzjonali għal dawk ibbażati fil-komunità; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu azzjoni u miżuri xierqa biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji għal dan l-għan, bl-applikazzjoni tal-approċċ integrat;

10.  Jirrimarka li, fl-iżvilupp ta' politiki indirizzati lejn udjenzi destinatarji speċifiċi skont il-prinċipju ta' 'identifikazzjoni espliċita iżda mhux esklussiva', wieħed għandu joqgħod attent li ma jiġux esklużi gruppi oħra f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili, sabiex jiġi evitat li jkun hemm reazzjonijiet difensivi; jenfasizza li dan il-prinċipju huwa biss l-ewwel pass fl-għarfien tal-ħtieġa li tingħata attenzjoni lil xi wħud mill-komunitajiet u l-individwi l-aktar vulnerabbli u emarġinati;

11.  Jenfasizza li strutturi responsabbli, trasparenti u demokratiċi għandhom ikunu fis-seħħ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-użu frodulenti tal-fondi biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-komunitajiet emarġinati;

12.  Iqis l-aċċess għal servizzi pubbliċi bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin fl-indirizzar tal-inklużjoni tal-gruppi emarġinati; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-għoti ta' materjal ta' informazzjoni dwar is-saħħa mfassal apposta u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' prevenzjoni tal-mard u ta' inizjattivi dwar is-saħħa komunitarja f'komunitajiet emarġinati; jitlob li jinħolqu strutturi speċjalizzati, bħal punti tal-ikklerjar li jagħtu pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-kura tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni; jitlob b'insistenza li tittieħed azzjoni biex issir bidla fl-amministrazzjonijiet pubbliċi minn approċċ immexxi mid-domanda għal approċċ ta' servizzi akkoljenti;

13.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar u rabtiet aktar b'saħħithom bejn strateġiji nazzjonali għal komunitajiet emarġinati, inklużi Strateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom, Strateġiji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar, strateġiji għall-inklużjoni ta' komunitajiet oħra emarġinati jew żvantaġġati, u strateġiji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-politika ta' koeżjoni;

14.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità waqt l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal;

15.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jinkoraġġixxu l-użu ta' fondi mill-FSE biex jappoġġaw it-tagħlim informali u proġetti ta' tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll proġetti bbażati fuq il-kultura, sabiex jilħqu l-objettivi ta' investiment f'ħiliet ġodda għall-innovazzjoni, u tal-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

16.  Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra l-iżbilanċi reġjonali dejjem jikbru, l-isfidi demografiċi u s-sitwazzjoni li jiffaċċjaw numru dejjem jikber ta' żgħażagħ li telqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew qed jippjanaw li jitilqu minnu – li fiċ-ċiklu baġitarju tal-2014-2020 huwa disponibbli inqas finanzjament għall-politika ta' koeżjoni; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għad għandha l-potenzjal li żżid il-valur max-xogħol li diġà għaddej fl-Istati Membri u li – billi tiffoka fuq it-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-investiment fil-ħiliet, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jeħtiġuh l-aktar – il-politika ta' koeżjoni tirriżulta, fost ħafna benefiċċji oħrajn, f'aktar inklużjoni soċjali u fi tnaqqis tal-faqar billi tippermetti l-flessibbiltà xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw l-appoġġ individwalizzat b'konformità mal-ħtiġijiet lokali u biex jiġi żgurat li l-finanzjament jintuża f'dawk iż-żoni fejn il-qgħad huwa l-ogħla u fejn huwa meħtieġ l-aktar;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-analiżi tagħha fir-rappurtar tagħha, anke dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

18.  Jisħaq li t-tnaqqis fil-baġit għas-servizzi pubbliċi f'xi Stati Membri matul il-kriżi wassal għal żieda fil-qgħad, nuqqas ta' sigurtà soċjali, sitwazzjoni diffiċli fil-qasam tal-akkomodazzjoni u problemi ta' saħħa; jistieden lill-Istati Membri jużaw b'mod aktar effiċjenti l-appoġġ mill-FSE biex itejbu l-kwalità u l-aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi għall-komunitajiet emarġinati, u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni;

19.  Jitlob li titqies perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jiġu mfassla azzjonijiet appoġġati mill-fondi ta' koeżjoni u jenfasizza li d-drittijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali għandhom jiġu integrati fil-politiki li għandhom l-għan li jirrikonoxxu lin-nisa mill-komunitajiet emarġinati bħala ċittadini attivi bis-saħħa tagħhom infushom u li r-razziżmu, kemm dak miftuħ u kemm dak inviżibbli, għandu jiġi indirizzat b'mod espliċitu f'kull tfassil ta' azzjoni u politika;

Tħejjija tal-programmi

20.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-sħubija għandu jwassal għal involviment fil-livelli kollha, u jeħtieġ li jiġi applikat mill-Istati Membri fuq bażi obbligatorja u mhux biss pro forma; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza indaqs tas-sieħba, fejn għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati biex is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, u kwalunkwe sfida potenzjali li huma jiffaċċjaw biex jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sħubija, tista' tiġi kkunsidrata; huwa mħasseb dwar il-konformità fqira mal-involviment obbligatorju ta' sieħba b'konformità mal-prinċipji rispettivi stabbiliti fis-CPR u l-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tas-sħab, fosthom dawk l-aktar ikkonċernati, u jimplimentaw sistema ta' inċentivi u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż appoġġ speċifiku lil dawk l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji li kellhom riżultati partikolarment tajbin f'dan il-qasam;

21.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni aċċettat ftehimiet ta' sħubija li ma jinkludux lil komunitajiet emarġinati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' proġetti, bħala għodda għall-emanċipazzjoni tal-komunitajiet ikkonċernati; jissuġġerixxi li jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew bħala mezz xieraq biex tiġi promossa l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni dwar, u lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa dwar l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet emarġinati;

23.  Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri, inklużi dawk li qegħdin jirċievu rakkomandazzjonijiet, jagħżlu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet emarġinati bħala prijorità ta' investiment fil-programmi operattivi tagħhom; iwissi, madankollu, li dan għandu wkoll jiġi integrat f'oqsma ta' politika bħall-edukazzjoni u l-impjiegi;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi; jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi speċjali fuq miżuri ta' finanzjament li jmorru lil hinn mill-azzjoni mmirata skont l-objettiv tematiku għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni, biex b'hekk jiġi ppreferut approċċ aktar integrat u sistematiku;

25.  Jikkunsidra li l-governanza u l-koordinazzjoni fuq diversi livelli jiżvolġu rwol importanti; jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati lokali huwa essenzjali jekk il-grupp destinatarju għandu jintlaħaq, u li dan jeħtieġ l-ogħla prossimità territorjali possibbli;

Implimentazzjoni tal-programmi

26.  Jirrimarka dwar l-importanza ta' approċċ integrat; huwa tal-fehma li l-fondi għandhom jintużaw b'mod aktar integrat, anke permezz ta' programmi b'fondi differenti, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, l-Investiment Territorjali Integrat u l-finanzjament reċiproku, kif imsemmi fl-Artikolu 98(2) tas-CPR u għandhom jiksbu sinerġiji ma' strumenti ta' finanzjament tal-UE u nazzjonali oħra; jistieden lill-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati biex jaħdmu bis-sħiħ għal kooperazzjoni attiva fil-livelli kollha, fosthom f'livell transfruntier;

27.  Jinnota li l-finanzjament reċiproku bħalissa qed jintuża b'mod limitat, sa ċertu punt minħabba regoli kumplessi deskritti fl-Artikolu 98(2) tas-CPR; huwa tal-fehma li jekk tiżdied il-flessibbiltà tar-regoli għall-finanzjament reċiproku, partikolarment b'referenza għall-komunitajiet emarġinati, tista' tiżdied l-effettività tal-proġetti u jingħata valur miżjud importanti lill-impatt tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel analiżi tal-applikazzjoni u l-livell ta' użu tal-finanzjament reċiproku;

28.  Jinnota li komunitajiet emarġinati spiss jgħixu f'partijiet anqas vantaġġati tal-bliet; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina ta' programmi ta' tiġdid u riġenerazzjoni urbani għal kwartieri mċaħħda li jgħaqqdu approċċi u sħubijiet integrati u bbażati fuq il-lokalità, jittrattaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u territorjali, u jtejbu l-ambjent urban, u li jiffokaw ukoll fuq żieda fil-konnettività bl-għan li dawn il-komunitajiet jingħataw aċċess aħjar; iqis li l-Aġenda Urbana futura tal-UE għandha tindirizza, b'mod adegwat, l-isfidi u l-ħtiġijiet ewlenin relatati ma' komunitajiet emarġinati f'żoni urbani sabiex jipprevjenu l-ħolqien ta' getti u jiġġieldu b'suċċess kontra s-segregazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi li jiffaċċjaw komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi u nħawi iżolati, inklużi l-isfidi marbutin mal-konnettività, il-mobilità u l-aċċess għas-servizzi, iżda anke f'termini ta' opportunitajiet kulturali u soċjali; jenfasizza l-importanza li r-reġjuni jiġu konnessi b'mod aħjar; jinnota wkoll li n-nies f'żoni transfruntieri spiss huma soġġetti għal emarġinazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u li dan għandu jittieħed inkonsiderazzjoni b'mod aħjar meta tiġi fformulata l-politika ta' koeżjoni, partikolarment fir-rigward tal-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li tinbena l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjonijiet u l-korpi tas-soċjetà ċivili, bl-għan tal-emanċipazzjoni tal--komunitajiet, b'mod partikolari billi jitħallew jieħdu sehem akbar fit-tfassil tal-politika; jitlob li assistenza teknika mmirata u finanzjament jintużaw ukoll għal dan l-għan;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tekniku meħtieġ biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-korpi involuti fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu pariri u assistenza amministrattiva, eż. billi jorganizzaw taħriġ u billi jgħinu bl-applikazzjonijiet tal-għajnuna u l-ispjegazzjonijiet, sabiex jagħmluha aktar faċli għal komunitajiet emarġinati bħar-Rom li jiksbu tagħrif rigward programmi Ewropej u nazzjonali ta' finanzjament b'appoġġ għall-intraprenditorija u l-impjiegi u biex jissottomettu l-applikazzjonijiet relevanti;

32.  Jenfasizza li s-sħab soċjali jrid ikollhom aċċess għall-assistenza teknika mhux biss sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom, iżda anke biex jiżguraw il-koordinazzjoni u r-rappreżentanza tagħhom f'kumitati ad hoc li jiddefinixxu u jimplimentaw il-programmi operattivi;

33.  Jirrimarka li, bi sħubija ma' rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati, il-Kummissjoni, wara li tagħti gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, għandha twaqqaf grupp ad hoc ta' esperti għal parir, u tippromwovi taħriġ adegwat għal persunal amministrattiv, sabiex tipprovdi għarfien speċifiku tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-komunitajiet emarġinati, u biex tiġġieled kontra prattiki diskriminatorji, bil-ħsieb li titrawwem l-inklużjoni permezz ta' djalogu kostruttiv u effettiv, u li jiġu implimentati u mmonitorjati proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati b'mod integrat u b’mod effikaċi, biex b'hekk jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom;

34.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u nisa minn komunitajiet emarġinati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni, l-użu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi, fil-livelli kollha – mil-livell lokali u reġjonali sa dak tal-Istati Membri u tal-UE – u jqis li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi implimentati għandhom jitqiesu bħala proċess ewlieni fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ta' nisa minn komunitajiet emarġinati;

35.  Jinnota l-approċċ li l-arranġamenti politiċi strateġiċi u operattivi kollha, inkluża l-kapaċità amministrattiva jew istituzzjonali suffiċjenti, għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma jsiru l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-issodisfar ta' dawn il-kundizzjonijiet, u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet komplementari mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni;

Monitoraġġ u rakkomandazzjonijiet

36.  Jirrimarka li proġetti ffinanzjati mill-UE jrid ikollhom perspettiva fit-tul sabiex ikunu effettivi, u li l-fondi jridu jappoġġaw l-investiment fil-ħtiġijiet attwali tal-benefiċjarji, b'mekkaniżmi li jiżguraw li jintlaħqu l-gruppi destinatarji u li jindirizzaw l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi kwalitattivi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi proattivi u parteċipattivi għall-mmonitoraġġ u l-osservazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-proċessi ta' ppjanar u evalwazzjoni għal fondi użati għal komunitajiet emarġinati;

37.  Jenfasizza l-fatt li l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, il-kondizzjoni ta' persuni bla dar, l-esklużjoni mill-edukazzjoni u l-qgħad sikwit huma elementi ewlenin ta' emarġinazzjoni; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' akkomodazzjoni integrata, interventi fil-qasam tal-edukazzjoni u f'dak tal-impjieg, għall-benefiċċju ta' komunitajiet emarġinati;

38.  Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti nħasset b'mod partikolarment iebes mill-gruppi emarġinati li jinsabu l-aktar f'riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom fi żminijiet ta' turbolenza fis-suq tax-xogħol – li l-edukazzjoni u l-impjiegi huma l-aħjar toroq 'il barra mill-faqar, u li għalhekk l-integrazzjoni tal-komunitajiet emarġinati fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol għandha għalhekk tkun prijorità; jinnota bi tħassib li membri ta' komunitajiet emarġinati spiss ikunu esklużi mis-soċjetà u jġarrbu diskriminazzjoni u, konsegwentement, jaffaċċjaw ostakli għall-aċċess għal edukazzjoni, impjiegi, kura tas-saħħa, trasport, informazzjoni u servizzi b'mod ġenerali ta' kwalità għolja, u li dan joħloq problema kumplessa li jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod xieraq permezz tal-użu komplementari u l-kombinazzjoni effettiva tal-FSIE u r-riżorsi nazzjonali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jsiru sforzi speċjali fir-rigward ta' programmi eżistenti tal-UE, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Erasmus+ u l-Ewropa Kreattiva, bl-għan li jilħqu lil membri ta' komunitajiet emarġinati, flimkien ma' monitoraġġ regolari tas-suċċess ta' dak l-ilħuq, sabiex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar u l-emarġinazzjoni u tingħata spinta lill-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuni;

39.  Jitlob li l-fondi jintużaw biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa fil-komunitajiet emarġinati u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni stabbli ta' kwalità għolja, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, impjieg, kura tat-tfal, servizzi soċjali, servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u sistemi ġuridiċi;

40.  Jissottolinja l-fatt li rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jeħtieġ li jkunu involuti b'mod attiv u jkunu jistgħu jipparteċipaw bħala membri sħaħ f'arranġamenti ta' monitoraġġ; jirrimarka li setgħet inkisbet esperjenzja konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jinxterdu u jiġu kapitalizzati l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw l-aħjar prattiki eżistenti kollha, fosthom dawk innovattivi relatati mal-inklużjoni ta' individwi u gruppi emarġinati fis-soċjetà, u jvaraw attivitajiet ta' netwerking, anke fost ħaddiema soċjali, li jaħdmu maż-żgħażagħ u fil-komunità kif ukoll fost l-akkademiċi u r-riċerkaturi; jenfasizza l-ħtieġa għal pjattaforma ta' netwerks fil-livell tal-UE li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u s-soluzzjoni konġunta tal-problemi li tista' sservi wkoll bħala faċilità ta' tagħlim elettroniku għall-bini tal-kapaċità;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati fid-djalogu strutturat annwali tagħha mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sieħba, filwaqt li jiġi żgurat li r-rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jipparteċipaw u jiffaċilitaw dibattitu bbażat fuq analiżi kwantitattiva u kwalitattiva;

42.  Jirrimarka li l-għarfien dwar l-inklużjoni strutturali u sistematika mhuwiex biss mitlub min-naħa tas-soċjetà kollha kemm hi iżda huwa partikolarment essenzjali għall-ħidma ta' min jieħu d-deċiżjonijiet u l-partijiet ikkonċernati fil-livelli amministrattivi kollha u korpi pubbliċi oħra involuti; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi kollha u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ iwettqu analiżi bir-reqqa tal-kawżi tad-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni, u jqajmu l-kuxjenza dwar il-fatt li l-ksenofobija u r-razziżmu, u t-tipi kollha ta' emarġinazzjoni li twassal għal esklużjoni sistematika, inkluż l-anti-Żingariżmu, iridu jiġu eliminati; jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod rigoruż u timmonitorja l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni; jistieden lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) jipprovdu servizzi mfassla apposta ta' kwalità għolja u abbażi tal-ħtiġijiet;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ doppju biex tingħata l-għajnuna u jiġu integrati l-gruppi emarġinati, u dan għandu jsir direttament b'rabta ma' dawk affettwati permezz tal-għoti ta' edukazzjoni, inklużi l-faċilitajiet edukattivi, it-taħriġ, il-linji gwida vokazzjonali u l-opportunitajiet ta' impjieg, u b'rabta mal-komunità lokali u l-awtoritajiet sabiex jitjiebu u/jew jinbidlu l-perċezzjonijiet tal-pubbliku billi jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni tal-effetti tal-preġudizzju, jitjiebu s-servizzi pubbliċi u jiġu adattati sistemi soċjali;

44.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-iżgurar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-membri kollha tas-soċjetà huwa fundamentali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-esklużjoni soċjali; huwa tal-fehma li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, ikkaratterizzata minn edukazzjoni fid-diversità, hija l-ewwel pass lejn l-inklużjoni politika, ekonomika u soċjali ġenwina ta' komunitajiet emarġinati; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu implimentati programmi, proġetti u attivitajiet ta' appoġġ għal komunitajiet emarġinati sabiex jipprovdu għal edukazzjoni ta' qabel l-iskola, tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal edukazzjoni formali, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet għal forom oħra ta' edukazzjoni kif ukoll tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-ħiliet vokazzjonali u fl-ICT, u biex jittejjeb l-aċċess għall-media, anke bil-ħsieb tal-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati;

45.  Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jinkoraġġixxu l-użu tal-FEŻR biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-intrapriżi soċjali li jinvolvu u jibbenefikaw il-komunitajiet emarġinati; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu appoġġati attivitajiet għal komunitajiet emarġinati sabiex tingħata għajnuna lil, u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal, intraprenditorija mikro, biex b'hekk jitħarsu modi differenti ta' kif isir in-negozju;

46.  Jirrimarka li ħafna setturi se jgħaddu minn trasformazzjoni sinifikanti fil-futur qrib, parzjalment minħabba l-użu usa' ta' għodod u soluzzjonijiet online; jirrimarka li dan ser ipoġġi taħt pressjoni kemm lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet kif ukoll lil dawk b'livell medju ta' ħiliet, u dan ikollu impatt partikolari fuq membri ta' komunitajiet emarġinati, peress li bħalissa huma dawn in-nies li normalment isibu l-impjieg f'dawn is-setturi; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u servizzi aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd fil-qasam tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-opportunitajiet fis-settur diġitali u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment għall-gruppi l-aktar żvantaġġati; jinnota l-importanza ta' negozji mikro u żgħar biex jgħinu jsostnu l-impjiegi f'żoni rurali u jistieden, għaldaqstant, li ssir enfasi akbar fuq l-iżgurar tal-aċċess għall-fondi għal dawn in-negozji;

47.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati billi jiġu inkoraġġiti n-nisa intraprendituri u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawk il-komunitajiet;

48.  Jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jiżvolġu fl-emanċipazzjoni ta' nisa f'komunitajiet emarġinati, l-intraprenditorija soċjali, il-kooperattivi, l-assoċjazzonijiet mutwi u n-negozju alternattiv; jirrakkomanda li l-fondi ta' koeżjoni, b'mod partikolari l-FSE, jappoġġaw l-investimenti f'dan il-qasam li għandhom perspettiva qawwija rigward il-ġeneru;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni attwali fundamentali biex jiġi determinat l-appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni abbażi tal-PDG, billi jsir użu aħjar minn indikaturi disponibbli – bħad-data EU-SILC tal-Eurostat dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien – li kapaċi jidentifikaw żoni ta' faqar u fraġilità soċjali fit-territorju tal-Unjoni, sabiex l-appoġġ tal-UE jasal għand il-komunitajiet emarġinati b'mod aħjar;

50.  Jenfasizza li fid-dibattitu politiku tal-UE, il-komunitajiet emarġinati spiss huma sfruttati tendenzjalment għal finijiet politiċi, u li tinħtieġ analiżi dettaljata tal-esklużjoni strutturali, kemm fi ftehimiet ta' sħubija kif ukoll fil-programmi operattivi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida koerenti, konsistenti u ċara dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati, inklużi analiżijiet fil-fond, eżempji tal-aħjar prassi u rakkomandazzjonijiet ta' politika, biex jiġi żgurat li komunitajiet emarġinati jiġu inklużi fil-fondi tal-UE anke fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

51.  Jitlob li perspettiva tal-ġeneru u analiżi intersezzjonali jiġu inkorporati fl-inizjattivi, il-programmi, l-azzjonijiet u l-arranġamenti ta' finanzjament ta' integrazzjoni u inklużjoni soċjali ffinanzjati mill-UE, bl-għan li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jkunu jistgħu jiġu indirizzati – u l-varjetà ta' lħna u perspettivi ta' nisa f'pożizzjonijiet strutturali u rwoli differenti jkunu jistgħu jinqabdu aħjar – b'mod aħjar; jemmen li valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u bbaġittjar skont il-ġeneru huma utli fl-evalwazzjoni ta' x'impatt ikollhom fuq in-nisa l-prijoritajiet ta' finanzjament, l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u l-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li data diżaggregata skont il-ġeneru tinġabar sistematikament u tiġi analizzata regolarment;

52.  Jistieden lill-Istati Membri joffru premju għal dedikazzjoni eżemplari għall-integrazzjoni u l-inklużjoni ta' gruppi emarġinati fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE; jissuġġerixxi li tali premju għal xogħol li jispikka jista' jiġi ppreżentat lil muniċipalitajiet jew reġjuni fl-Istati Membri;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu n-netwerking bejn il-muniċipalitajiet u l-bliet li jittrattaw l-integrazzjoni ta' gruppi emarġinati; jissuġġerixxi li l-Patt tas-Sindki dwar it-Tibdil fil-Klima jista' jservi ta' eżempju għal tali netwerk;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 132, 29.5.2010, p. 1.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(5) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62.
(6) ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.
(7) ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0132.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0594.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0246.
(11) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.
(12) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.
(13) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 60.
(14) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.
(15) ĠU C 114, 15.4.2014, p. 73.
(16) Parti II tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Avviż legali