Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2962(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1228/2015

Testi mressqa :

B8-1228/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2015 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0409

Testi adottati
PDF 290kWORD 104k
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP)
P8_TA(2015)0409B8-1228/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041427 – 2015/2962(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041427),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC),(2)skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE(4), b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b'mod partikolari l-paragrafu 43(viii) tal-Anness tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-DEHP huwa inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH) minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala sustanza tal-kategorija 1B li hija tossika għar-riproduzzjoni; billi d-DEHP qiegħed fil-lista ta' kandidati tar-REACH minħabba l-proprjetajiet reprotossiċi tiegħu;

B.  billi l-Kummissjoni, permezz ta' abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP), tad-dibutilftalat (DBP), tal-benżilbutilftalat (BBP) u tad-diisobutilftalat (DIBP) bħala sustanzi ta' tħassib kbir ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha l-għan li tidentifika d-DEHP bħala sustanza ta' tħassib kbir ħafna;

C.  billi fl-2000, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja għall-Interferenti Endokrinali (COM(1999)0706), id-DEHP diġà kien inkluż fl-Anness 1 li jistabbilixxi l-lista ta' kandidati ta' 553 sustanza fil-kategorija 1 ta' sustanzi kimiċi li wrew evidenza ta' attività ta' interferenza endokrinali f'tal-anqas speċi waħda bl-użu ta' annimali intatti(8);

D.  billi d-DEHP kien fost l-ewwel sitt komposti li kellhom jiġu eliminati gradwalment skont ir-Regolament REACH, kif imħabbar mill-Kummissjoni fis-17 ta' Frar 2011(9);

E.  billi, fit-12 ta' Diċembru 2014, il-Kumitat tal-Istati Membri (MSC) qabel unanimament dwar l-identifikazzjoni tad-DEHP bħala sustanza li twassal għal livell ekwivalenti ta' tħassib minħabba l-proprjetajiet ta' interferenza endokrinali tiegħu fl-ambjent(10); billi l-MSC rrikonoxxa unanimament li, fil-każ tad-DEHP, teżisti evidenza xjentifika dwar attività ta' interferenza endokrinali u dwar ir-rabta każwali bejn din l-attività u effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem;

F.  billi l-Kummissjoni tinnota l-qbil unanimu fl-MSC li jiddikjara li erba' ftalati, inkluż id-DEHP, għandhom proprjetajiet ta' interferenza endokrinali u li l-effetti avversi ta' dan il-mod ta' azzjoni huma l-istess bħal dawk li wasslu għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala tossiċi għar-riproduzzjoni u għall-identifikazzjoni tagħhom bħala sustanzi ta' tħassib kbir ħafna skont l-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH; billi l-Kummissjoni tinnota wkoll li l-biċċa l-kbira tal-membri tal-MSC kkunsidraw li l-livell ta' tħassib li dawk l-effetti jwasslu għalih huwa ekwivalenti;

G.  billi, fil-21 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni sssottomettiet abbozz ta' att ta' implimentazzjoni biex tidentifika d-DEHP bħala sustanza li għandha proprjetajiet ta' interferenza endokrinali li l-effetti tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem iwasslu għal livelll ekwivalenti ta' tħassib skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH;

H.  billi l-opinjoni tar-RAC fil-fatt tirrikonoxxi l-mod ta' azzjoni endokrinali tad-DEHP iżda tirrikonoxxi wkoll li ġie inkluż fl-Anness XIV minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu ta' tossiċita għar-riproduzzjoni (Artikolu 57(ċ)) u mhux abbażi tal-proprjetajiet ta' interferenza endokrinali (Artikolu 57(f)); billi, b'konsegwenza, il-valutazzjoni attwali tad-DEHP hija limitata għat-tossiċità tiegħu għar-riproduzzjoni;

I.  billi d-DEHP għandu jiġi identifikat bħala sustanza ta' tħassib kbir ħafna għaliex jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH billi huwa sustanza bi proprjetajiet ta' interferenza endokrinali li għaliha teżisti evidenza xjentifika tal-probabbiltà ta' effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem, li jwasslu għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak għal sustanzi oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament REACH;

J.  billi l-applikant applika għal awtorizzazzjoni permezz tal-proċedura ta' kontroll adegwat prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH; billi, madankollu, skont l-Artikolu 60(3)(a) tar-Regolament REACH, il-proċedura ta' kontroll adegwat ma tapplikax għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fil-klassifikazzjoni CMR jew fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament li għalihom mhuwiex possibbli li jiġi determinat limitu minimu b'konformità mat-Taqsima 6.4 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament;

K.  billi ntwera li d-DEHP jaffettwa b'mod avvers is-sistema endokrinali tal-mammiferi primarjament permezz ta' sejbiet in vivo dwar tnaqqis fit-testosteron fil-fetu; billi dawn is-sejbiet huma ssostanzjati aktar b'sejbiet mekkanistiċi, anke in vivo, ta' down-regulation ta' ġeni fil-perkors ta' bijosinteżi sterojdoġenika; billi l-ispettru ta' effetti avversi osservati fil-firien jinkludi żieda fiż-żamma tan-nipples, tnaqqis fid-distanza anoġenitali, malformazzjonijiet ġenitali, tnaqqis fin-numru ta' spermatoċiti u bidliet fit-testikoli inklużi gonoċiti multinukleati, atrofija tubulari u iperplasija taċ-ċelloli ta' Leydig;

L.  billi l-evidenza xjentifika dwar id-DEHP turi li l-esponiment matul perjodi ta' żmien sensittivi tal-iżvilupp jista' jikkaġuna effetti irreversibbli ta' programmazzjoni tal-iżvilupp li jwasslu għal effetti gravi fuq l-iżvilupp u r-riproduzzjoni, meqjusa partikolarment serji b'rabta mas-saħħa tal-bniedem u l-ispeċijiet ta' organiżmi selvaġġi, anke għaliex dawn l-effetti avversi jistgħu jidhru għall-ewwel darba fi stadji suċċessivi fil-ħajja b'konsegwenza ta' esponiment matul l-istadji bikrin tal-ħajja;

M.  billi, skont l-opinjoni tar-RAC, abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjonijiet, l-applikanti ma pprovdewx evidenza li r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema mill-użi li saret applikazzjoni għalihom kienu kkontrollati b'mod adegwat b'konformità mal-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH; billi, skont ir-RAC, għaldaqstant mhuwiex xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni abbażi ta' dik id-dispożizzjoni;

N.  billi, minkejja l-opinjoni tar-RAC, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) ikkonkluda li awtorizzazzjoni tal-użi tkun proporzjonata u li għalhekk il-benefiċċji soċjoekonomiċi li joriġinaw mill-użi koperti bl-applikazzjoni kienu akbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem li joriġinaw minn dawk l-użi; billi l-opinjoni tas-SEAC ikkonfermat li kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-analiżi soċjoekonomika ppreżentata mill-applikant, inkluż in-nuqqas ta' kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa li tidentifika r-riskju residwu għas-saħħa tal-ħaddiema;

O.  billi s-SEAC huwa kumitat xjentifiku li l-kompitu tiegħu, skont l-Artikolu 64(4)(b) tar-Regolament REACH, huwa li jivvaluta l-fatturi soċjoekonomiċi u d-disponibbiltà u l-fattibbiltà teknika ta' alternattivi assoċjati mal-użu jew l-użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni, u billi r-rwol tiegħu mhuwiex li jipprovdi konklużjonijet dwar il-proporzjonalità ta' awtorizzazzjoni meta r-riskju għas-soċjetà ma jkunx ikkontrollat adegwatament;

P.  billi l-applikant huwa responsabbli għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji mis-sustanzi kimiċi u li jipprovdi informazzjoni xierqa dwar is-sikurezza lill-utenti tagħhom; billi s-SEAC ma setax jasal għal konklużjonijiet kwantitattivi dwar il-proporzjonalità tal-użu kontinwat peress li l-informazzjoni dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema ma setgħetx tiġi kwantifikata;

Q.  billi l-iskop tar-Regolament REACH huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikli mis-sustanzi, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni libera ta' sustanzi fis-suq intern, filwaqt li jtejjeb l-kompetittività u l-innovazzjoni;

R.  billi l-applikazzjonijiet jikkonċernaw firxa wiesgħa ta' użi, li jinkludu l-użu fil-formulazzjoni ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP f'komposti u taħlitiet niexfa u l-użu industrijali ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP fl-ipproċessar tal-polimeri biex jiġu prodotti oġġetti tal-PVC; billi kamp ta' applikazzjoni daqshekk wiesa' għall-awtorizzazzjoni fil-biċċa l-kbira jreġġa' lura s-sostituzzjoni tad-DEHP prevista bl-inklużjoni tiegħu fl-Anness XIV tar-Regolament REACH;

S.  billi d-DEHP fil-PVC huwa użat ħafna fi prodotti tal-konsumatur ta' kuljum bħat-tessuti, l-għamara u l-materjal tal-bini; billi mhuwiex marbut kimikament mal-plastik u għalhekk inixxi faċilment fl-ambjent;

T.  billi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tiffoka fuq l-użu tas-sustanza, u billi l-fatt li s-sustanza tinsab f'materjali riċiklati mhuwiex kunsiderazzjoni rilevanti għall-għoti ta' awtorizzazzjoni;

U.  billi s-SEAC innota li kien possibbli li l-iskart postindustrijali b'kontenut baxx ta' DEHP jintuża bħala materja prima alternattiva, li jżid ukoll il-kwalità tar-riċiklati prodotti, iżda li jkun improbabbli li r-riċiklatur ikun jista' jgħaddi żieda fil-prezz għal riċiklati ta' kwalità aħjar lill-utent downstream, peress li normalment jipproduċu oġġetti li jinsabu fil-parti l-baxxa tal-ispettru tal-valur; billi s-SEAC iddikjara li l-alternattiva għall-konvertituri tal-plastik li jużaw PVC verġni ma' plastiċizzanti mhux SVHC oħra bħala materja prima pjuttost milli materjal riċiklat ma ġietx ikkunsidrata, peress li l-applikanti indikaw li l-konvertituri tal-plastik jistgħu ma jibqgħux kompetittivi wara li jiġġarrab il-kost addizzjonali tal-użu ta' PVC verġni;

V.  billi mhuwiex aċċettabbli li jiġu ttollerati każijiet potenzjalment numerużi ta' infertilità maskili sempliċement biex riċiklaturi tal-PC artab u utenti downstream ikunu jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż fil-produzzjoni ta' oġġetti ta' valur baxx sabiex jikkompetu ma' importazzjonijiet ta' kwalità baxxa;

W.  billi, għalkemm id-DEHP għandu firxa wiesgħa ta' sostituti, l-applikanti ma pprovdewx analiżi komprensiva ta' alternattivi disponibbli fis-suq biex jissostitwixxu l-użu tad-DEHP għall-użi li saret applikazzjoni għalihom;

X.  billi wieħed mill-argumenti mogħtija mis-SEAC favur l-għoti ta' awtorizzazzjoni huwa li "hemm inċentiv politiku u soċjetali biex ir-riċiklaġġ jiġi promoss bħala mod sostenibbli biex jiġu ġestiti r-riżorsi naturali"; billi dan l-argument sempliċistiku jinjora l-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE, skont liema l-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ; billi dan l-argument sempliċistiku jonqos ukoll milli jirrikonoxxi dispożizzjonijiet espliċiti fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali li jitolbu l-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku sabiex l-iskart riċiklat jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni;

Y.  billi, barra minn hekk, il-Parlament enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar "l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari" li r-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika l-issoktar tal-użu ta' sustanzi perikolużi użati fil-passat; billi d-DEHP huwa sustanza użata fil-passat, u ġie rikonoxxut ukoll bħala tali mill-industrija kkonċernata(11);

Z.  billi l-użu tad-DEHP ġie ristrett fit-tagħmir elettriku u elettroniku skont id-Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863; billi dan kien appoġġat, inter alia, b'valutazzjoni tad-disponibbiltà ta' alternattivi aktar sikuri għad-DEHP, kif ukoll b'valutazzjoni soċjoekonomika pożittiva(12);

AA.  billi l-SEAC jgħid li ma jistax jikkonkludi li jkun hemm kostijiet soċjetali netti, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, jekk l-awtorizzazzjoni ma tingħatax; billi, għalhekk, l-applikanti ma wrewx il-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu tas-sustanza u l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi ta' rifjut ta' awtorizzazzjoni kif previst fl-Artikolu 60(4)(ċ) tar-Regolament REACH;

AB.  billi l-għoti ta' awtorizzazzjoni għal applikazzjoni li tkun miżgħuda b'tant nuqqasijiet jistabbilixxi preċedent ħażin ħafna għal deċiżjonijiet futuri ta' awtorizzazzjoni skont ir-REACH;

AC.  billi l-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH jiddikjara li huwa msejjes mill-prinċipju ta' prekawzjoni, u billi, f'każ ta' inċertezza, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent għandhom jieħdu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ġenerali;

AD.  billi l-Kummissjoni hija responsabbli fil-konfront tal-pubbliku Ewropew għall-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent minn sustanzi kimiċi perikolużi, filwaqt li tippromwovi l-innovazzjoni, fosthom fil-qasam ta' sustanzi kimiċi u prodotti aktar sikuri biex titrawwem ekonomija reżiljenti;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid li jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għal-formulazzjoni ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni ttemm malajr l-użu tad-DEHP fl-applikazzjonijiet li fadal kollha, aktar u aktar għaliex alternattivi aktar sikuri għall-PVC artab u għad-DEHP huma disponibbli b'mod wiesa';

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(2) http://echa.europa.eu/documents/10162/b50d9fc3-f6db-4e91-8a95-c8397bb424d2http://echa.europa.eu/documents/10162/8d9ee7ac-19cf-4b1a-ab1c-d8026b614d7a
(3) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(5) Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(6) Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti (ĠU L 137, 4.6.2015, p. 10).
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
(8) http://ec.europa.eu/environment/archives/docum/pdf/bkh_annex_01.pdf
(9) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-11-196_en.htm?locale=en
(10) http://echa.europa.eu/view-article/-/journal_content/title/the-member-state-committee-unanimously-agreed-to-identify-the-phthalate-dehp-as-an-svhc-because-of-its-endocrine-disrupting-properties-in-the-environm
(11) http://www.vinylplus.eu/uploads/docs/VinylPlus_Progress_Report_2015_English.pdf
(12) http://www.umweltbundesamt.at/fileadmin/site/umweltthemen/abfall/ROHS/finalresults/Annex6_RoHS_AnnexII_Dossier_DEHP.pdf

Avviż legali