Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2092(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0328/2015

Testi mressqa :

A8-0328/2015

Dibattiti :

PV 14/12/2015 - 18
CRE 14/12/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.24
CRE 15/12/2015 - 4.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0447

Testi adottati
PDF 295kWORD 112k
It-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
PKS ġdida: struttura għall-miżuri tekniċi u l-pjanijiet pluriennali
P8_TA(2015)0447A8-0328/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar PKS ġdida: struttura tal-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali (2015/2092(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-politika komuni tas-sajd, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 7(2), 9 u 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0328/2015),

A.  billi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut hija kundizzjoni sine qua non għall-ġejjieni tal-industrija tas-sajd;

B.  billi mill-2009 bilkemm sar progress fil-proposti leġiżlattivi kemm dwar il-miżuri tekniċi kif ukoll dwar il-pjanijiet multiannwali minħabba li, minn naħa waħda, il-proposti tal-Kummissjoni dwar dawn il-pjanijiet kienu joħolqu frizzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej rigward is-setgħat rispettivi tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet minħabba l-Artikolu 43 tat-TFUE, u li, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet kienu dovuti għall-allinjament ta' leġiżlazzjoni dwar miżuri tekniċi mat-Trattat ta' Lisbona;

C.  billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (Regolament (UE) Nru 1380/2013) tinkludi fost l-objettivi tagħha li jiġu ripristinati u jinżammu popolazzjonijiet ta’ speċijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY), bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq is-selettività u l-ekosistemi; billi l-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali huma għodda prinċipali biex jinkisbu dawn l-objettivi;

D.  billi fost il-modifiki prinċipali introdotti mar-riforma tal-PKS tal-2013 hemm ukoll l-obbligu tal-ħatt u r-reġjonalizzazzjoni;

E.  billi l-kumplessità u d-diversità ta’ miżuri tekniċi kif ukoll il-fatt li dawn huma mifruxin f’bosta regolamenti differenti, ikkontribwixxew biex jagħmlu l-implimentazzjoni diffiċli għas-sajjieda, bir-riskju li s-sajjieda jitilfu l-fiduċja;

F.  billi l-prinċipju ta’ reġjonalizzazzjoni jinkludi konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi bil-għan li l-partijiet interessati jinġiebu aktar qrib il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u li jkun hemm evalwazzjoni aħjar tal-impatti soċjoekonomiċi possibbli tad-deċiżjonijiet;

G.  billi l-kumplessità tal-miżuri tekniċi u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll in-nuqqas ta' riżultati pożittivi tanġibbli tal-PKS u n-nuqqas ta' inċentivi kkontribwew għall-ħolqien ta' nuqqas ta' fiduċja fost is-sajjieda;

H.  billi r-reviżjoni ta’ miżuri tekniċi, bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, għandhom ifittxu li jtejbu s-sostenibbiltà ambjentali tas-sajd u r-riżorsi tal-baħar b’mod li jkun konsistenti mal-vijabbiltà soċjoekonomika tas-settur;

I.  billi l-ilħiq tal-għanijiet tal-PKS il-ġdida jirrikjedi, fost l-oħrajn, l-użu ta’ tagħmir u prattiki tas-sajd iktar selettivi;

J.  billi innovazzjonijiet attwali li jtejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd ta’ sikwit huma mxekkla minn leġiżlazzjoni;

K.  billi l-obbligu ta’ ħatt l-art jinvolvi bidla sostanzjali ta’ approċċ għall-ġestjoni tas-sajd, u b’mod partikolari s-sajd demersali, u għalhekk għal miżuri tekniċi f’oqsma ewlenin bħalma huma l-kompożizzjoni tal-qabdiet u d-daqs tal-malji;

L.  billi jeħtieġ li titqiegħed enfasi partikolari fuq l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira għas-sostenibbiltà tal-komunitajiet kostali, u b’mod partikolari r-rwol tan-nisa u t-tfal; billi l-PKS għamlet riferiment għal skema differenzjata għas-sajd fuq skala żgħira fl-Ewropa;

M.  billi hemm bżonn ta’ definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ sajd fuq skala żgħira, fid-dawl tar-rwol li dan għandu fir-rijabilitazzjoni tal-ibħra tagħna u fil-preservazzjoni u l-prattiki tradizzjonali u ambjentalment sostenibbli;

N.  billi d-definizzjoni ta’ prinċipji bażiċi komuni għall-baċini tal-baħar kollha permezz ta’ regolament qafas adottat bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-Trattat ta’ Lisbona hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS fl-UE, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi u sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri tekniċi;

O.  billi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhijiex dejjem meħtieġa fil-każ ta’ miżuri li jittieħdu fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, jew li huma bbażati fuq standards u objettivi deċiżi mill-koleġiżlaturi, iżda għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ regoli li huma komuni fil-baċini tal-baħar kollha kif ukoll għal miżuri li jinsabu f’regolamenti speċifiċi jew mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib;

P.  billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tiżgura li miżuri tekniċi jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u ta' kull baċir, billi jagħtu flessibbiltà u jagħmlu possibbli reazzjoni mgħaġġla f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tagħmel il-miżuri tekniċi aktar sempliċi u eħfef biex jinftiehmu, ikunu implimentati u infurzati; billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi kif maqbul skont il-PKS riformata;

Q.  billi r-reġjonalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-fehim tal-istandards, li għaldaqstant jintlaqgħu tajjeb mis-settur tas-sajd u partijiet oħra interessati, speċjalment jekk jiġu assoċjati mal-proċess ta' adozzjoni tagħhom stess;

R.  billi r-reġjonalizzazzjoni m'għandhiex twassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, peress li dan mhuwiex kompatibbli mal-PKS, bħala politika komuni fejn l-UE għandha l-kompetenza esklużiva minħabba n-natura kondiviża tar-riżorsi;

S.  billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi skont il-PKS il-ġdida, jiġifieri li l-Kummissjoni tadotta atti delegati abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri kkonċernati li jissodisfaw l-istandards u l-għanijiet deċiżi mill-koleġiżlaturi, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess; billi, madankollu, il-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat ta’ Lisbona;

T.  billi r-reviżjoni tal-qafas ta’ miżuri tekniċi għandha tipprovdi opportunità biex tkompli ssir riflessjoni dwar ir-reġjonalizzazzjoni u jiġu kkunsidrati alternattivi għal atti ddelegati;

U.  billi ċerti proposti ta' regolamenti speċifiċi li fihom miżuri tekniċi (għażel tat-tisqif, qabdiet aċċidentali ta' ċetaċji, sajd f'ibħra fondi) ħolqu kontroversji; billi xi proposti - bħal dik tas-sajd ta' stokkijiet ta' ħut ta' ibħra fondi fl-Atlantiku tal-Grigal - ġew imblukkati għal aktar minn tliet snin; billi deliberazzjonijiet dwar is-sajd bix-xbieki bl-għeżula tat-tisqif huma wkoll wieqfa; billi għadd ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi ġew rifjutati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

V.  billi l-miżuri tekniċi għandhom jieħdu kont tal-fenomenu tas-sajd illegali li ta’ spiss ikunu akkumpanjati mill-użu illegali ta’ apparat tas-sajd, u għandhom jipproponu soluzzjoni effettiva għall-problema maħluqa mis-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU);

W.  billi l-miżuri tekniċi applikabbli f’kull baċir tal-ħut tal-UE mhux dejjem ikunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ attivitajiet innovattivi u sajd lokali differenti; billi, fid-dawl ta’ dan, is-sajjieda jeħtieġu sett ta’ miżuri tekniċi bbażati fuq approċċ reġjonali, li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet diversi ta’ kull baċin; billi l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut b’mod sostenibbli hija vitali u f’dak ir-rigward is-simplifikazzjoni u l-adattabbiltà tal-leġiżlazzjoni għar-realtajiet fuq il-post hija importanti; billi jinħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-baċini tas-sajd huma kondiviżi minn pajjiżi terzi, b’regoli ta’ preservazzjoni differenti ħafna minn dawk tal-Ewropa;

X.  billi fl-ilmijiet Ewropej, u b’mod partikolari fil-Mediterran, huwa kruċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa u jikkooperaw biex jidentifikaw dawk iċ-ċittadini li jwettqu sajd IUU, u b’hekk jiġi żgurat li s-sanzjonijiet applikabbli huma imposti u li jsiru kontrolli aktar stretti fil-fruntieri u fuq l-art;

Y.  billi l-pjanijiet multiannwali adottati bejn l-2002 u l-2009 ma kinux kollha ugwalment effettivi; billi l-pjanijiet multiannwali ġodda ser jiġu adottati skont ir-regoli l-ġodda tal-PKS;

Z.  billi n-negozjati ma’ pajjiżi terzi għandhom ikunu parti mill-isforzi biex tinkiseb is-sostenibbiltà;

AA.  billi r-riforma tal-PKS introduċiet ir-rekwiżiti tal-ħatt l-art u pprovdiet flessibbiltà, eċċezzjonijiet u appoġġ finanzjarju taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

AB.  billi x’aktarx ikun hemm diffikultajiet biex tiġi implimentata l-projbizzjoni ta' ħut skartat f’sajd imħallat, għal speċi bi kwota limitanti;

AC.  billi, wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu setgħat leġiżlattivi konġunti fir-rigward tas-sajd, minbarra qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti;

AD.  billi mill-2009 ma ġie adottat l-ebda pjan multiannwali bħala konsegwenza tal-imblokk tal-proposti fil-Kunsill;

AE.  billi fi ħdan it-task force interistituzzjonali dwar il-pjanijiet multiannwali, il-koleġiżlaturi rrikonoxxew l-importanza li jaħdmu flimkien sabiex isibu mod prammatiku biex jimxu 'l quddiem fil-pjanijiet multiannwali filwaqt li jqisu l-opinjonijiet differenti fl-interpretazzjoni tal-qafas legali;

AF.  billi l-pjanijiet multiannwali għandhom jipprovdu qafas ta’ ġestjoni tas-sajd b’saħħtu u dejjiem, abbażi tal-aħjar u l-aħħar sejbiet xjentifiċi u soċjoekonomiċi, u għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-ħażniet u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet annwali dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;

AG.  billi ġew identifikati limitu ta’ rendiment massimu sostenibbli u skadenza għall-kisba ta’ dan il-limitu, mekkaniżmu ta’ azzjonar ta’ salvagwardja bħala prekawzjoni, mira minima tal-bijomassa, mekkaniżmu biex jadattaw għal bidliet imprevedibbli fl-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli u klawżola ta’ reviżjoni bħala l-elementi komuni għal pjanijiet multiannwali futuri;

AH.  billi l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom għan ġenerali li jista' jinkiseb f'termini amministrattivi u xjentifiċi; billi dawn għandhom jinkludu rendiment stabbli fit-tul, f’konformità mal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, xi ħaġa li għandha tiġi riflessa f’deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; billi dawn id-deċiżjonijiet annwali għandhom ikunu strettament limitati għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;

AI.  billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Kawżi C-103/12 Parlament v Kunsill u C-165/12 Kummissjoni v Kunsill, dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, tistabbilixxi preċedent billi tiċċara l-kontenut u l-limiti taż-żewġ bażijiet legali differenti li jinsabu fl-Artikolu 43 tat-TFUE; billi l-Artikolu 43(3) jista’ jintuża biss bħala bażi legali għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd taħt ir-regolamenti dwar it-TAC u l-kwoti;

AJ.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet is-sentenza tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2015 dwar il-kawżi konġunti C-124/13 u C-125/13 Parlament u Kummissjoni u Kunsill dwar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, li jemenda l-pjan fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz, fejn il-Qorti kkonfermat, hekk kif il-Parlament sostna, li minħabba l-objettiv u l-kontenut tiegħu, ir-Regolament kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, billi tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mal-Parlament bħala koleġiżlatur, għax ir-regolament fih għażliet politiċi li għandhom impatt fuq il-pjan multiannwali, u li konsegwentement huma neċesarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS;

AK.  billi, fin-nuqqas ta’ pjani multiannwali, daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jistgħu jiġu modifikati skont pjani għar-rimi adottati mill-Kummissjoni f’atti ddelegati dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess; jenfasizza l-importanza kemm tal-protezzjoni ta’ minorenni kif ukoll ta’ segwitu għal parir xjentifiku meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni;

AL.  billi l-pjanijiet għall-ħut skartat għandu jkollhom rwol essenzjali, minħabba li emenda fid-daqsijiet minimi ta' konservazzjoni tista' twassal għal tibdil fit-tekniki tas-sajd u, għaldaqstant, jinbidlu wkoll il-mortalità tas-sajd u l-bijomassa ta' individwi li jrabbu, iż-żewġ għanijiet kwantifikabbli tal-pjanijiet multiannwali; billi l-emenda tad-daqsijiet minimi permezz ta' atti delegati se twassal għal tibdil fil-parametri prinċipali tal-pjanijiet multiannwali minn barra;

AM.  billi x-xewqa tal-koleġiżlaturi kienet li dawn l-atti delegati jkollhom natura tranżitorja, għal perjodu li fl-ebda każ m'għandu jaqbeż it-tliet snin;

AN.  billi għall-istess speċi, id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni jistgħu jvarjaw minn żona għal oħra biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ispeċi u s-sajd; u li, fejn huwa possibbli, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti deċiżjonijiet orizzontali għaż-żoni kollha sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti ta' kontroll;

1.  Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS, miżuri tekniċi futuri għandhom jiġu simplifikati sabiex titneħħa kwalunkwe kontradizzjoni u/jew duplikazzjoni f’qafas legali strutturat b’mod ċar u għandhom ikunu bbażati fuq data xjentifika soda analizzata mill-pari;

2.  Iqis li huwa meħtieġ li titfassal lista eżawrjenti li jiġbor fil-qosor il-miżuri tekniċi kollha attwalment fis-seħħ, sabiex tagħti ħarsa ġenerali aħjar lil simplifikazzjonijiet u tħassir possibbli fir-rigward tal-miżuri tekniċi futuri;

3.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu implimentati l-objettivi tal-PKS, tittejjeb is-selettività, jitnaqqas ir-rimi tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, jiġu simplifikati r-regoli kurrenti, u tiżdied il-bażi xjentifika;

4.  Iqis li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u kull reġjun, u b'hekk jiżguraw livell ogħla ta' konformità mis-settur ikkonċernat;

5.  Isostni li s-semplifikazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni tal-miżuri tekniċi għandhom dejjem ikunu konsistenti ma’ dak li huwa verament l-għan tar-regolament dwar miżuri tekniċi, jiġifieri l-minimizzazzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa u l-impatti fuq l-ambjent marittimu;

6.  Iqis li, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS u biex ir-regoli tal-PKS isiru aktar aċċettabbli fis-settur tas-sajd u għal partijiet interessati oħra u biex tiġi żgurata konformità magħhom, is-sajjieda għandhom ikunu aktar involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari fi ħdan il-Kunsilli Konsultattivi u jingħataw inċentivi bħal appoġġ permezz tal-FEMS u strumenti oħra għall-innovazzjoni, taħriġ, tagħmir u l-użu ta’ tagħmir tas-sajd aktar selettiv;

7.  Iqis li l-qafas leġiżlattiv ġdid se jiffaċilita aktar l-użu ta’ rkaptu tas-sajd li jkun ġie ppruvat xjentifikament li jżid is-selettività u li jkollu impatt imnaqqas fuq l-ambjent;

8.  Iqis li l-innovazzjoni u r-riċerka ser jeħtieġ li jiġu promossi biex ikun żgurat li l-PKS tiġi implimentata kif suppost, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ rimi, sabiex tiżdied is-selettività u jiġu modernizzati tekniki ta' sajd u ta' monitoraġġ;

9.  Jemmen li l-użu sostenibbli ta’ tagħmir tas-sajd innovattiv li wera li huwa aktar selettiv minn riċerka xjentifika indipendenti għandu jkun permess mingħajr restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet kwantitattivi bla bżonn, irregolat mil-leġiżlazzjoni u — sa fejn hija kkonċernata r-riċerka ulterjuri — jingħata appoġġ finanzjarju;

10.  Iqis li huwa neċessarju li tinżamm il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ regoli komuni fil-baċini kollha tal-baħar, inkluż l-istabbiliment ta’ standards u għanijiet għal miżuri tekniċi, inklużi miżuri tekniċi li jinsabu f’regolamenti speċifiċi, jew għal miżuri tekniċi li mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib u jqis li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhux dejjem tinħtieġ għal miżuri adottati fil-livell reġjonali jew li huma possibbilment soġġetti għal bidliet frekwenti; Huwa tal-opinjoni li dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati fuq bażi regolari sabiex ikun żgurat li jibqgħu rilevanti; Iqis li l-użu xieraq ta’ atti delegati jista’ jissodisfa din il-ħtieġa għal flessibbiltà u rispons; ifakkar, madankollu, li l-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat;

11.  Jirrakkomanda li qafas Ewropew ġenerali ċari għal miżuri tekniċi għandu jiġi definit, li jistabbilixxi għadd limitat ta’ prinċipji trażversali ewlenin; Jemmen li r-regoli kollha mhux applikabbli għall-parti l-kbira tal-ilmijiet Ewropej m’għandhomx ikunu inklużi f’dan il-qafas ġenerali, iżda għandhom minflok jaqgħu taħt ir-reġjonalizzazzjoni;

12.  Iqis li kull miżura adottata f’livell reġjonali għandha tkun konformi mar-regolament qafas dwar miżuri tekniċi u tkun konsistenti mal-objettivi tal-PKS u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) 2008/56/KE;

13.  Iqis li r-regoli dwar il-miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-użu xieraq tal-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni u jkunu bbażati fuq prinċipji u definizzjonijiet ċentralizzati komuni, inkluż objettivi komuni u standards li għandhom jiġu applikati madwar l-UE, inkluż lista ta’ speċi u rkaptu tas-sajd ipprojbiti, sett ta’ regoli speċifiċi tal-baċiri l-kbar tal-baħar u għadd ta’ regolamenti tekniċi speċifiċi, li kollha se jiġu adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jinnota li r-reġjonalizzazzjoni tista’ tapplika għar-regoli applikabbli fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, u għandha tiġi evalwata fuq bażi regolari;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal regolament qafas ta’ miżuri tekniċi ġodda li għandu jiġi fformulat b’mod ċar, li se jeħtieġ sforz ta' kjarifika sinifikanti; konsegwentement jitlob li r-regolamenti eżistenti dwar il-miżuri tekniċi, b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1967/2006 jitħassru minn qabel sabiex tintemm il-proliferazzjoni ta’ regolamenti;

15.  Ifakkar li fir-rigward tal-atti delegati, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri jistgħu, fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament dwar il-miżuri tekniċi, iressqu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar ma tkun tista’ tadotta ebda att qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien;

16.  Iqis li jinħtieġ li jiġu vvalutati l-adegwatezza, l-effikaċja u l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi għall-flotot tal-UE u l-komunitajiet lokali ta’ regolamenti speċifiċi bbażati fuq miżuri tekniċi filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi tal-PKS u tal-MSFD;

17.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ ċertu rkaptu tas-sajd sabiex jiġu protetti ħabitats u speċi marittimi;

18.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiżguraw li l-irkaptu tas-sajd distruttiv u mhux selettiv mhux użati, u li l-użu ġenerali ta’ sustanzi splussivi u velenużi għandhom ikunu pprojbiti;

19.  Jemmen li hemm bżonn urġenti li jiġi stabbilit sett koerenti ta’ miżuri tekniċi għal kull wieħed mill-baċini, b’kont meħud tan-natura speċifika ta’ kull wieħed, fejn deċiżjonijiet tal-Unjoni jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut u l-ħarsien tal-ekosistemi u l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut kondiviżi;

20.  Isostni li, minkejja l-obbligu tal-ħatt, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 u li għandu jiġi applikat b’mod progressiv għall-istokkijiet tal-ħut sal-2019, id-dispożizzjonijiet rigward il-miżuri tekniċi għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għal progress f’ħin reali tas-sajd u biex jipprovdu aktar opportunitajiet għas-settur tas-sajd li jdaħħlu innovazzjonijiet rigward metodi ta’ sajd selettiv fil-prattika;

21.  Jemmen li l-obbligu tal-ħatt jikkostitwixxi bidla fundamentali għas-sajd, u li għalhekk il-miżuri tekniċi jeħtieġ li jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw u jiffaċilitaw sajd aktar selettiv; jirrakkomanda dawn it-tliet miżuri sabiex jinkiseb dan:

   jiġu modifikati sostanzjalment, jew saħansitra revokati, ir-regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni tal-qabdiet,
   tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tad-daqsijiet tal-malji,
   isir possibbli li wieħed ikollu diversi tipi ta’ rkaptu abbord;

22.  Jieħu nota tad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ dawk l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 u d-daqsijiet minimi ta’ qabda; jitlob li dawn jiġu armonizzati permezz tar-regolament qafas ġdid dwar miżuri tekniċi;

23.  Iqis li rieżami tal-miżuri tekniċi għandu jieħu kont tal-impatt tagħhom f’termini ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, l-ambjent marittimu, l-ispejjeż operattivi tas-sajd, u l-qligħ f’termini soċjali u okkupazzjonali;

24.  Jemmen li l-objettiv ta' konservazzjoni tar-Regolament qafas dwar miżuri tekniċi jista' jintlaħaq b’mod aktar effikaċi permezz ta’ azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-provvista u ġestjoni tad-domanda bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi;

25.  Iqis li sajd artiġjanali inċidentali fl-ilmijiet interni tal-Istati Membri u r-reġjuni għandu jitħalla barra t-TACs;

26.  Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandhom rwol vitali fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt il-PKS, peress li huma l-aktar vettura adatta għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi speċifiċi għal tipi differenti ta’ sajd;

27.  Jemmen li l-koleġiżlaturi għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar pjanijiet multiannwali fir-rigward tal-kompetenzi istituzzjonali skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq il-bażi tal-każistika rilevanti;

28.  Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom qafas solidu u dejjiemi għall-ġestjoni taż-żoni tas-sajd u għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar u l-aktar pariri xjentifiċi u soċjoekenomiċi riċenti disponibbli, u jiġu adattati għall-evoluzzjoni tal-istokkijiet, kif ukoll jipprovdu flessibbiltà għal deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; jinnota li dawn id-deċiżjonijiet annwali m'għandhomx jaqbżu l-ambitu strett tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, u għandhom jevitaw, kemm jista' jkun, varjazzjonijiet kbar fihom;

29.  Isostni li għandu jsir progress dwar pjanijiet multiannwali futuri għar-restawr u ż-żamma ta’ stokkijiet f’livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, inkluża tabella taż-żmien bil-quddiem, attivazzjoni ta’ konservazzjoni ta’ salvagwardja, mekkaniżmu għall-adattament għal bidliet f’konsiderazzjonijiet xjentifiċi u klawsola ta’ reviżjoni;

30.  Iqis li, sabiex jiġu evitati problemi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ ħatt l-art għal sajd imħallat, jinħtieġ titjib tas-selettività u minimizzar tal-qabdiet mhux mixtieqa; iqis li huwa xieraq li jiġu identifikati modi kif tintuża l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ flessibbiltà u jintużaw il-meded ta’ mortalità mis-sajd stabbiliti xjentifikament biex jiġu stabbiliti t-TACs;

31.  Itenni li huwa meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati fit-tfassil u l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali permezz tal-Kunsilli Konsultattivi u fid-deċiżjonijiet kollha relatati mar-reġjonalizzazzjoni;

32.  Jemmen li l-Parlament għandu jwettaq b’mod partikolari skrutinju mill-qrib lil atti delegati dwar pjani għar-rimi u jirriżerva d-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe pjan jekk iqis li dan ikun meħtieġ;

33.  Iqis li l-validità tranżitorja tal-atti delegati relatati mal-pjanijiet għall-ħut skartat, inkluż l-emendi tad-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, fl-ebda każ m'għandha taqbeż il-limitu ta' tliet snin, u dawn għandhom jiġu sostitwiti, fejn ikun xieraq, bi pjanijiet multiannwali, u li, għal dan l-għan, il-pjanijiet multiannwali għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun;

34.  Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni, deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni għal kull speċi għandhom ikunu bbażati fuq parir xjentifiku; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ irregolaritajiet jew frodi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali