Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2939(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1336/2015

Testi mressqa :

B8-1336/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2015)0448

Testi adottati
PDF 256kWORD 68k
L-Erbgħa, 16 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Deċiżjoni li ma' jiġix oppost att iddelegat: ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju
P8_TA(2015)0448B8-1336/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew biex ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (C(2015)07555) - 2015/2939(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2015)07555),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2015, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tas-27 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 210 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni mill-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba inċiżi tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura li skada fil-15 ta' Diċembru 2015,

A.  billi d-Direttivi 2014/23/UE(3) u 2014/24/UE(4), li l-Istati Membri għandhom sat-18 ta’ April 2016 biex jittrasponuhom fil-liġi nazzjonali tagħhom, ħolqu l-ħtieġa li jiġu emendati kemm ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-kuntratti li huma jagħtu f'isimhom stess;

B.  billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 b'hekk ġie emendat fit-28 ta’ Ottubru 2015 bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929, li allinjah mad-direttivi msemmija hawn fuq, u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2015;

C.  billi fit-30 ta’ Ottubru 2015 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (C(2015)07555) bil-għan li jiġi żgurat li l-aġġornament korrispondenti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ikun jista' japplika mill-bidu tas-sena finanzjarja, u b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni ċara għar-regoli l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta’ konċessjoni tal-UE;

D.  billi, skont l-Artikolu 210 tar-Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati bħal dawn, ir-Regolament Delegat (C(2015)07555) jista' fil-prinċipju jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu ta’ skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill, li għandu durata ta' xahrejn mid-data ta’ notifika – jiġifieri sat-30 ta’ Diċembru 2015 – u jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra;

E.  billi, madankollu, il-Kummissjoni talbet lill-Parlament fit-12 ta’ Novembru 2015, biex jekk ma jkollux l-intenzjoni li joġġezzjona għall-att delegat, jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2015, peress li sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tiegħu f'waqtha f’Il-Ġurnal Uffiċjali qabel il-31 ta’ Diċembru 2015 u b’hekk jiġi żgurat id-dħul fis-seħħ tal-att delegat fl-1 ta’ Jannar 2016 kif previst, ikollu jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2015;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1.
(3) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

Avviż legali