Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2295(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0363/2015

Testi mressqa :

A8-0363/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0454

Testi adottati
PDF 367kWORD 89k
L-Erbgħa, 16 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni mill-Irlanda - EGF/2015/006 IE/PWA International
P8_TA(2015)0454A8-0363/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/006 - IE/PWA International, ippreżentata mill-Irlanda) (COM(2015)0555 – C8-0329/2015 – 2015/2295(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0555 – C8-0329/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0363/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.  billi l-Irlanda ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/006 IE/PWA International għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-109 sensji li ngħataw f'PWA International Ltd (PWAI), li topera fid-diviżjoni 33 ta' NACE Rev. 2 ("Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir")(4) fir-reġjun ta' livell 2 ta' NUTS tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Irlanda, u billi hu mistenni li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja se jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji tradizzjonali ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG fir-rigward tal-għadd ta' sensji u qed tittressaq skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2) ta' dak ir-Regolament, li jippermetti deroga f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-argumenti ppreżentati mill-Irlanda jikkwalifikaw bħala "ċirkustanzi eċċezzjonali" u li, għalhekk, l-Irlanda għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 442 293 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-19 ta' Ġunju 2015, u li l-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2015; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet perjodu ta' anqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li l-kumpanija PWAI ġiet stabbilita fl-1989 f'Rathcoole, fil-kontea ta' Dublin, bħala impriża konġunta bejn United Technologies Corporation u Lufthansa Technik Airmotive Ireland.

4.  Jinnota li l-Irlanda speċjalizzat fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju fis-snin disgħin imma, għalkemm din l-ispeċjalizzazzjoni qdietha tajjeb f'dak iż-żmien, għamlitha partikolarment vulnerabbli għat-tendenza reċenti li l-attività f'dan is-settur tiġi lokalizzata qrib iċ-ċentri ta' espansjoni tal-avjazzjoni globali, jiġifieri l-Asja, u għall-impatti negattivi tal-ftehimiet kummerċjali globali; jikkunsidra li l-eżistenza ta' żewġ applikazzjonijiet Irlandiżi oħra għall-FEG fis-settur tat-"tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir"(5) hija xhieda ta' din il-vulnerabilità; jinnota wkoll li l-attivitajiet fil-qasam tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju ntlaqtu b'mod serju fl-Ewropa, b'mod partikolari fl-Irlanda, bl-għeluq ta' SR Technics fl-2009 u l-għeluq ta' Lufthansa Technik Airmotive Ireland fl-2014 li wasslu għat-telf ta' madwar 1520 impjieg;

5.  Jinnota li għalkemm ir-rata tal-qgħad fin-nofsinhar ta' Dublin t’Isfel (11,61 %) hija biss kemmxejn ogħla mill-medja nazzjonali (10,83 %), dawn iċ-ċifri jaħbu l-eżistenza ta' roqgħat ta' żvantaġġ lokali konsiderevoli u li l-għeluq tal-kumpanija PWAI kellu impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali abbażi tas-sitwazzjoni diffiċli li diġà kienet teżisti fl-inħawi, flimkien mal-effett kumulattiv ta' tliet kumpaniji ewlenin fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju li għalqu fi żmien qasir;

6.  Jaqbel li s-sitwazzjoni diffiċli li diġà kienet teżisti fl-inħawi f’dan il-qasam, flimkien mal-effett kumulattiv ta' tliet kumpaniji ewlenin fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju li għalqu fi żmien qasir, u l-fatt li m'għad fadal ħadd li qed jimpjega lin-nies f'dan is-settur, jistgħu jiġġustifikaw deroga mil-limitu minimu ta' 500 sensja stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG; itenni, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni biex jew tiċċara l-kriterji ta' deroga stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, jew tnaqqas il-limitu minimu ta' 500 ħaddiem li jkunu jridu jingħataw is-sensja;

7.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-22 ta' Mejju 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jilqa' wkoll il-fatt li 108 żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) li kienu għadhom taħt l-età ta' 25 fid-data meta tressqet l-applikazzjoni se jkollhom ukoll aċċess għal servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG;

9.  Jinnota li l-Irlanda qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) gwida u ppjanar u żvilupp ta' karriera, (ii) Għotjiet ta' Taħriġ tal-FEG, (iii) Programmi ta' Taħriġ u Edukazzjoni Avvanzata, (iv) Programmi ta' Edukazzjoni Ogħla, u (v) Allowances b'Limitu ta' Żmien; jirrakkomanda li dan il-programm tal-FEG isegwi programm simili għall-programm tal-FEG għall-kumpanija SR Technics li wassal għal riżultati pożittivi, bi 53,45 % mill-benefiċjarji kienu reġgħu bdew jaħdmu f'Settembru 2012, inqas minn 12-il xahar wara li spiċċa l-programm; jinnota li n-nefqa għal dawk il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG bejn it-22 ta' Mejju 2014 u d-19 ta' Ġunju 2017;

10.  Jilqa' l-varjetà ta' miżuri ta' taħriġ li se jingħataw lill-benefiċjarji; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom se jkunu disponibbli biss għal numru limitat ta' benefiċjarji;

11.  Jinnota li skont l-estimi tal-awtoritajiet, 24,81 % tal-ispejjeż se jintużaw għal allowances b'limitu ta' żmien, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha;

12.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

14.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jieħu nota tal-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-politika kummerċjali jiġu eżaminati fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq is-suq tax-xogħol tal-UE;

18.  Jiddispjaċih li l-mobilizzazzjoni tal-FEG hija proposta biss għall-108 impjegat li ngħataw is-sensja li se jibbenefikaw mill-istrument u jindika li interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG tista' ma tkunx xierqa;

19.  Josserva li din il-proposta għandha l-għan li timmobilizza l-FEG bl-iżgħar numru propost sa issa ta' ħaddiema li ngħatatilhom is-sensja;

20.  Jinnota li kważi 80 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom bejn it-30 u l-54 sena u għalhekk jirrappreżentaw grupp impjegabbli ħafna b'riskju aktar baxx ta' qgħad fit-tul;

21.  Jindika li l-108 sensja kollha huma fis-settur ekonomiku kklassifikat bħala ''tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir'', u aktar speċifikament il-magni bil-ġett fil-qasam tal-avjazzjoni, għalhekk il-ħaddiema huma tas-sengħa u adattabbli għas-suq tax-xogħol;

22.  Jenfasizza li s-sensji seħħew f'Rathcoole, li jinsab fil-viċinanza ta' Dublin, ċentru ekonomiku u industrijali fejn ġie osservat tnaqqis fil-qgħad, żieda fl-attività kummerċjali u tkabbir ekonomiku ġenerali;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kull referenza għall-applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics hija mifruxa wisq peress li dan il-każ imur lura għall-2009;

24.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5) EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik (COM(2013)0047) u EGF/2009/021 IE/SR Technics (COM(2010)0489).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni mill-Irlanda— EGF/2015/006 IE/PWA International)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/2458.)

Avviż legali