Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3006(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1365/2015

Testi mressqa :

B8-1365/2015

Dibattiti :

PV 14/12/2015 - 15
CRE 14/12/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.7

Testi adottati :

P8_TA(2015)0456

Testi adottati
PDF 278kWORD 83k
L-Erbgħa, 16 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li jkunu prodotti il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25
P8_TA(2015)0456B8-1365/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2015/3006(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Lulju 2015(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-17 ta' Mejju 2010, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom, li jikkonsistu jew li huma prodotti mill-qamħirrum NK603 × T25;

B.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina CP4 EPSPS li tagħti tolleranza lill-erbiċidi tal-glifosat u l-proteina PAT li tagħti tolleranza lill-erbiċidi li fihom tal-ammonju tal-glufosinat, u billi, fl-20 ta' Marzu 2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija speċjalizzata fil-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem(5);

C.  billi l-Kummissjoni, minkejja adozzjoni fl-1 ta' Diċembru 2015 ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel li fiha oġġezzjona għall-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2), iddeċidiet li ma tirrispettax il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE billi adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni fl-4 ta' Diċembru 2015, jiġifieri 10 ijiem qabel il-ftuħ tal-ewwel sessjoni plenarja tal-Parlament fejn il-Parlament seta' jivvota fuq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni wara l-adozzjoni tagħha fi ħdan il-kumitat;

D.  billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-fatt li wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li d-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ ta' opinjoni ta' kumitat tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

E.  billi l-Kummissjoni ġiet maħtura abbażi ta' sett ta' linji gwida politiċi ppreżentati lill-Parlament u billi, f'dawk il-linji gwida, ittieħed impenn li l-leġiżlazzjoni li tapplika fil-każ ta' awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠMs) tiġi rieżaminata;

F.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015(6) minħabba li, għalkemm il-kultivazzjoni neċessarjament isseħħ fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed transkonfinali, li jfisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri;

G.  billi s-sistema attwali ta' approvazzjoni għal ikel u għalf ġenetikament modifikat mhijiex qed taħdem tajjeb minħabba li, kif ġie żvelat fil-gazzetta Franċiża Le Monde fl-14 ta' Ottubru 2015(7), sitt varjetajiet ta' qamħirrum ġenetikament modifikat ġew awtorizzati għall-importazzjoni fl-UE li kellhom modifikazzjonijiet ġenetiċi li ma kinux inklużi fil-valutazzjoni meta l-uċuħ tar-raba' ġew awtorizzati u l-karatteristiċi addizzjonali ĠM ġew notifikati lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u lill-Kummissjoni minn Syngenta biss f'Lulju 2015, minkejja li l-varjetajiet kienu approvati għall-importazzjoni bejn l-2008 u l-2011;

H.  billi, huwa u jirrifjuta l-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Parlament kien talab li l-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279, minkejja l-fatt li l-abbozz ġie miċħud mill-Kumitat responsabbli qabel il-votazzjoni relevanti fil-plenarja, tikser l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward il-prattika ta' koperazzjoni leali bejn l-instituzzjonijiet;

3.  Iqis li kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu jew li jkunu prodotti minn organiżmi ġenetikament modifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fil-verżjoni attwali mhux funzjonali tiegħu, għandha tiġi sospiża sakemm jiġi adottat regolament ġdid abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005(8), liema għan huwa li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002(9), jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u ta' saħħet il-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tagħha;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib nazzjonali li ta' spiss jiġi espress u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 322, 8.12.2015, p. 58.
(2) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) L-Opinjoni Xjentifika tal-bord dwar organiżmi ġenetikament modifikati tal-EFSA dwar l-applikazzjoni (EFSA-GMO-NL-2010-80) għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u tolleranti għall-erbiċidi NK603 × T25 biex jintuża għall-ikel u għall-għalf, għall-importazzjoni u għall-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Monsanto. EFSA Journal: 2015; 13(7):4165, 23 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4165.
(5) IARC Monographs, Volum 112: evaluation of five organophosphate insecticides and herbicides 20 March 2015 http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0379.
(7) http://www.lemonde.fr/planete/article/2015/10/14/failles-dans-l-homologation-de-six-mais-ogm-en-europe_4788853_3244.html
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

Avviż legali