Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3016(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1402/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.2
CRE 17/12/2015 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0463

Testi adottati
PDF 274kWORD 87k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Ibrahim Halawa, li qed jiffaċċa l-possibiltà tal-piena tal-mewt
P8_TA(2015)0463RC-B8-1402/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar Ibrahim Halawa, li qed jiffaċċa l-possibiltà tal-piena tal-mewt (2015/3016(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b’mod partikolari dik tal-15 ta’ Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(1) u dik tat-8 ta’ Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, supplimentat mill-Pjan ta’ Azzjoni UE-Eġittu tal-2007,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-Pajjiż tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) 2014 dwar l-Eġittu tal-25 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Eġittu, inklużi dawk tas-16 ta’ Ġunju 2015 dwar is-sentenzi tal-qorti fl-Eġittu u tal-4 ta’ Frar 2015 dwar l-ikkundannar tal-attivisti fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-10 ta’ Ottubru 2015 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, f’isem l-UE, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt u l-Linji Gwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta’ pajjiżi terzi dwar it-tortura jew trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, li l-Eġittu huwa parti tagħhom; wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/69/186),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu tal-24 ta' Novembru 2013 dwar id-dritt għal laqgħat pubbliċi, purċissjonijiet u dimostrazzjonijiet paċifiċi,

–  wara li kkunsidra d-digriet presidenzjali ta’ Novembru 2014 (il-Liġi 140), li jippermetti ċittadini barranin akkużati b’reat kriminali li jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u Assistenza Legali fl-Afrika, tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli; wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċittadin Irlandiż Ibrahim Halawa nżamm il-ħabs għal aktar minn sentejn fuq akkużi li attenda protesta illegali fis-16 u s-17 ta’ Awwissu 2013 waqt li kien fuq vaganza tal-familja fil-Kajr, li matulha d-dimostranti allegatament ikkawża mwiet u ħsara kriminali; billi 97 persuna mietu waqt dawn il-protesti, il-parti l-kbira minnhom minħabba l-użu ta’ forza eċċessiva min-naħa tal-forzi tas-sigurtà; billi Ibrahim Halawa kellu 17 snin — u għaldaqstant kien għadu minorenni taħt id-dritt Eġizzjan u d-dritt internazzjonali — fil-waqt meta ġie arrestat;

B.  billi Ibrahim Halawa ġie arrestat flimkien mat-tliet ħutu bniet, wara li fittxew kenn fil-moskea ta' Al-Fateh meta faqqgħet il-vjolenza waqt dimostrazzjoni; billi t-tliet ħutu bniet sussegwentement inħelsu mill-awtoritajiet;

C.  billi l-prosekutur naqas milli jipprovdi evidenza li Ibrahim Halawa kien involut f’xi att ta’ vjolenza waqt il-protesti; billi l-prosekutur ibbaża għalkollox fuq ix-xhieda u r-rapporti tal-pulizija, u l-investigazzjonijiet mis-servizzi ta’ intelligence; billi l-proċess tiegħu ġiet pospost u aġġornat ripetutament mill-Qorti Eġizzjana, l-aktar reċentement fil-15 ta’ Diċembru 2015; billi dam sena detenut qabel ma tressqu l-akkużi kontrih; billi Ibrahim Halawa qed tistenna, flimkien ma’ 493 persuna, li l-parti l-kbira tagħhom huma adulti, proċess tal-massa li għandu jsir fid-19 ta’ Diċembru 2015, mingħajr ebda garanzija li se jiġu applikati standards minimi għal proċess liberu u ġust, u potenzjalment se jħabbat wiċċu mal-piena tal-mewt jekk jinstab ħati; billi f’Mejju 2015, l-Eġittu ġġustizzja sitt persuni, li wieħed minnhom kien tal-età attwali ta' Ibrahim Halawa;

D.  billi mill-2013 ngħataw għadd kbir ta’ sentenzi tal-mewt, permezz ta’ proċessi tal-massa, kontra allegati membri tal-Fratellanza Musulmana u allegati sostenituri tal-President Morsi li tneħħa mill-kariga; billi dawn il-proċeduri qegħdin jiksru l-obbligi tal-Eġittu taħt id-dritt internazzjonali;

E.  billi l-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid li kull persuna hija intitolata b'ugwaljanza sħiħa għal smigħ ġust u pubbliku quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, fid-determinazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħha u ta' kwalunkwe akkuża kriminali kontriha;

F.  billi Ibrahim Halawa qed jinżamm detenut talli eżerċita paċifikament id-drittijiet tiegħu għal-libertà ta’ espressjoni u ta' għaqda u hu meqjus mill-Amnesty International bħala priġunier tal-kuxjenza; billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' kwalunkwe soċjetà demokratika u pluralistika; billi l-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana jistipula li ċ-ċittadini għandhom id-dritt jorganizzaw laqgħat pubbliċi, mixjiet, dimostrazzjonijiet u kull forma ta’ protesta paċifika;

G.  billi ġie rrappurtat li wara l-kolp ta’ stat militari ta’ Ġunju 2013 ġew arrestati għadd kbir ta’ dimostranti u priġunieri tal-kuxjenza fl-Eġittu; billi l-libertajiet ta' assoċjazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni baqgħu oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013;

H.  billi Ibrahim Halawa qed iħabbat wiċċu ma' kundizzjonijiet tad-detenzjoni estremament ħorox, li jinkludu atti allegati ta’ tortura u trattamenti oħra krudili, inumani u degradanti waqt l-arrest u d-detenzjoni, filwaqt li ġiet miċħuda lilu l-għajnuna medika u legali; billi skont il-qraba u r-rappreżentanti legali tiegħu, Ibrahim Halawa ilu mill-21 ta’ Ottubru 2015 fuq strajk tal-ġuħ bi protesta kontra d-detenzjoni kontinwa tiegħu, u b’hekk qed jipperikola serjament l-istat ta’ saħħtu;

I.  billi u s-Servizzi tal-Prosekuzzjoni Eġizzjani tat-Tramuntana tal-Kajr u l-Qorti naqsu li jirrikonoxxu lil Ibrahim Halawa bħala minorenni fil-waqt tal-arrest tiegħu, bi ksur tal-obbligi li għandhom l-awtoritajiet Eġizzjani taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Eġittu huwa parti tagħha;

J.  billi kwalunkwe sentenza ta' piena tal-mewt mogħtija lil persuni li jkollhom inqas minn 18-il sena fil-waqt tar-reat, u l-eżekuzzjoni tagħha, huma inkompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-Eġittu;

K.  billi Charles Flanagan, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Irlandiż, esprima diżappunt dwar l-aġġornament kontinwu tal-każ ta’ Ibrahim Halawa fl-Eġittu; billi uffiċjali konsulari Irlandiżi attendew is-seduti ta' smigħ kollha li saru s'issa u għamlu 48 żjara konsulari lil Ibrahim Halawa, u billi dan jenfasizza l-importanza li l-Gvern Irlandiż jagħti lil dan il-każ;

L.  billi l-Eġittu ħeles lil xi ċittadini barranin taħt digriet presidenzjali maħruġ f’Novembru 2014 li jippermetti li barranin akkużati b’reat kriminali jiġu ddeportati lejn pajjiżhom;

M.  billi, s'issa l-Eġittu naqas milli jimplimenta l-Miżuri Proviżorji mitluba mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli f’Marzu 2015 biex tkun garantita l-integrità ta’ Ibrahim Halawa u l-minorenni l-oħra involuti fil-każ billi jeħlishom minnufih bi pleġġ;

N.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jaħdmu biex jiżviluppaw relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-Eġittu u l-poplu tiegħu, bħala ġar u sieħeb importanti, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma; billi l-Eġittu għandu l-akbar popolazzjoni fost il-pajjiżi Għarab, b’aktar minn 80 miljun ruħ, u huwa pajjiż kruċjali fin-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' tħassib serju fil-qasam tas-sigurtà minħabba l-impatt tal-qagħda tal-pajjiżi ġirien tiegħu; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq ir-reġjun kollu, u anke lil hinn minn dan ir-reġjun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur inaċċettabbli tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem li jirriżultaw mid-detenzjoni arbitrarja taċ-ċittadin Irlandiż Ibrahim Halawa, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u jgħadduh f'idejn l-awtoritajiet Irlandiżi skont digriet presidenzjali maħruġ f’Novembru 2014 taħt il-Liġi 140 tal-Eġittu;

2.  Jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu dwar il-fatt li l-kundizzjoni ta’ saħħet Ibrahim Halawa ħżienet minħabba l-istrajk tal-ġuħ tiegħu u l-allegati kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabs; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li sakemm dan jibqa’ fil-ħabs, Ibrahim Halawa jinżamm fi stat tajjeb tas-saħħa u ta' benessri; jitlob li l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin ta’ Ibrahim Halawa jiġu investigati bir-reqqa u b’mod indipendenti;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-Artikolu 10 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jiddikjara li "l-persuni kollha mċaħħda mil-libertà tagħhom għandhom jiġu ttrattati b’umanità u b’rispett għad-dinjità intrinsika tal-persuna umana", jiġi rispettat;

4.  Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani li l-Eġittu huwa marbut b’ċerti obbligi internazzjonali indisputabbli taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif japplikaw għal Ibrahim Halawa; jitlob li l-awtoritajiet Eġizzjani jeliminaw kategorikament it-theddida tal-piena tal-mewt fil-każ li Ibrahim Halawa jinstab ħati, minħabba li ġie arrestat meta kien minorenni;

5.  Itenni l-oppożizzjoni assoluta tal-UE għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza, u jitlob moratorju sħiħ fuq l-għoti tal-piena tal-mewt fl-Eġittu; Iħeġġeġ lill-Eġittu jirratifika t-tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

6.  Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet Eġizzjani li jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust għal Ibrahim Halawa u l-493 kokonvenuti tiegħu, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ opportunità li wieħed jirrevedi jew jikkontesta d-detenzjoni kontinwa tagħhom u l-akkużi miġjuba kontrihom, iċ-ċaħda ripetuta ta’ aċċess għal avukati u l-perjodu twil iżżejjed ta' detenzjoni qabel il-proċess, li jikser l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tal-Eġittu;

7.  Jibqa’ konvint li se jkun diffiċli ħafna għall-avukati ta' Ibrahim Halawa li jippreżentaw difiża individwali jekk il-każ tiegħu jinstema’ bħala parti minn proċess tal-massa tal-konvenuti kollha arrestati b’rabta mal-protesti ta’ Awwissu 2013;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta’ proċess tal-massa fil-proċess ġudizzjarju u jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jirrispettaw id-dritt internazzjonali u jissalvagwardjaw l-ogħla standards internazzjonali fir-rigward tad-dritt għal proċess ġust u kif jixraq; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu lill-persuni detenuti talli eżerċitaw b’mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni kif inhuma mħaddna fil-Kostituzzjoni Eġizzjana u konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn li l-Eġittu huwa parti tagħhom; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament serju tal-ambjent tal-midja; jikkundanna l-proċessi u u l-ikkundannar ta’ ġurnalisti Eġizzjani u barranin, in absentia;

9.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Kajr, u lill-Istati Membri, b’mod partikulari l-Irlanda, biex jimmonitorjaw is-seduti ta' smigħ kollha tal-proċess ta’ Ibrahim Halawa u l-kokonvenuti tiegħu; jistenna li s-SEAE iqajjem dan il-każ fl-ogħla livell tad-djalogu tiegħu mal-Eġittu u jirrapporta lura regolarment lill-Parlament dwar il-monitoraġġ tal-proċess; jistieden lill-awtoritajiet Irlandiżi ikomplu jipprovdu l-appoġġ sħiħ ġuridiku u konsulari, flimkien ma' forom oħra ta’ appoġġ, lil Ibrahim Halawa u l-qraba tiegħu, u biex iżuruh regolarment fil-ħabs, kif ukoll lid-delegazzjoni tal-UE; Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani, fir-rigward taċ-ċittadinanza Ewropea ta' Ibrahim Halawa, biex ikomplu jiffaċilitaw l-aċċess konsulari għall-Gvern Irlandiż;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u l-gvern interim tiegħu.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0012.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0348.

Avviż legali