Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1409/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0464

Testi adottati
PDF 270kWORD 82k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Maldivi
P8_TA(2015)0464RC-B8-1409/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2015/3017(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldivi, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2004(1) u dik tat-30 ta' April 2015(2),

−  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-22 ta’ Marzu 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldivi,

−  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tat-30 ta' Settembru 2014 dwar Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldivi, maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE bi qbil mal-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u mal-Ambaxxati tan-Norveġja u tal-Isvizzera f'Colombo akkreditati għall-Maldivi,

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Marzu 2015 mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel dwar l-arrest tal-ekx-President Mohamed Nasheed fil-Maldivi, u l-ittra tal-10 ta' April 2015 mill-President tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldivi,

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Marzu 2015 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kundanna tal-ex-President, Mohamed Nasheed,

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Novembru 2015 mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar id-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza mill-President tal-Maldivi,

−  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2015 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein dwar il-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed,

−  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 33/2015 (Maldivi) tal-4 ta' Settembru 2015 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

−  wara li kkunsidra d-dokumentazzjoni relatata mal-aħħar Eżami Perjodiku Universali (EPU) quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rigward il-Maldivi, tas-6 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċess tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013, li ġab fis-setgħa lil Abdulla Yameen Abdul Gayoom, kien mgħarraq b'irregolaritajiet;

B.  billi fit-13 ta' Marzu 2015, Mohamed Nasheed, l-ewwel president tal-Maldivi elett demokratikament, ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi politikament immotivati, u billi dan il-każ ġie kkundannat mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja; billi l-proċess tiegħu kien mgħarraq b'irregolaritajiet; billi ex-uffiċjali oħra, inklużi l-ex-Viċi President Ahmed Adeeb u l-ex-Ministri tad-Difiża Mohamed Nazim u Tholhath Ibrahim, ukoll ġew arrestati u mitfugħa l-ħabs;

C.  billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat il-poteri tagħha u aġixxiet favur il-partit li hu attwalment fis-setgħa u kontra politikanti tal-oppożizzjoni;

D.  billi fl-4 ta' Novembru 2015 il-Gvern tal-Maldivi ddikjara stat ta' emerġenza, li ġie rrevokat sitt ijiem wara, ħaġa li dehret li kienet mezz kif jiġu pprevenuti l-protesti kontra l-gvern mill-massa, u billi l-gvern ġie kkundannat minn għadd kbir ta' nies kullimkien talli ssospenda d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini u talli ta lill-militar u lill-pulizija s-setgħa li jfittxu u jarrestaw b'mod arbitrarju;

E.  billi fis-27 u t-28 ta' Novembru 2015 il-pulizija fil-Maldivi xerrdu dimostranti tal-oppożizzjoni, billi użaw il-gass tad-dmugħ u l-isprej tal-bżar u arrestaw aktar minn tużżana dimostranti li kienu qed jitolbu l-ħelsien tal-ex-President u mexxejja politiċi oħra li jinsabu l-ħabs;

F.  billi Mahfooz Saeed, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u membru tat-tim ġuridiku tal-ex-President Mohamed Nasheed, ġie attakkat fl-4 ta' Settembru 2015;

G.  billi moratorju fuq il-piena tal-mewt fil-Maldivi (inklużi sentenzi imposti fuq minorenni li ġew posposti) li kien ġie adottat fl-1953 ġie maqlub f'April 2014;

H.  billi l-parlament għadda leġiżlazzjoni li tagħmilha offiża ta' tradiment li dak li jkun jitlob għal miżuri restrittivi u pieni assoċjati oħra kontra l-Gvern tal-Maldivi u l-membri tiegħu;

I.  billi l-Maldivi ġie identifikat mill-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għall-attakki kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni, fejn politikanti tal-oppożizzjoni jiġu intimidati, arrestati u mitfugħa l-ħabs fuq bażi regolari; billi l-libertà tal-espressjoni (inkluża l-libertà tal-midja), il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-pluraliżmu demokratiku kulma jmur kienu qed jiġu mhedda aktar u aktar, bl-arrest u l-akkuza ta' mijiet ta' dimostranti ta' kontra l-Gvern;

J.  billi hemm ukoll preokkupazzjonijiet dwar spirtu militanti Iżlamista radikali li qed jiżdied u dwar il-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-ISIS; billi l-Maldivi hija stmata li, għal kull ras, għandha l-ikbar għadd ta' rekluti tal-ISIS minn kwalunkwe pajjiż ieħor;

K.  billi Ahmed Rilwan, ġurnalist li hu kritiku mill-gvern li "għeb" f'Awwissu 2014, għadu nieqes u hemm il-biża' li x'aktarx jinsab mejjet;

L.  billi l-gajjijiet u l-gruppi Iżlamisti radikali – allegatament f'kooperazzjoni mal-pulizija – spiss jattakkaw istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi li jikkritikaw l-azzjonijiet tal-Gvern jew li huma akkużati li jippromwovu l-ateiżmu, u billi dan joħloq klima ta' intimidazzjoni;

M.  billi kulma jmur hemm aktar fastidju lil, u theddidiet u attakki kontra, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ex-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldivi (HRCM), li l-Qorti Suprema kkritikat talli ressqet rapport għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament gradwali tal-istandards demokratiċi u t-tendenzi awtoritarji li qed jiżdiedu fil-Maldivi, li qed joħolqu klima ta' biża' u ta' tensjoni politika li tista' tipperikola kwalunkwe gwadann li sar f'dawn l-aħħar snin fl-istabbiliment tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

2.  Jiddeplora t-trażżin li twettaq fuq l-opponenti politiċi; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jeħles, b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet, lill-ex-President Mohamed Nasheed, lill-ex-Viċi President Ahmed Adeeb u lill-ex-Ministri tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim, flimkien max-Sheikh Imran Abdulla u priġunieri politiċi oħra, u jwaqqgħalhom l-akkużi kollha; jinsab imħasseb ukoll dwar is-saħħa tal-ex-President li sejra lura;

3.  Itenni n-nuqqas kbir ta' sodisfazzjon tiegħu bl-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed;

4.  Jistieden lill-Gvern Maldivjan jiggarantixxi l-imparzjalità sħiħa tal-ġudikatura u jirrispetta l-proċess korrett tal-liġi u d-dritt għal proċess ġust, imparzjali u indipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġudikatura u s-servizzi tas-sigurtà tal-pajjiż jiġu depolitiċizzati;

5.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, f'dan il-kuntest, dwar it-tkeċċija tal-Prosekutur Ġenerali, u jfakkar lill-Gvern li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali huwa korp kostituzzjonali indipendenti taħt il-kostituzzjoni tal-Maldivi u li l-Prosekutur Ġenerali għandu jingħata l-kapaċità li jwettaq il-mandat konstituzzjonali leġittimu tiegħu mingħajr indħil politiku arbitrarju jew intimidazzjoni minn fergħat oħra tal-Gvern;

6.  Jinsab serjament inkwetat minħabba t-tnaqqir kostanti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ħażin tal-istat ta' emerġenza minn setgħat eżekuttivi fil-Maldivi, u minħabba r-riskju ta' deterjorament ulterjuri; ifakkar lir-Repubblika tal-Maldivi fl-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tat-tfal;

7.  Jitlob għall-istabbiliment ta' djalogu ġenwin fost il-partijiet politiċi kollha dwar il-ġejjieni ta' dan l-istat ġżira fraġli;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt tal-protesta u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u ma jfittixx li jirrestrinġi dawk id-drittijiet; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-impunità għall-vigilanti li jkunu użaw il-vjolenza kontra n-nies li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja kritika u s-soċjetà ċivili; jistieden lill-Maldivi tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali;

9.  Jistieden lill-Gvern Maldivjan isalvagwardja d-drittijiet ta' dawk li jmexxu kampanji favur id-demokrazija, tal-Musulmani moderati, ta' dawk li jappoġġjaw is-sekulariżmu, u ta' dawk li jopponu l-promozzjoni tal-ideoloġija Waħħabija-Salafista fil-Maldivi, u jiżgura d-dritt tagħhom li jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika fil-Maldivi;

10.  Ifakkar li l-libertà medjatikà hija l-ġebla tax-xewka li fuqha tinbena demokrazija funzjonanti; jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw protezzjoni adegwata tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jiffaċċjaw theddidiet u attakki minħabba x-xogħol leġittimu tagħhom, u, f'dan il-kuntest, jistedinhom jippermettu li ssir investigazzjoni xierqa dwar l-għajbien ta' Ahmed Rilwan, l-assalt fuq Mahfooz Saeed u l-attakki u t-theddidiet kontra ġurnalisti, membri tas-soċjetà ċivili, u istituzzjonijiet indipendenti;

11.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jiġi stabbilit mill-ġdid il-moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li tiġi abolita, u li ssir reviżjoni tal-kodiċi penali bil-għan li jitwaqqaf l-użu tal-piena korporali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu twissijiet komprensivi dwar ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldivi lit-turisti li jippjanaw li jmorru fil-pajjiż; jistieden ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika fil-Maldivi;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, quddiem dan id-deterjorament demokratiku u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed ikomplu għaddejja fil-Maldivi, idaħħlu miżuri restrittivi fis-sura ta' sanzjonijiet immirati biex jiġu ffriżati l-assi li jinsabu barra ta' ċerti membri tal-Gvern Maldivjan u ta' dawk il-persuni ewlenin li jappoġġjawhom fil-komunità tan-negozji Maldivjana, u jimponu fuqhom projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi.

(1) ĠU C 140 E, 9.6.2005, p. 165.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0180.

Avviż legali